Mhix
l-ewwel darba li fl-istorja tal-Poeżija dinjija imma anki dik Maltija l-poeti kitbu
versi imma anki trattati jew riflessjonijiet marbutin mat-twemmin, anki meta
l-poeta ma kienx patri jew qassis. Għandi f’moħħi poeti bħal Karmenu Vassallo u
anki Oliver Friggieri, u qaddisin li se nsemmi aktar tard. Il-Blata Tiegħi
hija ġabra poetika li timxi fuq il-passi ta’ din it-tradizzjoni. Tifrex fuq 175
paġna u li tiġbor fiha mal-203 poeżija. Hija maqsuma f’żewġ taqsimiet: hemm
parti jisimha “Inti O Alla” (131 poeżija), filwaqt li parti oħra ġġib l-isem
ta’ “Lilek Omm Alla” ladarba l-poeżiji hawn huma ddedikati lill-Madonna (72
poeżija). Il-Blata Tiegħi għandu “Kelmtejn mill-Awtur” u “Kelmtejn
Qabel” mill-pinna ta’ Alfred Massa, illum President Onorarju tal-Għaqda Poeti
Maltin.
IT-TEMATIKA:
Il-ġrajja
tal-Kotba Mqaddsa hija mgħoddija mill-għarbiel suġġettiv ta’ Charles Mifsud u
mibdula f’versi sempliċi li jerġgħu jgħaddu l-messaġġ tal-istess ġrajja. Dan
jidher f’Mill-Ġetsemani sal-Kalvarju
fejn il-poeta Nisrani jwasslilna r-rakkont tal-passjoni f’għamla versifikata.
Hemm min ħinu jgħaddih joffendi l-isem ta’ Alla; bil-kontra ta’ dan Mifsud
f’kull waqt isib okkażjoni biex jiftakar, ifaħħar lil Alla u jiżżih ħajr. Mela
dawk ta’ Mifsud huma poeżiji li jistgħu jinqraw bħala riflessjonijiet
spiritwali f’kull waqt tal-jum u tas-sena. Wieħed jifhem għalhekk li l-“blata”
ta’ Mifsud hija l-fidi Nisranija.
Hemm
drabi meta l-versi ta’ Mifsud donnhom isiru leħen il-kuxjenza li jaf jiġbidlek
l-attenzjoni u jwiddbek f’ċerti ċirkostanzi partikolari. Drabi oħra jservu bħala
ħarsa lura lejn dak li wieħed għamel matul ħajtu u jġagħluh jistaqsi fejn
żbalja u fejn seta’ kien aħjar. Hemm waqtiet meta Mifsud jispira ruħu minn Ġesù
fil-maxtura, Ġesù tarbija; drabi oħra jispira ruħu mill-passjoni ta’ Kristu jew
Kristu fuq is-Salib. Versi oħra huma dwar Kristu Rxoxt. Ma’ dawn tintrabat
il-metafora b’saħħitha li naqrawha f’Zokk Niexef Li Warrad: “Kien zokk
niexef li warrad,/ b’rimja ma tinxef qatt.” Iz-zokk hawn hu s-salib; warrad
għax permezz tad-demm li xerred Kristu l-imħabba ma tmut qatt. Mifsud jispira
ruħu anki mid-dawl ta’ lampier ċkejken f’Il-Lampier tas-Sagrament.
Minkejja li ċkejken dawl bħal dan jiftaħ bibien wiesgħa fuq l-ispazji
tal-meditazzjoni.
Charles
Mifsud jiftaħ il-ġabra tiegħu billi jagħtina definizzjoni ħolistika ta’ xi
jfisser Alla għall-poeta Nisrani (Imma
Fuq Kollox Int Alla Tiegħi), u huwa
familjari biżżejjed mal-Mulej biex jindirizzah daqslikieku kien ħabib (Kif Qatt Stajt Ngħidlek Le). Hawn
il-poeta juża kliem mill-ħajja ta’ kuljum – “ċempilli” - biex juri kemm
il-Mulej hu preżenza ta’ kuljum f’ħajtu. Lil dan il-Mulej ħabib Mifsud ma
jiddejjaqx jagħmillu mistoqsijiet differenti fejn hemm id-dubju (Ħa Nistaqsik, Mulej). Huwa permezz
tal-poeżija li Mifsud jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet ta’ natura teoloġika,
bħal f’Mulej, Kif Nista’ Nifhmek? F’U
Jien Min Jien? il-poeta jitnebbaħ miż-żjara tal-Madonna lil Eliżabetta biex
jiddikkjara l-umiltà tiegħu quddiem il-Mulej u fl-istess ħin juri li hu parti
minnu. L-umiltà terġa’ tissemma f’Qatt Ħsibt Min Qajmek?. Hawn jinħassu
elementi Franġiskani, u l-umiltà tal-ħlejjaq naturali li jagħtu ħajr
lill-Ħallieq kull filgħodu jitqiegħdu f’kuntrast mas-suppervja u l-apatija
tal-bniedem inġenerali. Dan jagħmlu wkoll f’Il-Ġieħ li Jistħoqqlok. Fl-umiltà
tiegħu Mifsud isostni x-xejn tiegħu bħala bniedem f’Xejn m’Għandi Tiegħi.
Dan l-istess element jinħass ukoll f’Għoddni
b’Tifel Żgħir, referenza diretta għal kliem Kristu, u l-idea tal-bniedem
innoċenti, mhux korrott u mgħobbi bid-dnub.
Dan
Alla f’Hu Biss jinftiehem bħala “Sid
ta’ kollox,/ l-Imgħallem tal-ħolqien”. Mela quddiem xeni tan-natura fl-eħrex
waqtiet tagħha bħalma huma l-apokalissi, hija l-fidi li taf trażżan il-biża’
fil-bniedem.
F’Għaddej Fuq Mirkeb Sod il-fidi
tinftiehem bħala vjaġġ fuq ġifen li jwassal sax-“xatt l-ieħor”. Il-poeta juri
fiduċja sħiħa fil-kaptan. L-objettiv ta’ Mifsud hu wieħed: dak li jitwaħħad
mal-Mulej (Int Biss, Mulej), dak
l-istess Mulej li minkejja l-ħażen u d-dnub jibqa’ dejjem imħabba u lest li
jaħfer lil min jisgħobbih (Kieku
l-Bniedem Jaf x’Qed Jitlef).
F’Teżori jikteb dwar id-differenza bejn it-teżori fiergħa tad-dinja u dawk
tas-smewwiet. Jiġi ttrattat hawn il-kuntrast bejn flus u fidi. Dan b’xi mod
jintrabat ma’ dak li jikteb f’Salib
it-Toroq: “Għax naf li l-għan tat-triq mhux kif se tibda,/ ’mma fejn se
twassal fl-aħħar, lejn it-tmiem.” F’7 ta’
Jannar Mifsud ifakkar li l-Milied hija fuq kollox festa tar-ruħ, mhux
tal-ġisem u jistaqsi, “Issa li l-festi spiċċaw,/ għar-ruħ,/ x’seħħilna
nakkwistaw?”
Id-dgħjufija
tal-bniedem – proprju għax dejjem jerġa’ jaqa’ fid-dnub - terġa’ tidher f’Ċarċart Demmek Kollu. Anki f’Mal-Ħabbata Ħallejt Nota
l-bniedem ifisser dgħjufija, imma l-poeta hu b’saħħtu biżżejjed biex jitlob
maħfra. Kuntrast ieħor jidher fi Triqtek fejn
Mifsud jikteb dwar l-ipokrisija tal-bniedem kontra l-verità bla kompromess li
għallem il-Mulej. Kontra l-allat pagani Mifsud ifakkar f’Alla li għandu
mis-sewwa, mill-qawwa, mis-sliem u mill-ferħ f’Farrak Dawn l-Allat tal-Ġebel. Ispirazzjoni oħra mit-Testment
l-Antik naqraw dwarha f’Meta Nintilef
f’Deżert: hawn Mifsud jorbot dak li ġara fid-deżert qabel il-wasla ta’
Kristu ma’ dak li jgħaddi minnu l-bniedem illum. Din id-darba però d-deżert
jiddeskrivi stat ġewwieni, mela lill-bniedem li jinħakem mill-kburija u
jitbiegħed minn Alla. Quddiem din it-theddida, f’Ħudli Kollox il-poeta jitlob lill-Mulej biex isaffih minn dak kollu
li hu ta’ piż, biex minflok iħaddan elementi tajbin bħas-sewwa, l-imħabba u
d-dehen. Id-deżert nerġgħu naqraw dwaru f’Fl-Għama
Tiegħi: huwa simbolu tat-tentazzjoni li jkollu jaffaċċja l-bniedem. Aktar
tard issir referenza għall-Mulej li jerġa’ jagħti lura d-dawl
lill-għomja-midimbin.
Versi
soċjo-morali jidhru f’Il-Bniedem Donnu Nesa, fejn ix-xbieha tal-brimba
li tinseġ l-għanqbuta hija simbolu ta’ dak kollu li għamel Alla u li qed
jeqirdu l-bniedem. F’Ikel u Xorb il-Ħajja Mifsud jinħass bħala ottimist
għax jemmen li llum bla ma jaraw hemm miljuni li jemmnu. L-aspett soċjo-morali
jinħass ukoll f’Sejjaħtli, Mulejja,
fejn il-poeta jikteb dwar dawk il-waqtiet li jqatta’ quddiem kaxxa partikolari,
it-televiżjoni. Minn din joħorġu “ħmerijiet ta’ ebda sura” li “faċilment
jissarrfu ħsara”. Kontra dan hemm leħen il-Mulej li jissarraf f’“balzmu,/
fejqan, benniena ta’ ħlewwiet.”
L-istess
aspett soċjo-morali jinħass fi Kristu
Sultan fejn Mifsud jgħid li ironikament “il-folol jippreferu l-Ġimgħa
l-Kbira,/ fejn issir it-tifkira/ ta’ Kristu maqtul.” Fuq in-naħa l-oħra Il-Kurċifiss tal-Klassi tieħu l-għamla
ta’ reazzjoni kontra min qal li l-kurċifiss fil-klassijiet tal-iskejjel irid
jispiċċa.
Anki Verità
li Tweġġa’ hija poeżija b’aspett soċjali qawwi. Mifsud jikteb dwar “gwerer,
konflitti, diżgrazzji”, “Terroristi u nies suwiċida,/ refuġjati misjuba
mgħarrqin”, “pedofilja u nisa mjassrin”, “ħtif t’ajruplani”, “ostaġġi”,
“imġewħin,/ sess u droga”. Quddiem dan kollu l-unika maħfra tista’ tasal biss
mill-Mulej, u dan bis-saħħa tal-ħniena kbira tiegħu. L-Istatwa Mhix Alla
huma versi kontra l-idolatrija jew l-adorazzjoni ta-ixbihat u l-istatwi. Hawn
il-poeta jfakkar li Alla “huwa spirtu” u li “Jidher bl-għajnejn tal-fidi/ u
jgħix fil-qalb, fir-ruħ”.
F’Lażżru u Jien Mifsud jitlaq minn
episodju bibliku ieħor biex ikun jista’ jdomm it-talba-poeżija tiegħu
indirizzata lill-Mulej:
“Qallimni
mill-mewt
tal-apatija,
saffini
mill-ħtija
li
biha nħoss ruħi mifnija.”
Il-mewt
hija inevitabbli. F’Karovana tal-Mejtin Mifsud jimmaġina purċissjoni ta’
erwieħ miexja lejn il-“misraħ tal-qorti tal-ġustizzja/ quddiem tliet
Imħallfin.” Il-mod kif għexu ħajjithom issa jissarraf f’eternità.
Ma
setax jonqos li f’ġabra mlewna bħal din
ma jkunx hemm poeżija ispirata minn kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II: din hija “Totus Tuus”.
Il-figura
tal-Madonna tispikka fit-tieni parti. Sultana tal-Imħabba hija ddedikata
lill-Bambina u l-festa tat-8 ta’ Settembru. Mifsud ifakkarna li bħala poplu
dejjem tlabna u rċevejna l-għajnuna tagħha, l-aktar fi żminijiet imwiegħra
bħall-Assedju l-Kbir fl-1565 u t-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad f’Fost
in-Nisa li Jħobbuni Mifsud juri gratitudni lejn ommu, lejn martu, imma fuq
kollox lejn il-Madonna, “omm ir-redenzjoni”, “l-Omm l-aktar ħanina’, “Omm
il-faraġ fit-tbatija,/ Omm it-tama fl-art smewwija.” Aktar karatteristiċi
f’rabta mal-Madonna naqraw dwarhom f’Ġieħ u Qima Lil Marija: “Omm
it-tjieba”, “it-triq tat-tama tagħna”, “Omm ħanina, Omm l-Imħabba,/ serħ
il-qalb, fejqan ir-ruħ”.
Il-Madonna
hija wkoll Dik li lejha Mifsud poeta jindirizza numru ta’ mistoqsijiet, bħalma
tifel jagħmel lil ommu. Dan narawh f’poeżiji bħal Għidli, Marija u ...U
Xtaqt Nistaqsik.
L-GĦAŻLA TAL-FORMA U ELEMENTI STILISTIĊI OĦRA:
Charles
Mifsud hu midħla sew tal-Kotba Mqaddsa. Huwa jitlaq minn dawn biex wara
jintroduċi l-kumment tiegħu u fl-aħħar jasal għal tifħir il-Mulej daqslikieku
kien l-aqwa salmista. F’Qegħdin Nagħżlu
l-Ġandar il-poeta jitlaq mill-episodju tal-ħruġ mill-Eġittu biex fl-aħħar
jasal għall-versi soċjo-morali:
“Flok
ngħixu bit-tgħam,
qed
nagħżlu nitbiegħdu minn Alla
u
nimxu fid-dlam.”
Hemm
drabi oħra meta Mifsud jagħmel bil-kontra: jitlaq minn dak li nġarrbu kuljum
biex jasal għall-ħsieb reliġjuż. Hekk jagħmel fi Ġmiel Alla Tagħna, fejn jitlaq mid-dawl artifiċjali u naturali biex
fl-aħħar jikteb dwar id-dawl metafiżiku u spiritwali.
Hawn
naraw lil Mifsud bħala kittieb ta’ salmi moderni ta’ twissija u ta’ tifħir. Naqraw
ukoll b’salm ta’ ferm bħal Ifraħ,O Ruħ.
Dawk
ta’ Mifsud f’din il-ġabra poetika huma poeżiji miktubin kemm bil-forma
tradizzjonali – mela jintrabtu ma’ regoli metriċi u prosodiċi speċifiċi -, kif
ukoll bil-vers ħieles – mela jqarrbu lill-poeta lejn il-forom moderni.
Prosodikament, mela bħala tul ta’ versi , huwa jħaddem il-bisillabu,
it-trisillabu, il-kwadernarju, il-kwinarju, is-senarju, is-settenarju,
l-ottonarju, in-novenarju, id-dekasillabu, l-endekasillabu u d-doppju senarju.
Imma mbagħad hemm bosta waqtiet fejn jesperimenta b’dawn il-forom tradizzjonali
billi jorbot l-ottonarju mal-kwadernarju, in-novenarju mal-kwinarju,
is-settenarju mal-endekasillabu, is-senarju man-novenarju u d-doppju senarju, u
t-trisillabu mal-kwinarju, is-settenarju u l-endekasillabu, biex fl-aħħar
mill-aħħar joqrob lejn il-vers ħieles f’bosta mill-poeżiji tiegħu. Ir-ritmu
tas-settenarju fi Stħajjil il-Ġenna
jirrendi x-xbieha tal-ġenna iktar pjaċevoli, u għalkemm mhix regolari, ir-rima
u r-ritmu tas-settenarju jirrendu din il-poeżija ddoqq sewwa għall-widna.
L-ottonarju jwassal ir-ritmu tal-innu f’Ġieħ u Qima Lil Marija.
Bħala
tul ta’ strofi jħaddem it-terzina fi ftit każi (bħal f’Xejn m’Għandi Tiegħi, f’Aħna
Ulied id-Dawl, jew f’tip ta’ sunett Minn Tarf sa Tarf ta’ Malta),
imma fuq kollox il-kwartini b’rima mqabbża jew bla ebda rima, jew il-kwartini
tas-sunett Ingliż bħal f’Nixtieq Inkellel
Rasek jew Ħdejn is-Santwarju ta’ Pinu,
jew l-ottavi b’rima mqabbża bħal f’Lill-Qalb
Imqaddsa ta’ Marija, imma anki l-vers maħlul, bħal f’Mhux Kollox Jintemm, li hija kollha kemm hi magħmula minn
endekasillabi bla ebda rabta ta’ strofa jew rima. Hemm drabi oħra meta Mifsud
iħaddem ir-rima mbewsa (Teżori). Min-naħa
l-oħra Mifsud joqrob lejn il-poeżija moderna meta jikteb poeżija b’metrika
ħielsa, mela bi strofi ta’ tulijiet differenti, u anki meta xi drabi jħaddem
ukoll il-vers projettiv bħal f’Bis-Sinjal
tas-Salib, fejn il-forma tal-poeżija diġà tirrifletti b’xi mod it-tema.
Ċerti
drabi Mifsud jinkludi fil-versi tiegħu d-diskors dirett u anki referenzi
diretti għall-Vanġelu, bħal fi Dnubietek
Maħfura. Din hija poeżija li għandha mid-djalogu, mit-talba u
mir-riflessjoni fl-istess ħin. Hemm drabi meta l-użu tal-virgoletti u d-diskors
dirett jagħtu iktar saħħa u ħajja lill-versi ta’ Mifsud (Fil-Kappella ta’
Santa Marija). F’Hieni l-Bniedem
il-poeta jiftaħ kull waħda mill-ħames strofi li jikkomponuha b’din il-frażi li
tfakkar fid-diskors ta’ Kristu fuq il-Muntanja (Mattew 5). Darba Kellimni Alla għandha mill-parabbola: iż-żewġ kaxxi li jsemm
Mifsud huma wkoll simbolu tal-imħabba li Alla għandu għall-bniedem - “Għax
tajtni kaxxa tajba/ u l-oħra bit-toqbiet?”/ Weġibni: “Waħda biex tinsa
n-niket,/ l-oħra tgħodd il-barkiet.” Min-naħa l-oħra Jiena Nemmen takkwista l-għamla ta’ Kredu, bit-tliet strofi
tal-poeżija jibdew b’din il-frażi hekk b’saħħitha. Hemm ukoll ir-ritmu
tal-litanija bħal fil-versi Saħħa
tal-Morda jew O Qaddisa – Omm Ħanina.
Lessikalment
il-parti l-kbira tal-kliem li juża Mifsud hu ta’ nisel Semitiku għalkemm ma
jiddejjaqx juża lessiku Romanz fejn ikun hemm il-ħtieġa. Mifsud juża wkoll
kliem arkajku, prova tal-wirt lessikali li tlifna matul iż-żmien minħabba
raġunijiet differenti. Lingwistikament il-versi ta’ Mifsud huma wkoll prova
ħajja ta’ kemm l-ilsien Malti hu dinamiku, mużikali, varjat u għani, filwaqt li
mhux nieqes minn ritmi li jpaxxu lill-qalb u lill-widna.
Metaforikament
jislet bosta xbihat direttament mill-Bibbja. Iż-Żewġ Blatiet li jikteb
dwarhom Mifsud huma Ġesù u l-Madonna li joffru kenn u sigurtà. Il-baħar
jissimbolizza l-isfidi u l-problemi li l-poeta bħala bniedem jħabbat wiċċu
magħhom. Iżda f’...U Nsiru Ħaġa Waħda l-baħar huwa l-Mulej fil-kobor
tiegħu, filwaqt li l-bniedem hu biss qatra ilma. Il-baħar u l-qatra jitwaħħdu
biss permezz tal-Qrar u l-Ewkaristija. Il-fidi bħala “blata żonqrija” naqraw
dwarha f’Ħa Jinħarqu Xofftejja, u titqiegħed f’kuntrast ma’ “qillet
il-baħar imxajtan/ li jrid iġarrafni f’abbiss.” Aktar xbihat meħudin mid-dinja
naturali – ix-xewk, il-widien, il-kewkba, u mill-ġdid, il-baħar – jitħaddmu
fit-tieni parti tal-ġabra ddedikata lill-Madonna li spiss tiġi ppreżentata
fil-waqtiet ta’ wġigħ li qasmet ma’ binha waqt il-passjoni tiegħu.
Metafora
effettiva oħra hija dik tal-kitarra skurdata li naqraw dwarha f’Tiġdid tal-Fidi, li tissimbolizza dawk
il-waqtiet meta l-bniedem jitbiegħed minn Alla. Hemm drabi meta jilgħab
bil-paradoss (Narak). Is-salib hu paradoss fih innifsu: ifisser tbatija
u salvazzjoni fl-istess ħin (Salib Glorjuż). Dan naqrawh ukoll f’Is-Salib Glorjuż, fejn naqraw li s-salib
“minn għodda ta’ għajb u stmerrija,/ sar l-għożża tal-kotra mifdija.”
Xi
drabi l-poeżija għandha wkoll mill-pittura. F’Fuq l-Altar tas-Sagrifiċċju naraw
lil Kristu msallab u ommu Marija tħares lejh. Il-poeżija hawn għandha
mill-ikona li quddiemha wieħed jieqaf u jimmedita, jifli ċerti dettalji li
jmissu l-qalb u r-ruħ. Permezz ta’ dan il-kwadru l-poeta jistqarr ħtijietu. F’Għid
il-Ħelsien naqraw bl-ilwien u l-ħsejjes f’Jum il-Għid, jum ta’ rebħa. Hemm
drabi meta Mifsud jispira ruħu mill-pittura: hekk f’Ix-Xbieha ta’ Fuq Rasi jikteb dwar kwadru li juri lil Kristu
Msallab.
Il-poeżiji
li għandhom mit-talba, mill-innu kantat u mil-litanija, kollha jwasslu biex dak
li jkun għal waqtiet jinqata’ mit-toqol tal-ħajja ta’ kuljum u jħossu elevat
spiritwalment.
L-ISPAZJI TAL-FIDI:
Fil-versi
ta’ Mifsud niltaqgħu ma’ għadd ta’ spazji li jintrabtu mal-fidi. Hekk f’Is-Salib
tal-Għolja tissemma “l-għolja tas-Siġġiewi”. F’L-Għotja Tiegħi
l-poeta jinsab f’kappella quddiem xbieha tal-Madonna. Mifsud jinkludi poeżija
bl-isem ta’ Fil-Kappella ta’ Santa Marija (Ħaż-Żabbar). F’Għajn Riħana l-poeta jispira ruħu minn
kappella “vojta, mingħajr tlellix,/ ħajt lixx, mingħajr pittura,/ il-ġmiel ma
jeżistix.” Waqt u spazju jintrabtu flimkien f’Serenità: il-waqt hu
“l-ewwel imrieżaq min-naħa tal-Lvant” jew “fl-għabex tal-jum”, filwaqt li
l-ispazji msemmija huma “fuq xifer ix-xtajta” u mill-ġdid “fuq bank ġo
kappella”. Huma f’dawn l-ispazji-waqtiet fejn il-poeta jsib is-sliem u jħossu
ħaġa waħda mal-Mulej.
Hemm
ukoll il-poeżija Quddiem Kristu Msallab, versi li Mifsud stess
jgħid li kiteb fil-parroċċa ta’
Fleur-De-Lys fejn trabba u għadu jgħix. Versi jixxiebhu huma Quddiem
l-Istatwa tal-Karmnu (Fid-daħla ta’ Fleur-De-Lys) u Ħamsin Sena Ssaltan
Fuqna (Parroċċa Fleur-De-Lys). Huma versi ħerġin mill-qalb, mhux miktubin
għall-okkażjoni, imma frott l-ispirazzjoni li tħeġġek tiżżi ħajr u tfaħħar lil
forzi akbar minna. B’Kara jerġa’ jispikka bħala spazju tat-twemmin f’Għaliex
it-Titlu tal-Ħerba? fejn Mifsud jikteb dwar is-santwarju tal-Madonna
tal-Ħerba. Dan is-santwarju jerġa’ jissemma f’Għall-Ħoss tal-Qanpiena.
Ħdejn is-Santwarju ta’ Pinu hija dwar l-oriġini ta’ dan l-imkien speċjali qrib
l-għolja Ta’ Għammar. F’Minn Tarf sa Tarf ta’ Malta l-poeta jfakkarna
li l-gżejjer Maltin huma miżgħudin b’imqades iddedikati lill-Madonna. Għawdex
jerġa’ jissemma f’Il-Kappella ta’ Lourdes (Fuq il-Port ta’ Għawdex),
fejn Mifsud jerġa’ jikteb dwar maqdes ewlieni ddedikat lill-Madonna.
Hemm
ukoll spazji marbutin mal-fidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-gżejjer
Maltin. Dawn naqraw dwarhom fil-versi soċjali bl-isem ta’ Għażiża Madonna fejn
ironikament l-ispazji fejn twieldu u għexu l-Madonna u Kristu, mela Betlem u
Nażaret, illum huma spazji fejn jaħkmu bosta problemi bħall-gwerra u l-mibegħda.
L-INTERTESTWALITÀ:
Kull
kittieb u poeta jintrabat jew jiġi influwenzat konxjament jew inkonxjament minn
kittieba u poeti oħra. Charles Mifsud ta’ Il-Blata
Tiegħi żgur ifakkar fil-versi tal-poeta Franġiskan Marjanu Vella. Min-naħa
l-oħra l-poeżiji numerużi li Mifsud jiddedika lill-Madonna jqarrbuh ħafna lejn
il-poeta Karmelitan, Anastasju Cuschieri. Hemm imbagħad waqtiet fejn Mifsud
isemmi direttament poeti oħrajn bħal fil-poeżija Biex Tiftakar Fina sottotitolata (Tweġiba għall-poeżija “Għaliex Mulej” ta’ George Zammit). Hawn
naqraw dwar in-nigża u l-uġigħ li jfakkru lil dak li jkun fil-Mulej u dwar
il-fatt li fit-tbatija l-bniedem jitwaħħad mal-Mulej.
Bejn Alla u l-Bniedem huma versi tal-Milied li jistgħu jfakkru
fir-riflessjonijiet ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù jew ta’ San Ġwann
tas-Salib. Il-Prostituta tfakkar fil-poeżija Wieħed Biss ta’
Rużar Briffa, ladarba fiż-żewġ poeżiji Kristu jidher bħala l-uniku li kapaċi
jaħfer: “Għax dan huwa Kristu ħanin,/ fejqan tal-midimbin.” Briffa jerġa’
jissemma, din id-darba direttament, f’L-Għanja tal-Imfarraġ, miktuba Wara
“L-Għanja tal-Imnikket” ta’ Rużar Briffa, kif jikteb fis-sottotitlu Mifsud
stess. Din ta’ Mifsud hija waħda mill-isbaħ poeżiji f’Il-Blata Tiegħi.
KONKLUŻJONI:
Il-poeta
jara dak li bosta ma jarawx u b’hekk jipprova jwassal għall-epifanija jew
l-iskoperta jew il-kixfa għad-dawl permezz tal-versi tiegħu. Charles Mifsud
poeta jesprimi s-saħħa tal-fidi tiegħu permezz ta’ vrusu. Fuq kollox dawk f’Il-Blata
Tiegħi huma versi ta’ natura spiritwali li żgur inkitbu u jistgħu jitgawdew
f’waqtiet ta’ ġabra u riflessjoni. Għalhekk huma stedina biex dak li jkun qabel,
matul jew wara jum ta’ ħidma – Maż-Żerniq
hi poeżija-talba ta’ filgħodu, Miġburin
Għalenija hija poeżija-talba ta’ ħajr, Aħfirli,
Mulej hi poeżija-talba ta’ maħfra, filwaqt li Agħtihom, Mulej, il-Mistrieħ hija poeżija-talba għall-erwieħ - isib
waqt ta’ mistrieħ u jinġabar fih innifsu u jaqra waħda jew tnejn minn dawn
il-poeżiji friski għax ġejjin direttament mir-ruħ u mill-qalb. Għal Mifsud it-tagħlim
ta’ Kristu mhux biss eku mill-imgħoddi imma mudell li għandna ngħixu fuqu
sal-ġurnata tal-lum. Li temmen jaqbillek dejjem, anki għax huwa investiment
għal dejjem.
No comments:
Post a Comment