Struttura u mekkaniżmi stilistiċi:
Barney l-Ispiżjar hu rumanz ta’ ftit iktar minn 350 paġna li jinqasam fi
tliet partijiet ewlenin. L-ewwel parti ttul mal-105 paġni, it-tieni parti
għandha mal-203 paġni u t-tielet 55 paġna. Ġeneralment l-ewwel parti hija magħmula
minn kapitli qosra – b’16-il kapitlu li jvarjaw minn 2 sa 9 paġni, bl-itwal
tlieta li għandhom 11, 16 u 22 paġna - u b’ritmu mexxej. It-tieni taqsima, li
hija l-itwal, hija iktar frammentarja: Scicluna jaqsamha fi 11-il parti, biex
imbagħad 8 minn dawn jaqsamhom f’partijiet iċken li jtulu minn paġna sa 29. Żgur
li din il-frammentarjetà trid tirrifletti l-fatt li f’kull wieħed u waħda minna
hemm personalitajiet differenti, skont iċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom. It-tielet
parti hija kapitlu uniku. Hemm drabi meta Barney l-Ispiżjar jista’
jinħass monotematiku (ladarba Scicluna jinsisti ħafna fuq l-aspett
politiko-soċjo-morali), drabi oħra monoritmiku (l-aktar fil-partijiet it-twal).
Spiss in-narrazzjoni ssir fl-ewwel persuna, imma ma
jonqsux ukoll partijiet miġjubin fid-diskors dirett. Jintuża l-Malti
idjomatiku, u Scicluna juri ħakma tajba ferm tal-Malti, anki dak Semitiku u
arkajku ("maħrab”, "milbes”, "nitħanxlu”, "miksaħ”,
"midwal”, "ħemel”, "mtieraħ”). Lessikalment ninnotaw din
it-taħlita ta’ elementi differenti, anki Anglo-Sassoni: "tredmil”,
"rower”, "pulaps”, "bodibegs”, "ġankfud”, "konstant
woċċ”, "xortofstaff”, u bosta oħrajn. Iħaddem bosta tixbihat, anki idjosinkratiċi,
oriġinali u effettivi. Ikun interessanti ferm studju speċifiku dwar l-għadd
kbir ta’ similitudnijiet u metafori partikolari. Lejn tmiem ir-rumanz naqraw
dwar is-siġra li kien jeħtieġ li titqaċċat għax ħonqot kullimkien u ma seta’
jikber xejn ġdid iżjed, u l-istess missier Barney li jmut xiħ għakka: it-tnejn
huma simboli ta’ ideoloġiji, mexxejja, partiti politiċi, mentalitajiet u
atteġġjamenti partikolari li jkabbru għeruq profondi tant li xejn ma jkun
jista’ jeħdilhom posthom.
Hemm ukoll l-użu tal-kliem fid-diminuttiv min-naħa ta’
Scicluna f’dan ir-rumanz (eż. ”bqajqa”, ”sġajra”, ”tqajba”, "dħajka”,
"ċkejkuna”, "qħajba”, u bosta oħrajn). Xi drabi d-diminuttivi
jirrappreżentaw it-trivjalità li fiha
sabet ruħha d-dinja tal-lum, jew il-limitazzjonijiet tal-għarfien kulturali
tagħna, limitazzjonijiet intellettwali. Drabi oħra jistgħu jirrappreżentaw
ukoll dinja bla ruħ.
Isiru matul ir-rumanz kollu bosta referenzi ta’ natura
kulturali, mela għad-dinja tal-letteratura (Harold Bloom, James Joyce, Kafka,
Philip Larkin, Coetzee, Beckett, Eliot, Gunther Grass, Yukio Mishima, Federico
Garcia Lorca, Pablo Neruda, Yasunari Kawabata, Paolo Coelho), għaċ-ċinema
(Fellini, Totò, Giulietta Masina, Antonioni, Charles Chaplin, Mel Gibson,
Polanski, Zeffirelli, Robert Bresson, Kurosawa, Tsai Ming-Liang), għall-arti
(Pollock, de Kooning, Chagall, Botticelli), għall-filosofija (Wittgensein,
Nietzsche, Shopenhauer), u l-bqija.
Għall-ewwel Scicluna juża lingwaġġ naturali, mhux oxxen.
L-oxxenità jeħdulha postha deskrizzjonijiet imlewnin, analoġiji li ma jdarrsux,
anzi li juri s-sengħa tal-kittieb li jaf iwassal sew dak li għandu jgħid bla ma
jaqa’ fil-baxx. Imma dan biss għall-ewwel. Aktar tard il-lingwaġġ oxxen jintuża
anki biex naraw f’liema abissi ta’ immoralità waqgħet is-soċjetà Maltija
tal-preżent. Hemm partijiet fejn Scicluna jħallat il-lingwaġġ sagru ma’ dak
profan:
“U hemm għalfejn ngħid min kien il-qażquż reliġjuż
l-ieħor li jien fula maqsuma miegħu? Dak li ma kienx joqgħod b’sabru jekk ma
jinvistax kull kappella li jxomm imbexxqa u mrejħa bl-inċens sesswali!” (p.
279)
F’waqt ieħor prostituta Ukraina titqabbel ma’ relikwa,
filwaqt li l-burdell hu mqabbel ma’ knisja. Fuq naħa naqraw b’diskors li xi
drabi jmiss livelli għolja ta’ għerf; drabi oħra jitħaddem diskors li jintuża
kuljum, anki klixes: “u laħaq mexxej ta’ kovin – jew x’jgħidulu” (p. 287);
“dak hu l-poeta, sieħbi -” (p. 285); “Isma... ma rridx nisa Maltin, ta!”
(p. 289); “ma rridx niddevja, ħi, x’kont qiegħed ngħid...” (p. 300)
Hemm drabi meta n-narrazzjoni tieħu l-għamla ta’ monologu,
drabi oħra bħal donnu n-narratur jindirizza lill-istess qarrej, fejn juża
l-“ħi”. Drabi oħra jindirizza lil xi ħadd fit-tielet persuna singular femminil
permezz ta’ “għażiża” (p. 315). Din tista’ tkun l-istess Muża (“għażiża muża
tiegħi”, p. 316). Mekkaniżmu li jħobb juża Scicluna hija l-ironija taqta’ li permezz
tagħha jikkritika dak li ma jogħġbux. Fost l-oħrajn din tinħass sewwa diġà
fl-għażla tal-ismijiet għall-personaġġi tiegħu: Adam, Eva, Barney, Speditu,
Empedokle, Purpettu, u bosta oħrajn. Scicluna jagħti lill-persunaġġi tiegħu
anki laqmijiet imlewnin, rifless ta’ soċjetà li għadha tgħix fl-imgħoddi,
fid-dlam u fl-injoranza. Parti mill-mekkaniżmu ironiku ta’ Scicluna hu dak li
jikkunsidra t-tajjeb bħala ħażin (eż. dak li jintqal dwar Dun Ġorġ Preca
f’paġna 293), u l-ħażin bħala tajjeb (eż. meta l-qaħbu jitqies bħala “bniedem
mistku”, p. 294). Ironikament jingħad li l-qaħbu għandu punt pożittiv ieħor
favuru: mhux razzist ladarba l-prostituti li jħaddem huma suwed u bojod, bla
distinzjoni. Jingħad li, “Id-drittijiet umani jiġu qabel dawk individwali... in-nisa
suwed għandhom jaħdmu magħkom il-bojod bħall-aħwa...” (p. 295) Jekk il-qarrej
ma jifhimx mekkaniżmi bħal dawn żgur li xi drabi kapaċi jiddarras sew, anki
għax Scicluna jattakka spiss wkoll l-integraliżmi reliġjużi tal-poplu Malti.
Fid-deskrizzjoni ta’ Speditu, Scicluna jibdel dak li
jidher normali f’grottesk (p. 46). Il-grottesk jerġa’ jitħaddem
fid-deskrizzjoni tal-omm waqt u wara l-ħlas (bidu tat-Tieni Parti). Hawn insibu
wkoll il-parodija meta Scicluna jiddeskrivi l-inżul tal-Amerikani fuq il-qamar.
Anki d-deskrizzjoni tal-festin – fit-taqsima IL-QUĊĊIJA – tilħaq livelli
grotteski, bin-nies mistiedna joqorbu iktar kejn il-bhima milli lejn il-bniedem
fil-komportament tagħhom. Scicluna jinnota dan kollu fid-dettall u jwassalulna
b’mod divertenti tassew: permezz tal-punto di vista ta’ Barney tarbija
narratur. Ritmikament din hija parti li tgħaġġel, biex imbagħad tbatti apposta,
jinħoloq sens ta’ stennija u tensjoni waqt l-għażla tal-oġġett minn Barney
tarbija. Ftit aktar tard in-narrazzjoni terġa’ takkwista ritmu sfrenat li
jaqtagħlek nifsek u jħallik bla kliem.
Hija effettiva l-logħba bil-kliem jew PUN li naqraw
f’paġna 192. Effettiva hija l-paġna fejn Scicluna jinsisti fuq il-kelma “qabża”
u derivati minnha f’paġna 301, anki hawn f’sens ironiku u parodiku.
Paġna oħra effettiva hija fejn Barney jiddeskrivi l-ewwel
esperjenza li għamlitu raġel permezz ta’ ħolma flimkien mal-attriċi Taljana
Monika Vitti. Anki hawn Scicluna jwassal il-ħsus tal-konkupixxenza żagħżugħa
permezz tal-parodija, din id-darba bis-saħħa ta’ lingwaġġ filosofiku u
eżistenzjali. Hemm drabi meta l-lingwaġġ li jħaddem Scicluna jieħdu minn
slogans politiċi magħrufa jew proverbji bil-Latin marbutin mal-qasam reliġjuż.
Hemm ukoll waqt (p. 151) fejn Carmel Scicluna l-awtur
jissemma direttament min-narratur, jew parti minnu, Benedittu. Il-parodija
terġa’ titħaddem f’paġna 161 meta tissemma data eżatta, it-12 ta’ Ġunju 2004.
Ironikament fil-ġenn ta’ omm Barney fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha hemm ukoll kliem
li jagħmel sens. Hemm ukoll il-parodija ta’ Malta Kattolika: Dun Karm hu dejjem
akkumpajnat minn Noelene; Barney tarbija jaqbad il-Bibbja waqt il-quċċija biex
ftit wara jqattagħha biċċiet – parti li tista’ tixxokkja -; iz-ziju Salv
jirremetti u z-ziju Pawl jagħtih attakka ta’ qamar, filwaqt li missier Barney
jinqata’ għalih fil-kamra l-baxxa jserraħ ix-xewqat bestjali tiegħu. Dawn huma
partijiet verament krudi u raffi, tipiċi tal-letteratura kontemporanja.
Il-krudezza tad-deskrizzjonijiet u tal-kliem uċat trid tirrifletti l-krudezza
ta’ soċjetà li tippoża bħala waħda ċivili u Nisranija, imma fil-verità
tbiegħdet kilometri sħaħ minn dan l-ideal.
Ir-realiżmu, il-grottesk
u l-parodija bħal isiru ħaġa waħda tant li żgur se jkun hemm min jiddarras meta
jaqra dan ir-rumanz. Ma jiddarrassx biss min għandu għajnejh miftuħin u mhux
maħkum mid-dlam li xeħtu fuqna għal sekli sħaħ il-klassijiet tal-poter,
barranin u Maltin, inkluża l-Knisja.
Scicluna spiss jitlaq minn dak li mdorrijin inġarrbu ta’
kuljum – eż. il-qtugħ tal-provvista tal-elettriku – biex ftit wara jilħaq
livelli aktar riflessivi u profondi – eż. il-vera tifsira tad-dlam u tad-dawl
(p. 319). L-awtur jgħaddi biż-żmien l-istess ortografija Maltija billi jesaġera
meta jikteb frażijiet u kliem Ingliż b’ittri Maltin jew fil-verżjoni Maltija:
fost dawn insibu “Il-Ktieb tal-Uċuħ” (Facebook), “ajpods”, “plejstejxins”,
“emme pe erbgħa”, u bosta oħrajn. Hemm ukoll bosta waqtiet komiċi, bħal meta
jidħol fl-ispiżerija Grezzju l-Imgħawweġ – padrun tal-prostituti - isaqsi
għall-“kniedem”, plural ta’ “kondow”.
Teknika moderna li jħaddem Scicluna hija l-iżdoppjament
tal-personaġġi tiegħu. Mal-“pimp” Barney jammetti li ma jistax jiġi
rrappreżentat minn isem wieħed biss imma minn bosta, skont iċ-ċirkustanzi; u
dan ifakkarna fis-soċjetà ipokrita u mimlija maskri li ninsabu fiha. Otin
jista’ jinftiehem bħala l-parti l-imqarba ta’ Barney. Min-naħa l-oħra Benedettu
huwa l-parti t-tajba. Hawn niftakru fin-narrattiva ta’ Luigi Pirandello, ta’
Italo Calvino jew ta’ Robert Louis Stevenson f’Dr. Jekyll and Mr. Hyde.
Jinħass l-assurd fis-sitwazzjonijiet li jlaqqagħna
magħhom Barney/Scicluna, bħall-episodju tal-prostituta minorenni u l-boċċa
tal-“ger liver”. Hawn l-assurd jintrabat ma’ dak li fil-wiċċ idaħħaq, imma
fil-qiegħ ibikki għax għandu mit-traġiku, mill-bniedem bhima u mis-sadiku. It-traġiku
jitbiddel f’komiku anki matul il-laqgħa bejn Barney u l-prostituta Ukraina
ddisprata li tixtieq taħrab minn destin kiefer. Barney jiddeċiedi saħansitra
jiktbilha “ħajku fuq il-wajtbord ta’ warraniha”, b’dedika lil qaddis protettur
partikolari!
Spazji:
Spazju li jispikka hija l-ispiżerija ta’ Speditu f’nofs
Ħal Qormi li tinftiehem bħala ċ-ċentru li jiġbed lejh kull tip ta’ nies. Hija
wkoll il-laboratorju li fih Barney l-Ispiżjar jifli, iqaxxar karattri
differenti, reali u mistħajlin (ara p. 65). L-ispiżerija tinftiehem ukoll bħala
konfessjonarju u l-ispiżjar bħala dak li tiftaħ qalbek miegħu ħa jagħtik
il-mediċina li teħtieġ. Għalhekk il-klijenti tal-ispiżerija jinftehmu wkoll bħala
skjavi li qed jgħixu ħajja gidba. L-ispiżerija hija s-soluzzjoni għal kull tip
ta’ problema, u jekk din in-norma tiġi mhedda jinħoloq paniku fir-raħlin. L-Ispiżjar
tal-Għażla Tiegħek hawn mhu xejn ħlief simbolu ta’ dak kollu fis-soċjetà
“moderna” li jaljenana, li jbegħedna mill-verità, li ma jħalliniex nikbru u
naħsbu b’moħħna, mela dak kollu li b’ironija kbira Scicluna jikkritika f’dan
ir-rumanz tiegħu.
L-istess raħal ta’ Ħal Qormi huwa spazju ewlieni f’Barney
l-Ispiżjar. Huwa fuq kollox simbolu ta’ għeluq, piki, parrokkjaliżmu,
spazju fejn ir-raħlin jaħdmu s-sena kollha għall-festa tal-qaddis patrun, u
fejn issib saħansitra “poeti” tal-fuljetti parrokkjali li jiktbu versi
tal-okkażjoni u monotematiċi, iddedikati lill-qaddis patrun, u jqisu lilhom
infushom aħjar minn poeti veri. Hawn festi, zalzett, kaċċa u reliġjon jinxteħtu
f’borma waħda li tiġi msejħa identità Maltija (p. 202)
Tematika:
Jinħass mill-ewwel li dik ta’ Carmel Scicluna hija
letteratura ta’ introspezzjoni – Scicluna-Barney jagħmel bosta mistoqsijiet ta’
natura eżistenzjali -, imma anki ta’ denunċja, mela impenjata. Fl-isfond hemm
Malta tas-snin 80 tas-seklu 20. L-awtur jiddeskrivi anki l-esperjenzi tiegħu
fil-Liceo Vassalli tal-Ħandaq, f’nofs dawn is-snin. It-tiġrib li jgħaddi minnu
Barney hu l-istess tiġrib li għaddiet minnu ġenerazzjoni sħiħa. Scicluna jiddenunċja l-wiċċ b’ieħor u
l-maskra; jiddenunċja n-nuqqas ta’ libertà li l-individwu jitrabba fiha
fis-soċjetà sa minn ċkunitu; jiddenunċja l-psewdo-edukazzjoni li tnissel robots
mhux imħuħ kritiċi. Aktar tard fir-rumanz Scicluna jikteb dwar din is-“sistema
edukattiva kolonjali – nistudja bl-amment dak li hu approvat minn fuq, u ma
nafx nistudja għal rasi [...] u naħseb
b’moħħi.” (p. 242). Kontra din is-sistema hemm il-mudell tal-Kokka li jikteb
in-narrattiva u jista’ jitqies bħala l-eroj. Dan hu l-istess karattru li
jitkellem dwar l-anti-edukazzjoni u jorbotha mal-idea ta’ gideb, konformiżmu u
platitudnijiet.
Scicluna jiddenunċja anki l-kattoliċeżmu ipokrita
tal-poplu Malti, it-tqasqis, il-linġwaġġ oxxen “tal-awturi Maltin sekolari post
post-moderni” (p. 180). L-istess Kokka fuq naħa
jgħid, “Il-letteratura hi taqbida kontinwa... għażla iebsa..” (p. 246);
fuq in-naħa l-oħra jsostni, “Nistmerr il-pornografija għax hija ċ-ċaħda
sfaċċata tal-arti.” (p. 242) Aktar tard fir-rumanz naqraw ukoll li “l-arti
mis-sofferenza tiegħek biss titnissel” (p. 284); trid tkun verament ġarrabt dak
li tikteb dwaru, inkella tkun biss poeżija tal-imposturi.
Bħal Scicluna stess, fil-kitba tiegħu il-Kokka jħaddem
umoriżmu nebbiexi u sottili. Jiddenunċja anki l-konsumiżmu u jorbtu mal-gidba,
ladarba l-konsumiżmu jiddependi fuq ir-riklam u r-riklam minnu nnifsu huwa
gidba. Jiddenunċja anki s-superfiċjalità tas-seksik li daħal ġo djarna u ħa “xeħta
sofistikata u moderna” permezz tat-televiżjoni. (p. 265) Dik tagħna hi soċjetà bbażata
fuq “tlablib li ma jikkonnettjax” (p. 265). Għalhekk il-Kokka jesprimi l-ħtieġa
għal “taħdit intelliġenti u sensittiv”, “komunikazzjoni tabilħaqq,
l-ispiritwalità profonda.” (p. 266)
Dan kollu joħroġ permezz tal-varjetà tal-karattri li
jintroduċi Scicluna fir-rumanz tiegħu. Kontra Speditu, li l-interess ewlieni
tiegħu hu li jagħmel il-flus minn fuq dahar l-injurant, Barney l-Ispiżjar,
fl-ewwel jiem ta’ taħriġ tiegħu jimmira lejn il-fejqan tal-marda tal-injuranza.
F’paġna 47 naqraw id-diskors ta’ Speditu dwar il-poter u ż-żiemel tiegħu li
jfakkar fil-ġrajja ta’ Don Qiuxote u Sancio Panza. L-għerf ta’ Speditu mhux
wieħed li akkwista mill-bankijiet tal-Università, imma mill-esperjenza u
mill-ħajja. Anki jekk hemm il-qerq wara dak li jgħid, hu diskors li jagħmel
sens. Hawn issir referenza indiretta għal Il-Marid Immaġinarju ta’
Molière.
Nassistu l-ħin kollu għal ġlieda interna li tifni lil
Barney: fuq naħa hemm it-tiftixa biex ikun ħlejqa tajba, essri spiritwali; fuq
l-oħra hemm il-ġibdiet sesswali u bla kontroll tiegħu. Dan jintrabat
mat-teknika jew tema tal-iżdoppjament li b’xi mod tippreżenta lill-bniedem fi
kriżi ladarba huwa l-ħin kollu f’tiftixa ġewwiena jipprova jifhem min hu
verament. Naraw lil Barney l-ħin kollu mġebbed bejn żewġ estremi li jagħmluh
wieħed: il-ħażin u t-tajjeb, l-iswed u l-abjad, il-virtù u l-vizzju, is-safi u l-imniġġeż.
Scicluna jikteb dwar irġiel u nisa “tat-tiben” li huma lsira taż-żina, ta’
dinja trivjali u “glamorizzata”, ta’ gideb. Naqraw ukoll dwar ċerti ġibdiet
omosesswali li xi drabi ngħaddu minnhom waqt il-fażi adoloxxenzjali.
Hemm ukoll l-ironija taqta’ f’rabta mat-tema ambjentali,
imma anki fid-deskrizzjoni tal-isqaqien ta’ Ħal Qormi. Dan ifakkar
fid-deskrizzjoni tal-Mandraġġ ta’ Ġużè Orlando (fir-rumanz L-Ibleh)
tas-snin 30 u 40. Ifakkar ukoll fl-għeluq tar-raħal ta’ Fredu Gambin f’Il-Gaġġa
ta’ Frans Sammut, jew dak deskritt fir-rumanz L-Għar tax-Xitan ta’
J.J. Camilleri. L-aċċent li Scicluna jagħti lil Janika hu dak li Ġwann Mamo
jqiegħed fuq fomm ulied in-Nanna Venut. L-imħabba tal-awtur għall-ambjent
naturali toħroġ anki permezz tal-lista ta’ ħxejjex, fjuri u ħlejjaq naturali li
jagħti biex juri li nqerdu mill-progress (ara kapitlu 8).
Dik li jiddeskrivi Scicluna realist hija soċjetà maqsuma
f’żewġ partiti. Tiġi ttrattata għalhekk anki t-tema tal-partiġġjaniżmu,
tal-qaddisin u s-suldati tagħhom. L-awtur ma jiddejjaq xejn jgħaddi passata
żmien anki b’għadd ta’ politiċi u figuri pubbliċi oħra tal-preżent. Hemm
id-dimitizzazzjoni ta’ figuri pubbliċi marbutin kemm mal-qasam politiku kif
ukoll ma’ dak tal-media.
Scicluna ma jeħlishiex lanqas lill-psewdo-awturi, isejjaħ
il-Premju Letterarju tal-Gvern falliment, u jikkritika lill-mezzi tax-xandir
politiċi. Jgħaddi passata żmien b’dawk l-awturi li jridu jimpenjaw mhux
jiddevertu lill-qarrej, bla ħadd ma jifhimhom (kapitlu 10).
Dan ta’ Carmel Scicluna hu rumanz li fih juri li jaf minn
ġewwa sa barra l-karattru Malti, id-DNA tal-poplu tagħna bil-ħażin u t-tajjeb
tiegħu, bil-paradossi kollha tiegħu: dak li jidgħi, jiffornika u jqaħħab, imma
anki jisma’ l-quddies kull filgħodu. Scicluna jikteb ukoll dwar il-konsum
tad-droga min-naħa taż-żgħażagħ iddisprati (kapitlu 14). Permezz ta’ Barney
l-Ispiżjar Scicluna jfakkar li dak tagħna hu poplu li jeħtieġ jimmatura u ma
jibqax tfal; jeħtieġ jifhem x’inhuma l-veri problemi tal-ħajja. Ħadd ma jrid
iħares lejn il-“Mera tal-Verità”. Irridu l-ewwel nagħarfu n-nuqqasijiet tagħna
bħala poplu (fosthom anki l-insularità u l-istażi li ninsabu mdawrin bihom) biex
wara ngħaddu għall-bidla. Barney l-Ispiżjar hu b’hekk rumanz li jipprova
jiftaħ għajnejn il-qarrej kontra l-aljenazzjoni. Dan kollu ġie ttrattat
mill-kittieba post-Indipendenza. Issa però d-data tat-tluq hija l-2004, mhux
l-1964. L-għajta ta’ Scicluna hija “Viva l-bnedmin” u jemmen li “l-imħabba,
mhux Malta, tiġi l-ewwel u qabel kollox.” (p. 342)
Lejn tmiem ir-rumanz Scicluna jittratta d-dixxerniment:
“Kieku kull Malti jaf jiddixxerni ma jibqa’ xejn pololari.” Ftit qabel jikkwota
lil Nietzsche: “Kull ħaġa popolari għandha xi ħaġa tinten għax hemm involuti
fiha nies b’moħħ żgħir.” (dan kollu f’paġna 342).
Is-sess huwa tema ewlenija oħra fir-rumanz. Bosta minn
dawk li jlaqqagħna magħhom Barney l-Ispiżjar huma bnedmin b’ġibdiet sesswali. Jinħassu
għalhekk bosta influwenzi Freudjani: ir-relazzjoni kumplessa bejn Barney u
missieru; il-ħakma tas-sess; l-ego mifhum bħala “duħħan ikkulurit” ġewwa fina,
u l-bqija. Hemm it-tema tal-prostituzzjoni, anki tal-minorenni. Din tiġi
ttrattata f’wieħed mill-itwal kapitli, kapitlu 16. Hawn Barney jħossu kompliiċi
mal-ħażen ladarba mhux b’saħħtu biżżejjed biex jirrapporta dak li ma jogħġbux
lill-Pulizija.
Barney l-Ispiżjar hu fuq kollox rumanz morali, mela jittratta l-ġlieda
bejn it-tajjeb (Benedittu) u l-ħażin (Otin). Iżda minkejja li jemmnu fi ħwejjeġ
opposti bejn Benedittu u Otin hemm ir-rispett reċiproku. Il-laqgħa bejn Barney
(xi drabi Eros), il-Kokka u Benedittu (flimkien ma’ Otin huma dawk li Scicluna
jsejħilhom l-erba’ kwadranti taċ-ċirku ta’ ħajjitna) fid-dar tal-Kokka ssir
okkażjoni fejn dan tal-aħħar jesprimi l-iskuntentizza tiegħu b’dak kollu li qed
jifni lill-bniedem proprju għax tbiegħed minn kull xatt morali u spiritwali.
Il-bniedem hu mqabbel ma’ bram li jimxi mal-kurrent skont liema huwa l-iktar
komdu. Issir ukoll distinzjoni bejn li tkun intellettwali – u għal Scicluna dan
jista’ jkun “ipokrita, manipulattiv u brikkun” – u li tkun għaref – li m’hu
l-ebda minn dawn. (p. 277)
Ir-rumanz ta’ Carmel Scicluna huwa riflessjoni dwar, imma
anki tmellieħa ta’ dak kollu li jrid jidher jew jippoża bħala serju imma mhux,
anzi huwa l-oppost, fis-soċjetà Maltija. Dan l-awtur jagħmlu bla ebda kantunieri
u bla ma jaħfirha lil ħadd. Jittratta anki problemi soċjali bħall-pedofilija,
il-qgħad fost it-tfajliet Maltin, u t-tħaddim ta’ bosta tfajliet suwed jew
mill-Ewropa tal-Lvant bħala prostituti.
L-aħħar parti tar-rumanz tieħu l-forma ta’ trattat filosofiku–riflessiv,
kważi monologu twil u uniku min-naħa ta’ Barney li jinżel ifittex fl-ibgħad
irkejjen ta’ ruħu. Dan ġej ukoll mill-fatt li dak li jirrakkonta Scicluna hi
storja ta’ “familja” fejn għalkemm kulħadd jgħix taħt l-istess saqaf jaħkem
is-silenzju tal-inkomunikazzjoni. It-tmiem tar-rumanz hu fl-istess ħin miftuħ u
enigmatiku: hemm il-bniedem li jipprova jifhem lilu nnifsu filwaqt li jaf li
qatt ma jista’ jasal biex jagħmel dan.
Konklużjoni:
Inħoss li Barney l-Ispiżjar mhux rumanz għal
kulħadd. Hu rumanz li jimmira biex jiddisturba lil dak li jkun, joħorġu apposta
mis-sitwazzjoni komda (apparenti) u aljenata li dara jgħix fiha. Trid biss
tiftħu, taqrah, tixtarru, biex tisma’ din l-għajta skomda tirbombja
ġewwa moħħok.
No comments:
Post a Comment