Sunday, July 29, 2012

RAXX TAS-SILENZJU ta' Charles Bezzina (2012)


Din hija l-aktar ġabra poetika reċenti tal-poeta Għawdxi Charles Bezzina. Fiha nsibu mal-178 poeżija li nkitbu bejn l-2008 u l-2011, u li jifirxu fuq 178 paġna. Il-ktieb għandu Daħla kritika tal-Prof. Oliver Friggieri bl-isem ta’ “Il-Poeżija ta’ Charles Bezzina – Il-Baħar, l-imħabba, il-misteru”.

Stil:

Għal darb’oħra lil Charles Bezzina narawh bħala ħakkiem assolut tar-regoli u r-ritmi prosodiċi u metriċi tradizzjonali. Dan tixhdu t-tabella t’hawn taħt:

MUDELL PROSODIKU
NUMRU TA’ RIKURRENZI
Senarju
Poeżija waħda
Settenarju
78 poeżija
Ottonarju
20 poeżija
Novenarju
4 poeżiji
Dekasillabu
8 poeżiji
Endekasillabu
61 poeżija
Ottonarju u Kwaternarju
2 poeżiji
Endekasillabu u Kwinarju
3 poeżiji
Endekasillabu u Novenarju
Poeżija waħda
Total
 178 poeżija

Inħoss li s-saħħa ta’ Bezzina poeta tinsab l-aktar fit-tħaddim tal-endekasillabu, il-vers tar-riflessjoni. Fih hemm ċerta profondità ta’ ħsieb. Dawk tal-poeta Għawdxi huma versi li huma sempliċi u profond fl-istess ħin u għalhekk hemm drabi meta jfakkru sewwa fil-versi ta’ patri Marjanu Vella. F’poeżiji oħra jitħaddmu versi iqsar u għalhekk ritmi aktar mgħaġġlin u l-poeżija tinħass iktar bħala logħba bil-kombinazzjonjiet infiniti tal-kelma fil-vers. Il-versi tas-sebgħa u tat-tmienja jixbhu lill-iskali tal-pjanu: Bezzina jirrepetihom spiss u huma s-sisien tal-poeżija tradizzjonali.

Metrikament, Bezzina juża l-aktar l-istrofa tal-kwartina, bir-rima mqabbża (ABĊB), u l-vers maħlul (mela l-vers tal-ħdax mingħajr ebda rabta ta’ strofa jew rima). Anki hawn il-versi ta’ Bezzina jfakkruni fil-perfezzjoni tal-iskali tan-noti mużikali. Huwa ma jridx biss iwassal messaġġ, jikxef dak li hemm jitturmentah ġewwa fih; Bezzina jibni l-versi, jesperimenta bl-istrutturi paralleli, regolari, bir-ritmi, bil-waqfiet u l-ħsejjes tal-kliem differenti li jħaddem. Xi drabi jħaddem ċerta simmettrija fil-binja kemm prosodika-metrika, kif ukoll sintattika u lessikali (ara Fix-Xtajta). Lingwistikament Bezzina jħaddem ilsien dinamiku fejn iħallat b’mod bilanċjat l-element Semitiku (mela kliem ta’ oriġni Għarab) mal-element Romanz (kliem li ġej mit-Taljan jew mill-Isqalli). F’din it-taħlita ekwilibrata Bezzina jidher bħala poeta tas-sengħa u jurina kemm il-Malti huwa lsien għani, idoqq għall-widna u għalhekk huwa addattat għall-poeżija.

Kif rajna f’ġabriet poetiċi ta’ Bezzina tal-imgħoddi, ir-reġistru lessikali li jaħkem huwa fuq kollox dak li jintrabat mal-baħar. U dan żgur ġej mill-fatt li l-poeta huwa abitant ta’ gżira ċkejkna fejn il-baħar huwa preżenza dominanti.

Naraw lil Bezzina bħala dak li għandu bagalja mimlija kliem marbut ma’ reġistri partikulari li jirrepetu ruħhom fil-poeżiji li jikteb. Għalhekk f’ċertu sens dawn huma poeżiji li jridu jinqraw waħda waħda, imma mhux wara xulxin u f’nifs wieħed. Inkella tibda tinnota ċerta ripetizzjoni li tista’ tkun monotona sa ċertu punt. U din il-monotonija tista’ tirrifletti inkonxjament il-fatt li għalkemm il-ħajja hija fluss kontinwu, fl-istess ħin hemm moviment oppost li jirrendiha immobbli. Biex jikkompensa għal dan, Bezzina jvarja r-ritmi bħalma jvarjaw il-waqtiet meta jikteb il-poeżija.

Hemm drabi meta l-poeżija tinftiehem bħala logħba bil-kliem. F’M’Hemmx Aktar x’Nikkumbattu Bezzina jilgħab b’għadd ta’ paradossi:

"M’hemmx aktar x’nissaportu,
is-sajf, u waqa’ l-ksieħ,
il-jum, u d-dlam infirex,
il-kalma u qam ir-riħ.”

Hemm kliem daqskemm hemm misteri fl-univers. Hemm il-ġdid daqskemm id-déjà vu fil-versi ta’ Bezzina. Iktar kemm jikteb u jesperimenta b’kombinazzjonijiet u strutturi sintattiċi, metriċi, prosodiċi, morfoloġiċi u lessikali differenti, iktar joqrob lejn it-tifsira moħbija li tagħha huwa fittiex solitarju (Ismagħha l-Kelma). Il-poeżija bħala eżerċizzju rigoruż ta’ strutturi simmettriċi jew paralleli nerġgħu narawha f’Mas-Sħab. Narawha wkoll f’Ta’ Tfal fejn Bezzina jikteb dwar it-tliet fażijiet tal-ħajja tal-bniedem (tfulija, irġulja u xjuħija) u kull fażi jillimitaha għal waħda mit-tliet kwartini li jibnu l-poeżija. L-istruttura anaforika f’Ridt Tagħżaq donnha trid tirrifletti x-xewqa insistenti tal-bniedem li jagħmel “mitt elf ħaġa”.

Tematika:

Charles Bezzina huwa poeta profond. Jikteb dwar il-ħajja f’din id-dinja, li bosta drabi tidher bħala solida, imma jfakkarna li hija realtà li tiċċarrat minn jum għall-ieħor. Il-poeta jwissina kontra dak li hu fieragħ u illużjoni, filwaqt li quddiem il-ħsieb tal-mewt hemm il-"qalb mudlama” u l-biża’ (ara Jista’ Jkun). Spiss jaħkmu elementi bħalma huma d-dlam, is-skiet u l-għajbien tal-jien. Dan jintrabat mal-poeżija Eżistenza: hemm preżenti l-ħin kollu l-għarfien tal-bniedem bħala ħolqien vulnerabbli, mitluf f’nofs "baħħ inkalkulabbli!”. F’L-Eżistenza Tagħna mbagħad l-eżistenza tinftiehem bħala mixja jew tfittxija, misjuqa mid-destin. Id-destinazzjoni hija s-sejba aħħarija ta’ dak li hemm fejn? Forsi dak li hemm lil hinn?

Naraw f’din il-ġabra lil Bezzina bħala l-poeta li daħal fil-ħarifa ta’ ħajtu; daħal ukoll iktar ’il ġewwa fis-sigrieti maħżunin fil-baħar u fil-ħolqien naturali. Il-poeta li qed jikber fiż-żmien jidher ukoll f’Dalgħodu Ġbart: jikteb, “Dalgħodu ġbart is-snin għaddiena tiegħi”. Hemm il-bniedem li jagħraf li l-ħajja għandha mill-istaġuni naturali, mela għandha kemm il-bidu u anki t-tmiem tagħha. Ir-ritmi li bihom Bezzina jiskandixxi jew iqejjes ir-realtà huma dawk tal-elementi naturali: l-istaġuni, il-baħar, il-qamar, it-tjur u l-bqija. Hemm drabi meta Bezzina saħansitra jilgħab ma’ ċerti elementi naturali daqslikieku kienu bnedmin huma wkoll (ara Se Niġbor). Il-mewġa u l-qamar jerġgħu jingħataw xejriet umani f’Illum Imħasseb: li jiġri hu l-fatt li l-poeta jsib il-wens u l-kumpanija f’dawn l-elementi naturali. Il-mewġa ħabiba tieħu lill-poeta jimraħ fi spazji li għandhom mill-meravilji (ara Mewġa).

Anki l-mewt hi preżenza kostanti f’din il-ġabra poetika. Il-poeta li issa mmatura sewwa anki fis-snin jinsab bejn żewġ estremi: fuq naħa l-"ġrajjiet qodma” u fuq l-oħra l-eternità (ara Mal-Ilma tan-Nixxiegħa). L-għarfien tat-tmiem naqraw dwaru f’Meta: il-mewt tinħass f’versi bħal “nagħlaq dal-kapitlu”, “intemm nikteb dan il-ktieb”, “ndomm xi epitaffju” u “fuq l-irħama ta’ xi qabar”. Hemm l-għarfien li l-waqt tal-verità mhux daqstant ’il bogħod. Fil-mewt hemm l-iskoperta tal-verità anki għax il-bniedem isir parti mill-eternità (ara Ċimiterju). Il-poeta jħossu dejjem joqrob lejn il-punt aħħari, il-mewt. Imma dan hu anki l-waqt mistenni għax hu l-waqt tal-epifanija, tal-għarfien, il-waqt meta imgħoddi, preżent u ġejjieni jsiru ħaġa waħda (Bħal Għabra). Dan jinħass ukoll f’Ix-Xemgħa Qiegħda: anki hawn t-tmiem hu fir-realtà bidu ta’ stadju ieħor li se jwassal "mid-dlam għall-infinit”.

Hemm ukoll il-versi tat-twemmin bħal X’Hemm Fija: din hija poeżija-talba fejn Bezzina jindirizza lill-Mulej u jitnebbaħ minn episodji partikolari tal-Vanġelu biex ifittex eżattament x’hemm mistur ġewwa fih. Il-fidi hija dik li ssaffi u tberraħ "l-għeruq minn kull moffa”. F’Hemm Bezzina jinsisti fuq in-negattiv fuq livell grammatikali: "mhux”, "mingħajr”, "qatt”, "ħadd”, "ma tgħallimtux” u "ma nafux”.  Forsi dan jindika x-xewqa eterna tal-bniedem li jsir jaf lil Alla? Bla ma jissemma b’ismu Alla bħal jinftiehem bħala preżenza kostanti li lil Bezzina isserrħu, tibdillu d-dlam f’dawl u l-ilment f’hena (ara Bla Ma Għedtlek). Alla huwa anki dak li jaħfer u jinsa l-ikrah u l-ħażin (Il-Ħniena t’Alla). Versi tat-twemmin oħra fejn Bezzina jitnebbaħ minn episodji bibliċi partikolari huma wkoll Ħallini Nixxuttalek: bħat-twemmin anki l-poeżija għandha mill-ingwent li jdewwi r-ruħ. F’In-Niċċa Bezzina jikteb dwar dawk il-mumenti tempestużi u xitwin li jolqtuh minn ġewwa. Waqt dawn il-waqtiet jixgħel il-“fjamma” li hemm fin-niċċa ta’ ġo qalbu. In-niċċa terġa’ tissemma f’Taħt in-Niċċa: ħdejha (mela simbolu tal-fidi) l-poeta jsib ferħ, sliem, sabar u serħ. Versi oħra li jintrabtu mat-tema tat-twemmin huma Kull Meta Naqra: meta Bezzina jilmaħ “l-hena f’uċuħ foqra”, “l-morda ftit jitbissmu” u “s-sliema ... f’moribondi”, huwa jiftakar fil-Mulej.

Hemm versi fejn Bezzina jittratta l-istess tema tal-poetika. Fi Stajt Nifhem Hekk kif Qrajt (Lill-Professur Oliver Friggieri wara li qrajt il-ktieb “Fjuri li ma jiftħux”) Bezzina jirreaġixxi għall-kitba ta’ kittieb ieħor; apparti dan il-kitba tal-poeżija tinftiehem bħala tiftixa fil-ġewwieni tal-jien tal-preżent u anki tal-imgħoddi. Il-poeta jistenna li dak li tilef jerġa’ xi darba jsibu. Il-bogħod bejnu u bejn il-ħaġa mitlufa jipprova jimlieh bil-kliem billi jsawwar il-poeżija. Hekk biss itaffi ftit mill-vojt li hemm ġo qalbu (ara Id-Dgħajsa Tiegħi, Infittxek u Lilek). Mela l-poeżija tista’ tinftiehem anki bħala terapija: bis-saħħa tagħha l-poeta jikxef dak li hemm f’qalbu, iberraħ dak kollu li hu mistur (ara Irrid Immiss lil Qalbi). Imma dan l-aħjar li jseħħ huwa fis-“solitudni”, kelma rikurrenti fil-poeżiji ta’ Bezzina. Is-solitudni hija s-sigriet wara l-kitba ta’ dawn il-poeżiji kollha u anki s-sigriet wara t-twaħħid poeta-natura (ara wkoll Qed Jgħib il-Lejl).

Bezzina bħal jagħti awtodefinizzjoni tiegħu bħala poeta f’It-Tfajjel:

“Maqtugħ ’il bogħod mill-folla,
imbiegħed minn kulħadd,
ma jħobbx xalar u festi,
ma jrid li jara ’l ħadd.

Iħażżeż mal-art iebsa
xewqat u ħsibijiet,
itenni l-kliem ta’ qalbu
lir-riħ u lill-mewġiet.

Ma jlissen ebda kelma,
imwarrab jgħix fis-skiet,
fih jostor ferħ u diqa,
iross it-tqanqiliet.”

F’Il-Kelma Tiegħi jikteb ukoll:

“Il-kelma tiegħi, waħda,
fidila, għax mill-qiegħ,
tivvibra, tidwi dejjem,
minn qalb miftuħa għar-riħ.”

It-tiftixa tat-tfajjel innoċenti tal-imgħoddi ma tagħtix riżultati pożittivi f’Qaluli. Però, f’ċertu sens, Bezzina poeta matur għad għandu minn dak it-tfajjel tal-imgħoddi; illum, minflok jilgħab bin-numri tal-passju jilgħab bl-ittri u joħloq l-ilwien tal-poeżija, rifless ta’ “mewġ ħarkieni” li hemm ġewwa fih u li qatt ma jorqod. Anki f’Fuq il-Ponot ta’ Subgħajja naqraw dwar it-tematika tat-tifel li, din id-darba jogħla fuq ponot subgħajh biex jiskopri x’hemm lil hinn. Imma jiġi żmien meta jaħkmu l-għeja u anki l-uġigħ u hawn jinħass il-poeta li kiber u ma baqax it-tifel mimli bl-enerġija.

F’Meta tinħass ix-xewqa ta’ kull kittieb jew poeta li jiġi mogħti għarfien minn dawk ta’ madwaru. Hemm ukoll l-idea li l-kittieb jew poeta hu dak li jikteb. Mela jinftiehem hu jekk jinqraw jew jinftehmu kitbietu.

It-tema tal-poetika tinħass ukoll f’Tgħid Jien. Bezzina jistaqsi “Jien x’jien?” Jagħraf li għandu kemm mill-poeta, mill-pittur u anki mill-kompożitur: fit-tlieta li huma jaħkmu t-tifkiriet, il-malinkonija u n-nostalġija. Fit-tlieta wkoll hemm dik il-forza ħallieqa tas-sabiħ li jitwieled mill-uġigħ. Anki f’Jien Ombra Bezzina bħal iwieġeb għall-mistoqsija eżistenzjali “Jien min jien?” Jagħti definizzjoni multipla tal-“jien”; f’din il-poeżija jaħkmu l-affermazzjoni u ċ-ċertezza u mhux id-dubju.

Anki Ilma tintrabat b’xi mod jew ieħor mat-tema tal-poetika. Bezzina jikteb:

“Ġo fija l-ilma dejjem ġej bil-qawwa,
nisimgħu nieżel b’sabta kull mument,
imexxi ż-żrar, il-frak, il-ħsus ta’ qalbi,
u jibqa’ sejjer mgħaġġel mal-kurrent.”

L-ilma hawn huwa l-muża? U din l-ispirazzjoni hija marbuta mal-idea rikurrenti fil-versi ta’ Bezzina tal-irvell li spiss iħoss ibaqbaq ġewwa fih, irvell li jsib is-serħan tiegħu biss fil-ħolqien tal-poeżija.

Poeżija orġinali tassew hija Charlie Chaplin, mela ispirata minn dan l-attur famuż u importanti f’rabta maċ-ċinema mutu. Bezzina bħal jidentifika ruħu miegħu: fit-tnejn hemm il-poeta buffu, baħnan, imma hieni, ħanin, sinċier u rebbieħ.

F’Raxx tas-Silenzju hemm ukoll il-versi soċjali. Tislima hija eleġija soċjali ladarba tinkiteb f’rabta ma’ traġedja li seħħet fir-realtà (il-mewt ta’ sitt Għawdxin li mietu fil-kamra tan-nar fl-Għarb f’Settembru tal-2010). Mill-banda l-oħra f’Poppy Day jaħkmu l-aħmar u l-iswed ladarba tittratta t-tema tal-gwerra li magħha ġġib tixrid ta’ demm u luttu. F’Minn Bejn Bezzina donnu jfakkarna li l-ispazju dejjaq tal-belt illum ftit iħalli post biex tkun tista’ tinfiltra b’dawlha x-xemx; minflok jaħkmu l-“karozzi/ u t-tankijiet tal-petrol jinten”.

F’poeżiji oħra tispikka r-relazzjoni bejn il-"jien” u l-"int”, mela tinħass ukoll it-tema tal-imħabba. Bezzina jagħmel djalogu-monologu ma’ din il-preżenza (l-"int”) li hija waħda spiss elużiva iktar milli tanġibbli (ara Jekk Tordnali). Il-versi tal-imħabba huma ħafna wkoll f’din il-ġabra ta’ poeżiji. Hawn Bezzina bħal jinża’ mill-essri tanġibbli u fiżiku biex anki hu jsir preżenza elużiva li timraħ fi spazji mill-aktar varjati (ara Niltaqgħu). Hija fuq kollox imħabba espressa b’mod mill-iktar nadif u sinċier, imma spiss hija mħabba marbuta mal-imgħoddi (ara Tibqa’ x-Xewqa tal-Passat).

Ix-xbieha:

Fil-poeżiji ta’ Bezzina nassistu għal moviment kontinwu mil-litterali għall-figurattiv u viċiversa. Il-ħajja f’din id-dinja hija mifhuma bħala vjaġġ li spiss iseħħ fid-dlam. Il-fanal li jsemmi l-poeta huwa l-fidi, biex fl-aħħar isib l-eternità (ara Fis-Skiet il-Fanal). Il-bniedem jinftiehem bħala għasfur ċkejken li jfittex il-kenn kontra l-maltemp u l-irwiefen tal-ħajja "mqallba” (ara Żewġ Għasafar). F’Għajejna Niġġerrew il-jien imdawwar mill-baħħ hu l-istess gżejra (Għawdex) imdawra mill-baħar. Daqqiet oħra naraw lil Bezzina bħala l-gawwi li hekk kif tkun nieżla x-xemx jidħol ġol-għar u fis-solitudni jingħi u jgħanni dak li hemm mistur fl-ibgħad għerien tal-jien tiegħu (ara Hemm Ġebel). F’Nostalġja Bezzina jikteb, “Nerġa’ lura għan-nixxiegħa” (mela għall-bidu jew l-għajn), ladarba m’għadux tifel, imma dan jista’ jagħmlu biss permezz tal-poeżija. Dawn huma kollha prova tal-ixbihat friski, dinamiċi, sbieħ, naturali u ħajjin li jħaddem Bezzina, xbihat li spiss jintrabu mal-ambjent tal-baħar (ara wkoll Matul is-Snin, fejn jikteb “’Ma llum qed nersaq qajl lejn l-aħħar xtajta”; jew Nostalġija, fejn jikteb, “nogħdos fond mat-tifkiriet”).

Fil-poeżija Fix-Xtajta Deżolata tissemma t-"Theddida ta’ burraxka”. Hija burraxka li tagħti l-frott, u dan huwa l-ħolqien tal-poeżija.  F’Ir-Riħ huwa dan l-element li jonfoħ fil-ġewwieni tal-poeta, rifless ta’ ruħ li m’għandhiex serħan. Hemm il-makrokożmu anki fil-mikrokożmu, mela d-dinja ta’ barra, dik bla limiti, tinsab ġewwa qalb il-poeta: "U kollha jagħfsu f’qalbi, jqajmu rwiefen,/ buffuri ta’ maltemp u emozzjoni.” (Bħal Għabra) Dan jidher ukoll f’Hemm Spazju Kbir: dak li qabel Bezzina kien jiddeskrivi barra minnu, issa bħal jinternah jew isir parti minnu. Il-bniedem fih innifsu hu univers bla tmiem li fih wieħed jista’ faċilment jintilef. Dan narawh ukoll f’Hemm Dell Ħosbien.

Fil-kitba ta’ poeżija wara l-oħra Bezzina bħal jirnexxilu bil-mod il-mod "inħoll dejjem il-kobba ta’ ħajti” (ara Qed Jissaħħab is-Sema), biex meta jasal biex iħoll din il-kobba sħiħa jkun wasal fit-tarf ta’ din il-ħajja u b’hekk ikun qrib li jsib il-mistrieħ etern fil-mewt.

Il-bniedem jasal fi żmien meta jħares lejh u jilmaħ lilu nnifsu bħal "torri għassies,/ mitluf waħdu, jitbekka r-rovini” (ara Xewqat). Hemm ukoll ix-xbieha tal-ġnejna f’ħerba li ssir simbolu tal-ħajja tal-poeta: fit-tnejn hemm ħerba u nixfa (ara Fil-Ġnejna).

Il-poeta hu dak il-bniedem sensittiv li ftit iħalli għaddej bla ma jaqbad pinna jew lapes u jeternah jew iwaqqfu fiż-żmien billi jiktbu fuq karta. Huwa dak il-bniedem alert il-ħin kollu, maħkum spiss mill-muża li tiddettalu hi meta jikteb u meta jistrieħ (ara Thewdin). Il-ħajja tal-poeta titqabbel max-xmara ħarkiena u l-ilma ġieri (ara Ix-Xmara Tiegħi): it-tnejn iġorru magħhom dak kollu li jsibu quddiemhom. Kontra dan il-moviment li jkaxkar hemm ix-xewqa għall-mistrieħ.

Il-poeta jitqabbel mas-sajjied li jtella’ mill-qiegħ demgħat tal-imgħoddi (Dalgħodu x-Xemx). Ix-xbieha tas-sajjied terġa’ tidher f’Id-Dmugħ tal-Qamar: Bezzina jidher bħala s-“sajjied xiħ li fuq l-iskolli/ qed jibki solitarju b’nostalġija”, nostalġija ta’ dak kollu li għadda u ma jerġax lura; jifdal biss il-memorji li jinqabdu u jieħdu forma fin-“nassa” tal-poeżija.

Hemm drabi meta l-poeta jinftiehem bħala dik il-preżenza solitarja u inviżibbli li għandha wkoll mill-onnixxenza: xi drabi jħares minn fuq lejn dak kollu li jagħmel jew jifforma l-pajsaġġ naturali (Dalgħodu s-Skiet). Drabi oħra l-poeta jsir ninfa, mela ħlejqa li hija parti mill-pajsaġġ naturali u l-misteri li jġorr miegħu (Lilek). F’Ħorsien tas-Solitudni Bezzina jistħajlu preżenza astratta li ġejja mill-imgħoddi biex terġa’ żżur l-irkejjen marbutin ma’ avvenimenti storiċi partikolari.

Hemm drabi meta l-poeżija tissieħeb mal-pittura. F’Se Npittrek Kif Tixtieq l-element kromatiku (it-tħaddim tal-ilwien) huwa qawwi; huma lwien li ġejjin direttament mill-ambjent naturali.

Xbieha li tolqot hija dik li naqraw fi Vjolin:

“Nistħajjel il-vjolin mal-ħajt imdendel
bħal qisu Kurċifiss li għandu storja.”

U dan jerġa’ jfakkarna fir-rabta bejn il-poeta (li joħloq il-poeżija), Kristu (li bata fuq is-salib) u l-mużika (il-vjolin), kollha marbutin b’xi mod jew ieħor mal-idea tal-imħabba u s-sagrifiċċju.

Spazji:

Spiss jinħass li Bezzina jabita dimensjonijiet u spazji li jmorru lil hinn mill-kwotidjan u minn dak li huwa evidenti. Għajnejh jiftaħhom fid-dalma (ara Kif Taqa’ d-Dalma), meta għajnejn il-parti l-kbira tal-bnedmin ikunu magħluqin u b’hekk ma jarawx u ma jħossux dak li jara u jħoss il-poeta. Għalhekk il-poeta jgħaddi minn waqtiet li fihom iħossu barrani:

"Għad forsi ma jżernaqx il-jum u nifhem
li sirt esperiment f’dinja kumplessa,
barrani assolut li ħadd ma riedni,
 u fdal mitfugħ fil-ġenb tal-eżistenza.” (Eżistenza)

Fi spazji mwarrbin u partikolari Bezzina jirnexxilu wkoll jisma’ ħsejjes li bosta ma jisimgħux: hekk fi Tħammim jikteb dwar “il-lefqa tad-dagħbien”, “il-karba tal-għoljiet”, “id-diwi tas-smewwiet” u “il-ħsejjes kbar taż-żmien”. Il-poeta li kapaċi jara dejjem iktar lil hinn minn kollox u minn kulħadd jidher ukoll f’Ħarstek minn ġot-Tromba: u din il-kapaċità hija frott il-ħsieb imqanqal tal-poeta li jinfed “fi spazju qatt milħuq”. F’dawn l-ispazji solitarji jseħħu wkoll laqgħat speċjali u importanti li għandhom mis-seħer: “Illejla ser niltaqa’, nbus lit-tfaljla/ li xeddet libsa vjola biss għalija.” (Illejla Ser)

F’Neżisti Bezzina jitwaħħad ma’ dak kollu li hemm madwaru, imma hija interessanti l-assenza tal-bnedmin l-oħra. Hemm ukoll rabta qawwija mal-imgħoddi ("kappelli”, "leġġendi” u "gardjoli”), anki dan b’xi mod imbiegħed mill-għagħa tal-preżent. Dan jista’ jintrabat mal-“lirika qadima ta’ madwarna” li jsemmi  f’Illejla Nġabru Miegħi. Huwa anki dan li Bezzina jipprova jittraskrivi fil-versi tiegħu. Donnu jinsisti fuq dan it-twaħħid f’Ħarifa meta jikteb, “Se nitwaħħad ma’ djul in-natura,/ inħuf waħdi ma’ kemm mogħdijiet.”

Leħen Bezzina jibqa’ marbut mal-gżejra mdawra bil-baħar. Fuq naħa hemm il-kenn ta’ dak li hu ċkejken (il-bejta fuq is-sies u t-torri), fuq l-oħra l-ftuħ tal-baħar. Dan il-baħar huwa post il-misteri li ġejjin mill-bogħod. Spiss Bezzina jiċċaqlaq fi spazju fiżiku li jintrabat max-xtajta Għawdxija - jissemmew "is-salini”, "it-torri f’rovini”, ix-Xlendi -, imma anki mal-gżira Għawdxija in ġenerali: jissemmew "Toroq dojoq kollha mserrpa”, "id-djar qodma”, il-"barriera”, il-"kappelli”, il-"gardjoli”, in-"niċċa”, il-“wied”, il-“pjazza”, il-“funtana”,“il-kastell”, “it-turretti u s-swar għolja”, il-“batteriji”, u “il-bastjuni kbar tal-kavallieri”.

Hemm imbagħad fil-versi ta’ Bezzina spazji li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-gżejjer Maltin. F’Jekk Darba tissemma l-foresta. Għandu żewġ poeżiji fejn jissemmew l-Alpi u anki l-Lag ta’ Orta, it-tnejn fl-Italja. F’din tal-aħħar Bezzina jispira ruħu mill-ispazju tal-monasteru fejn isib atmosfera ideali: is-silenzju, is-solitudni u s-serħan. Dan minkejja li xi drabi s-skiet ifisser ukoll turment, niket u tbatija (ara Das-Skiet). F’Infittxek jissemmew il-muntanji, l-għadajjar, id-deżerti, il-boskijiet, imma anki spazji li jmorru lil hinn mid-dinja tal-bniedem, bħall-qamar, il-galassji, u l-univers. Il-poeżija Xi Ħadd tiftaħ bil-vers, “Xi mkien lil hinn max-xefaq skur u sielem”. Forsi dan kollu jintrabat mal-idea li għall-poeta l-ispazji tad-dinja li fiha jgħix il-bniedem mhumiex biżżejjed għax limitati? Bezzina għandu wkoll poeżija jisimha Vulkan: dan iġib miegħu tisfija, u l-lava u d-demm fl-aħħar mill-aħħar jinbidlu fi dmugħ.

Bezzina jibqa’ l-poeta romantiku li fil-bidu tat-tielet millennju jibqa’ joħlom, jittama, jemmen fl-imħabba, u jfittex il-mistrieħ fl-ispazji naturali, ’il bogħod mill-għagħa tal-bliet. Hemm ukoll fil-versi tiegħu t-tiftixa ta’ spazji ġodda, anki jekk dan jinvolvi ċerti riskji u kuraġġ. Għalhekk dawk li jikteb dwarhom huma wkoll spazji li jinsabu x’imkien bejn l-ispazji miftuħa bħall-baħar u x-xtajtiet, u dawk ġewwiena tar-ruħ u l-jien (ara Irħejna x-Xewqat). F’Kont Noħlom l-ispazji naturali jintrabtu ma’ elementi bħas-“silenzji spiritwali”, it-tifkira u l-armonija.
Naraw ukoll lil Bezzina miexi fi spazji estremi bħalma huma d-"dagħbien” u "xifer is-sisien” (ara Fid-Dlam Jien Sejjaħtilha). Il-vjaġġ li jagħmel Bezzina jmur f’kull direzzjoni: iseħħ kemm orizzontalment (bħal meta per eżempju għajnejh jimirħu dritti fuq il-wesgħat tal-baħar jew fuq “art kollha borra” – Fuq l-Alpi -, jew fuq ix-“xtajta deżerta” fejn hemm dak kollu li jeħtieġ – Ħdejn il-Baħar), kif ukoll vertikalment (bħal meta jerfa’ ħarstu lejn il-muntanji, il-kwiekeb jew l-għoljiet, jew iniżżilha biex jilmaħ id-dagħbien jew jinfed l-għerien). Spazju estrem ieħor huwa n-natura waqt tempesta: f’dan il-poeta jara l-ikbar spettaklu u ma jħossu bl-ebda mod imbeżża’, anzi għall-kuntrarju jħoss stagħġib u stennija. Jibża’ biss min-natura, anki f’dawn il-waqtiet tempestużi, min hu ’l bogħod minnha (ara Jekk Għadkom). Poeżija oħra fejn il-poeta jħossu mqanqal quddiem l-ispettaklu naturali (din id-darba l-ħmura tas-sema) hija Kull Meta s-Sħab Iħammar.

Għeluq:

Din il-ġabra poetika tieħu isimha mit-titlu tal-aħħar poeżija, li huma wkoll l-aħħar tliet kelmiet li jagħlqu dan il-ktieb:

“Għalhekk la tinkwetax, maż-żmien xi darba
ittiegħem għad iż-żiffa ta’ filgħodu,
tesplora u tifhem ftit minn dak li ġralek,
u tħoss li trid mill-ġdid ixxarrab wiċċek
bir-raxx ifuħ tal-mewġ, raxx tas-silenzju.”

“Silenzju” hija l-aħħar kelma tal-ġabra. Bħal donnu Bezzina jrid jgħid li wara dak kollu li qal u kiteb issa m’għad fadallu xejn x’jgħid iktar għax straħ?

Minn dan kollu wieħed jifhem li Raxx tas-Silenzju huwa wkoll qrara, jew anki stedina biex insiru nafu lill-poeta-bniedem fil-fond. Mhix biss ġabra ta’ poeżiji, imma hija qalb il-poeta li joffrihielna daqslikieku kienet ktieb mimli paġni, emozzjonijiet, delużjonijiet, ħolm u l-bqija. Hija wkoll titwila fil-labirint ta’ moħħ il-poeta, titwila li twassal ukoll għal epifanija jew kixfa ta’ dak li hemm moħbi. Huwa għalhekk dmir il-qarrej li jisfolja paġna paġna din il-ġabra u jiskopri dak li hemm mistur f’ruħ u qalb Bezzina bniedem u poeta.

(April 2012)
                                                                

No comments:

Post a Comment