Thursday, July 12, 2018

MADWAR ĦAJTI - POEŻIJI ta’ Jonathan Balzan, 2018


Din hija t-tielet ġabra ta’ poeżiji ta’ Jonathan Balzan wara Irdieden (2013) u Kilometri (2016). Din id-darba f’Madwar Ħajti Balzan qed jagħtina għażla ta’ 80 poeżija li kiteb bejn l-2015 u l-2017. Il-ktieb jinkludi fih ukoll kummenti ta’ natura kritika mill-pinna ta’ Andrew Sciberras, Louis Briffa, Oliver Friggieri u Achille Mizzi.

Dik li jħaddem Balzan matul il-ġabra hija lingwa li tirrifletti Malti attwali li ma jsib ebda diffikultà biex jadatta ruħu għad-dinja tat-tielet millennju. Naqraw kliem bħal “strimjati”, “illejbiljawni”, “skrin”, “klawneski”, “jiddribilja” u oħrajn.

Is-saħħa ta’ Balzan qiegħda fil-poeżiji konċiżi, mela poeżiji relattivament qosra. Ir-rima mbewsa hija karatteristika li tirrikorri sew u li drabi tikkontribwixxi għall-mużikalità u r-ritmu tal-poeżija, drabi oħra tinħass bħala limitazzjoni.

Jolqtu similitudnijiet u lingwaġġ figurattiv bħal: “ir-ramel mal-alka bħal kupuni,/ tobżoqhom spagettati/ bħal valuri inkaljati.” (Alka); “Bħal żewġ ħutiet mifluġin [...] għexna s-snin” (Akkwarju); “bħal       wirdiena ninfiltra minn xaqq ta’ maqbar/ infittex fil-Valhalla ta’ Odin refuġju-mutu.” (Mewti l-Passaport); jew “Biz-zokkor li billejtli fuq xufftejja/ xorta ntiegħem il-morr tal-ħajja/ bħal xmara dejjem għaddejja.” (Capuccino)

Għadd ta’ poeżiji ta’ Balzan huma versi ta’ impenn soċjali. Hekk f’Aħmadi Murtaza jikteb dwar it-tielet dinja bil-miżerja kollha tagħha, imma paradossalment hienja fis-sempliċità tagħha mqiegħda f’kuntrast mad-dinja neo-liberali li Balzan jittratta b’ironija. Il-balal f’din tal-aħħar huma ta’ natura figurattiva (“mill-maħżen ta’ kliemhom/ iħaġġru bl-ingravata lil nieshom”) imma jħallu danni ikbar. Hamad Alroosan hija dwar il-mewt ta’ mijiet  fil-baħar Mediterran, filwaqt li Eroina Balzan jittratta d-dinja tal-vittma tad-droga u l-figura ta’ Kristu “bil-pjagi miftuħin”. Mela hawnhekk jinħass matul il-versi ta’ Balzan l-għarfien tal-Ieħor li hu inqas ixxurtjat minna.

Għalhekk tema oħra li tispikka fil-versi li naqraw f’Madwar Ħajti hija t-twemmin Nisrani. B’Dirgħajn Beraħ hija poeżija li fuq naħa tqiegħed l-aljenazzjoni tad-dinja materjalista, fuq l-oħra l-għarfien ta’ dak li jmur lil hinn mill-materjali: it-twemmin. Din it-tema tispikka wkoll fil-poeżija Fil-Katidral ta’ San Stiefnu, mifhum bħala spazju fejn hemm is-sliem u b’hekk jistieden għar-riflessjoni. F’dinja bierda u indifferenti Balzan jindirizza lil Kristu u jagħmarlu “Stenbaħ minn ngħasek imsallab f’darek,/ erġa’ kun protagonist Golgotjan,/ tad-demm u l-laħam irrenja Spartan/ mhux tal-bronz fuq għuda xkatlata kkamlata.”

F’Kamarti naqraw dwar il-ħsieb li ma jistrieħx  - anki quddiem “dinja arena grotteska” (Ibqa’ fil-Ġuf Imħaġġeġ) - imma jibqa’ jhewden fuq ħwejjeġ differenti. Jittaffa xi ftit u temporanjament bis-saħħa tal-kitba.

F’din il-ġabra poetika ġdida nsibu wkoll xi poeżiji marbutin ma’ vjaġġi u spazji lil hinn minn xtutna. F’Mount Pumori l-Everest issir simbolu tal-ostakli li wieħed jiltaqa’ magħhom matul il-ħajja. Għalhekk dawn ta’ Balzan - fejn l-ambjent naturali u miftuħ iservi bħala kuntrast mal-għeluq u l-ġenn tal-ħajja  kwotidjana u beltija -  jixtiequ jkunu wkoll versi ta’ kuraġġ u ħeġġa.

Dawn ta’ Jonthan Balzan poeta u maratoneta jfakkru fil-fatt li l-ħajja hija fuq kollox vjaġġ kemm fiżiku (fejn il-bniedem iġarrab l-isbuħija tad-dinja naturali u anki ta’ dik arkitettonika u artistika), kif ukoll ġewwieni u spiritwali (fejn dak li jkun iġarrab fuq naħa t-tbatijiet ta’ min twieled taħt stilla ħażina u fuq l-oħra s-saħħa tal-fidi).

Patrick Sammut
(Ġunju 2018)




No comments:

Post a Comment