Tliet poeti
fi ktieb wieħed
(Mario Attard, Patrick Sammut, Frank Zammit: TRIFOLJU
TA’ LWIEN. Ġabra poetika, 2014. ISBN:
978-99957-0-725-5. 94 faċċata)
Illum ilkoll nafu
kemm hija iebsa li poeta jippubblika vrusu fi ktieb. Ftit li xejn huma dawk il-pubblikaturi li
lesti jagħtu lill-poplu dan is-servizz, peress li jifhmu li l-poeżija tappella
għal ftit nies, allura mhumiex lesti jidħlu għal dan ir-riskju għax jibżgħu li
l-kotba tal-poeżija jibqgħulhom ma’ wiċċhom.
Kienet
din ir-raġuni li Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit iddeċidew li
jippubblikaw flimkien uħud mill-versi li nisġu f’dawn l-aħħar snin.
Il-Ġabra
għammduha Trifolju ta’ Lwien; u
tabilħaqq hekk hi. Trifolju għax hawn
il-qarrej isib versi ta’ tliet poeti u lwien għat-tiżwiqa ħelwa ta’ temi u
stili li tawna Attard, Sammut u Zammit, temi li wara kollox jitfgħu dawl fuq
il-poeżija lokali kontemporanja.
Mario Attard jista’ bir-raġun kollu jitqies bħala l-poeta
l-aktar anzjan fost dawn it-tlieta.
Il-poeżija tiegħu tikxef ċerti diżappunti li minn żmien għal żmien
iltaqa’ magħhom f’mumenti partikolari.
Huwa josserva t-tibdil li jseħħ madwaru u ma jonqosx li jesprimi l-fehma
tiegħu dwaru (Pjazza Santa Margerita).
Il-poeżija ta’
Attard hi speċi ta’ kwadretti varji impinġijin b’pinzellati tal-imgħoddi. Dan hu sinjal li l-poeta jiġu waqtiet fuqu
meta jħossu jbati minn nostalġija għall-passat u kemm kemm ma jixtieqx li ċerta
tip ta’ ħajja terġa’ lura għalli kienet.
It-temi ewlenin
li jittratta Mario huma diversi: minn dawk patrijottiċi (Apoloġija lil Rużar Briffa), sa oħrajn romantiċi (Ir-raġel tal-Barrakka) u reliġjużi (Il-lejla ġejt imtaqqal). Meta l-qarrej jifli sewwa l-versi ta’ dan
il-poeta jsib li ċ-ċentru tagħhom huwa l-bniedem. Attard jixtieq jidħol f’komunikazzjoni
mal-qarrej u forsi għalhekk iħaddem stil kemxejn prożajku biex ikun żgur li
l-ħsieb tiegħu jasal sħiħ għandu.
Min-naħa l-oħra,
il-poeżija ta’ Patrick Sammut hija
espressjoni personali li tikxef il-veru karattru sensittiv ta’ dan il-poeta. Bħal Mario Attard, Sammut ukoll xejn ma
jħossu kuntent bil-ħajja ta’ madwaru u ħafna drabi jikkundanna bla tlaqliq
l-istil ta’ ħajja li tħaddan is-soċjeta` kontemporanja. Tant hu hekk, li
jilmenta b’diqa, “li qed negħrqu sewwa fil-ħama bla ma nafu...” (Forsi xi darba); fl-istess ħin jitlob
ħerqan biex l-istess soċjeta`
tindaf mill-ġdid.
Patrick Sammut
juża d-deskrizzjoni bħala arma biex ipoġġi quddiem il-qarrej kwadri realistiċi u jużahom bħala spunt biex jesprimi ħsibijietu
(L-għadira mill-gallarija) u (Fuq ir-ramla). Xi drabi Sammut ikun anki sarkastiku (Pawsa).
Għalih l-importanti li jħeġġeġ lill-qarrej jirrifletti ftit dwar il-messaġġ
li jkun hemm moħbi fil-versi tiegħu.
Interessanti
l-figura materna li l-qarrej isib referenza għaliha f’ċerti poeżiji: (Tifkira ta’ omm, Ħarstek fuqi); figura li hija referenza diretta għall-imħabba li
l-poeta kellu u għad għandu lejn ommu li għalkemm ħallietna numru ta’ snin ilu,
xorta waħda għadha ħajja fil-memorja tiegħu.
Biżżejjed il-qarrej jaqra l-espressjoni ta’ Sammut: “mingħajrha iswed u
baħħ” (Mingħajrek).
Patrick Sammut hu
l-bniedem li jfittex is-serħan f’dinja utopja li ma jista’ qatt isibha f’waħda
materjalista, għalhekk ma jħossux komdu fiha (Karnival solitarju). Dan
jagħmlu billi sikwit ikun figurattiv fl-espressjonijiet tiegħu, aspett pożittiv
li jikxef il-maturita`
poetika tiegħu.
“Frank Zammit huwa emigrant li jġorr
lill-patrija miegħu”. Hekk kiteb dwaru
fid-Daħla ta’ din il-Ġabra l-Prof.
Oliver Friggieri. Ta’ min ifaħħar
l-imħabba ta’ dan il-poeta lejn art twelidu u lejn ilsienna, li għalkemm jinsab
daqstant ’il bogħod minn Malta - ilu
l-Awstralja sa mill-1984 - b’danakollu,
ma nesa qatt lil pajjiżu u l-letteratura tiegħu.
Huwa żar lil
Malta diversi drabi u allura seta’ jinnota ċertu tibdil li seħħ fostna matul
is-snin. Dan it-tibdil xejn ma jidher
sodisfatt bih; anzi, jistaqsi sogħbien: “Fejn hi dik Malta li ħallejt warajja?”
(L-aħħar salut). Forsi l-aktar li tweġġa’ qalb il-poeta hija
d-dehra ambjentali. Huwa jħoss in-nuqqas
tal-kampanja u jara l-konkrit jieħu post il-ġebla lokali.
Iżda mhix
biss. Tant hu, hekk li jistqarr:
“Il-ħajja saret bla sens u bla sura” (Taħt
miżieb iqattar). Il-poeta jidher imdejjaq anki b’ċerti esperjenzi personali
li għadda minnhom u li donnhom ħallew effett ikrah fuqu (Tħallunix waħdi!). Imdejjaq
ukoll bl-inġustizzji li qiegħda toffri d-dinja ta’ żmienna (Jien iben is-Sirja). Bħalma ma jħossux sodisfatt anqas bit-taqlib
jew tibdil li seħħ fin-nisġa tal-poeżija lokali (Linji ġodda). Fl-aħħarnett, il-ħsieb
tal-mewt ukoll inissel fih ċertu swied il-qalb (Fil-ħofra tal-irmied).
Trifolju Ta’ Lwien għandu preżentazzjoni differenti mill-kotba li
aħna mdorrijin bihom, iżda xorta waħda hu ktieb attraenti. Il-qarrej isib bijografija dettaljata ta’
kull poeta u Studju kritiku mill-Professur Oliver Friggieri li jqis lil dawn
it-tliet poeti bħala “interpreti tar-realta` bejn tmiem is-seklu għoxrin u s-seklu
l-ġdid.”
Għalkemm kull
poeta jittratta temi differenti minn sħabu, iżda l-qarrej żgur li jintebaħ illi
l-poeżija moderna resqet pass sewwa lejn dik prożajka; tant li kważi,
l-prosodija tilfet għal kollox is-siwi tagħha.
Reċensjoni ta’ Alfred Massa
No comments:
Post a Comment