Sunday, July 8, 2012

META TKELLIMNI HI... ta' Therese Pace


Din ta’ Therese Pace hija t-tielet ġabra poetika tagħha wara li fl-2003 ħarġet Arpeġġi (li bih kienet rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, Taqsima Poeżija) u fl-2009 ħarġet il-ktejjeb b’poeżiji bit-Taljan bl-isem ta’ Sfumature. Therese Pace hija attiva ħafna fil-Għaqda Poeti Maltin u hija rebbieħa regolari ta’ konkorsi ta’ poeżija li jsiru kemm fuq bażi lokali kif ukoll barra minn Malta.

Meta Tkellimni Hi... tiġbor fiha 81 poeżija li jifirxu fuq 93 paġna. Din il-pubblikazzjoni għandha Daħla kritika tal-professur Charles Briffa bl-isem ta’ “Il-Vuċi tal-Poeżija f’Therese Pace”, u “Kelmtejn Qabel” mill-istess poetessa. Flimkien mal-ktieb il-poetessa nkludiet folja (li faċilment setgħet tagħmel parti mill-istess ktieb) fejn wieħed isib it-tifsiriet għal numru ta’ kliem li llum m’għadux jintuża daqstant imma li hija tuża fil-poeżiji tagħha.

Stil ta’ kitba:

Therese Pace hija poetessa li taf tħaddem b’reqqa u bi preċiżjoni r-regoli metriċi u prosodiċi tradizzjonali (it-trisillabu, is-senarju, is-settenarju, l-ottonarju, in-novenarju, l-endekasillabu, daqqiet id-doppju senarju jew id-doppju settenarju; il-kwartina u r-rima mqabbża), imma tikteb ukoll u b’kumdità bil-vers ħieles. Ma’ dan tal-aħħar jintrabtu ħafna r-rimi u r-ritmi ġewwiena, imma anki alliterazzjonijiet varji. It-tradizzjonali li jintrabat mal-modern jidher f’Perfett ma Kontx, fejn il-poeżija għandha l-forma metrika tas-sunett Taljan (żewġ kwartini u żewġ terzini), imma prosodikament jitħaddem vers mhux tas-soltu, dak ta’ tlettax-il sillaba. Hemm drabi meta Pace tħaddem il-vers maħlul, mela poeżija magħmula minn endekasillabi bla ebda rabta ta’ rima jew strofa (ara Ħalliem). Il-kitba u l-ħolqien tal-versi għal Pace jinħassu bħala għodda f’idejn bniedma tas-sengħa. Il-poeżija tinftiehem bħala bottega fejn il-vrus jinħadmu b’imħabba, sabar, għarfien u dedikazzjoni.

Hemm drabi meta anki fit-tħaddim tal-prosodija tradizzjonali, it-tip ta’ vers li tuża jintrabat mat-tema: hekk ritmikament is-senarji u n-novenarji li tħaddem f’Is-Sejħa tat-Tnabar ifakkru fl-istess ritmu tat-tnabar. F’każi bħal dawn hemm il-kelma li tinstema’ wkoll, mhux biss li tfisser. Mela l-kelma li bil-ħoss tagħha tagħti gost, tpaxxi l-widna u forsi toħloq ukoll xbihat viżivi jew udittivi f’moħħ il-qarrej. Drabi oħra Pace bħal timita l-għana popolari (ara Kelma Ħelwa) jew il-kurunella  (ara Qasba Żejt).

Ir-ritmu tas-senarju jerġa’ f’Fil-Kobor ta’ Ħolmtu, fejn Pace turi ħakma assoluta tal-ilsien Malti fuq livelli differenti: semantiku, ritmiku u udittiv. Il-logħob bil-kliem f’rabta mal-istedina għall-ħsieb profond narawhom fi Qfieli meta tikteb:

“issa li m’għadekx,
m’għadnix,
neħħejtli l-jedd li nkun

issa li m’għadnix,
ma nafx qattx kont,
għadx nista’ nerġa’ nkun”.

Anki f’Madrigal jinħass li l-għażla tal-kelma u l-mixja ritmika għandhom minn żifna li tingħoġob minn bosta imma tinftiehem mill-ftit. Fil-lingwaġġ imħaddem minn Pace hemm xi ħaġa li twasslek dritt fil-fond tar-ruħ fejn jaħkmu ħwejjeġ li jistgħu jiġu deskritti imma mhux mifhuma.

Lessikalment tħaddem taħlita ta’ Malti Semitiku (xi drabi anki arkajku) kif ukoll Romanz, u drabi oħra Anglo-Sassonu. Bis-saħħa tad-dimensjoni mużikali tal-element Taljan Pace jirnexxilha faċli tilgħab bir-ritmi u r-rimi tal-kliem imħaddem minnha: dan jinħass sewwa fil-poeżija Intermezz fejn għandna rima permezz ta’ kliem bħal “kanċelli/ furnelli/ deċibelli”, “klandestini/konfini”, u “l-inizjali/materjali”. Jinħass ukoll f’One Way Traffic bi kliem bħal “affett/dwett/ krippett/ minwett/effett/pirwett” u “fina/ballatina/konkubina”. Ta’ min jgħid ukoll li Therese Pace għandha bosta poeżiji b’titli magħmulin minn kliem bl-Ingliż. Għalhekk meta taqra l-versi ta’ Pace trid tkun il-ħin kollu fuq ponot subgħajk, moħħok hemm. Ċertu kliem li tuża jinsab fl-estremi: fuq naħa dak Romanz akkademiku, fuq l-oħra l-Malti safi li għandu tifsiriet li jmorru anki lura fiż-żmien imbiegħed. Mela dawk ta’ Therese Pace mhumiex poeżiji għal kulħadd: il-qarrej irid ikollu bagalja lingwistika u kulturali wiesgħa.

Fil-poeżija Mewġ tinħass is-saħħa tal-verbi (moviment) fuq naħa, u tal-aġġettivi (forza deskrittiva) fuq l-oħra. Huma żewġ elementi ewlenin fil-poeżija ta’ Therese Pace in ġenerali.

Bħala reġistri lessikali daqqiet tissellef mid-dinja konsumista: hekk f’Maternità tuża kliem li jitbiegħed mill-qasam poetiku tradizzjonali imma li jinħass f’postu fil-kuntest tal-vers ħieles li tħaddem (kliem bħal “karus”, “riskju”, “garanzija”, “irċevuta”, “rikumpens” u “azzard”). Hemm drabi meta Pace issemmi l-allat u l-kreaturi tad-dinja antika jew klassika bħal Zew, Venere, Meskhenet, Tawru, Apollo, Ma’at, Kali, Atena, Hades, u Afrodite.

Reġistru lessikali ieħor għal qalb il-poetessa huwa dak mabut mal-ambjent tal-baħar: "bekkum”, ”jogħdos”, ”brankutli”, ”dgħajsa”, ”ħalla”, ”mewġa”, ”dniefel”, ”xtajta”, "baħar”, "ħalla”, ”perli”, ”xatt”, ”imbatt”, “qdif”, “moqdief”, “port”, ”mewġ qammies”. Il-mewġ jieħu l-ħajja u jingħata ruħ u burdati estremi mill-poetessa fil-poeżija Mewġ.

Il-poeżija Baħrija d-Dgħajsa, maħduma bl-endekasillabi mqegħdin fi kwartini bir-rima mqabbża (ABĊB), għandha minn Il-Ġerrejja u Jien ta’ Dun Karm Psaila, imma fiha jinħassu wkoll kurrenti moderni fit-tħaddim tax-xbieha u anki ta’ ċertu lessiku.

Il-parodija tinħass f’poeżiji bħal Maternità u anki Sanction Letter: f’din tal-aħħar il-ħajja hija ppreżentata bħala kuntratt b’dikjarazzjonijiet, riservi u kundizzjonijiet.

Xbieha:

Fil-poeżija ta’ Therese Pace l-letterali jsir metaforiku bla ebda sforz. Ninnutaw l-isbuħija tax-xbihat li jissawru waħda wara l-oħra b’mod naturali, donnok qed tassisti għal pellikola li filwaqt li toffri gost fuq livell viżiv u udittiv, tħallik attent biex ma titlef l-ebda dettall evidenti jew inqas evidenti (ara Obelisk). Fuq livell metaforiku u figurattiv Pace tħaddem ukoll xbihat li għandhom mis-surreali, mela anki mill-pittura ta’ xi Salvador Dalì (ara Bħal Bekkum). Bħal pittur li jpinġi pajsaġġi li nafu bihom minn tiġribna imma li jagħtihom laqta ġdida, friska u oriġinali tant li jġagħlek tieqaf tiċassa lejhom u tiflihom, hekk huma wkoll il-poeżiji u l-lingwaġġ dinamiku ta’ Pace. Din tagħha hija għalhekk tip ta’ poeżija li timxi parallela mal-poeżija Ewropea kontemporanja.

Ix-xbihat ta’ Therese Pace għandhom minn dak li seħħ xi darba, ’il bogħod fiż-żmien, jew minn dak li tista’ tilmaħ b’kumbinazzjoni u f’leħħa ta’ berqa, għax tkun ixxurtjat. Mhux kulħadd jista’ jgawdi minn din l-epifanija:

“Ratu f’għalqa qamħ
jaħfen f’kaxxa
l-ponn imrieżaq
misbuta
fuq xuxitha bandiera.” (Bidu)

F’Maternità naraw lill-poetessa bħala omm li tixtri tarbija. Mela t-tarbija tinftiehem bħala prodott li jinxtara, u l-omm bħala klijent sodisfatt.

Ix-xbieha tat-tarbija terġa’ tixref f’Teorija: il-poetessa timmaġinaha quddiem tarbija tat-twelid li għandha miċ-ċokon u mill-kobor fl-istess ħin. Fiċ-ċokon tiegħu l-bniedem hu misterjuż u kbir daqs l-ikbar ħolqien. F’rabta ma’ dan u mat-teoriji tal-matematiku u astronomu Ingliż Fred Hoyle, Pace tikteb hekk fl-istess poeżija:

“Jekk int bħal Hoyle, kurjuż, qed tfittex it-tweġiba
għal jekk il-kożmu fil-ħolqien
kienx xi splużjoni-ħabta stratosferika ta’ darba
inkella jibqax għaddej mingħajr waqfien
tfittixx risposta fl-ajru mimli stilel iroxxu l-frak fiddien
staqsiha ’l dit-tarbija, tgħidlek li t-teoriji
jgħoddu t-tnejn u kullimkien!”

Il-poetessa li tikteb dwar il-mara kreatriċi narawha anki f’Matriċi. Fil-ġuf hemm “sigriet is-sopravvivenza”.  F’Qalb l-Irmixk Pace tuża lingwaġġ marbut mal-qasam tal-kompjuters biex fl-aħħar mill-aħħar tasal għal aspetti intimi u emozzjonali li jittrattaw ir-relazzjoni bejn l-omm u l-iben.

Fil-poeżija Artist Pace tħaddem 7 similitudnjiet fl-ispazju ta’ 22 vers, apparti xbihat oħrajn: “Bħal baqqun f’idejn naġġar”, “Bħal żgorbja tgħawwar b’berrina miġnuna”, “Bħall-bżieżel maħluba”, “bħat-tina mħollija biex teħla jitqadded”, “bħal Shylock ilħiħa”, “bħal mummja bbalzmata”, biex imbagħad ittemm l-istess poeżija hekk:

“Għalhekk poeta mixgħul
Minkejja r-raddi, bħall-Chianti jitjieb.”
Metafora oriġinali hija dik li  naqraw f’Meta Tkellimni Hi...:
“Ukoll fid-dlam tal-lejl qalbi tgħallimni
għax ma taqrax bl-għajnejn. Taqra bi
braile l-istint....”

Similitudnijiet effettivi oħra naqrawhom f’Fil-Ħarem Koloss: “Krexxent/ bħal qarn ta’ buflu”, “Bħal fakir,/ mill-atriju tal-lejl”, u “bħal żafiri ngastati,/ il-konkubini mijopiċi”.

Hawn il-poetessa qed tirreferi għal dak il-waqt meta tinħakem mill-muża. Dwar din l-istess poeżija Therese Pace tikteb hekk: “Fil-Ħarem Koloss tittratta dwar is-sema ( ċeruljan=tas-sema) bil-lejl meta joħorġu l-kwiekeb u l-qamar u nistħajlu donnu xi ħarem fejn il-kwiekeb huma s-sefturi tal-qamar u kollox idur miegħu u meta jaqduh f’li jkollu bżonn matul il-lejl  waħda waħda jintfew (jitfulu d-dwal tagħhom) u jirtiraw fil-kmamar tas-sefturi (għal meta jisbaħ mill-ġdid).”[i] F’Perfett ma Kontx tiddefinixxi lilha nnifisha bħala “artist maħtuf fl-azzjoni”. F’L-Għemil it-Tajjeb l-arti tinftiehem bħala forġa, passjoni, ambizzjoni u ħila. Dwar il-muża tikteb ukoll fi Ħsieb: Pace tittratta l-passaġġ mill-ħsieb li jsir kelma li ssir poeżija. Il-ħsieb skond Pace jikber bħal frotta biex fl-aħħar il-poeta jieħu s-sugu tiegħu, sugu ħelu. Imma biex titnissel il-poeżija hemm bżonn tas-silenzju mifhum bħala seħer, seduċenti, intraprendenti u,

“F’għemilu elokwenti. Intelliġenti.
fil-pjiegi ta’ lbiesu jsorr l-armonija,
jiffriża l-mumenti.” (Is-Silenzju li Jsaħħarni...)

Hawnhekk Therese Pace jirnexxilha tagħti ruħ, tirrendi uman, lill-istess silenzju, element mill-aktar astratt. Anki l-fantasija hija umanizzata fil-poeżija Fantasija: dwar ir-relazzjoni bejn poeta u fantasija l-poetessa tikteb, “Ħabbejtha u ħabbitni./ Uliedna: sunetti, fjuretti ta’ kliem.”

Dwar dan tikteb ukoll f’Tiġġerra ma’ Djulek...: din hija poeżija prodott ta’ min għal waqtiet jinħakem kompletament mill-alla Muża u jniżżel kliem li jitwieled f’dimensjoni biex jeħodna f’oħra lil hinn minn dik li mdorrijin ngħixu fiha.

Ix-xbieha tan-nar narawha f’bosta poeżiji ta’ Pace. In-nar bħala ispirazzjoni narawh f’Madrigal (”Fil-maġmar tal-bniedem/ l-inġiesa tirsipla/ ittektek fjammata, tiħmar.”) Hemm in-nar tal-Lampieri tal-Maqdes: dawn huma versi (imsejsa fuq it-trisillabu)  li għandhom kemm mis-sagru kif ukoll mill-profan - hemm il-maqdes fuq naħa u d-dimensjoni erotika fuq l-oħra. In-nar jew fjamma bħala metafora tal-imħabba narawhom f’Issa: “Issa li nżifen/ il-ballu alaternu/ mar-ritmu mewġien...”; iktar ’il quddiem tissemma “il-fjamma tar-ruħ”. L-enerġija li xi darba kienet, illum ma fadal xejn minnha. Is-sagru u l-profan jerġgħu jinħassu f’Agape II: hija poeżija magħmula minn versi mgħobbijin bi xbihat mill-isbaħ marbutin ma’ spazju li jista’ jkun maqdes primittiv jew knisja.

Il-ħajja f’Fil-Ġnien tal-Okkażjoni tinftiehem bħala “passaġġ it-tranżizzjoni/ fil-ġnien tal-okkażjoni”. Ladarba l-bniedem jitwieled, irid jaħtaf l-okkażjoni jew inkella jibqa’ b’xejn. Dan jintrabat ma’ dak li tikteb dwar il-ħolm tal-ħajja f’Perfett ma kontx:

“X’ħabta għandu jnin il-ħolm, jitbiel, jeqdiem, jisfaxxa,
F’nofs leħja jħalli l-bniedem isorr ħolmtu fil-kaxxa.”

Il-ħajja tinftiehem bħala rota f’Rota: mal-bieraħ il-poetessa torbot ix-xewqa għall-ħelsien, filwaqt li mal-lum torbot in-nostalġija għal dak li kien, jew forsi, għal dak li ma nifhmux. F’Il-Ħajja... l-poetessa tikteb, “Il-ħajja/ tilqima/ bi brokk l-altruwiżmu/ fil-ġnejna tax-xewk”.

Imbagħad f’Apis Mellifera Pace ssir naħla, jew tumanizza lil din il-ħlejqa ċkejkna, u permezz ta’ deskrizzjonijiet u xbihat mill-isbaħ tagħtina stampa ta’ jum minn tagħha.

F’L-Iblah Pace tħaddem xbieha oħra meta tikteb dwar il-fatt li kull bniedem għandu s-setgħa li jagħżel destinu: “Agħżel li trid mill-ġabarrè/ la t-trattament ingħata/ imbagħad tisħetx xortik/ kuntent jew indannat...”

Tematika:

Fost it-temi li Pace tikteb dwarhom hemm dik li tittratta l-mewt, mela tmiem il-bniedem (Bħal Bekkum). Dwar l-idea tal-jien li jdub fix-xejn, jinħall u jintreħa sa ma jsir irmied tikteb fi Qfieli. Dwar dan id-destin tal-bniedem tikteb ukoll fi Graffiti. F’Dixxendenza naqraw li l-poetessa hija konxja tal-fatt li hija parti minn fil li għandu l-bidu fl-imgħoddi u tarfu x’imkien fil-ġejjieni. F’Ma’at il-poetessa tagħraf li hemm forzi li jmorru lil hinn mis-setgħa tal-bniedem u li jitqabdu bejniethom. Drabi l-poetessa għandha mit-“tokki mtaqqlin tat-trapassjoni” u mill-“iljun imlebleb”, drabi oħra tixtieq l-innoċenza u li titnaddaf mit-“tidnis”.

Therese Pace tikteb dwar “id-dmir favur il-ħajja” (mela kontra l-abort, f’Matriċi); timmaġinaha prostituta f’Wara l-Bibien Magħluqa. Drabi oħra tikteb dwar il-ħajja rutina (u medjokri?) ta’ ħaddiem medju li fiha hemm id-diżillużjoni u r-rassenjazzjoni fl-istess ħin (ara C.V.). Hekk kif il-bniedem jitwieled tibda t-taqbida tal-ħajja:

“Illum jibda t-tiġrif, il-qdif,
taqbida kontra r-rimi sat-tarf inkrepattiv,
f’idejha l-moqdief li jwassal għat-telfien
inkella li jsorġiha salva f’port is-sliem”. (Teorija)

Dwar il-poeżija Pace tikteb li hija “gost” u “turment”: gost li ġej mill-fatt kif tinstema’ l-poeżija; turment ladarba mhi xejn sempliċi, imma kumplessa (ara Zokkra tal-Kubu).

Therese Pace tikteb spiss dwar l-istat ta’ omm jew il-maternità. Dan jidher f’Maternità, Matriċi u anki Għax l-Omm... Din hija poeżija li għandha kemm mill-eleġija (għax titkellem dwar il-mewt) u anki mill-enkomjastiku (tifħir). Jissemmew bosta elementi li jiddistingwu lill-omm bħalma huma l-affett, il-ħolqien, il-ħniena, il-paċi u l-ġenwin. Ladarba tħalli din id-dinja l-omm takkwista dimensjonijiet universali.

Min-naħa l-oħra Therese Pace tikteb ukoll dwar il-mara li taraha bħala ħlejqa ta’ estremi u ta’ potenzjal enormi. Hekk fost l-oħrajn naqraw f’Mara: “Fraġli bħall-ħġieġ” imma “soda bħall-blat”; “il-frott t’Eva u Marija” u “taf tħott kastell, inkellha ssejjes binja”, u hija “nagħġa u xitan”, imma fuq kollox “tnebbet xtieli mgħargħara fit-tixbih/ mirakli kbar ta’ mħabba fit-turija.”

Apparti l-abort (f’Matriċi), Pace tittratta t-tema soċjali anki f’poeżija bħal Nenia Afgana fejn tħoss l-għatx għall-ġustizzja u tħossha anki ttraduta minħabba l-ħażen u n-nuqqas ta’ ġustizzja fid-dinja, biex fl-aħħar tispiċċa dil-poeżija hekk: “tgħid forsi.../ tgħid forsi hemm fuq...?”. Anki Osè b’xi mod għandha s-saff soċjali tagħha għax Pace tikteb dwar l-opportuniżmu, ir-riskju u l-kisba aħħarija. Blasè tintrabat ma’ Osè: hija dwar dik li xi darba kienet imħabba imma llum ma ħalliet xejn ħlief ġrieħi jew bruda. Mela tema tagħha tista’ tkun id-divorzju. Reġgħu Tqasqsuli l-Ġwienaħ hija kontra l-intolleranza u ċ-ċensura li jxekklu l-libertà tal-artist, mifhum bħala spirtu ħieles. F’Solstice tikteb dwar il-modern u l-artifiċjali (il-“laser”, “projezzjoni ġenerata,/ disinteressata”) u l-antik u n-naturali (l-“ekwinozju”, id-“dolmen u menhir”). F’tal-ewwel tilmaħ indifferenza u diżinteress; f’tal-aħħar tilmaħ “rikonoxxenza/ u solidarjetà/ monumentali” u rabta mal-“antenati” u l-“primordjali”. Ta’ natura soċjali hija wkoll il-poeżija Rubini. Anki hawn tinħass il-parodija ta’ ċerta klassi:

“Qaluli,
dawn ixirka ntellettwali
ta’ maturità fiskali
jiġru wara l-ideali.

Bil-għodod tal-mestier
fl-attaché case,
miż-żgħar sal-kbar,
sebgħa u għoxrin,
wieħed wieħed deħlin
iħaffru fil-minjiera.”

Logħba hija dwar il-logħba tal-poter, it-tirannija fuq naħa, u d-dgħajjef u l-ippersegwitat fuq l-oħra. Tinħass sewwa l-protesta min-naħa tal-poetessa, l-aktar meta taf li tagħmel parti minn “dinja ċassa, egoista,/ tistgħall kif jaqbel lilha s-sitwazzjoni.” Kontra t-tirannija, it-terrur u l-inċiviltà hija wkoll Eleġija, iddedikata lil poetessa li qrat fil-beraħ il-versi tagħha fl-Afganistan. Il-poeżija tal-impenn narawha wkoll f’Supplika: Pace tikteb kontra l-mibegħda, l-indifferenza u l-arditiżmu. Il-poeżija hawn tinftiehem bħala duwa jew xarba mirakuluża kontra dak li jibdel lill-bniedem f’ħażen.

Dwar l-għarqa ta’ mijiet ta’ immigranti irregolari li jaħarbu minn pajjiżhom tista’ tfakkar il-poeżija Tagħrafha, Ma, minn Qillitha. Tieħu l-forma ta’ konverżazzjoni mistħajla bejn iben li miet fuq il-baħar u ommu muġugħa.

L-għemil it-tajjeb jintrabat mal-prodott tal-artist, u dan jitpoġġa f’kuntrast mal-“ħażin li jiffanfra/ bih innifsu bla ma jistħi.” (ara L-Għemil it-Tajjeb) Fl-istess poeżija Pace tikteb dwar in-nuqqas ta’ apprezzament ta’ xogħol l-artist:

“Ftakar artist, li jekk tagħtiha l-lala
sew jekk b’għira jew b’vizzju,
id-dinja xkupa u pala.”

Poeżija ambjentalistika, ta’ impenn u protesta kontra l-indifferenza tal-imprendituri quddiem il-qirda tan-natura hija Imbagħad Min? Pace tfakkar li għall-flus il-bniedem ibigħ l-istess saħħa u ġejjieni tiegħu. Il-flus li warajhom jagħma l-bniedem jissemmew indirettament ukoll fi Fdal ta’ Missier: Pace tidħol fi ħsieb dan ir-raġel li jinsab mixħut f’sodda qed jieħu l-aħħar nifsijiet tal-ħajja: huwa ż-“żiemel li jinsa kif jippinna/ għax jimmansah iż-żmien”. Id-dinja reali tasallu mill-bogħod imma tasallu, u l-ħsieb għadu b’saħħtu. Qrib dan il-moribond hemm l-indifferenza ta’ “ulied tal-kartapesta,/ samaritani tal-ħabbagozz/ iħokku ndifferenti miegħi/ aljenati bit-tħambiq ta’ piazza affari.”

Tema jew motiv rikurrenti fil-versi ta’ Therese Pace hija l-erotiżmu rfinat. Dan jidher f’Ballambrott, bl-imħabba li tistaħba wara l-metafora ewlenija:

”Għamiltek ballambrott tal-anġli sagri
jiffanga f’ta’ xbubiti l-pussess
u biex xewqati qtajtli tlabtni, darba,
nagħtik mingħajr riżervi lili stess.”

L-erotiżmu fin nerġgħu nassistu għalih f’Obelisk: “taħt il-kaptelli ta’ qaddu obelisk tal-bellus/ tistrieħ fis-sliem xbubiti skeletrata”. Imbagħad f’Agape tikteb dwar l-eros u l-agape, iż-żewġ faċċati differenti tal-imħabba, xi ħaġa li ttratta wkoll Papa Benedittu XVI fl-enċiklika Deus Caritas Est. Hemm ukoll l-imħabba bħala wġigħ, argużin, “gost skabruż”, saħansitra “ferm agħar mill-kankrijiet” li naqraw dwarha f’Cut Out. Dwar l-imħabba u l-ħakma tagħha huma wkoll Ħabs u Konċistorju. F’Deserter naraw l-imħabba bħala ġugarell, anki f’idejn il-“bużulottist”, mela hija dwar min jilgħab bis-sentimenti tal-imħabba. Fil-poeżija Fil-Ħarem Koloss Pace tiddeskrivi b’mod oriġinali ritwal ta’ mħabba: “Brimbtu setgħana/ l-adrenalina/ f’għanqbuta msaħħra tinseġ/ qabel, fuq lożor in-nida,/ moqdi jimtedd.”

Għeluq:

Meta Tkellimni Hi... hija prova solida ta’ kemm Therese Pace għamlet passi ’l quddiem fil-kitba tal-poeżija minn mindu ħarġet l-ewwel ġabra poetika tagħha fl-2003, Arpeġġi. Pace hija poetessa li taqra l-ħin kollu l-poeżija kemm ta’ poeti Maltin oħrajn kif ukoll barranin. Dan żgur li għenha żżomm il-pass mal-kitba tal-poeżija kontemporanja, poeżija li għalkemm mhix faċli - anki għax bosta drabi għandha mill-ermetiżmu fis-sens li l-lingwaġġ li tħaddem jieħu spiss tifsiriet enigmatiċi - għall-qarrej li huwa persistenti taf tkun poeżija li toffri sfida u sodisfazzjon fl-istess ħin. Personalment inqis li din il-ġabra poetika ġdida tagħha tkompli tqiegħed lil Therese Pace fost il-poeti Maltin kontemporanji ewlenin.

Patrick Sammut




[i] F’ittra elettronika li l-poetessa bagħtet lili fil-11 ta’ April 2012.

No comments:

Post a Comment