Dan huwa l-ewwel rumanz ta’ Joseph Vella. Jifrex
fuq 230 paġna, għandu Daħla mill-awtur stess, u jinqasam fi 32 taqsima, iktar
milli kapitli. Diġà
mid-Daħla Joseph Vella jurina kemm hu midħla taż-żmien storiku li jikteb dwaru,
kif ukoll tal-ilsien Malti. Permezz ta’ Malti miktub b’sengħa kbira, Vella
jirnexxilu jfakkarna kemm hija importanti l-Istorja ladarba hija għalliema li
mhux ta’ min inwarrbuha. L-Istorja tgħallimna nirrispettaw lil dawk ta’ qabilna
u fl-istess ħin tiftħilna għajnejna biex ma nirrepetux żbalji fatali. Vella
stess jikteb li bosta mid-deskrizzjonijiet li nsibu f’dan ir-rumanz huma
“bbażati fuq rakkonti ta’ min xehed u ġarrab dawk iż-żminijiet tassew mudlama.”
Dan jikxef il-fatt li Vella huwa qarrej assidwu ta’ rakkonti reali kif ukoll
mistħajla ta’ bosta rakkonti tal-Gwerra.
Il-ġrajja:
Sa mill-ewwel taqsima nifhmu li min qed jikteb
(in-narratur ewlieni) huwa l-bużneputi tal-awtur tad-djarju tal-Gwerra l-Kbira,
Kustanz Magro (in-narratur sekondarju). Fil-preżent (is-sena 2011) in-narratur
ewlieni huwa anzjan b’kanċer terminali imma li jinħakem minn kurżità kbira biex jikxef ir-rakkont li hemm
moħbi fil-pakkett (f’għamla ta’ djarju u ta’ għadd ta’ ittri) li wiret mingħand
iz-ziju t’ommu, ħu Kustanz stess. Dan in-narratur ewlieni dwaru nnifsu jikteb,
“jien li jiena nnifsi kelli nisfa’ ltim minn ommi proprju dakinhar ta’ twelidi,
u minħabba gwerra oħra li ma damitx ma segwiet lil ta’ qabilha. Proprju jien,
li ċ-ċaħda kelli ngħixha matul il-mumenti kollha ta’ ħajti.” (p. 222)
Tissemma ħafna l-ironija tad-destin li laqqa’ lil
Kustanz Magro ma’ min qed jirrakkonta biex fl-aħħar jinkiteb ir-rakkont,
minkejja d-distanza fiżika u temporali (ladarba Kustanz ilu mejjet mis-sena
1917).
In-narratur ewlieni diġà minn paġna 53 jixħet dawl fuq il-fatt li
dan ir-rakkont ta’ Kustanz se jkun wieħed traġiku, mela żmien il-għasel intemm.
Aktar kemm wieħed jaqra aktar jifhem li l-gwerra hija biċċerija u qirda
tal-imħabba, tal-ħajja, tal-bniedem. Minkejja li t-Tedesk hu l-għadu, Kustanz ma
jobogħdux għax jaf li qegħdin fl-istess sitwazzjoni. Din li jirrakkonta Vella
hija storja umana, mimlija bi ħsus umani ta’ kull tip: xewqat, beżgħat,
dmirijiet, twegħir, ġibdiet, tentazzjonijiet, ħajja u mewt. Hekk id-djarju ta’
Kustanz, kif jgħid in-narratur ewlieni, jinbidel “f’mera tat-taħdita interna
f’moħħ u ruħ Kustanz [...] Jew saħansitra l-esternizzazzjoni tal-vjaġġ ta’
ruħu.” (p. 131)
Kustanz jikteb direttament mit-trunċieri dwar
l-assurdità tal-gwerra
li torbot u tħoll ħbieb u għedewwa skont iċ-ċirkostanzi. Hemm it-taqsima
“Il-Ħamrija Tilqa’ Kollox”, fejn naqraw iktar ħsibijiet profondi dwar is-sabiħ
tal-ħolqien u l-ħela tal-Gwerra.
Imbagħad fit-taqsima “It-Tbatija tal-Misteri”
naqraw b’ħolma-inkubu li n-narratur ewlieni jkollu minħabba l-ħakma li għandhom
fuqu d-djarju u l-ittri ta’ Kustanz. Dan in-narratur qarib ta’ Kustanz hu
anzjan li jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tas-suldat Malti waqt il-Gwerra
l-Kbira: il-biża’ tiegħu hu li jiġi nieqes qabel ma jasal biex iwieġeb bosta
mistoqsijiet li tnisslu f’rasu.
Il-biża’ bħala motiv jerġa’ jixref iktar ’il
quddiem, fejn Kustanz jikteb li meta jkun waqt xi battalja fil-Front jipprova
jaħbi l-biża’ tiegħu; hawn jirreferi għal taqbida li kienet isseħħ fih u li
kien dejjem jirbaħha bi sforz kbir. Lil Kustanz imissu wkoll il-waqt meta jiġi
midrub, u dan waqt il-Battalja tas-Somme: kien il-ħsieb ta’ martu u wliedu li
tah is-saħħa u d-determinazzjoni sabiex jibqa’ ħaj u jitkaxkar bi tbatija kbira
lura lejn it-trunċieri tal-Alleati. Fuq naħa l-qtil, il-waħx, il-mewt kull
sekonda; fuq l-oħra l-ħsus ta’ Kustanz bħala missier, miżżewweġ, ħu Ġanmari u
ħabib. Huma dawn tal-aħħar li jsostnuh meta l-kuraġġ u t-tama jkunu se jaħbtu
jħalluh.
Minn ittra ta’ Ġużeppa lil Kustanz nagħrfu wkoll
it-tbatija anki emozzjonali u psikoloġika li jgħaddu minnha
n-nisa tas-suldati.
In-narratur ewlieni jfakkarna li għalkemm fil-waqt
li qed jaqra l-ittri u d-djarju ta’ Kustanz, Kustanz ilu mejjet deċennji sħaħ,
xorta waħda bħal donnu Kustanz għadu ħaj. Hawn l-idea tal-iscripta manent, il-kelma miktuba li tibqa’ (p. 212).
Element tematiku ieħor f’L-Eroj li ma Kienx huwa t-twemmin Nisrani ferventi ta’ Kustanz,
minkejja l-infern li sab ruħu mitfugħ fih. Tweġiba b’saħħitha li Kustanz
Nisrani jagħti lil suldat ieħor għall-mistoqsija, “Fejn hu Alla tiegħek f’dan
kollu?”, hija, “Mhux fejn abbadunajnieH aħna?” (p. 219)
Ladarba Kustanz jgħib u jintemm ir-rakkont tiegħu,
bl-aħħar entratura fid-djarju tiegħu ġġib id-data tat-30 ta’ Novembru 1917,
jerġa’ jieħu r-rakkont f’idejh in-narratur ewlieni. Huwa hawn meta r-rumanz
jieħu xejriet tat-trattat għax jiddiskuti bosta aspetti importanti fil-ħajja
tal-bniedem. Fl-aħħar taqsima, wara li n-narratur ewlieni jippreżentalna għadd
ta’ statistiċi, jistqarr direttament li wisq probabbli l-Gwerra l-Kbira seħħet
biss għal raġunijiet ta’ flus u profitti min-naħa tal-klassijiet l-għolja. Mela
L-Eroj li ma Kienx huwa anki twissija
biex iż-żgħir joqgħod attent mill-kbir u ma jerġax jaqa’ fin-nassa. Kemm hu
minnu dan u kemm japplika għalina tal-preżent!
Stil u struttura:
In-narrazzjoni fil-każ tan-narratur ewlieni u
tan-narratur sekondarju hija fl-ewwel persuna singular maskil. Spiss
in-narratur ewlieni jindirizza lill-qarrejja direttament permezz ta’ “intom”.
Dan ta’ Joseph Vella huwa rumanz epistolari ladarba partijiet minnu huma msejsa
fuq għadd ta’ ittri li Kustanz jikteb lil martu Ġużeppa jew lil ħuh Ġanmari u
oħrajn li huwa jirċievi mingħand dawn it-tnejn jew xi ħbieb oħrajn. Partijiet
oħrajn tar-rumanz jieħdu l-forma ta’ entraturi fid-djarju personali ta’
Kustanz, kollha ddatati. L-ewwel entratura fid-djarju hi dik tat-2 ta’ Marzu
1914 u l-ewwel ittra ta’ Kustanz (li kien fl-Ingilterra) kienet indirizzata lil
martu u ddatata 3 ta’ Marzu 1914. L-entraturi fid-djarju u l-kontenut tal-ittri
huma miġjubin fil-korsiv. Apparti leħen in-narratur ewlieni u dak sekondarju,
xi drabi għalhekk il-leħen narranti jkun dak ta’ Ġużeppa, mart Kustanz, jew ta’
Ġanmari, ħuh. F’dawn l-ittri u fid-djarju joħorġu l-karattru ta’ Kustanz, ħsusu
u ħsibijietu, ’il bogħod minn art twelidu. Naqraw ukoll siltiet minn gazzetti
tal-epoka tal-Gwerra l-Kbira, miġjubin direttament fl-ortografija taż-żmien.
Dan ikompli jagħti sens ta’ awtentiċità lir-rakkont.
Dan hu anki rumanz b’element didattiku qawwi.
Jingħata tagħrif qasir dwar il-ġurnali differenti li kienu joħorġu – bil-Malti,
bl-Ingliż u bit-Taljan, fi żmien meta Malta ġiet ittrasformata fi sptar kbir f’nofs il-Mediterran
għas-suldati Alleati midruba. Insibu tagħrif dwar tal-bambott u tal-gadraj.
Id-deskrizzjoni pjuttost umoristika tal-ġlieda bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet ta’
bejjiegħa fil-Port il-Kbir fl-ittra ta’ Ġanmari lil ħuh isservi bħala serħan
mit-tensjoni tal-epoka. Spiss Vella jfakkar li l-gwerra, minkejja
l-patrijottiżmu u l-fervur tal-bidu, ħalliet warajha bosta romol, orfni u qirda
ta’ wlied.
L-element didattiku jerġa’ jinħass meta naqraw li
“Aħna l-prodotti tal-bieraħ, u l-produtturi ta’ għada.” (p. 217) Permezz ta’
dak li ħallewlna ta’ qabilna aħna tal-lum għandna nimxu ’l quddiem.
Strutturalment L-Eroj
li ma Kienx hu mibni fuq alternanza bejn siltiet sħaħ jew parzjali
mid-djarju jew mill-ittri varji, u l-kumment-riflessjonijiet tal-leħen narranti
(in-narratur ewlieni). Xi drabi, għalkemm mhux dejjem, l-ittri jinqraw
kronoloġikament, mela nsegwu kważi jum b’jum il-vjaġġ ta’ Kustanz lejn il-Front
u l-waqt tal-prova. Hemm drabi oħra (bħalma jiġri f’paġna 86) meta għal waqt
in-narratur ewlieni jaqbeż mis-sena 1914 fid-djarju għas-sena 1917, mela xi
tliet snin wara, biex jurina x’bidla ġabet il-Gwerra f’Kustanz. Fiha nnifisha
din hija tip ta’ prolessi (flashforward).
Dan iserrħilna rasna li Kustanz irnexxielu jissopravivi għallinqas tliet snin.
Aktar kemm naqraw aktar nindunaw li l-ittri ma jibqgħux jinġiebu f’sens
kronoloġiku, imma skont is-suġġett li n-narratur ewlieni jkun qed jittratta.
Lingwistikament Vella juża Malti b’taħlita adatta
tas-Semitiku u r-Rumanz, mela ta’ elementi ġejjin mill-Għarbi u oħrajn
mit-Taljan. Bosta drabi juża wkoll għadd ta’ termini militari li jġib
direttament fl-Ingliż imma eżatt wara jfiehem xi jfissru bil-Malti. Il-Malti Semitiku
jispikka ħafna fl-użu ta’ nomi mimmati bħal “mgħawma” (post mgħarraq bl-ilma u
t-tajn), “maqtel” (post fejn jinqatlu l-eluf), jew “milwiema” (mimlijin ilma).
Hemm ukoll drabi meta r-rakkont jiġi mżewwaq bi
skizzi biex Kustanz jispjega aħjar dak li dwaru jkun qed jikteb, bħal per
eżempju fil-każ tal-periskopju jew tat-tank tal-gwerra.
Parti mill-kontenut tar-rumanz huwa magħmul minn
poeżiji. L-ewwel waħda li naqraw hija silta mill-poeżija tal-poeta-suldat
Wilfred Owen, Strange Meeting,
miktuba fl-1918. Hemm ukoll siltiet minn għanjiet ta’ żmien il-Gwerra. Imbagħad
hemm numru ta’ poeżiji jew versi ta’ riflessjoni li Kustanz jikteb f’diversi
okkażjonijiet, bħal dik li jikteb f’għamla ta’ kwartini f’Lulju tal-1916 dwar
il-ħafna kadavri li kien jara madwaru. Poeżija oħra ta’ Kustanz jisimha Lil Ommi miktuba f’Novembru 1916. Fuq
naħa hemm ir-rabta tal-iben mal-omm, fuq l-oħra l-preżentiment tal-mewt
fil-qrib.
Hemm preżenti wkoll il-ħsibijiet u l-ħsus
tan-narratur ewlieni waqt li qed jaqra l-kontenut tal-pakkett li wiret. Dan
in-narratur ewlieni (il-“jien” numru 1) b’hekk isir parteċipant attiv
fil-ġrajja ta’ Kustanz. Lejn tmiem ir-rumanz jikteb, “Kont ili nħoss għal
Kustanz, kont ili nixtieq indaħħal id waħda fid-djarju, kieku stajt, u nerfgħu
b’ġentilezza, fil-keffa t’idi, u nqiegħdu lura fi ħdan familtu kif kien ikun
sewwa u xieraq għalih u għalihom.” (p. 222)
Element stilistiku ieħor li Vella juża iktar minn
darba huwa l-ewfemiżmu: minflok isemmi l-kelma “mewt” Kustanz jikteb hekk dwar
ħbiebu li mietu, “Is-Sur Harry u sħabi l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ Andy, kollha
kien intemmilhom il-vjaġġ u għaddew għal ħajja aħjar.” (p. 196) L-ewfemiżmu
jerġa’ jitħaddem fl-aħħar żewġ linji tat-taqsima “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ”, meta
naqraw, “L-aħħar entratura fid-djarju ta’ Kustanz kienet dik tat-30 ta’
Novembru 1917.” Dak li għal żmien twil kien iħoss ġej fuqu Kustanz fl-aħħar
iseħħ u f’daqqa waħda. L-għajbien ħesrem ta’ Kustanz mix-xena ma jħallix ħin
għall-qarrej biex jibkih. Dan ikompli jinsisti fuq il-fatt li L-Eroj li ma Kienx hu rumanz iktar
realistiku, milli patetiku.
Il-livell deskrittiv u poetiku:
L-Eroj
li ma Kienx hu miżgħud
b’partijiet deskrittivi. Kustanz fid-deskrizzjoni tal-għelieqi, l-għoljiet u
l-firxiet naturali hu romantiku u nostalġiku. Il-vjaġġ fit-tren u l-firxiet
naturali jagħtu lok biex Kustanz jagħtina deskrizzjoni ta’ Malta predominantement
agrikola fil-bidu tas-seklu 20. Ironikament, dan iseħħ fi żmien ta’ gwerra,
żmien ikrah tassew.
Hemm ukoll partijiet poetiċi immens, minkejja li
dan hu xogħol narrattiv. Hekk f’rabta mal-vjaġġ fuq it-tren naqraw, “Hemm bosta
stadji matul dan il-vjaġġ, uħud qosra, oħrajn aktar dewwiema, imma lkoll mibdija
u mitmuma. Stazzjon wara l-ieħor, mifruxa minn żmien għal żmien f’dil-mixja
għaġġelija lejn tarf mhux magħruf.” (p. 52) Preċiżament wara jsegwu l-proża u
r-realtà
iebsa: is-suldati lebsin l-uniformi bl-azzarini u armati sa snienhom.
Permezz tan-narratur ewlieni Vella jagħtina ħemel
tagħrif interessanti dwar il-ħajja fl-armata. Huwa f’paġna 74 meta jibdew
id-deskrizzjonijiet ħajja tal-kruhat tal-Front u l-ewwel esperjenzi tat-taqbid
ta’ Kustanz. Ix-xeni tal-waħx, bis-suldati maqtula jew midruba gravament iħallu
impatt psikoloġiku qawwi fuq il-kollegi tagħhom. Kustanz jiddeskrivi l-estremi
fl-atteġġjamenti ta’ suldati differenti: “Bħalissa għaddejja waħda ma
titwemminx hawn fil-‘billet’ fejn ninsabu: hawn wieħed fostna qed jitkellem
ħażin bl-addoċċ u ftit ’il bogħod minnu hawn ieħor igedwed u jżebbeġ fil-kuruna
tar-Rużarju.” (p. 75)
Naqraw ukoll deskrizzjoni tal-ewwel darba li
Kustanz qatel suldat Tedesk. Jibqa’ jinħass il-fatt li qatel bniedem
bħalu.Toħroġ ukoll l-idea li fuq il-Front il-bniedem-suldat bilfors irid jinża’
mill-umanità
tiegħu, inkella jisfa maqtul huwa stess. Dan il-qtil ta’ bniedem bħalu jnissel f’Kustanz
għadd ta’ mistoqsijiet eżistenzjali.
Dawn il-qagħdiet tal-waħx li Kustanz sab ruħu
fihom spiss imbuttawh biex jikteb riflessjonijiet profondi qatigħ imma anki
poeżiji mimlijin sentimenti qawwijin fid-djarju tiegħu. Dan id-djarju jservi
lil Kustanz bħala żvog imma anki bħala terapija biex ma jitlifx ir-raġuni u
l-umanità
tiegħu stess. Permezz ta’ dan id-djarju l-qarrej jifhem li Kustanz huwa dak
is-suldat fit-trunċiera x’imkien fil-Fjandri li jasal biex jifhem sewwa l-vera
tifsira tal-gwerra, bl-ikrah u t-tbatija li ġġib magħha. Huwa proprju f’dawn
il-partijiet li r-rumanz ta’ Vella jilħaq livell filosofiku għoli. Kustanz
stess jikteb li d-djarju “kien sarlu t-tibna li beda jiggranfa magħha, biex
iżomm is-sanità tiegħu kemm jista’ jkun f’postha f’dak l-orrur
inkredibbli.” (pp. 132-133) F’paġna 200 jikteb: “Imma rrid nibqa’ nikteb għaliex
inħossni ser nitlef moħħi jekk ma noħroġx dak li jkun għaddej f’moħħi b’dan
il-mod... organizzat.” Id-djarju jagħti ordni lid-diżordni – dinja ta’ taħt fuq
– li hemm madwar Kustanz fit-trunċieri. Aktar riflessjonijiet mill-isbaħ
naqrawhom fit-taqsima “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ”, li żgur ifakkar f’San Ġwann
tas-Salib.
Hemm drabi meta l-aspett udittiv (mela l-appell
għas-sens tas-smigħ) fid-deskrizzjoni ta’ Kustanz jirrendi s-sitwazzjoni
deskritta iktar reali: “’Il bogħod minna l-kanuni jinbħu. Fuq rasna l-balal
żgħar iwerżqu, il-bombi jvenvnu b’vuċi maħnuqa qisha ta’ barri jħarħar. Ħsejjes
iwaħħxuk...” (p.106) Fil-paragrafu ta’ wara mbagħad jaħkem l-aspett kromatiku
(il-kulur): “Minn fuq ix-xefaq iġammar ħamrani jidhru telgħin żewġ ‘rockets’
ħodor. Dan ifisser li se nsofru ‘barrage’. Minn ħin għal ħin jidhru l-kanen
jobżqu blalen tan-nirien fiddiena-ħamranija li mbagħad jisplodu fuq rasna u
traxxax xita ta’ kwiekeb ħomor, ħodor, bojod, leqqiena.” (p. 106) Dan kollu
f’rabta ma’ “l-ispettaklu mlewwen ta’ dil-festa qerrieda”. L-element udittiv,
jew l-onomatopea, tintuża wkoll f’paġna 200: “xita ta’ balal, bumbardamenti
kontinwi, damdim, theżżiż, tifqigħ ta’ bombi kbar u żgħar.”; filwaqt li
l-element kromatiku nerġgħu nsibuh ftit wara: “kulħadd kannella, kollox
kannella bit-tagħsid tal-ħamrija mtajna. Tiċpis u tiċlis ta’ ħamrija. Ilkoll
qisna pupi, jew aħjar pupazzi taċ-ċikkulata. Imma ċikkulata morra. Ċikkulata
togħma ta’ moffa. Imbagħad xi ngħidu għal kemm ‘pupazzi taċ-ċikkulata’ tara li
sfaw bla rjus, bla jdejn, bla saqajn, bi msarinhom barra, imbiċċra, imtertqa,
miftuqa...” (p. 201) Apparti l-lewn kannella, taħkem ukoll id-deumanizzazzjoni,
jiġifieri meta l-bniedem jitneżża’ minn dak kollu li jagħmlu bniedem.
Kustanz is-sensittiv u poeta jerġa’ jixref fid-djarju
tiegħu meta jiddeskrivi lil martu għerja u l-ewwel għaqda fiżika ta’ bejniethom
nhar
qamar il-għasel. Dan jagħmlu
permezz ta’ lingwaġġ mill-isbaħ, xejn maħmuġ, imma li xorta jaf iqanqal (ara
pp. 135-137).
F’post ieħor u fi spazju ta’ żewġ paġni u nofs
Kustanz jagħti deskrizzjoni klinika u ħajja tal-fażijiet differenti li minnhom
jgħaddi l-kadavru ta’ bniedem mejjet. Din hija parti li twaħħxek imma
lingwistikament mill-isbaħ u b’saħħitha fl-istess ħin. (pp. 143-145)
Is-suldat fit-trunċieri kien jgħix id f’id
mal-kadavri u mal-mewt. Xbieha poetika dwar il-mewt insibuha f’paġna 166:
“Il-mewt tħuf madwarna l-ħin kollu, miexja ħafja, tara ’l min se tieħu magħha,
siekta.” Imbagħad f’paġna 174 naqraw silta (fit-taqsima bl-isem ta’ “Irmied u
Dellijiet”) li tintrabat direttament mal-qoxra tal-ktieb: Kustanz bħal jara dak
il-waqt meta joħroġ minn ġismu biex iħalli lid-dinja darba għal dejjem. Wieħed
jistaqsi f’dan il-punt jekk hix previżjoni li se sseħħ jew le. Ħsibijiet simili
naqrawhom f’paġna 211: “U jien hawn wisq drabi nħossni li m’għadnix f’did-dinja
imma li diġà
ninsab f’li jmiss, fl-infern tal-ħajja ta’ wara din [...] Nitmermer, dejjem
nitmermer, waqt li naf u waqt li ma nafx li qieghed nitmermer [...] U kemm
tiflaħ tissokta tnemnem did-daqsxejn ftila qalb tant irwiefen jobormu minn kull
naħa?” Dan Kustanz jiktbu wara li jirċievi l-aħbar tal-mewt ta’ ħabib kbir
tiegħu, xahrejn wara li miet. Hemm ħajta rqiqa ħafna bejn ħajja u mewt!
Aktar dwar ir-rabta bejn ħajjin u mejtin naqrawh
meta Kustanz jikteb hekk fid-djarju f’relazzjoni mal-1 ta’ Novembru 1917:
“Erġajna ninsabu fix-xahar tal-mejtin. Xahar li jfakkarna fl-għeżież li tlifna.
Hawn lanqas kieku trid ma tista’ tinsiehom il-mejtin. Ninsabu midfunin ħajjin
f’nofshom. Tista’ tgħid li aħna l-kadavri t’għada... jekk mhux ukoll il-kadavri
ta’ ftit waqtiet oħra.” (p. 197)
Xbieha sabiħa oħra hija dik meta Kustanz iqabbel
il-gwerra mal-Golgota u r-rebħa mal-Irxoxt (p. 198). Xbieha effettiva oħra hija
meta Vella, bis-saħħa tan-narratur ewlieni, jikteb li l-pakkett bl-ittri u
bid-djarju ta’ Kustanz huwa “midfen b’differenza” li fih, “hemm ħsibijiet u
sentimenti espressi fil-kitba li huma aktar suwed mill-faħam, u hemm ġawhar ta’
mumenti imprezzabbli.” (p. 217) Ħsieb profond u poetiku ieħor fid-djarju ta’
Kustanz li joħroġ permezz tal-lingwaġġ figurattiv naqrawh f’paġna 218:
“Dal-kliem [...] Mhu xejn għajr it-tħaxwixa mitfija ta’ werqa ta’ darba li
waqgħet fil-masġar enormi tal-ġrajja.” Hemm il-poeżija anki fil-proża ta’
Kustanz; paradossalment hija poeżija prodott ta’ waqtiet ta’ waħx, solitudni u
tbatija.
Konklużjoni:
F’L-Eroj li
ma Kienx naqraw dwar il-ġrajja ta’ bniedem ordinarju (wieħed minn miljuni)
li sab ruħu f’ċirkostanzi straordinarji u b’hekk ma baqax daqstant ordinarju.
(p. 134) Nistħajjel li Joseph Vella kiseb bosta tagħrif mill-ħafna kotba li
matul snin twal qara anki f’ilsna oħra f’rabta mal-Istorja u l-gwerra.
L-interessanti huwa kif irnexxielu minn dan kollu jibni rumanz strutturat
tajjeb f’ilsienna, xogħol li fih juri ħakma tajba ferm tal-Malti tant li
d-deskrizzjonijiet jinqraw b’mod mexxej u naturali għall-aħħar. Is-sabiħ huwa
wkoll il-fatt li permezz ta’ dan ir-rumanz - aktarx uniku għax hu biss hu
xogħol lokali ambjentat fi żmien il-Gwerra l-Kbira? - jinħoloq pont ta’
komunikazzjoni dirett bejn in-narratur ewlieni u Kustanz, imma anki bejn
il-qarrej u n-narratur ewlieni u Kustanz minkejja li bejn il-preżent u
l-imgħoddi (Kustanz fit-trunċieri) hemm spazju temporali ta’ mitt sena.
Dan hu wkoll rumanz tweġiba għal min jemmen li
biex tikteb xogħol li jintgħoġob jeħtieġ juża lingwaġġ, deskrizzjonijiet u xeni
maħmuġin, mimlijin sess u oxxenità. Minn dan kollu L-Eroj li ma Kienx m’għandu
xejn. Anzi, hawn Vella jerġa’ jfakkar li hemm valuri li għad għandhom
importanza ewlenija, iktar u iktar illum f’soċjetà materjalista u aktarx korrotta; valuri
bħalma huma l-għożża tal-familja, it-twemmin f’Alla, il-lealtà fiż-żwieġ u lejn il-patrija, ir-rispett
lejn il-proxxmu – saħansitra fuq il-kamp tal-battalja, ir-rispett lejn u
l-apprezzament tal-ħajja umana, u anki lejn dawk li ġew qabilna billi la ninsew
lilhom u lanqas dak li ġarrbu.
Fl-aħħar nett ta’ min jgħid li wara xogħol
letterarju bħal dan hemm ukoll Joseph Vella l-istudjuż ħassieb u anki għalliem
tal-Malti.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment