Sunday, February 3, 2013

IL-ĦAJJA MQALLBA TAZ-ZIJA RHODA ta' Alfred Massa


Aġius and Aġius, 2012

Spazju:

Ix-xena tal-ftuħ tiġi ambjentata f’sala tal-wasla tal-ajruport fil-Gudja. Hemm niltaqgħu mal-familja Sciberras, ġenituri u żewġ ulied li qed jistennew lill-qariba tagħhom mill-Awstralja. Min hawn imbagħad Massa joħodna fl-ispazju familjari tad-dar tal-familja Sciberras.

Hemm ukoll l-ispazju tal-Belt Valletta li jfakkar lil Rhoda fl-ewwel maħbub tagħha, George, baħri tan-navy. F’kapitlu 8 jissemma l-Water Front tal-Belt, bil-ħajja u l-moviment li jseħħ fih. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-Birgu, li jintrabat mal-festa ta’ San Lawrenz. Hawn isseħħ il-laqgħa – każwali jew le? – bejn Rhoda u George fil-preżent. Hemm ukoll l-ispazju tas-suq tipiku Malti, f’raħal tipiku.

Hemm ukoll spazju li jintrabat man-natura: il-Buskett. Massa jagħtina wkoll deskrizzjonijiet ta’ postijiet naturali mill-isbaħ fuq il-gżira tat-Tasmanja: huwa hawn fejn Rhoda tieħu deċiżjoni importanti, dik li terġa’ toħodha lura għall-għeruq.

Miċ-ċokon tal-ambjent Malti Massa joħodna għall-ftuħ u l-ħajja multi-etnika u multi-kulturali ta’ bliet bħal Melbourne u Sydney, postijiet għal qalb ħafna l-emigranti Maltin. Hawn taħkem soċjetà fuq kollox lajka, f’kuntrast ma’ Malta. Dan jagħmlu permezz tal-flashback. Imma fl-aħħar mill-aħħar hija Malta l-ispazju li fih kollox jerġa’ lura f’postu u sseħħ bħal rikonċiljazzjoni bejn imgħoddi u preżent.

Struttura u stil:

Dan hu rumanz ta’ 192 paġna li jinqasam fi 15-il kapitlu. In-narratur huwa onnixxenti li jwasslilna partijiet deskrittivi marbutin kemm ma’ ambjenti esterni differenti, kif ukoll ma’ stati ġewwiena jew ħsibijiet tal-personaġġi li niltaqgħu magħhom fir-rumanz. Ma’ dawn Massa juża wkoll bosta partijiet djalogati miġjubin fid-diskors dirett biex il-qari ma jsirx monotonu; parti sostanzjali minn dawn jintrabtu ma’ kif titkellem iz-zija Rhoda, mela parti bl-Ingliż u parti bil-Malti. Xi drabi Massa juża djalogar bl-Ingliż biex jiġbed saqajn dawk li jsiefru għal xi xhur jew sena, sentejn tlieta u jiġu lura b’ħafna qżież u Ingliżati.

Massa ma jiddejjaq xejn juża tip ta’ Malti li huwa mħallat sewwa mal-Ingliż. Hekk jew hekk dik hi r-realtà tal-ilsien Malti mitħaddet illum. Imma dan il-kliem Ingliż jippreferi jħallih fl-oriġinal u miktub fil-korsiv. Insibu bosta eżempji bħal "mini-buses”, "mobile”, "taxis”, "trolly”, "camera”, "leave”, u "souvenirs”.

Hemm drabi meta n-narratur bħal jindaħal u jindirizza lill-qarrej: "Naħseb li kienet għażlet l-aħjar triq, mhux hekk!” (p. 48) Jerġa’ jagħmel hekk fi tmiem kapitlu 12, meta jikteb, "Jgħidu li l-imħabba hi misteru. Jien nemmen li hekk hi!...” (p. 159),  jew fil-bidu ta’ kapitlu 13 meta permezz ta’ leħen in-narratur jikteb dwar ix-xhur ta’ Mejju u Diċembru. Dan żgur jintrabat ma’ Massa esejist.

Parti mill-istil ta’ Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda huwa wkoll is-sens ta’ misteru li jinħeba wara l-karattru ta’ Rhoda. Dan joħloq ċerta kurżità mhux biss fil-familja Sciberras, imma anki fl-istess qarrej. Insiru nafu xi ħwejjeġ żgħar dwar Rhoda minn Anna stess u anki minn dak li z-zija tgħid lit-tfal waqt il-ħarġa li jagħmlu flimkien. Naqraw aktar ’il quddiem li fi tfulitha u żgħożitha kienet għaddiet minn baħar imqalleb. Il-bqija dejjem jissaħħaħ ċertu sens ta’ stennija. Jissaħħaħ ukoll is-sens ta’ misteru meta Philip u Anna b’kumbinazzjoni jisimgħu liz-zija Rhoda titbaqbaq fuq it-telefown. Jikber is-sens ta’ preokkupazzjoni fihom. Però dan is-sens ta’ kurżità bħal jibda jittaffa bil-mod il-mod hekk kif Rhoda tibda tferra’ ma’ neputiha iktar dwar l-imgħoddi tagħha, u anki permezz ta’ flashbacks li Massa jintroduċi fir-rakkont tiegħu.  Id-deni ta’ Rhoda wara l-maltempata fil-Buskett, l-ismijiet ta’ Frank u Steve waqt it-thewdin tagħha u l-ittra misterjuża li tirċievi mill-Awstralja jkomplu jżidu fil-kurżità ta’ Anna u tal-qarrej. It-tensjoni tkompli żżid bis-saħħa tan-nevrożi li taqbad lil Anna minħabba l-ħafna misteri li taħbi warajha z-zija Rhoda. 

Minn hawn (kapitlu 8) imbagħad bħal jibda jinħass bħal sens ta’ countdown: wieħed jibda jistaqsi Rhoda meta sejra lura l-Awstralja biex kollox jerġa’ lura għan-normal?

Hemm waqtiet meta Massa jaqsam kapitlu f’partijiet – jew movimenti – differenti. Hekk jagħmel f’kapitlu 5 li jaqsmu fi tnejn, donnhom żewġ burdati differenti li joħduna lura fl-imgħoddi: l-ewwel parti tintrabat ma’ meta kollox kien sejjer tajjeb għal Rhoda fl-Awstralja; it-tieni parti tiddeskrivi avvenimenti meta kollox jaqleb għall-ħażin. Hawn naqraw dwar firda, nuqqas ta’ qbil, tqala mhix mistennija u saħansitra mewt. Hemm imbagħad it-tielet parti, qasira, li twassalna lura għall-preżent, fejn naraw lil Rhoda fid-dar tan-neputija f’Malta, donnha qamet minn ħmar il-lejl.

Hemm waqtiet meta Massa jintroduċi dak il-kumment  fi tmiem kapitlu li jnissel kurżità fil-qarrej biex b’hekk ikompli jaqra. Hekk fi tmiem kapitlu 11 wieħed jibqa’ jistaqsi għaliex Steve lil ommu jgħidilha, "Kultant, nibża’...” (p. 146)

Massa bħala kittieb misjur u ta’ esperjenza jorbot kapitlu ma’ ieħor, billi dak li jħalli mhux mitmum f’wieħed jispiċċah f’parti oħra ta’ kapitlu li jiġi aktar tard. Hekk, per eżempju, kapitlu 10 jintrabat mat-tmiem ta’ kapitlu 9 ladarba niskopru x’kien il-kontenut ta’ telefonata maqtugħa. Jorbot ukoll ma’ kapitlu tal-bidu għax insiru nafu bil-kontenut tat-telefonati li Rhoda kienet tirċievi waqt iż-żjara tagħha f’Malta. Eventwalment kollox bħal jieħu l-forma, jitpoġġa f’postu, jiċċara.

Il-kuntrast fil-"burdati narrattivi” jinħass ukoll f’kapitlu 6: għall-ewwel taħkem atmosfera ideali waqt mawra fil-Buskett, biex aktar tard titkisser permezz ta’ maltempata sorpriża.

’L hawn u ’l hinn Massa jħobb jintroduċi tagħrif ta’ natura storiko-reliġjuża, bħal dak dwar San Lawrenz (kapitlu 3). Dan jagħmlu biex jagħti laqta dejjem aktar realista lix-xogħol tiegħu. Jagħtina wkoll tagħrif dwar ir-rwol u s-siwi tal-Għaqdiet taż-żgħażagħ (kapitlu 4). F’kapitlu 6 Massa jagħtina tagħrif dwar wirt il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-bini tal-Buskett; f’kapitlu 13 naqraw tagħrif dwar Santa Luċija u l-leġġenda tagħha fl-Isvezja. F’kapitlu 15 naqraw tagħrif storiku dwar l-ewwel patrijiet Tereżjani f’Malta sa mis-seklu 17, u anki dwar il-knisja tagħhom f’Bormla.

Dwar ir-realiżmu ta’ min wieħed iżid jgħid li hemm ċerti drabi meta Massa bħal jinkludi ċerti trivjalitajiet biss biex jimla spazju: għandi f’moħħi l-episodju meta Rhoda tieħu l-influwenza meta tkun Malta (għalkemm dan jikxef ċerti ħwejjeġ interessanti permezz tat-thewdin), u l-episodju tal-ħruq tal-karozza ta’ Steve, li wara li jinstab il-kriminal responsabbli vittma tal-alkoħol kollox jieqaf hemm. F’dan il-każ episodji bħal dawn setgħu jew tqassru f’ċerti każi, jew inkellha ġew żviluppati aħjar.

Ir-rumanz bħal għandu struttura ċiklika: f’kapitlu 14 nerġgħu lura għall-ispazju li bih beda r-rakkont ta’ Massa, mela fl-ajruport tal-Gudja, bil-familja Sciberras terġa’ tistenna, din id-darba t-tieni wasla ta’ Rhoda. Din id-darba ninsabu fix-xitwa u mhux fis-sajf. Però, din id-darba kollox jidher li se jiċċara wara l-misteri kollha li kienet ġabet magħha Rhoda matul l-ewwel żjara tagħha f’Malta. Huwa hawn fejn passat u preżent jirrikonċiljaw ruħhom, u dan fuq il-gżira ta’ Malta. Dan ikompli jissaħħaħ meta, proprju fil-knisja ta’ Bormla, Rhoda u l-ewwel maħbub tagħha jiżżewġu wara snin twal ta’ firda.

Żmien:

Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda hu rakkont li jseħħ f’Malta wara li din daħlet fl-Unjoni Ewropea. Jiftaħ bl-istaġun tas-sajf, eżattament f’Lulju, imma bil-mod il-mod Massa jurina li ż-żmien għaddej. Dan jagħmlu b’referenzi temporali regolari li spiss jintrabtu wkoll mal-kalendarju Nisrani. B’kollox Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda għandu firxa temporali ta’ bejn wieħed u ieħor sitt xhur, bla ma ninkludu ż-żmien li jinkorporaw fihom il-flashbacks, u lanqas l-aħħar kapitlu (kapitlu 15), fejn tissemma l-Ġimgħa l-Kbira imma fejn jinħass li għaddew xi snin miż-żwieġ bejn Rhoda u George. Hekk it-tieni kapitlu joħodna f’Awwissu. Kapitlu 4 jdaħħalna fi tmiem Awwissu u bidu ta’ Settembru. Kapitlu 6 imbagħad jibda bid-data 24 ta’ Awwissu, il-Ħadd. Jissemma wkoll San Bert. Kapitlu 7 jintrabat mal-15 ta’ Settembru u l-festa tad-Duluri. Kapitlu 9 imbagħad joħodna fil-bidu ta’ Ottubru, meta Rhoda taqbad l-ajruplan lura lejn l-Awstralja. F’kapitlu 7 jissemma żmien il-Milied. Kapitlu 12 jintrabat mal-bidu tas-sajf fl-Awstralja, mela x-xahar ta’ Diċembru.

Hemm xi drabi però fejn jinħass li dan ta’ Massa mhux rakkont lineari mil-lat temporali. Kapitlu 3 jibda hekk: "Lulju spiċċa u daħal Awwissu”, meta fil-bidu ta’ kapitlu 2 konna diġà qrajna li, "Għalhekk kien beda Awwissu”. Apparti dan Massa jalterna bejn il-preżent (Rhoda f’Malta) u il-passat (Rhoda fl-Awstralja).

Kapitlu 14 iwassalna għal data speċifika: it-28 ta’ Diċembru. Hija data li tintrabat mat-tieni wasla ta’ Rhoda f’Malta.

Tematika:

Massa jitlaq minn fatt li jseħħ regolarment hawn Malta: familja Maltija tilqa’ f’darha għal xi żmien familjari emigranti. Għalhekk tema ewlenja fir-rumanz ta’ Massa hija l-familja, l-aktar dik Maltija miġbura taħt saqaf wieħed. Hija l-istess familja li minkejja li tgħaddi anki minn waqtiet imqallba, xorta waħda fl-aħħar tal-ġurnata terġa’ tagħmel paċi.

Mat-tema tal-emigrazzjoni tintrabat ukoll dik tal-imħabba lejn l-ilsien Malti. Diġà fil-bidu tar-rumanz naraw lil Anna, in-neputija ta’ Rhoda, tistaqsi lil zijitha jekk insietx il-Malti ladarba tkellimhom bl-Ingliż: "Isma’ zi, jaqaw insejtu għal kollox il-Malti?” (p. 7).  L-awtur bħal jindaħal u jinsisti fuq l-ilsien Malti bħala element ewlieni fl-identità tal-Maltin. Dan nerġgħu narawh f’paġna 57 meta lil min iħaddimha – Paul - Rhoda tgħidlu: "Qed ngħid, int twelidt f’dan il-kontinent u titkellem bil-Malti daqsi. Dan kif?” Paul iweġibha, "Sempliċi. Għax il-ġenituri dejjem tkellmu bejniethom u kellmu lilna bil-Malti!” Massa bħal jesprimi ħsibijietu permezz ta’ kliem Rhoda: "Ħaqqhom tassew prosit. F’Malta jkun hemm min isiefer għal ftit snin u jiġi lura bħallikieku jkun nesa lsien art tweildu.” Hawn l-awtur jesprimi l-idea li dan iseħħ għax għadna maħkumin mill-mentalità kolonjali u b’hekk inbatu minn ċertu sens ta’ inferjorità. Naqraw dwar dan anki f’paġna 144, meta Rhoda tgħid, "Mela għax bniedem imur joqgħod f’art barranija għandu jinsa u jwarrab ilsien art twelidu?”

Hija preżenti anki t-tema soċjali. Bis-saħħa ta’ għajnejn Rhoda Massa jwasslilna l-konfużjoni li taħkem fit-terminus tal-karozzi tal-linja tal-Belt (paġna 22). Il-bidla li minnha għaddiet Malta f’dawn l-aħħar snin tolqot sewwa lill-emigrant li jkun ilu ma jirritorna lejn art twelidu. Jissemma wkoll ċertu ħmieġ li hemm fil-Belt, ċerti komportamenti mhux xierqa miż-żgħażagħ (p. 23), u anki l-karozzi tal-linja qodma u żdingati, b’għadd ta’ xufiera żorri, flimkien mal-istat ħażin tat-toroq Maltin. Jissemma wkoll il-fatt li numru ta’ Maltin illum tbiegħdu minn ċerti prattiċi reliġjużi tal-imgħoddi, bħar-radd tas-salib f’okkażjonijiet differenti. Ma ninsewx li min qed jikteb huwa bniedem li twieled fl-aħħar parti tas-snin 30 tas-seklu l-ieħor u b’hekk jintrabat sewwa ma’ Malta kif kienet fl-imgħoddi, għalkemm mhu maqtugħ xejn minn Malta kif inhi llum. Massa jippreferi d-dixxiplina, l-armonija u s-sens ta’ rispett li kienu jaħkmu fl-imgħoddi.

Massa ma jiddejjaq xejn jammetti li dak tiegħu hu fuq kollox rumanz realistiku. Huwa jikteb dwar elementi bħalma huma l-imħabba, ix-xalar sfrenat, iż-żwieġ, it-tqala, l-ebusija tar-ras, il-vizzji u t-telfien ta’ iben, għażliet żbaljati, id-dubbji, il-ġlied u l-inkwiet bejn il-miżżewġin, u anki dwar il-vjolenza domestika, is-suwiċidju u l-għajbien ta’ persuna.

Hawn jidħol Massa bħala kittieb morali. Jinħass fost l-oħrajn fil-bidu ta’ kapitlu 10. Wara l-leħen onnixxenti tan-narratur hemm il-fidi Nisranija. Ma’ din tintrabat it-tema tal-konverżjoni li tasal f’kapitlu 11 permezz tal-personaġġ ta’ Fr Charles. F’kapitlu 15 Massa jikteb dwar iż-żwieġ veru msejjes fuq l-imħabba vera, u ż-żwieġ taparsi li jissejjes fuq il-pompa u x-xinxilli biss (p. 186).

Tispikka l-frażi li tagħlaq ir-rumanz: "Kull bniedem hu misteru fih innifsu!” (p. 192) Dan żgur hu rrappreżentat mill-personaġġ ta’ Rhoda. Tema ewlenija oħra li tagħlaq ir-rumanz, imma li tispikka fin-narrattiva kollha ta’ Massa, hija dik tad-destin. Wieħed jistaqsi: fl-aħħar Rhoda verament tikkonverti ruħha jew dan kollu kien parti minn pjan akbar minnha, pjan li fl-aħħar ġab kollox f’postu u f’ekwilibriju? Fl-aħħar mill-aħħar it-tmiem hu wieħed feliċi.

Konklużjoni:

L-idea wara Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda twieldet fis-snin ’70, imma nkiteb fis-snin ’80. Tliet elementi li jispikkaw f’kull rumanz ta’ Massa huma għeruq sodi ta’ realtà, immaġinazzjoni u dokumentazzjoni. Massa jemmen fis-sempliċità biex jifhmu kulħadd u biex jaċċerta ruħu li l-messaġġ jasal. Dan hu l-għaxar rumanz ta’ Alfred Massa. Huwa xogħol li għandu jintogħġob żgur minn min jixtieq jaqra storja interessanti, divertenti, mingħajr ħafna taħbil il-moħħ jew lingwaġġ li jdarras.

Patrick Sammut


No comments:

Post a Comment