Din hija t-tielet ġabra ta’ poeżiji ta’ Louis Briffa, wara Bil-Varloppa (maħruġ mill-PEG fl-2006), u The Tale of a Grasshopper and a Tomato and other poems (maħruġ mill-awtur stess fl-2009, bi traduzzjonijiet għall-Ingliż ta’ poeżiji tiegħu minn Rose Marie Caruana). Bil-Boqxiex (maħruġ mill-awtur stess, 2018) jiġbor fih mas-68 poeżija, apparti għadd ta’ ħajku u tanka. Huma poeżiji li kiteb bejn l-2006 u l-2017, ħafna minnhom ta’ ċertu tul, imma dan huwa l-punt b’saħħtu fil-versi ta’ Briffa li bħal mastrudaxxa tas-sengħa jaħdem bil-galbu, bi preċiżjoni, filwaqt li vrusu mhumiex għal kulħadd proprju għax mirqumin u jħaddmu Malti mill-isbaħ.
Louis Briffa jqassam il-poeżiji tiegħu f’disa’ taqsimiet differenti: i. Bertrand u Jien (u hawn naraw ir-relazzjoni bejn missier u iben); ii. Tempesta; iii. Fjakkolata; iv. Misteri tat-Tbatija; v. Petali mill-Italja u minn Spanja; vi. Qtar mill-Miġra; vii. Difiża tal-Ambjent; viii. Versi tad-Dissidenza; u, ix. Konfetti. Mela permezz ta’ vrusu Briffa qed iberraħ lilu nnifsu u jikxef dak li matul is-snin ġarrab fuq livelli differenti.
Bil-Boqxiex jinkludi wkoll kummenti kritiċi mill-pinna ta’ tliet personalitajiet magħrufa sewwa fil-qasam tal-letteratura Maltija u tal-apprezzament kritiku letterarju: Oliver Friggieri, Charles Briffa u Tarċisju Zarb.
Preżenza hija poeżija inkluża fit-tielet parti “Fjakkolata”. F’din il-poeżija ta’ mħabba magħmula minn tmien strofi ta’ tulijiet differenti u mill-vers ħieles, Briffa jesprimi l-ġibda lejn il-maħbuba tiegħu billi jqabbel karatteristiċi tal-ġisem femminili ma’ karatteristiċi tal-pajsaġġ naturali. Għalhekk l-għajnejn għandhom mix-xmajjar, is-sider mill-iġbla, in-nifs sħun mit-tperpir tal-ġwienaħ ta’ farfett, il-fomm niedi fuq il-wiċċ mir-raġġi tax-xemx “jigdmu”, id-dirgħajn mill-fergħat iħaddnu l-arja, u l-bqija. Dan kollu anki biex jiġi enfasizzat il-fatt li din l-imħabba għandha mis-safa, mill-ħajja u mill-enerġija tal-elementi naturali. Il-jien-poeta jirrifletti u jfaħħar lill-int-maħbuba li tħalli dan l-effett bla limiti fuqu u ġewwa fih. Hi poeżija fejn l-appell għas-sensi hu qawwi: il-viżjoni, il-mess, is-smigħ, it-togħma.
Venezja hi parti mill-ħames taqsima li tittratta t-tema tal-vjaġġ lil hinn minn xtutna, anki din miktuba fuq mudelli strutturali ħielsa. Interessanti hi d-dedika lil poeta kontemporanju ieħor, Norbert Bugeja, anki hu bniedem li vvjaġġja ħafna. Jolqtu wkoll xbihat u lingwaġġ bħal fil-versi, “mal-mewġ malinkoniku ta’ lag/ jiffriża xemx/ tkaska/ l-emboli tad-demm?” Nirrepeti, din ta’ Briffa mhix poeżija għal kulħadd imma għall-magħżula, għalkemm jista’ jitpaxxa biha kull min għandu għal qalbu l-ilsien Malti u jieħu gost jara kif dan ilsienna jaf jadatta ruħu bla diffikultà għal kull ħsieb u sentiment bħalma biċċa njama tajba taf tadatta ruħha għal forom differenti. Poeta bħal Briffa jilgħab b’dan ilsienna minkejja li din mhix logħba tat-tfal imma waħda serja li tirrikjedi ħsieb profond, konċentrazzjoni, sagrifiċċju u ħin twil ta’ rfinar. Hu hawn fejn jirbombja f’moħħ il-qarrej it-titlu tal-ktieb, Bil-Boqxiex, din l-għodda li tgħin lil dak li jkun jirfina l-prodott finali sakemm joqrob kemm jista’ jkun lejn il-perfezzjoni.
Din ta’ Briffa hija “logħba” magħmula mhux biss minn kliem ta’ nisel Semitiku, imma anki ta’ nisel Romanz u Anglo-Sassonu li jadatta sew għall-Malti: “tkaska”, “profużi”, “jinterċettaw”, “vaxxelli”, “maestrija”, u bosta oħrajn. Flimkien dan il-kliem ta’ nisel differenti jiżfen bħal waltz perfett li jpaxxi lill-qarrej, anki permezz ta’ ritmi mexxejja li jimbuttawk taqra bla sforz vers wara l-ieħor, strofa wara l-oħra. Hu interessanti dan l-esperiment fejn naraw din id-djalettika bejn poeta kontemporanju Malti u belt Ewropea li minkejja li distanti għandha bosta karatteristiċi li jorbtuha ma’ art twelidna.
Anki L-Għanja taċ-Ċinja u l-Poeta hi parti mit-tielet taqsima u li tittratta t-tema tal-imħabba. Din id-darba però Briffa jagħżel li jħaddem metrika u prosodija tipikament tradizzjonali: endekasillabi (ħafna minnhom alternati bejn pjani u tronki) imqegħdin fi kwartini bir-rima mqabbża fejn it-tieni vers jaqbel mar-raba’. Din hi poeżija ispirata mill-kanzunetta Something ta’ George Harrison, mela din id-darba d-djalettika hi bejn poeta Malti u dan il-kantant Ingliż u parti mill-grupp The Beatles.
Nagħlaq b’kumment ta’ Norbert Bugeja: “Il-kitba [ta’ Briffa] tressaq lejna l-lemħiet ta’ senswalità mgħobbija b’tifsir li minn jum għal jum faċli jaħarbilna. Briffa jagħtina forma nċanata bil-galbu. L-għarfien ġewwieni, imbagħad, jafdah f’idejna.”
Patrick Sammut
(Ġunju 2018)
No comments:
Post a Comment