Sunday, March 29, 2015

WERAQ TAL-ĦARIFA ta’ Alfred Massa, Pubblikazzjoni Bronk 2014.

Dan ir-rumanz ġdid ta’ Alfred Massa jifrex fuq 204 paġna u hu maqsum f’20 kapitlu. Jiftaħ bi żmien speċifiku: il-preżent, ix-xahar ta’ Novembru, Jum l-Erwieħ, mela l-istaġun tal-ħarifa. Sa mill-ewwel kapitlu l-qarrej jifhem li dak li seħħ fl-imgħoddi se jkollu importanza u se jingħata spazju wiesa’ f’dan ir-rumanz.

Il-protagonisti hawn huma żewġ anzjani: Salvu u Vanda, it-tieni mara tiegħu. Hemm waqtiet meta fl-istorja (fil-flashbacks) takkwista ċerta importanza anki Salvina, l-ewwel imħabba u mara ta’ Salv. Aktar tard tispikka r-rabta ta’ Salvu ma’ ommu u anki maż-żewġ ħbiebu Valent u Karmenu. Dawn jgħinuh biex ifieq mill-ġerħa psikoloġiko-emozzjonali tiegħu. Fil-flashbacks insiru nafu wkoll kif aktar tard Salv iltaqa’ ma’ Vanda.

Dawn il-flashbacks jibdew fit-tieni kapitlu meta, wara li Salvu jiltaqa’ ma’ ners l-isptar li tfakkru fl-ewwel mara tiegħu, Salvina, Massa joħodna lura fiż-żmien. U proprju hawnhekk il-qarrej jiltaqa’ ma’ għadd ta’ anakroniżmi: f’paġna 21 Salvina żagħżugħa tgħid li kienet tistudja l-kompjuter. Ma ninsewx li Salvu fil-preżent għandu mas-70 sena. Mela dan ma jistax ikun ladarba hawn l-azzjoni qed isseħħ fis-snin 50 jew 60. Anakroniżmu ieħor hija l-kelma “artiċoks”, dejjem f’rabta mas-snin 50 jew 60. Kienet tintuża bħala kelma jew il-Maltin kienu jużaw il-kelma Maltija “qaqoċċ”? L-istess iseħħ meta f’paġna 23 in-nanna tgħid lil Salvina ta’ 16-il sena, “Illum taf daqsi kemm żwiġijiet qed jisfumaw.” Eżattament għal-liema “illum” qed jirreferi Massa? Anki f’kapitlu 7, omm Salvu tkellmu dwar id-droga: “Jgħidu li kapaċi jħalltuhielek fix-xorb bla ma tinduna.” (p. 72) Din hija realtà li tintrabat iktar mas-snin 80 jew iktar ’il quddiem, imma mhux ma’ żmien meta Salvu kien għadu żagħżugħ.

Spazjalment Massa jqiegħed l-azzjoni prinċipali tar-rumanz fir-raħal: hemm il-knisja, is-suq, il-pjazza, iċ-ċimiterju tal-lokal, il-ħanut tal-merċa u l-ħanut tax-xorb. Aktar tard jissemmew Tas-Sliema, il-Qawra, u anki l-Ġermanja.

Bħala lingwa Massa jagħżel is-sempliċità, il-kelma li nitħaddtu biha ta’ kuljum, flimkien mal-użu ta’ idjomi u qwiel Maltin u anki Ingliżi varji. Bħal kif jagħmel f’rumanzi oħrajn spiss Massa jintroduċi l-kumment personali tiegħu permezz tal-leħen narranti dwar kwistjonijiet differenti bħal-libertà u l-libertinaġġ, l-infatwazzjoni u l-imħabba vera. Anki f’dan ir-rumanz, bħal f’rumanzi oħrajn ta’ Massa, spiss tissemma l-kelma “destin”, jew simili: “Imma dak li jkun miktub ma jħassru ħadd.” (p. 36) Karatteristika oħra preżenti hawn, bħalma kienet preżenti f’rumanzi oħrajn ta’ Massa, hija dik li l-awtur jagħti tagħrif dwar tradizzjonijiet u aspetti oħrajn li jintrabtu mal-imgħoddi bħall-Istrina, il-Qarinża (jiġu inklużi anki xi versi li kienu jitkantaw f’rabta magħha) u l-Imlejka. Permezz tal-leħen narranti Massa jirrifletti dwar modi ġodda fost ġenerazzjonijiet żgħażagħ bħat-tatwaġġi, u jsemmi inizjattivi soċjali apposta għall-anżjani bħas-servizzi tal-Helper, tat-Telecare, tal-handyman, u l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Aktar tard jissemmew il-problemi tas-serq, tad-droga u l-vulberabbiltà tax-xjuħ.

Hemm drabi meta l-awtur jagħmel referenzi intertestwali, bħal meta f’kapitlu 4 jirreferi għall-versi eleġijaċi ta’ Anton Buttigieg. Dan jagħmlu biex ifisser x’ħass Salv meta tilef l-ewwel mara tiegħu flimkien mat-tarbija li kienet qed iġġorr. Aktar ’il quddiem Massa jsemmi kittieba Maltin ewlenin bħal Mikiel Anton Vassalli, il-Kanonku Agius De Soldanis, patri Manwel Magri u Annibale Preca.

Tematikament Weraq tal-Ħarifa jqiegħed lill-familja u lill-imħabba (li tista’ tolqot lill-bniedem ta’ kull età) fiċ-ċentru. Temi oħrajn huma d-destin, il-maħfra, is-saħħa tal-anzjani (li tibda tmajna) u s-solitudni li spiss iġarrbu. Massa jirnexxilu jidħol fil-psike u fil-qalb ta’ Salvu anzjan, waħdu d-dar wara li martu titlaq lejn il-Ġermanja biex tkun qrib oħtha marida. Anki ta’ din l-età jeżistu l-kuntrasti: min hu ġeneruż u ta’ qalb tajba, u min hu egoist u għajjur.

Aktar dwar id-dimensjoni temporali. Fir-rumanz qatt ma jingħad eżattament kemm kellu żmien Salv meta żżewweġ jew kemm kellha snin Salvina meta mietet, u lanqas kemm kellu żmien Salv meta sar armel. Jingħad biss, “illum m’għadnix żagħżugħ.” (p. 74) Nifhmu però li meta Salv jiltaqa’ ma’ Vanda jkun għadda ċertu żmien minn mindu tkun mietet Salvina, ladarba jingħad li la hu u lanqas hi m’għadhom żgħar. (p. 79) Lil ommu Salv jgħidilha, “Ma, biex ngħidlek, Salvina għalkemm għaddew dawn is-snin kollha, donnha għadha tiġri warajja.” Ftit wara jissemma l-Milied. Wieħed jerġa’ jistaqsi kemm ilhom joħorġu flimkien Salv u Vanda. Mill-kliem li jingħad f’paġni 79 u 81 jidher li għadda bosta żmien, mela mistoqsija oħra hija: għaliex Salv jinħasad meta Vanda tgħidlu li ħarġet tqila u għaliex iġib ruħu ta’ żagħżugħ immatur ma’ ommu ftit wara? Dan kollu jista’ jdgħajjef is-saħħa tan-nisġa tar-rakkont. Ma ninsewx li dan kollu jseħħ fil-parenteżi tal-flashback li twassalna sakemm Salv jiżżewweġ lit-tieni mara tiegħu, Vanda.

Lura għall-preżent nerġgħu naraw lil Salv u Vanda pensjonanti. Fid-djalogu bejniethom jintmessu ċerti kwistjonijiet soċjali attwali: iż-żwieġ bejn l-istess sessi, it-trobbija tal-ulied minn ġenituri tal-istess sess, u l-qassisin lebsin ta’ pajżana. L-imħabba bejn persuni tal-istess sess hi preżenti fir-rumanz permezz tar-relazzjoni bejn Klara (oħt Vanda) u Antoinette. Anki hawn wieħed jistaqsi kemm għandhom żmien eżattament? F’liema sena qegħdin? Ir-riferiment għall-flat fil-Qawra jista’ faċilment ikun anakroniżmu ieħor ladarba l-Qawra u l-inħawi t’hemm bdew jiġu żviluppati lejn nofs is-snin tmenin, u Klara hija ikbar minn Vanda. Dan jintrabat mad-deċiżjoni li Klara temigra lejn il-Ġermanja, ftit xhur biss qabel ma kienet se toħroġ bil-pensjoni. Aktar tard, f’kapitlu 16, Massa jagħti spazju lil Klara: naqraw li dik tagħha kienet minn dejjem ġibda lejn in-nisa.

Żvilupp ieħor fir-rakkont hu l-introduzzjoni tas-suspett – li iktar tard isir realtà – f’Salvu li martu Vanda bdiet tbati bid-dimensja. Dan inissel iktar uġigħ u inkwiet f’Salvu. Traċċa narrattiva oħra li tgħin biex ir-rakkont jitwessa’ hija l-istorja ta’ Sandra, oħt il-kbira ta’ Klara u Vanda. Għaliex tinsab waħedha f’San Vinċenz? U għaliex Klara ma kinitx taf b’dan mingħand Vanda? Wara dan kollu hemm storja ta’ mħabba, tradiment, firda, uġigħ u solitudni. Hawn Massa jurina li anki l-anzjani jibku daqs li kieku kienu tfal. L-uġigħ jerġa’ meta Salvu jkollu jaqfel lil martu Vanda fi sptar minħabba d-dimensja.

Kif rajna, Alfred Massa f’Weraq tal-Ħarifa jiddeskrivi anki l-iċken ħwejjeġ fil-ħajja ta’ Salvu u Vanda anzjani. Huma aspetti li jidhru tentufijiet imma kollha f’daqqa jgħinu biex l-awtur iwassal stampa ċara tal-ħajja tal-anzjani bl-inżul u t-tlajja’ tagħha. Għalhekk Weraq tal-Ħarifa huwa rumanz dwar l-anzjanità. Dan mhux rumanz li jnissel tbissima, imma wieħed marbut qatigħ mar-realtà li jweġġa’ għax jikkonċentra fuq it-tbatijiet tal-bniedem anki meta jilħaq it-terza età. Ir-ritmu hu wieħed kajman u dan b’xi mod jirrifletti l-ħajja tal-anzjan li timxi bil-mod. Anki fl-aħħar linji tar-rumanz tispikka l-ixbieha tal-ħarifa. Kontra dan kollu hemm it-twemmin li jinftiehem bħala l-unika forza li jifdallu l-bniedem waħdu u anzjan.


PATRICK SAMMUT 

1 comment:

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    Giaonhan247 chuyên dịch vụ gửi hàng đi Úc, mua hộ vòng tay pandora úc ship về Việt Nam uy tín và dịch vụ vận chuyển hàng đi campuchia uy tín và kinh nghiệm cách order taobao về VN giá rẻ.

    ReplyDelete