Wednesday, October 17, 2012

IL-KITTIEB ta’ Anton Grasso (2012, Horizons)


Din hija t-tieni edizzjoni tar-rumanz Il-Kittieb, wara li ħareġ għall-ewwel darba fl-1981. Huwa t-12-il ktieb li ġie ppubblikat mill-ġdid ta’ Anton Grasso matul karriera ta’ 38 sena bħala kittieb. Huwa rumanz ta’ 250 paġna ċirka, u li jinqasam f’20 kapitlu. Fl-aħħar paġni Anton Grasso jinkludi għadd sabiħ ta’ kummenti kritiċi dwar il-kotba li ppubblika matul il-karriera tiegħu ta’ kittieb mis-sena 1974, kummenti miktuba minn kritiċi, ġurnalisti u kittieba oħra.

Żmien u spazji:          

Anton Grasso jambjenta l-azzjoni ta’ dan ir-rumanz lil hinn mill-geografija tal-gżejjer Maltin. L-ewwel taqsima tiftaħ mill-ewwel b’sena u bi spazju partikolari: il-belt ta’ Ruma fl-1978. Il-Vatikan jinsab f’sitwazzjoni diffiċli, il-Knisja taħt theddida. Jeħtieġ li jintagħżel Papa ġdid wara l-mewt ta’ ieħor. Tinħass ċerta tensjoni fost il-komunità Nisranija. Bejn l-ewwel u t-tieni kapitlu jgħaddu x-xhur.

Fit-tieni taqsima l-awtur joħodna x’imkien fl-Ingilterra fejn tgħix il-koppja Christopher u Marianne Doversmith. Dan huwa spazju li jista’ jintrabat ma’ sitwazzjoni ta’ staġnar, disperazzjoni u kriżi.

Fit-tielet taqsima nerġgħu lura fil-belt ta’ Ruma. B’kuntrast mal-Ingilterra, dan hu spazju li jintrabat ma’ opportunitajiet u ħajja ġdida. Jintrabat ukoll mal-idea tal-bidla, anzi bidliet, li jseħħu fi Chris u li, għalkemm tħosshom, martu Marianne ma tistax tifhimhom u tfissirhom.

Hemm waqtiet fir-rakkont meta Grasso jagħtina indikazzjonijiet temporali ċari. Per eżempju, f’kapitlu 17 naqraw li Chris u Marianne ilhom diġà ħames ġimgħat f’Ruma. F’kapitlu 18 naqraw li l-koppja ilha Ruma xahrejn. Aktar tard tissemma d-data tat-23 ta’ Novembru, mela qed joqrob il-Milied.

Spazju partikolari huwa l-uffiċċju ta’ Pa Daemon. Dan huwa l-ispazju fejn Chris Doversmith jieħu post Pa Daemon u jakkwista dak li dejjem xtaq: l-ispirazzjoni vera u s-suċċess. Hawn isseħħ xena surreali (f’kapitlu 17): tissemma l-quddiesa s-sewda u dak kollu li jiġi magħha. Jintlaħaq ċertu anti-klajmakx biex wara kollox jerġa’ lura għan-normal, jew għallinqas hekk jidher.

Hemm imbagħad l-ispazju tal-knisja Kattolika li fih isseħħ quddiesa funebri. Huwa hawn fejn Marianne bħal tara l-verità kif inhi u tifhem is-sitwazzjoni kerha li tinsab fiha.

Il-bidla li sseħħ fl-ispazji (inkluż l-uffiċċju tal-Prof. Lotarman) b’xi mod jew ieħor tintrabat mal-istil narrattiv li jħaddem Grasso f’dan ir-rumanz.

Tematika:

Tema li mill-ewwel tispikka f’Il-Kittieb hija dik tal-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin, imma anki bejn it-tradizzjoni u l-ħsieb modern. Nassistu għall-konfront bejn il-Papa, Marju Orselli, u l-Kappillan Salvatore Silvestru li jrid li s-saċerdoti jkunu jistgħu jiżżewġu. L-isem tax-xitan jissemma spiss minkejja li ninsabu ġewwa l-Vatikan.

Grasso jittratta wkoll it-tema taż-żwieġ permezz tal-koppja Doversmith. Hija tema li tintrabat ukoll ma’ tema oħra: dik tal-ambizzjoni ta’ kittieb żagħżugħ. Mela nassistu għall-ġlieda bejn it-telgħa għas-suċċess u l-kitba fuq naħa, u d-dmirijiet lejn il-familja fuq in-naħa l-oħra, imma anki għat-tlajja’ u l-inżul li Chris Doversmith ikollu jaffaċċja matul il-karriera tiegħu ta’ kittieb. Tema bħal din titkompla fit-tielet taqsima fejn wieħed iħoss li xi darba jew oħra għad trid tfaqqa’ bomba. Għalkemm Chris isib postu f’Ruma u jħossu dejjem joqrob lejn dak li dejjem xtaq, martu Marianne tħoss li r-relazzjoni tagħhom sejra dejjem lura. Chris issa jinsab f’salib it-toroq: fuq naħa hemm martu u ibnu; fuq l-oħra l-kitba u l-fama. X’se jagħmel eventwalment?

Dan jintrabat ma’ tema oħra għal qalb Grasso: il-qagħda tal-kittieb fis-soċjetà tal-lum; hu diffiċli ferm biex wieħed jgħajjex familja mill-kitba biss. F’Il-Kittieb Grasso jikteb spiss dwar il-kwistjoni tal-letteratura moderna u l-kummerċjaliżmu. F’paġna 37 naqraw, “Żidt tlieta jew erba’ karattri, ftit aktar kumplikazzjonijiet. Dak li jridu jisimgħu n-nies. Stejjer sempliċi u ndaf m’għadhomx jintogħġbu.”

Hemm ukoll it-tema tal-metamorfożi, jew tal-bidla. Fit-tielet taqsima ta’ Il-Kittieb il-personalità ta’ Pa Daemon (kittieb magħruf imma mejjet) bħal taħkem lil Chris tant li jsir Pa Daemon hu nnifsu. Minn dan il-waqt ’il quddiem jibdew iseħħu għadd ta’ avvenimenti straordinarji (saħta partikolari?): is-saħta li taqa’; fuq il-Profs. Hardy Lotarman; it-traġedja misterjuża tal-kittieb u għawwiem Robert Johnes; is-saħta li taqa’ fuq il-pilota li jkun qed isuq l-ajruplan li kellu jġib Ruma omm Marianne. Dan kollu jintrabat mal-kelma li spiss tirrikorri, “bidla”, imma anki mat-tema tal-okkult.

Binja u stil:

Il-Kittieb jinqasam fi tliet taqsimiet ewlenin (l-ewwel taqsima bi tliet kapitli; it-tieni taqsima b’disa’ kapitli; it-tielet taqsima bi tmien kapitli), b’kollox 20 kapitlu. L-iqsar kapitlu għandu żewġ paġni (kapitlu 3) filwaqt li l-itwal huma ta’ 23 paġna (kapitli 10 u 17).

Ir-rakkont jitwassal lilna permezz tat-tielet persuna singular (“huwa” u “hija”) u n-narratur huwa onnixxenti, mela jinsab f’kull post u f’moħħ il-personaġġi tiegħu. Hemm ukoll bosta partijiet iddjalogati. Xi drabi Grasso jgħaddilna r-rakkont tiegħu mill-perspettiva ta’ mart Chris, Marianne, li minħabba l-ambizzjoni letterarja tiegħu tħossha mwarrba u falliment. L-awtur għalhekk jagħti spazju lil dak li tħoss Marianne kemm bħala mara miżżewġa, kif ukoll bħala omm, fid-dawl ta’ dak kollu li jseħħ fir-rakkont. Dan joħroġ ukoll permezz tat-telefonata (fit-tielet taqsima) bejn Marianne u oħtha Jenny. Hija telefonata li tkompli tixħet aktar dawl jew dubji fuq min kien Pa Daemon. Fit-tielet taqsima r-rakkont idur spiss madwar Marianne li tibqa’ mistagħġba quddiem il-bidliet li qed iseħħu f’żewġha.

Huwa fit-tieni taqsima, kapitlu 7, fejn Grasso jorbot ir-rakkont ta’ Chris u Marianne mal-ewwel taqsima, jiġifieri mal-kwistjoni tal-problemi li għaddej minnhom il-Vatikan. Hawn il-kriżi ta’ Chris bħala kittieb fallut u l-kriżi taż-żwieġ bejn Chris u Marianne jintrabtu flimkien mal-kriżi li għaddejja minnha l-Knisja.

Teknikament Grasso jħallat spiss il-preżent mal-imgħoddi, anki biex ifakkar li tal-ewwel hu riżultat tat-tieni. Kontra l-problemi li għaddejja minnhom fil-preżent – ix-xewqa li Marianne tinħabb verament minn żewġha Chris – Marianne tiftakar fil-lezzjonijiet tal-Franċiż u fil-figura paterna tal-għalliem Jean Hauvette. L-issa u dak li seħħ diġà jintrabtu flimkien biex spiss isiru ħaġa waħda. Dan Grasso jagħmlu b’faċilità kbira permezz tal-analessi jew flashback.

Il-waqtiet marbutin mal-imgħoddi huma varji u jintrabtu ma’ ċirkustanzi u mumenti differenti f’jiem differenti. Dawn jgħinu biex il-qarrej jifhem ukoll lill-karattru ta’ Chris, għaliex hu magħġun hekk fil-preżent, u anki ftit aħjar il-passat ta’ Marianne, anki l-ewwel laqgħa tagħha ma’ Chris.

Fit-tifkiriet Grasso jiftaħ tifkiriet oħra, bħal donnu meta tħares ġo mera li tirrifletti r-rifless ta’ mera oħra. Jinbidlu wkoll l-ispazji li mhuma xejn ħlief ċelluli differenti f’moħħ Chris li qed jiftakar. Dan kollu waqt lejl twil ta’ insonnja; lejl imqabbel ma’ ferrovija, bil-ħsibijiet differenti mqabblin ma’ passiġġieri differenti.

Bosta drabi Grasso jagħti spinta jew enerġija lir-rakkont tiegħu, bħal meta Marianne tiskopri b’kumbinazzjoni li anki l-eks-maħbub tagħha taha għall-kitba u għandu rumanz ippubblikat fejn jikteb dwarhom it-tnejn. Il-qarrej hawn jistaqsi x’ser iseħħ? It-tieni taqsima tispiċċa b’deċiżjoni li Chris u Marianne jieħdu biex jagħtu nifs ġdid lil ħajjithom. Mill-ġdid jinħass li se jitħalltu avvenimenti privati u familjari ma’ oħrajn internazzjonali (mela Ruma u l-biċċa tal-Papa li qed imut).

Ritmikament ir-rumanz jirranka sewwa fit-tielet taqsima li tkompli mat-tieni bla ebda diffikultà, u taqbad ukoll mal-ewwel taqsima: wara l-inżul fl-ajruport ta’ Ruma titħabbar il-mewt tal-Papa. Anki hawn il-qarrej jistaqsi x’rabta jista’ jkun hemm bejn il-familja ta’ Marianne u Chris u l-mewt tal-Papa f’Ruma, imma anki f’rabta ma’ ċirkustanzi straordinarji bħal meta jmut Papa. Grasso jagħtina deskrizzjoni tassew ħajja tas-sitwazzjoni kaotika hekk kif wieħed jasal f’Ruma. Hawn ma jħalli barra kważi l-ebda dettall, żgħir kemm hu żgħir: uċuħ, movimenti, ħsejjes, ilwien u rwejjaħ.

Il-laqgħa ta’ Chris u Marianne ma’ Philip u Katja Denver f’nofs Ruma terġa’ tagħti iktar enerġija narrattiva lir-rakkont. F’waqt minnhom Philip jiċċassa lejn it-tfajjel Malcolm, iben Chris u Marianne. Hija biss ħarsa jew waqt misterjuż u sinifikattiv għall-qarrej li ma jaħrablu xejn? Philip jgħid li laqtuh għajnejn it-tfajjel: hija verità?

Hemm aktar waqtiet bħal dawn: id-djalogu bejn Chris u Philip li jistqarrlu li missieru kien kittieb magħruf u li miet qasir il-għomor. X’hemm wara l-psewdonimu Pa Daemon? Jissemma wkoll rumanz mhux mitmum tiegħu. Wieħed jistaqsi jekk Chris hux se jkompli fejn ħalla Pa Daemon.

Grasso jilgħab ukoll bil-mekkaniżmu tal-kuntrast: il-laqgħa bejn Chris u Philip (fejn jaħkem spirtu ottimist u ta’ tiġdid) titqiegħed f’kuntrast mal-bqija tal-atmosfera f’Ruma (atmosfera ta’ luttu u diqa).

Aktar elementi li jnisslu kurżità fil-qarrej huma d-dettall li bih Grasso jagħlaq kapitlu 14: is-salib iswed żgħir rasu ’l isfel fuq il-pavru ta’ Philip. Hemm ukoll ir-riħa partikolari fil-karozza ta’ Philip u Katja, il-ħolma stramba ta’ Marianne, u d-dubji li jolqtu lilha rigward l-interess ta’ Philip u Katja fi Chris bħala kittieb (kollox f’kapitlu 15).

Kapitlu 17 jiftaħ b’xena surreali fejn ir-realtà titħallat mal-ħolm. Jista’ jkun li hawn il-ħolma qed tixħet dawl fuq dak li għad irid iseħħ. Issir ukoll ċerta enfasi fuq il-kelma “bidla”: din tidher fuq kollox fi Chris li minn mindu jsir jaf lil Philip u Katja jibdel ħafna mill-abitudnijiet u komportamenti tiegħu. Dan huwa kapitlu b’saħħtu fuq livelli differenti: deskrizzjonijiet effettivi, ritmu li jżid u jnaqqas skond il-waqt tant li jżommok taqra u attent, ċerti sorpriżi jew “colpi di scena”.

Wieħed minn dawn il-“colpi di scena” huwa meta f’kapitlu 18 Marianne taqra f’gazzetta lokali dwar traġedja kurjuża li tolqotha fil-laħam il-ħaj. Żgur li traġedja bħal din tnissel iktar kurżità fil-qarrej u tkompli tikkarga lir-rakkont. F’kapitlu 18 Grasso juża teknika oħra: huwa jalterna bejn tipa normali u tipa fil-korsiv, u dan kollu waqt quddiesa fejn qed jiġi ċċelebrat funeral. Hawn l-awtur jalterna bejn il-kliem tal-qassis Kattoliku waqt rit ta’ quddiesa funebri, u kliem ieħor li jintrabat ma’ reliġjon qadima li kienet tadura lix-xitan. Dan kollu jirrappreżenta l-ġlieda eterna bejn it-tajjeb u l-ħażin u jseħħ fl-ispazju ta’ knisja kattolika.

Jissemma iktar minn darba ktieb ta’ Aliester Crowley (okkultist, poeta u mistiku Ingliż, fost ħwejjeġ oħra), u dan kollu fid-dawl tal-kriżi li għaddejja minnha l-Knisja li ilha max-xahrejn biex tagħżel Papa ġdid. Iktar kemm joqrob lejn tmiemu, iktar iżid l-element tal-biża’ f’Il-Kittieb. Is-sagru jitħallat mal-profan, kważi mal-oxxen.

Hemm ukoll l-element tal-meta-rumanz: dak li naqraw donnu hu parti minn rumanz li beda fl-imgħoddi Pa Daemon u kompla fil-preżent Chris, bl-isem ta’ Id-Dinja ta’ Għada.

Kapitlu jkompli jintrabat ma’ ieħor u d-doża tal-misteru tkompli tiżdied lejn l-aħħar: it-tifel li jitwieled lil oħt Marianne, Janet, jingħata l-istess isem li kellu t-tifel ta’ Philip u Katja, jiġifieri Timothy Thomas.

Kapitlu 20 jservi bħala epilogu. Il-ħolma li kienet tgħakkes lil Marianne ssir realtà. Kollox bħal jitqiegħed f’postu f’dan l-aħħar kapitlu, għalkemm Grasso xorta waħda jħalli ċerti dettalji mhux iċċarati, apposta, biex il-qarrej jibqa’ jistaqsi sal-aħħar.

Għeluq:

Il-Kittieb għandu jingħoġob minn kull min iħobb rumanz ta’ ċertu tul u konsistenza li jħallat fih temi bħall-imħabba, il-mewt, il-familja u l-okkult. Huwa rumanz li reċentement ġie rivedut u għalhekk imtejjeb mill-awtur stess, awtur li mill-1981 ’l hawn kompla jissaħħaħ bħala kittieb ta’ sengħa u ta’ esperjenza.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment