Wednesday, June 12, 2019

IX-XIRKA TAL-BEATI PAOLI ta' Salv Sammut


Fid-Dedika u Nota mill-Awtur li Sammut jikteb għal dan is-seba’ rumanz tiegħu naqraw: “Lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor batew u għaddew mit-trawma kerha ta’ att [ta’] pedofilija minn min suppost kien qiegħed hemm biex iħares l-innoċenza tal-minorenni.” Minn hawn diġà nifhmu x’se tkun it-tema ewlenija tar-rumanz. Dan kollu f’xogħol li jtul ftit iktar minn 300 paġna u jinqasam f’żewġ partijiet ewlenin, li flimkien jgħaqqdu 30 kapitlu bi Prologu u Epilogu. 

Fil-Prologu naraw lill-kittieb ġewwieni, mela dak li hu parti mit-trama fittizzja, li - issa li kiber u m’għadux tifel - jiddeċiedi li jikteb it-tifkiriet tiegħu waqt tempesta li qed isseħħ barra, imma fl-istess ħin għaddejja minn ġo fih tempesta oħra interna: “Moħħu kien tqil l-istess bħassmewwiet. Iżda kien ċar! ... kiteb ukoll kollox, mill-bidu nett...”, u aktar tard naqraw li “Seħet is-siegħa li kitbu għax ma’ kull sentenza li kiteb kien jerġa’ jrodd lura tifkiriet ta’ esperjenzi li xtaq li qatt ma seħħew jew għadda minnhom.” (pp. 13-14)

F’dan ir-rumanz polizjesk insibu r-reliġjuż, il-ġurnalist, il-pulizija, il-kirurgu u l-bullies/kriminali bħala personaġġi ċentrali. Sammut jambjenta l-ewwel disa’ kapitli - mela l-ewwel taqsima tarrumanz (intitolata “Tfulija Mqallba”) - fil-passat li hu mqiegħed fis-snin ħamsin tas-seklu 20. Hawn naqraw dwar il-logħob tat-tfal fl-aħħar tas-snin ’50, logħob li huma kienu jivvintaw anki mill-materjl li kien ikollhom disponibbli, l-innoċenza tat-tfal li tnissel ukoll tbissima, imma anki il-biża’ tal-ommijiet quddiem mistoqsijiet marbutin ma ‘sess min-naħa ta’ wliedhom, mera tal-injoranza li l-poplu kien jinżamm fiha fl-imgħoddi. 

Imbagħad, it-tieni taqsima (intitolata “Tliet Deċennji Wara”) titqiegħed temporalment filpreżent, jew aħjar tletin sena wara, mela bejn wieħed u ieħor fis-snin tmenin. Hawnhekk Sammut mill-ewwel jaħsadna b’delitt faħxi li matul din it-taqsima jiġi segwit minn delitti oħrajn u dan bħal jagħti enerġija ġdida lir-rakkont. Huwa hawn fejn jispikka l-element polizjesk. Bil-mod il-mod il-qarrej jibda jinduna li hemm pont jew fil dirett bejn l-avvenimenti li seħħew fl-imgħoddi u dawk li qed iseħħu fil-preżent. Bħal f’kull detective story insibu lmessaġġ bil-Latin li l-qattiel iħalli warajh, il-post tad-delitt partikolari li jintagħżel b’għan partikolari u l-misteru wara l-espressjoni “Beati Paoli”. Dan kollu jnissel mistoqsijiet varji – Għaliex? Xi tfisser? Min huma? u l-bqija - mhux biss fil-protagonisti li qed isegwu l-każ imma anki fil-qarrejja. Sammut jagħtina wkoll deskrizzjoni ta’ kemm inbidlet Malta matul iż-żmien mill-perspettiva ta’ min telaqha għal xi snin u reġa’ ġie lura. Kapitlu 19 bħal jagħti ftit mistrieħ mir-ritmu mgħaġġel tat-trama ewlenija minkejja li jibqgħu importanti t-temi tal-imgħoddi u ttifkira: dan hu kapitlu ta’ riflessjoni dwar Jum l-Omm u dwar dawk li nħobbu u m’għadhomx magħna. 

Din id-darba Sammut għażel li juża lingwaġġ dirett fil-partijiet djalogati tiegħu, mela bla ma ddejjeq jinkludi kliem li jista’ jdarras lil ċerti qarrejja, minkejja li hu kliem li jintuża fid-diskors ta’ kuljum minn bosta individwi. Inkluda wkoll ċerti partijiet li huma marbutin ma’ sess jew stupru/abbuż sesswali. Dan wassal biex fuq il-qoxra ta’ wara jinkiteb li Ix-Xirka tal-Beati Paoli hu rakkomandat għal qarrejja minn 18-il sena ’l fuq. Dan ma jagħmel l-ebda għajb lil dan ixxogħol letterarju li ritmikament jinqara jgħaġġel u jżomm lill-qarrej kurjuż u fuq ix-xwiek, minkejja li Sammut jitma’ t-tagħrif bżonnjuż lill-qarrej ftit ftit, bla għaġla ta’ xejn. Din il-kurżità tissaħħaħ qatigħ lejn l-aħħar tar-rumanz: il-qarrej jistaqsi x’kienu jgħidu n-noti f’tarf il-paġna tal-folji mgħoddija lill-ispettur? U x’kien hemm miktub fil-ktejjeb li l-ispettur sab b’kumbinazzjoni fuq l-iskrivanija ta’ personaġġ ieħor? Sammut jipprovdilna deskrizzjonijiet b’saħħithom u dettaljati. L-azzjoni sseħħ fi spazji differenti bħalma huma skola jew istitut għal subien ta’ familji foqra fejn isiru l-abbużi, uffiċċju fid-depow tal-pulizija, kamra mortwarja, kappelli fil-kampanja fejn iseħħu xi delitti, kafetterija, ċimiterju, l-ajruport, l-istess kampanja jew il-baħar ta’ Malta; hi azzjoni li tifrex fuq spazji differenti, kemm rurali kif ukoll urbani – bilħsejjes u l-ilwien differenti tagħhom - azzjoni li timraħ mill-Mellieħa u tibqa’ nieżla sa Għar Lapsi. 

It-temi li Sammut jittratta din id-darba huma l-faqar, il-pedofilija u l-umiljazzjoni, il-bulliżmu (mela fenomeni li ma bdewx ilbieraħ) f’ambjenti magħluqin u klawstrofobiċi, il-kriminalità, ilmod kif il-progress bidel wiċċ Malta matul is-snin, mela t-tema ambjentalistika, imma anki lħbiberija, il-lealtà u l-irġulija, fost oħrajn. Minkejja s-suġġett jaħraq u attwali tal-pedofilija, wieħed però ma jridx jaħseb li dan hu rumanz antiklerikali. Hekk, lejn l-aħħar tar-rumanz naqraw dan: “Inti taħseb li jekk nixtri pakkett imsiemer u l-ewwel wieħed li nsammar jitgħawweġ u t-tieni u t-tielet ukoll, narmi l-pakkett kollu? Daqshekk ieħor mhux se ngħid li nnies tal-Knisja huma kollha bħal dawk jew dak li kont naf jien snin ilu. Serraħ rasek... hawnhekk l-ambjent lanqas biss jintgħaraf minn kif kien. Hawn arja aktar nadifa!” (p. 253) 

Dejjem fuq nota ambjentalistika, Sammut iqabbel l-isbuħija tad-“dehra tal-kampanja għadha mhix mittiefsa minn id l-ispekulatur” (p. 97), ma’ dik ta’ reġjuni oħra bħat-Toskana fl-Italja jew partijiet mill-Awstrija u mir-Repubblika Ċeka. Din hi tfakkira li Salv Sammut hu bniedem li vvjaġġa ħafna. Aktar ’il quddiem naqraw, “...illum toroq wesgħin aktar u jgħaddu karozzi flok karettuni u bougainvillas minflok l-Ingliża... Ma basarx li l-ħtiġiet soċjali kienu se jagħmlu daqshekk qerda mill-ambjent rurali li kien jaf.” (p. 147) Bħal donnu Sammut, permezz ta’ wieħed mill-personaġġi tiegħu, l-ewwel jesprimi sens ta’ wġigħ li wara jinbidel f’rabja: “Ara ftit kif kullimkien stupraw bil-bini! Ma ħallewx roqgħa ħamrija waħda! Lanqas farfett wieħed ma jidher itir bħal qabel!” (p. 150) Il-qarrej jifhem għalhekk li Ix-Xirka tal-Beati Paoli jitkellem dwar stupru ieħor: dak tal-ambjent naturali li bħat-tfal m’għandux leħen u sefa vittma ta’ min għandu f’idu l-poter. Il-“farfett” hawn jista’ jinftiehem bħala simbolu tat-tfulija li ntilfet darba għal dejjem, tfulija li fl-imgħoddi kienet ħaġa waħda mal-ambjent tal-widien u l-kampanja Maltija. Leħen Sammut bħal jerġa’ jinstema’ fi kliem bħal dan: “Jien issa xbajt bl-istorbju talibliet... Issa bdejt nixxennaq għall-kwiet!” (p. 199) Hija x-xewqa ta’ ħafna minna wkoll. 

Dan hu rumanz dwar l-effett - jew trawmi differenti - fuq it-tfal u t-taqlib psikoloġiku u soċjali li jgħaddu minnu meta jiċċaqalqu minn post għall-ieħor u jkollhom jadattaw għal kultura differenti bla ppjanat, dwar it-tpattija, dwar il-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb – jissemmew anki d-droga u l-prostituzzjoni -, mela dwar il-kuntrast bejn l-innoċenza u l-biża’ tat-tfal li jiġu abbużati għall-ewwel darba u l-ħażen u l-ipokrisija tal-adult korrott, dwar mard fil-familja u ttbatija li tgħaddi minnha meta jiġi nieqes il-missier, in-nuqqas ta’ għajnuna soċjali lir-romol, is-sagrifiċċji li tagħmel il-mara-omm li toħroġ taħdem għall-bżonn, it-tbatija tal-ulied li jkollhom iħallu d-dar u jgħixu fi skola tal-fqar, id-dilemmi etiċi u morali li wieħed jiltaqa’ magħhom meta jkun fuq xogħlu, il-midja u s-sensazzjonaliżmu. Sitwazzjonijiet bħal xi wħud minn dawn żgur li jfakkru f’Oliver Twist ta’ Charles Dickens. F’parti oħra tar-rumanz Sammut ifakkar f’Animal Farm ta’ George Orwell, meta jikteb, “Hawnhekk, f’din l-iskola kien jinsab f’nofs razzett ta’ ħnieżer selvaġġi li jew tmur għal għajnhom jew jikluk ħaj.” (p. 45) Hu rumanz li jittratta l-inizzjazzjoni għad-dinja adulta permezz ta’ abbuż: “kien ħalla d-dinja tat-tfulija biex mingħajr ma talab jew staqsa għaliha daħal fid-dinja tal-kbar.” (p. 70) Hawnhekk Sammut m’għandux kantunieri: jikkundanna lill-pedofilu u jsejjaħlu “bhima selvaġġa”. (p. 71) Il-ħsieb ta’ Sammut hu li parti mit-tort wara l-istupru tal-innoċenti hi l-injoranza li l-ulied kienu jitħallew fiha min-naħa tal-ġenituri, imma anki min-naħa ta’ sistema edukattiva arretrata li tħalli liċ-ċittadini tal-ġejjieni sajmin minn edukazzjoni sesswali sura u f’waqtha. Aktar tard firrumanz naraw xebh bejn il-mara tal-ispettur – mara intelliġenti u li lesta tisimgħu anki fi kwistjonijiet rigward ix-xogħol tiegħu – u Livia, il-kumpanja tal-Kummissarju Montalbano fixxogħlijiet magħrufa tal-kittieb Sqalli Andrea Camilleri. 

Apparti l-livell fittizzju, insibu wkoll dak li seħħ realment storikament, bħal meta jissemma lkunflitt politiko-reliġjuż bejn il-Partit Laburista u l-Knisja fis-snin ’50 u ’60, u r-referendum għall-Integration ta’ Frar 1956. Dan bħal jagħti lit-trama fittizzja iktar kredibbiltà. 

Kollox isib f’postu lejn it-tmiem tar-rumanz, bħal kull detective story tajba, minkejja li Sammut jerfagħlna sorpriżi sal-aħħar. Dan hu rumanz dwar it-tfulija, l-adolexxenza u l-adultezza, xogħol li fih Salv Sammut ma joqgħodx lura milli jikkritika l-ħwejjeġ li ma jogħġbuhx. Fl-aħħar mill-aħħar dan hu xogħol li jispiċċa fuq nota tajba, miktub minn min jemmen li l-ġustizzja tirbaħ, anki jekk wara ħafna snin.
 ___________________________

No comments:

Post a Comment