Tuesday, April 14, 2015

BIŻA’ U KURAĠĠ ta’ Carmel Mallia, 2013.

Ir-rakkont ta’ dan ir-rumanz jifrex fuq 375 paġna u jinqasam f’19-il kapitlu. Mallia jiddedikah “Lit-tifkira ta’ missieri u ommi; lil ħuti kollha li magħhom qsamt id-dwejjaq u t-tbatija tal-aħħar gwerra.” Kif jikteb l-istess awtur, “Dan hu rumanz inkwadrat fi żmien l-aħħar gwerra dinjija, u jagħti indikazzjoni minn xiex għaddew il-Maltin ta’ dak iż-żmien.”

ŻMIEN, SPAZJU U PERSONAĠĠI:

Dan ir-rumanz jiftaħ bi żmien, data u ħin, u anki spazju partikolari: Novembru tal-1928, 8 p.m., in-nies dieħla t-Teatru Rjal, mela l-Belt Valletta. Niltaqgħu ma’ żewġ personaġġi: il-ballerina Franċiża Célestine, u n-Najja, Maltija ta’ 60 sena, mitluqa u li tgħix mal-ġrieden. Huma żewġ figuri opposti imma t-tnejn deskritti b’mod mill-iktar ħaj. Ftit iktar tard nitlaqqgħu mal-pittur Fredu Flores, il-prinċipal tiegħu, is-Sur Duminku, oħt Fredu, Hilda, u anki Dun Belin. Hawn l-azzjoni titqiegħed fi spazju ieħor: il-Birgu. Jissemma l-proġett tal-Għaqda Drammatika San Lawrenz. Dun Belin hu avangardist flimkien ma’ din l-Għaqda u b’hekk jikkuntrastja l-bqija li għadhom mogħmija mit-tradizzjonijiet u mis-superstizzjonijiet medjevali. Fredu l-pittur hu dak li jsalpa lejn l-Italja biex ikompli l-istudji tiegħu. Jidħol fin-nisġa tar-rakkont it-Tabib Michel Bru li jiddikkjara mħabbtu lil Célestine imma din tgħidlu li diġà tħobb lil Fredu. Matul ir-rumanz il-qarrej attent jinnota l-bidla li tgħaddi minnha Hilda: minn tfajla, għal miżżewġa, għal armla, u aktar tard taħsad billi ssir soru Benedittina tal-Klawsura. Iktar tard tidħol ukoll in-neputija tat-Tabib Bru, Miriam, orfni minn ommha.

Spazju ieħor huwa l-Furjana fejn jiġi ċċelebrat funeral importanti f’rabta man-nisġa tar-rakkont. Il-Furjana, u anki l-Belt, huma l-ispazju fejn naraw dak li jseħħ bejn it-Tabib Bru, Miriam u missierha. Aktar tard nittieħdu f’Ruma fejn l-attenzjoni tagħna taqa’ fuq Fredu.

F’kapitlu 7 tissemma d-data 1938. Jingħad li Fredu għadda 9 snin ta’ ħidma iebsa f’Ruma, f’rabta mal-istudji fl-Arti. Din id-dimensjoni individwali u mistħajla titwaħħad mas-sitwazzjoni storiko-internazzjonali (Hitler, Mussolini u Malta f’rabta mal-Ingilterra). Fredu jagħżel li jinżel lura Malta bla dewmien. Hi deċiżjoni li jieħu anki bis-saħħa ta’ poeżija patrijottika li kienet bagħtitlu oħtu dwar Malta, miktuba bl-ottonarji u rrimata. Mallia jkompli jgħarrafna bil-ġrajjiet storiċi tal-mument: is-sena 1939, il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, u l-Maltin konxji li Malta se tkun iċ-ċentru ta’ attakki ħorox mit-Taljani u l-Ġermaniżi. It-taħlita bejn il-mistħajjel u l-istoriku jerġa’ f’kapitlu 10. Id-data hi s-16 ta’ Jannar 1941: naraw lil Miriam fil-Birgu, f’jum l-attakk fuq l-Illustrious. Minn hawn insiru nafu dwar il-ħerba u d-deżolazzjoni li kienu jħallu warajhom l-attakki mill-ajru.

L-ispazju hawn jinbidel minn dak tal-belt (il-Belt, il-Furjana u l-Kottonera) għal dak tal-irħula (Ħal Qormi) fejn sabu kenn bosta refuġjati. Mallia jagħtina bosta riferimenti topografiċi utli biex nifhmu aħjar kif kienet Malta ġeografikament fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-bliet u l-irħula kienu għadhom imbegħdin minn xulxin u mifrudin minn oqsma wiesgħa tar-raba’. Min kien jazzarda jaqsam dawn l-oqsma fi żmien il-gwerra kien bħal min kien jirriskja jaqsam il-Port il-Kbir f’dan iż-żmien ta’ perikli kbar u ta’ theddid mill-Junkers Ġermaniżi.

Ritratt interessanti ieħor ta’ karattru Ġirbi hu dak ta’ Ċetta tad-Dudu. Aktar tard f’Ħal Qormi niltaqgħu wkoll mal-personaġġ partikolari taċ-Ċiċċa, raġel sempliċi imma m’ogħla hawn. Hemm ukoll Settija d-deffiena. Hemm ukoll l-Avukat Bastjan, il-Lellekkin. Karattri bħal Ċaflas, iċ-Ċiċċa u n-Najja jidhru kull tant żmien biex bħal jimlew irkejjen żgħar fin-nisġa tar-rakkont. Laqam interessanti ieħor jissemma f’kapitlu 16: in-Nemluwa.

L-ispazju jerġa’ jinbidel meta f’kapitlu 9 l-azzjoni sseħħ fl-isptar ta’ Bighi fejn jiġi rikoverat it-Tabib Bru. Hawn jispikka l-kuntrast bejn spazju magħluq (ir-raħal) u spazju miftuħ (il-Port il-Kbir). F’kapitlu 10 Mallia jdaħħalna fl-ispazju tax-xelter wara li titħabbar theddida ta’ attakk mill-ajru. Tissemma data eżatta oħra: Jannar 1941. Tolqot ix-xbieha tal-Port il-Kbir li joffri kenn permezz ta’ jdejh godlija (ara p.172). Iktar ’il quddiem naqraw dwar is-Surġent Ċaflas u dwar il-Maltin fix-xelters waqt li barra hemm l-infern tal-blitz fuq l-Illustrious: il-kbar jgħidu r-rużarju u l-kurunelli, it-tfal ipinġu bastimenti u ajruplani. Kien hemm ukoll biża’ kbir biex jinqasam il-Port il-Kbir bil-lanċja.

Aktar dati jissemmew f’kapitlu 11: is-6 ta’ Frar, meta Rommel jinżel fi Tripli; it-23 ta’ April, mela l-festa ta’ S. Ġorġ. Tissemma d-dikjarazzjoni li Churchill kien bagħat lill-poplu Malti għall-qlubija li kien qed juri kontra l-attakki mill-ajru. Huwa rreġistrat ukoll (f’kapitlu 13) l-attakk tal-eboats Taljani fil-Port il-Kbir. Jingħata wkoll tagħrif storiku dwar sehem l-Italja u l-Ingilterra matul is-sekli u f’rabta ma’ ġżiritna. Data oħra hija l-aħħar ta’ Lulju: rakkont fittizzju u rakkont storiku jimxu id f’id. Isir tieġ doppju u fl-istess ħin iseħħ attakk mill-ajru fuq bosta nħawi strateġiċi. Il-maltemp hawn bħal iħabbar minn qabel dan l-attakk aħrax. Hu l-istess jum meta ġġarraf it-Teatru Rjal.

Kapitlu 15 jintrabat mal-bidu ta’ Awwissu. Mallia jkompli jagħtina kwadretti mill-ħajja ta’ kuljum fir-raħal. Isiru pjanijiet biex isir pellegrinaġġ lejn Għawdex; iseħħ funeral; il-biża’ minn xi attakk mill-ajru waqt il-qsim tal-Fliegu; il-fran u l-laned tal-blakk; il-black market, id-dqiq fin, l-inbid ta’ Coleiro, il-qrara darba fil-ġimgħa,  il-loudspeaker tar-Rediffusion  fuq il-ħanut biex kulħadd jisma’ aħbarijiet importanti, u l-bqija. Għawdex jinftiehem bħala spazju li joffri ħarba u kenn mill-qilla tal-gwerra.

Kapitlu 18 jirreġistra l-ġrajja tal-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu 1942. Ftit iktar tard jissemmew Rommel, Tobruk, El Alamein u l-bqija.

LINGWA U STIL:

Mallia jħaddem stil mexxej mill-bidu sat-tmiem u dan anki permezz ta’ bosta partijiet djalogati. Numru ta’ sentenzi huma mibnijin minn perijodu sintattiku twil. Dan biex in-narratur idaħħal lill-qarrej  fl-atmosfera tal-post. Hemm ukoll siltiet ta’ deskrizzjoni fejn isseħħ anki l-azzjoni tar-rakkont, u oħrajn ta’ riflessjoni fejn l-azzjoni bħal tieqaf għal waqtiet. Mallia jalterna wkoll bejn deskrizzjonijiet ta’ dak li qed iseħħ ġewwa (eż. ġewwa t-Teatru Rjal) u oħrajn li jintrabtu ma’ dak li qed iseħħ barra (fit-triq). Hekk l-interess tal-qarrej ma jieqaf qatt bħalma ma jbattix ir-ritmu tar-rakkont. Ċerti deskrizzjonijiet u dettalji jikxfu l-fatt li l-awtur f’dan il-każ hu wieħed erudit u infurmat dwar oqsma bħalma huma l-arti, l-istorja, l-ilsna, l-opra, l-arkitettura u oħrajn. Hekk Mallia jagħtina ritratt ħaj ta’ kif kienet Malta fil-bidu tas-seklu 20.

Titħaddem ukoll l-alternanza bejn partijiet serji u oħrajn komiċi. Ma’ dawn tal-aħħar tintrabat in-Najja u ġurdien li joħolqu kaos sħiħ fil-Kafè Premiere. F’parti oħra waqtiet solenni u ta’ swied il-qalb (il-funeral) jintrabtu ma’ oħrajn tad-daħq, bħall-biċċa tan-nisa li jħallu l-ġwielaq tagħhom f’post partikolari, att li lill-kappillan tah fastidju, jew meta waqt funeral ieħor fil-knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi s-serju jitħallat mat-tbissima li joħloq il-karattru taċ-Ċiċċa. Mallia jerġa’ jserraħ mid-drammatiċità tal-gwerra f’kapitlu 11 meta jissemma l-miraklu-ċajta ta’ meta San Ġorġ ħareġ min-niċċa.

Matul ir-rumanz Mallia jirreferi għar-reliġjon ta’ Żaratustra, in-Noche Oscura ta’ San Ġwann tas-Salib u t-Terrible Sonnets ta’ Gerald Manley Hopkins, it-tnejn referenzi letterarji universali. Aktar ’il quddiem jissemma Cavaradossi mill-opra Tosca (p. 109). Dun Belin ikanta biċċa mill-Bohème ta’ Puccini. Mallia jinkludi wkoll parti drammatizzata flimkien ma’ versi miktubin kollha minn Hilda Flores. F’Ruma Fredu jkompli jitbiegħed minn Alla: huwa hawn fejn jissemma Nietzsche u x-xogħol Hekk Tkellem Zarathustra. Dan kollu jkompli jgħolli l-livell letterarju ta’ dan ir-rumanz storiku. Mallia juża anki l-aħbarijiet mill-gazzetti kontemporanji biex idaħħalna iktar fl-ispirtu taż-żmien. Naqraw dwar l-eżilju ta’ Leo Tolstoj u l-wirja ta’ Salvador Dali. F’kapitlu 16 issir referenza għall-poeta Franċiż Lamartine.

Hemm drabi meta ssir qabża temporali  - flashforward - u b’hekk Mallia jaħsadna b’dak li ma nkunux stennejna: laqgħa mhix mistennija li tiżviluppa fi żwieġ, tqala li ma tirnexxix, aħbar xejn sabiħa u deċiżjoni ta’ adozzjoni. Dan kollu jsir fi spazju ta’ paragrafu wieħed. Mallia jerġa’ jaħsad iktar ’il quddiem meta waqt konfront dirett bejn Fredu u Célestine, filli l-qarrej ixaqleb lejn Fredu minħabba li Célestine ttradietu u ma żammitx kelmitha, u filli sseħħ traġedja li ġġiegħel lill-qarrej idur kontra l-istes Fredu u jitħassar lit-tfajla. Il-ħasda terġa’ f’kapitlu 16 meta t-traġedja nazzjonali (l-attakki mill-ajru) tintrabat ma’ dik mistħajla-familjari (personaġġ ewlieni jmut b’xokk elettriku). Il-ħasda ma tonqosx lanqas fl-aħħar kapitlu tar-rumanz fejn jitħabbar is-suwiċidju ta’ personaġġ ieħor ta’ ċerta importanza fin-nisġa tar-rakkont. U dan kollu biex Mallia jurina kemm il-gwerra tħalli tiġrib warajha.
Hawn jidħol l-użu tal-kliem fil-korsiv li jirrifletti kliem il-kuxjenza li tniggeż lil Fredu tant li jaħrab bla ma jaqdi dmiru. Dan iseħħ ironikament fil-festa ta’ belt twelid Fredu, il-Birgu. Id-dlam u t-tinwiħ fil-knisja ta’ S. Lawrenz b’xi mod jirriflettu dak li hemm f’ruħ Fredu. Il-korsiv jerġa’ jintuża meta t-Tabib Bru f’waqt ta’ disperazzjoni jaqra d-djarju ta’ Célestine (mekkaniżmu narrattiv ieħor li jintroduċi Mallia): il-korsiv jagħti ħjiel tal-ġrajjiet storiċi tal-waqt meta Hitler qed jakkwista iktar saħħa. Il-korsiv jintuża meta naqraw il-ħsibijiet tat-Tabib Bru waqt il-quddiesa funebri ta’ martu. Jintuża wkoll fl-ittra ta’ Hilda lil ħuha Fredu meta jaħrab lejn Ruma bla ma ħadd jissuspetta xejn. It-Tabib Bru jiddeċiedi li jkompli hu d-djarju ta’ Célestine: jikteb dwar iktar avvenimenti kontemporanji, fosthom dwar ir-Russja, Stalin u l-Kożakki. Aktar tard, meta jiġi nieqes it-Tabib Bru, hija Miriam li tkompli taġġorna dan l-istess djarju. Hija tikteb retrospettivament u tispiċċa bid-data tat-13 ta’ Frar 1942 meta 42 internat jintbagħtu l-Uganda. Il-Gvern Ingliż hu msejjaħ bħala dittatorjat fil-konfront tal-Maltin.

Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 10. Waqt mumenti ta’ skiet u pawsa Miriam taqra xi aħbarijiet minn gazzetti antiki dwar ġrajjiet Malta bejn l-1923 u l-1940. Dan ikompli jqiegħed ir-rakkont fil-perspettiva storika proprja. F’rabta ma’ dan Mallia jfakkar fil-qawl Latin, homo homini lupus, jiġifieri il-bniedem lupu għal ħutu l-bnedmin proprju f’rabta mal-kefrija tal-gwerra. Aktar tard il-korsiv jintuża biex naraw x’kien jaħseb il-poplu Malti dwar Mussolini u d-deċiżjoni tiegħu li jingħaqad ma’ Hitler.

Anki f’kapitlu 16 naraw il-korsiv: hawn iwasslilna l-ħsibijiet ta’ Miriam fuq il-vapur hu u ħiereġ mill-Port il-Kbir (p. 299), imma anki l-ħsibijiet tal-Ispettur (p. 305). Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 17: Miriam terġa’ tikteb fid-djarju taħt id-dati Jannar sa April 1942: naqraw dwar il-ftuħ tal-Victory Kitchens sal-15 ta’ April u l-għoti tal-George Cross.

Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 18 meta mill-ġdid Miriam tikteb ir-riflessjonijiet tagħha fid-djarju ta’ Célestine, din id-darba dwar mewt u ħajja, dwar dawk li marru u dawk li ġew jew baqgħu. B’xi mod tesprimi sens ta’ tama permezz tal-kelma “qawsalla”, it-titlu tal-aħħar kapitlu. Il-korsiv jidher ukoll fl-aħħar kapitlu (19): bih hi miġjuba l-ittra tal-Avukat Bastjan il-Lellekin. L-istess korsiv jintuża ftit iktar tard f’rabta mad-djalogu mistħajjel li jgħaddi f’moħħ Dun Belin u l-Isqof: hawn Mallia jurina l-ħsibijiet u x-xewqat mistura ta’ Dun Belin.

Hemm waqtiet fir-rakkont li għall-ewwel jidhru trivjali, imma wara wieħed jifhem li huma importanti f’rabta mal-iżvilupp tal-istess rakkont: per eżempju, l-aħwa sinjuri li joffru l-għajnuna finanzjarja lill-Każin ta’ S. Lawrenz, il-kapaċitajiet artistiċi ta’ Hilda u Fredu, u l-preparamenti għall-festa ta’ S. Lawrenz. Din hija wkoll parti li sserraħ mit-tensjoni u mir-ritmu tar-rakkont ewlieni. Mallia jagħmel dan biex ifakkarna li l-ħajja għandha kemm mill-ħelu kif ukoll mill-morr. Dan hu wkoll ritratt ħaj ta’ dak li jseħħ fir-raħal f’rabta mal-festa tal-patrun. Jissemma wkoll tat-terramaxka, ritratt ieħor mill-imgħoddi. Is-sabiħ u l-ikrah, il-ħajja u l-mewt, it-tieġ minn naħa u l-attakk mill-ajru u d-dar imġarrfa bil-miżżewġin jinqatlu jerġgħu jintrabtu flimkien fil-kapitlu 14. Diqa u tama jimxi id f’id: imutu l-ġenituri, imma t-trabi wlied u tewmin isalvaw. Anki f’kapitlu 17 nassistu għal aħbar tajba: it-twelid ta’ iben Fredu u Miriam.

Mallia jħallat ġrajjiet marbutin mal-ħajja ta’ kuljum tar-raħal ma’ oħrajn mistħajla, waqtiet ta’ ferħ ma’ oħrajn ta’ diqa. Hekk f’kapitlu 11 naqraw dwar l-inċident li jibdel il-ħajja tas-Surġent Ċaflas fil-Birgu. “Ferħ, tbatija, ferħ” (p. 368) tgħid Hilda lil missierha wara li tgħarrfu li tkun dieħla soru mal-Benedittini. Fuq din l-alternanza hu mibni dan ir-rakkont uman ta’ Mallia.

Nifhmu wkoll li bl-istil tiegħu Mallia jaf iżommok fuq ix-xwiek u fl-istess ħin inissel bħal tbissima. Dan jidher f’paġna 221: “Dehrilhom li x-xitan ta’ taħt San Mikiel, għalkemm ma kienx qed jidher wisq, kellu l-qrun jiċċaqlaq ’l hemm u ’l hawn. Idu merfugħa ’l fuq, qisha qed tisħethom, rawha titħarrek ukoll. Imma min seta’ jgħidilhom li dak iċ-ċaqliq kollu kien ħtija tal-ftila tal-lampier li kultant kien itiha tal-qamar u tibqa’ tiċċaqlaq u terġa’ tieqaf qisha bis-sulluzzu.” Wieħed jista’ jara wkoll paġna 224: “Ir-reffiegħa kienu kultant jagħtu daqqa t’għajn ’il fuq biex jaraw jekk id-dragun kienx għadu hemm fejn kien poġġieh l-iskultur Feliċi, Qormi bħalhom, xi mitejn sena qabel. L-iskultur Qormi Feliċi kien ħallieh kemxejn mimli, imma sa daż-żmien li qed nitkellmu fuqu d-dragun deher li kien għamel xi ftit tad-dieta. Għalkemm magħdur sewwa taħt riġel San Ġorġ, dad-dragun qisu li dejjem ried jipprova jiskappa għalkemm qatt ma rnexxielu. Dażgur, toqol ta’ suldat bħal dak fuqu!”. Niskopru li dak li ħasbu kien il-“miraklu” ta’ San Ġorġ ma kien miraklu xejn: kien biss pjan ta’ Dun Nat, il-Prokuratur, biex idaħħal kemxa flus mingħand in-nies li jiġu jżuru l-knisja. F’dawn il-partijiet il-gwerra titqiegħed fl-isfond tar-rakkont.

Hemm ukoll partijiet mill-Innu għal S. Lawrenz li kitbet Hilda: mela fir-rumanz (proża) insibu siltiet ta’ poeżija. Aktar versi mqabbla jiġu nklużi f’kapitlu 10 f’rabta ma’ ġuvni li kien qed ikanta waqt traġitt bil-lanċja fil-Port il-Kbir. Hawn Mallia jfakkarna li l-poplu Malti kien jagħmel minn kollox biex iderri kontra l-biża’ u l-kruha tal-gwerra. Il-versi mqabbla f’għamla ta’ kwartini u ta’ talba jinkitbu minn Hilda u naqrawhom fl-aħħar kapitlu.

F’kapitlu 7 nsiru nafu li Fredu u Hilda mhumiex aħwa naturali. Dan żgur iservi bħala novità u żvilupp f’rabta man-nisġa tar-rakkont. Hawn naqraw dwar it-traġedja li firdet lil Hilda mill-veri ġenituri tagħha u dwar il-predispożizzjoni naturali tagħha bħala attriċi drammatika.

Hemm drabi (eż. tmiem kapitlu 8) meta wara silta deskrittiva twila fejn isseħħ bosta azzjoni, jaqa’ s-skiet li jġib miegħu l-biża’ minn attakk mill-ajru. Hawn titħaddem għal darb’oħra t-teknika tal-kuntrasti. Preżenti huwa wkoll il-kuntrast bejn in-nies tal-belt (il-Kottonera) marbutin ma’ sens ta’ għeluq, baħar u ġesti li juru qrubija, u n-nies tar-raħal (Ħal Qormi) fejn hemm il-ftuħ tal-għelieqi. Kuntrast ieħor huwa dan: minkejja li hu ż-żmien ikrah tal-gwerra, jaħkmu wkoll il-ġenerożità u l-qalb tajba tal-Maltin li lesti jgħinu lil min jinsab fil-bżonn u jagħti daqqa t’id.

Bħala lingwa mħaddma wieħed isib fuq naħa kelma bħal “tentużjażmani” (ġejja mir-Romanz); fuq l-oħra eżempji ta’ Malti idjomatiku bħal “m’iniex fid-deffa tiegħek.” (p. 159) F’kapitlu 11 insibu idjomi bħal “mhux l-ewwel darba li l-ħrief mietu qabel in-nagħaġ”; “Kien beda jdejqu d-dell tiegħu”; “Kienu qishom il-ħabel u s-satal”. Matul ir-rakkont Mallia jinkludi wkoll bosta kliem u frażijiet minn ilsna oħra bħall-Franċiż u l-Latin.

Mallia jirnexxilu wkoll jintegra bosta tifkiriet u episodji minn ħajtu stess fir-rakkont tiegħu – eżempju l-passatemp favorit mis-subien ta’ żmien il-gwerra, jiġifieri dak li jibnu knisja żgħira -, u dan anki permezz tad-djalogi li joħloq bejn il-personaġġi tar-rumanz.

F’kapitlu 14 in-narratur onnixxenti jirnexxilu jwasslilna l-ħsibijiet individwali u anki komunitarji tan-nies li nġabret fil-knisja waqt it-tieġ taż-żewġ koppji: naqraw ħsibijiet dwar l-għarajjes mill-bliet tal-Furjana u l-Birgu u anki dwar l-attakk mill-ajru. Dan kollu jkompli jgħin biex ir-rakkont ta’ Mallia jkun awtentiku. F’kapitlu 16 għajnejn in-narratur onnixxenti jimirħu minn post għall-ieħor b’ħeffa kbira: filli jiddeskrivi x’inhu għaddej fuq il-vapur, u filli jiddeskrivi x’seħħ f’Ħal Qormi waqt attakk mill-ajru. Kollox juri aħjar il-biża’ u l-miżerja li l-gwerra kienet nisslet fost il-Maltin.

Mil-lat stilistiku żgur tolqot din il-parti; “Min mar, kien mar, imma min kien baqa’ kien baqa’, bata u beka.” (p. 266) Hemm ċerta mużikalità imma anki konċiżjoni li jinfdu l-qalb tal-qarrej. Anki din il-parti: “knejjes, jinqalgħu minn posthom u jinżlu ħelu ħelu fl-art, meta jiġġarrfu ħorrox borrox bħalma tiġġarraf kaxxa tal-kartun f’idejn tifel żgħir.” (p. 267). F’nofs is-sentenza hemm alliterazzjoniiet konsonantali u vokaliċi, onomatopea, similitudni u Malti idjomatiku. Kollox juri li min qed jikteb hu bniedem misjur u tas-sengħa fil-kitba tal-Malti.

TEMATIKA:

“Gost? Mhux dan hu l-għan tal-Arti? Li tagħti gost?” (p. 12) Diġà mill-bidu Mallia jagħti definizzjoni tal-Arti f’rabta mar-rumanz li qed joffri lill-qarrejja tiegħu. Marbut ma’ dan hemm il-laqgħa bejn Fredu – pittur - u oħtu Hilda – tikteb il-poeżiji - fejn isseħħ diskussjoni dwar il-pittura u l-poeżija, u dwar x’hemm li jifridhom u li jgħaqqadhom. Aktar tard naqraw, “Ut pictura poesis. Il-Poeżija bħall-Pittura hi Arti.” (p. 86)

Iktar kemm naqraw iktar nagħrfu li dan hu rakkont ta’ mħabba bejn Fredu u Célestine (u mhux biss bejniethom), imma anki rakkont ta’ xorti tajba bejn Fredu u l-prinċipal tiegħu, is-Sur Duminku. F’kapitlu 7 naqraw dwar il-ġibda bejn Fredu u Hilda li tmur lil hinn minn dik bejn l-aħwa.

Kontra t-temi tal-familja u tal-imħabba hemm dik tal-mewt li fir-rumanz taħsad iktar minn darba kemm fuq livell storiku minħabba l-gwerra kif ukoll fuq livell mistħajjel ladarba jitnaqqru bil-mod il-mod diversi personaġġi importanti fin-nisġa tar-rakkont ta’ Mallia. Ironikament, omm Hilda u Fredu, Lorenza, u l-ġenituri adottivi ta’ Fredu, jiġifieri Duminku u Pawlina, imutu meta Malta tibda tieħu ftit tar-ruħ mill-attakki mill-ajru.

Hemm imbagħad it-temi tal-fidi u d-disperazzjoni. Wara li Fredu jerġa’ lura Malta u jiskopri li t-tfajla li kien iħobb iżżewġet lil ħaddieħor huwa jitbiegħed mill-fidi. Fl-aħħar tar-rumanz Fredu jikkonverti wara snin twal ta’ tbegħid mill-knisja. Tissemma l-poeżija The Hound of Heaven ta’ Thompson, u Mallia jqiegħed fuq fomm Dun Belin u Hilda siltiet mill-opra Aida.

Tema oħra hija dik tal-gwerra. Kapitlu 8 jintrabat mal-bidu tal-gwerra f’Malta u l-konsegwenzi li ġabet magħha. Id-data hi l-11 ta’ Ġunju 1940, il-jum meta nbidlu bosta affarijiet. Hawn it-Tabib Michel Bru jnizzel fid-djarju tiegħu aktar aħbarijiet ta’ natura politika, soċjali u artistika. Permezz ta’ dan Mallia jqiegħed ir-rakkont tiegħu fil-perspettiva temporali adatta. Parti kbira minn dan il-kapitlu hi ta’ natura deskrittiva f’rabta ma’ x’seħħ fl-ewwel jum tal-gwerra. Mallia jfakkar ukoll il-biċċa tar-refuġjati li mill-Kottonera sabu ruħhom milqugħin fl-irħula. Dawn ġabu magħhom imġiba u anki lingwa differenti minn dik mitkellma fl-irħula.

L-aspett patrijottiku joħroġ f’kapitlu 10 permezz ta’ Miriam: “Xtaqet li hija wkoll kienet mal-maħbub tagħha fuq il-kanun biex turi ’l-għadu x’taf tagħti Malta u x’jafu jagħtu wliedha, ulied tal-azzar jilqgħu qalbiena għall-azzar l-ieħor li kien qed jitwaddab mill-għoli mimli valenu kontra l-ħajja. “ (p. 183) Hawn titħaddem il-metafora klassika fejn Malta tinftiehem bħala l-omm, filwaqt li l-Maltin jinftehmu bħala l-ulied.

KONKLUŻJONI:

Biża’ u Kuraġġ jagħlaq bid-data storika tas-16 ta’ Novembru 1942, bil-wasla ta’ konvoj ieħor mill-Eġittu. Jgħaddu eżattament 14-il sena mill-ewwel kapitlu, ladarba jiftaħ bid-data ta’ Novembru 1928. Anki dan hu rumanz bi tmiem hieni. Mallia jurina Malta mkissra, imma b’poplu mimli tama fil-ġejjieni u lest li jerġa’ jibda l-ħajja mill-ġdid, din id-darba fil-paċi. Mela fl-aħħar mill-aħħar huwa anki rumanz li jwassal il-messaġġ tal-importanza tal-paċi fost il-ġnus.

Patrick Sammut 


No comments:

Post a Comment