Dan huwa ktieb ta’ 402 paġni mill-isbaħ li
jbaqbaq mill-bidu sal-aħħar bil-ħajja, vulkan fih innifsu li jikxef min-nieqa
sal-qabar, minn barra sal-ibgħad irkejjen ġewwiena l-ħajja diffiċli u
l-karattru xejn faċli tal-“Poeta tan-Nirien”. Hija bijografija miktuba bi stil
mexxej, u ladarba tibdieha jiddispjaċik titlaqha minn idejk, u kif taqraha
darba tħoss mill-ewwel il-ħtieġa li taqraha anki għat-tieni u għat-tielet darba.
Marcel Zammit Marmarà jerġa’ jagħti l-ħajja lil Karmenu
Vassallo permezz ta’ ittri, intervisti, annotamenti, saġġi u kummenti li kiteb
hu stess. Il-qarrej jifhem minnufih li dik tal-poeta mis-Siġġiewi qatt ma
kienet ħajja faċli. Kien iltim, daq sewwa l-faqar, is-sagrifiċċji ta’ kull tip,
l-umiljazzjoni, l-ingratitudni, il-firda li ġġib magħha l-mewt tal-għeżież, u
l-mard. Studja għal patri, għadda minn żmien meta ma riedx jaf b’nisa jew
żwieġ, bata s-solitudni, iżżewweġ u sar missier iktar minn darba, bata wara li
tilef tlieta minn uliedu, ħareġ għall-politika u kellu rwol ewlieni f’dan
il-qasam, għallem il-Liċeo, serva bħala suldat, kien qarrej tal-provi u
traduttur prim u ħadem max-xandir u fil-qasam ġurnalistiku, anki bħala editur.
Dan kollu jikxfu Marcel Zammit Marmarà wara snin twal ta’ riċerka,
korrispondenza, ġbir ta’ materjal varju minn bosta persuni kemm f’Malta kif
ukoll barra minn xtutna. B’hekk joħroġ il-personalità ta’ dan il-Poeta umli li kelma ma kienx
jomogħdha darbtejn u b’hekk żvoga fuq kollox permezz ta’ vrusu u anki permezz
tal-ittri u s-saġġi li kiteb. Berraħ ħsibijietu f’bosta kitbiet li dehru
f’għadd kbir ta’ gazzetti u kien jinkoraġġixxi poeti żgħażagħ, imma ħadha bi
kbir kontra dawk li ħasbu li laħqu s-sema bil-versi sperimentali tagħhom
fis-snin 60.
IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO hu ktieb li jpaxxik u li jagħti dak li
ħaqqu lil min verament ħabb lil artu, lill-poplu Malti, u lil ilsien art
twelidu. Prosit ukoll lil dawk il-bosta persuni li b’altruwiżmu u b’imħabba
għaddew ammont kbir ta’ materjal lil Marcel Zammit Marmarà biex ikun jista’ joħroġ għad-dawl
il-personalità
kumplessa tal-“Poeta tan-Nirien”. Hawn wieħed jistaqsi, “Meta se toħroġ ġabra
sħiħa tal-produzzjoni poetika ta’ Karmenu Vassallo?” Forsi dan ix-xogħol ikun
jista’ jidħol għalih l-istess Marcel Zammit Marmarà u jiġi ppubblikat mill-istess SKS li minn
dejjem tat spinta lil-letteratura permezz ta’ pubblikazzjonijiet mll-iprem.
Hemm waqtiet meta din il-bijografija
tilħaq saħansitra l-ogħla qċaċet tal-patos li b’mod naturali tqabbeż
saħansitra demgħa fuq ħaddejn il-qarrej attent, bħall-parti li tiddeskrivi
l-aħħar waqtiet tal-ħajja tal-Poeta f’din id-dinja, wara żmien twil magħluq
f’daru u mixħut fis-sodda minħabba mard differenti. Inħoss li hemm nuqqas
ċkejken: ma ngħad xejn dwar x’seħħ waqt il-funeral u d-difna ta’ Karmenu
Vassallo, fejn hu midfun, forsi anki x’inkiteb għall-okkażjoni, anki jekk
Marcel Zammit Marmarà ma żammniex sajmin minn bosta referenzi biblijografiċi
mill-bidu sal-aħħar.
Ikomplu
jsebbħu u jsaħħu din il-pubblikazzjoni l-bosta ritratti b/w - aktar minn 50 –
marbutin ma’ fażijiet differenti mill-ħajja tal-Poeta – li għal xi żmien kien
hemm bosta li xtaqu jgħolluh għal Poeta Nazzjonali – u anki ritratti ta’ ittri
ttajpjati jew miktubin b’id il-Poeta stess, flimkien ma’ poeżiji jew siltiet
minnhom.
IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO għandu “Daħla” tal-Prof. Oliver Friggieri,
“Nota tal-Awtur”, biblijografija vasta ta’ 52 paġna u anki Indiċi tal-Ismijiet.
Din hija pubblikazzjoni li kull min għandu għal qalbu l-wirt Malti għandu
jixtri u jaqra bla telf ta’ żmien.
PATRICK SAMMUT
No comments:
Post a Comment