Rebbiegħa Kollha Lwien huwa s-16-il rumanz ta’ Alfred Massa li
jifrex fuq 240 paġna maqsumin f’16-il kapitlu. Hawnhekk, Massa, li llum għandu
mat-tmenin sena, jikkonċentra fuq żmien iż-żgħożija, mela żmien l-imħabba, u
dan billi jirrakkonta l-ġrajja ta’ żewġ familji ftit snin wara t-Tieni Gwerra
Dinjija. Dan hu rumanz li jieħu x-xeħta ta’ ħarsa nostalġika lejn dan iż-żmien
fil-ħajja tal-bniedem li għandu ħafna mis-sabiħ, minkejja li l-waqtiet diffiċli
ma jonqsux. Fil-fatt Massa jsemmi wkoll xi ħsibijiet koroh li jgħaddu minn moħħ
iż-żagħżugħ/a f’waqtiet bħal dawn, fosthom is-suwiċidju u l-abort, imma kontra
dawn joffri dejjem l-alternattiva tal-fidi. F’dan ix-xogħol narrattiv Massa
jikteb dwar valuri li jemmen fihom bħal-lealtà fl-imħabba, il-familja, ir-rispett lejn il-persuna
u ġisimha, ir-rispett tal-ulied lejn il-ġenituri, u l-fidi Nisranija. Ma
jonqosx mela t-ton morali tan-narratur: hekk lejn l-aħħar tar-rumanz jikteb
dwar iż-żwieġ u l-“familja tradizzjonali; is-sinsla ta’ kull pajjiż Ewropew.”
(p. 241)
Mill-ewwel jispikkaw l-element
deskrittiv - fejn huma importanti anki l-element kromatiku (l-ilwien) u dak
udittiv (ħsejjes) - , tant għal qalb Massa, kif ukoll temi bħalma huma
t-twemmin u n-natura. Massa jħobb jagħtina kwadretti marbutin mal-imgħoddi,
żmien meta Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi u fil-parti l-kbira tagħha rurali,
u żmien meta kien għad hemm il-bogħod bejn l-irħula u l-Belt, mela Malta
fis-snin ħamsin u l-bidu tas-snin sittin (żmien il-kwestjoni ta-Integration mar-Renju Unit, il-ġlieda
bejn il-Partit Laburista u l-Knisja, u t-talba għall-Indipendenza), Malta fi
żmien ir-Rediffusion bħala sors
tajjeb ta’ tagħrif u ta’ divertiment l-iktar għal min kien nieqes mill-iskola:
jissemmew il-qari ta’ rumanzi klassiċi tal-letteratura Maltija (Raġel bil-Għaqal u Ġrajja
tal-Gwerra) jew kanzunetti magħrufa bħal O Sole Mio. Ma jonqosx ukoll il-kumment ambjentalistiku ta’ Massa:
“Dak iż-żmien Malta kienet mimlija kampanja; xi ħaġa li llum diżgrazzjatament
il-progress qiegħed jeqridha.” (p. 97)
Dawk ta’ Alfred Massa huma
deskrizzjonijiet ta’ ħajjiet normali., f’rabta ma’ għadd ta’ tradizzjonijiet li
m’għadhomx magħna, bħat-tberik tar-Riħ li kienet issir fil-25 ta’ April, jew
il-forn u l-ħami ta’ nhar ta’ Ħadd, il-familja madwar il-mejda waqt l-ikla
ewlenija nhar jum il-mistrieħ, is-suq - fil-pjazzetta tar-raħal quddiem
il-knisja – bħala lok fejn kienu jiltaqgħu u jgħidu kelma n-nisa. Fuq in-naħa
l-oħra, jinħassu l-biża’ u l-injoranza li kienu jeżistu rigward ċerti suġġetti
bħalma huma r-relazzjoni bejn ġuvni u tfajla, u n-nuqqasijiet ta’ poplu li
jgħix fi spazji limitati: “Mur ara kemm ser itaqtaq ilsien in-nies!” (p. 170)
Dan kien żmien meta s-sess kien meqjus bħala tabù u diżunur jekk isir qabel iż-żwieġ, u kienet
traġedja kemm għat-tfajla kif ukoll għal familtha jekk toħroġ tqila qabel
il-waqt. Huwa f’partijiet bħal dawn fejn Massa jinkludi spiss il-paragun bejn
l-imgħoddi u l-preżent. Fuq kollox Massa jurina kif inbidlu ċerti komportamenti
u tradizzjonijiet matul iż-żmien.
Dak li jikteb dwaru Massa hu
żmien meta kienu jaħkmu l-qgħad u l-emigrazzjoni għal bosta Maltin li kienu jsibu
xogħol barra minn xtutna. Hu żmien meta l-iskola kienet tfisser avvanz soċjali,
imma anki żmien meta kienu għadhom jeżistu bosta limitazzjonijiet fuq il-post
tax-xogħol u anki fil-knisja: darba minnhom il-kappillan iwissi li “L-irġiel
għandhom ikunu għalihom u n-nisa għalihom...” (p. 129)
Bħala spazju jaħkem dak tar-raħal,
b’wieħed mill-personaġġi ewlenin ikun il-Kappillan, il-persuna mfittxija minn
min ikollu bżonn ta’ parir. Personaġġ ieħor hija dik li tilħaq salib ħaddieħor.
Spazjalment jissemmew ukoll il-Furjana, il-Belt Valletta u t-Tlett Ibliet, u
anki l-Għadira u l-Buskett bħala postijiet ta’ rikreazzjoni. F’dan ir-rumanz
il-qarrej jifhem li ż-żmien għaddej il-ħin kollu permezz tal-festi li nsibu fuq
il-kalendarju tal-Knisja Kattolika: hekk jissemmew San Mark l-Evanġelista,
il-Ġimgħa Mqaddsa, San Girgor, il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. It-trama narrattiva, mela r-ritmu tar-rakkont, jimxu
skond it-tradizzjonijiet u l-festi li huma għal qalbna l-Maltin.
In-narratur huwa extra-dijeġetiku
u onnixxenti, mela mhux parti mit-trama imma osservatur estern u jaf x’inhu
għaddej f’moħħ kull personaġġ f’kull waqt. Stilistikament insibu bosta partijiet
djalogati li jalternaw mal-kumment tan-narratur. Għalhekk ma jonqosx tagħrif
ta’ natura kulturali u storika dwar Malta, u huwa hawn meta Massa jieqaf
temporanjament mir-rakkont ewlieni. Indirettament l-awtur ikun qed jistieden
lill-qarrej biex jibża’ għal wirt art twelidu. Massa l-awtur-narratur - “jien
ngħid” - jinkludi wkoll referenzi għal kotba ta’ riċerka partikolari jew
kittieba oħra bħal Jeremy Boissevbain, John Keats, u Ġużè Galea: hawn xi drabi l-kitba tieħu x-xeħta
ta’ saġġ iktar milli rumanz. Bħal dejjem Massa jħaddem tajjeb il-Malti
idjomatiku u jinkludi bosta qwiel Maltin, minkejja li ma jiddejjaqx xi drabi
jdaħħal ukoll xi espressjonijiet bl-Ingliż.
Ritmikament in-narrazzjoni timxi
bil-mod ħafna matul parti sostanzjali tar-rumanz, tant li tista’ tegħja lil
ċerti qarrejja, imma minn ċertu punt ’il quddiem Massa bħal jintroduċi numru
ta’ elementi ġodda li jagħtu lin-narrazzjoni ħajja ġdida u b’hekk tinqara
b’inqas tbatija. Personalment, laqtitni l-iktar il-parti meta nibdew naraw żvilupp
fil-personaġġ(a) seksieka tar-raħal billi jibda joħroġ bil-mod il-mod l-aspett
uman tagħha u jinxteħet dawl fuq l-imgħoddi mqalleb tagħha biex nifhmu għaliex
ġabet ruħha b’tali mod u x’qed iħabbatha. Hawnhekk it-trama bħal takkwista
enerġija ġdida u jibdew jinkixfu rapporti umani li wieħed qatt ma ħaseb dwarhom
qabel. Mela, kif qed naraw, fin-narrattiva ta’ Massa naqraw il-ħajja ta’ lkoll
kemm aħna: naqraw dwar il-problema tad-dipressjoni li wieħed jipprova jtaffiha
b’mod żbaljat bix-xorb, il-kanċer, l-adozzjoni, il-firda bejn ċerti persuni,
ix-xjuħija, il-problemi ta’ saħħa li ġġib magħha, u l-biża’ mis-solitudni u
l-abbandun, imma aktar tard anki dwar il-metamorfosi li wieħed jista’ jgħaddi
minnha minħabba esperjenzi partikolari, is-sabiħ tal-maternità, ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra.
Rebbiegħa Kollha Lwien hu rumanz bi tmiem pożittiv u hieni. Hu
xogħol li fih Massa ma jużax il-kelma “destin”, tema importanti fix-xogħlijiet
l-oħra tiegħu. Dan tiegħu mhux biss xogħol fittizzju imma b’xi mod hu wkoll studju
antropoloġiku-soċjali tal-poplu Malti hekk kif kien qed jirkupra wara s-snin
kiefra tat-Tieni Gwerra Dinjija. Żġur li jieħdu gost b’rumanz bħal dan dawk li
jkunu jixtiequ jaqraw xogħol mingħajr bosta kumplessitajiet jew taħbil il-moħħ.
No comments:
Post a Comment