Friday, May 8, 2015

SALAMMBÔ ta’ Gustave Flaubert, maqlub għall-Malti minn Paul Zahra

Dan ir-rumanz tal-kittieb Franċiż Gustav Flaubert inkiteb fl-1862. L-awtur joħodna f’Kartaġni wara l-Ewwel Gwerra Punika (264-241 Q.K.), eżattament wara t-telfa kontra Ruma u wara li l-merċenarji li tqabdu f’isem Kartaġni marru lura biex jitħallsu tas-servizzi tagħhom. Għalhekk Salammbô hu rumanz storiku fejn għandna taħlita ta’ fatti storiċi u oħrajn mistħajla.

Permezz tat-traduzzjoni tiegħu Paul Zahra jwasslilna f’ilsienna l-isbuħija ta’ dan ir-rumanz ta’ Flaubert fejn mill-ewwel wieħed jifhem li fih taħkem id-deskrizzjoni. Naqraw dwar l-isbuħija fiżika u l-ħajja spiritwali ta’ Salammbô, bint Hamilkar; il-kobor u l-isbuħija tal-belt ta’ Kartaġni; il-wesgħat madwar din il-belt u l-eżerċitu tal-barbari, il-ġlied imdemmi bejn barbari u Kartaġiniżi, il-waqt qasir ta’ glorja ta’ Hanno u l-umiljazzjoni tiegħu, u r-ritorn ta’ Hamilkar Barka. Id-deskrizzjoni li taqtagħlek nifsek u li tibni bil-mod il-mod sens ta’ tensjoni taħkem fil-parti meta l-mexxej barbaru Matos u l-qaddej tiegħu Spendju jidħlu fit-tempju ta’ Tanit u jisirqu l-velu qaddis. 

Salammbô huwa wkoll rumanz ta’ natura politika u anki morali. Naqraw dwar il-kliem manipulattiv tal-mexxejja ta’ Kartaġni li ma jridux iħallsu dejnhom, il-ħela tal-festeġġjamenti, il-kefrija ta’ żmien il-gwerra u s-saħħa ta’ min għalkemm hu skjav jaf iħaddem il-kelma u jimmanipula lil min irid.

Hemm partijiet li jilħqu livell għoli ta’ drammatiċità, bħal meta Hamilkar jaffaċċja l-Kunsill tal-Mija ta’ Kartaġni: din hija xena li faċilment setgħet kienet parti minn xi opra drammatika, xena polifonika u b’sens qawwi ta’ stennija. F’dawn id-deskrizzjonijiet jaħkmu l-appell għas-sensi - is-smigħ, ix-xamm u l-viżjoni – proprju għax Flaubert jiddeskrivi dak li għaddej permezz ta’ lwien, irwejjaħ u ħsejjes ta’ kull tip.

Mill-isbaħ, b’saħħithom u effettivi huma d-deskrizzjonijiet tar-rikkezzi li jinsabu fil-palazz, l-imħażen u l-kantini ta’ Hamilkar, imma anki tal-burdati differenti u kuntrastanti – minn ferħ, sa umiljazzjoni, sa għadab kbir – li jgħaddi minnhom hu u jżur il-kapijiet tal-Għonja, li xi wħud minnhom qarrqu bih ladarba ħasbu li ma kienx se jiġi lura. Hu anki għadab iġġenerat minn dak li sar jaf dwar bintu Salammbô li ħalliet jidħol f’kamritha l-barbaru Matos.

Wara dan kollu Hamilkar Barka jaċċetta li jmexxi l-forzi ta’ Kartaġni kontra l-qawwiet barbari. Anki hawn nerġgħu naqraw deskrizzjonijiet tal-preparazzjonijiet għall-gwerra u l-manuvri miż-żewġ naħat. Hemm ukoll drabi meta Flaubert jurina wkoll xi jkun għaddej f’qalb u f’moħħ il-protagonisti anki rivali ta’ xulxin. Dawn il-partijiet iservu bħala waqtiet ta’ pawsa u joħolqu kuntrast mad-deskrizzjonijiet tal-ġlied bejn Hamilkar u l-barbari, l-atroċitajiet, l-assedji, b’mumenti kuntrastanti ta’ rebħ u ta’ telf, ta’ kuraġġ u ta’ dgħjufija, ta’ erojiżmu u ta’ tradimenti. Hemm ukoll ir-rabta mal-allat, u mill-ġdid Salammbô li titqiegħed fiċ-ċentru, anki għax il-Kartaġiniżi jeħduha kontrieha minħabba l-prokrastinazjoni ta’ missierha Hamilkar biex jeħles mill-barbari.

Salammbô tintalab tissagrifika ruħha billi tmur iġġib hi stess il-mantell divin li seraq Matos. Dan hu riskju kbir ladarba Salammbô trid tmur f’nofs il-kamp tal-barbari. Taħkem is-senswalità ta’ bint Hamilkar, kemm hi u tipprepara ruħha biex tmur quddiem Matos, kif ukoll meta ssib ruħha wiċċ imb wiċċ miegħu fit-tinda tiegħu. Min-naħa l-oħra naraw l-ambivalenza ta’ Matos: fuq naħa barbaru felħan li għandu mill-bhejjem, u fuq l-oħra l-adorazzjoni tiegħu quddiem Salammbô, hu li jitlobha skuża u jgħidilha li jħobbha. Jispikkaw is-saħħa u d-dgħjufija tiegħu fl-istess waqt. Fil-preżenza ta’ Salammbô (is-sabiħa), Matos (il-bestja) jinsa l-gwerra u l-għedewwa.

Huwa f’dan il-waqt – li fih Matos jinħakem temporanjament mill-isbuħija ta’ Salammbô – meta Naravas jittradih billi jingħaqad mal-forzi ta’ Hamilkar. Salammbô tieħu l-mantell misruq fil-kamp ta’ missierha li jirnexxilu jirbaħ lill-barbari. Anki hawn jispikkaw aktar xenarji ta’ kampijiet mimlijin katavri mqattgħin, mgħaffġin, demm u midruba. Huma xenarji li għandhom mill-Ilijadi ta’ Omeru jew mill-Infern Dantesk.

U meta taħseb li kollox intemm, tinduna li l-istorja ma spiċċatx. Jerġgħu jibdew jinġabru l-forzi barbariċi mill-erba’ rkejjen tal-Afrika u tal-Mediterran. Wara kollox dan l-istint umani favur il-gwerra ma jintemm qatt. Anki hawn taħkem id-deskrizzjoni ħajja. Hamilkar jirnexxilu jieħu l-forzi tiegħu lura f’Kartaġni, imma l-barbari jippreparaw irwieħhom biex jassedjaw lill-belt fortifikata. Ma tonqosx id-deskrizzjoni tal-aġġeġġi tal-assedju u l-attakk fuq l-akwadott biex Kartaġni titħalla bla ilma. Jalternaw waqtiet ta’ kuraġġ u qlubija u oħrajn ta’ qtigħ il-qalb f’rabta maż-żewġ forzi rivali.

Kapitlu 13 jagħlaq bil-kelma “orrur”. Zahra jirnexxilu jwassal f’ilsienna dak li Flaubert għamel bil-Franċiż: permezz tat-teknika tal-gradazzjoni, id-eskrizzjoni tar-rit makabru takkwista dejjem iktar saħħa biex fl-aħħar jintlaħaq il-climax, l-ulied li jinħarqu bħala sagrifiċċju, l-abitanti li jitqatlu bejniethom, il-qassisin jgħannu u jimmutilaw lilhom infushom, kollox waqt dan ir-rit terribbli fejn il-bniedem jiċkien u jixxejjen biex jogħġob lill-allat pagani. Għal dan is-sagrifiċċju barbaru Molok jibgħat ix-xita lil Kartaġni u minn dak il-ħin din il-belt terġa’ tibda tirbaħ fuq il-barbari u l-merċenarji li jibdew it-triq għan-niżla. Hamilkar jirnexxilu jikkonvinċi lil 400 merċenarju prim biex jiġġieldu bejniethom sabiex min jibqa’ jidħol fil-gwardja personali tiegħu. Anki hawn il-patos: minkejja li l-merċenarji huma qattilin u avventurieri, bejniethom jaħkmu rispett u mħabba reċiproċi tant li jissagrifikaw irwieħhom wieħed għall-ieħor f’din l-aħħar battalja viljakka ordnata minn Hamilkar. Hawn wieħed jifhem li fi gwerra mhemmx fuq naħa t-tajjeb u fuq l-oħra l-ħażin, imma ż-żewġ naħat għandhom mit-tnejn. Ironikament dawn l-eluf kbar ta’ barbari u merċenarji fl-imgħoddi mhux daqstant imbiegħed kienu tqabdu id f’id ma’ Hamilkar f’isem Kartaġni kontra r-Rumani, u issa sfaw maqtulin u mmassakrati milli-istess forzi tiegħu. L-umiljazzjoni tal-barbari hi sħiħa, bl-aħħar wieħed, Matos, jittieħed f’Kartaġni biex wara li jiġi umiljat pubblikament imut quddiem Salammbô li tmut hi wkoll b’ħass ħażin biss ftit waqtiet wara.

Din ta’ Paul Zahra li jaqleb kollox mill-Franċiż għall-Malti ma kinitx ħaġa faċli, imma t-traduttur jirnexxilu jagħmel dan kollu permezz tal-ilsien Malti, ilsien tassew dinamiku u ħaj. Lingwistikament Zahra kellu sfida mill-ikbar: fil-qlib ta’ dan ix-xogħol mill-Franċiż għall-Malti ħaddem għalqa llimitata ta’ reġistri lessikali u kien konxju sewwa tal-firxa semantika (marbuta mal-għalqa tat-tifsir) tal-kelma li uża biex kemm jista’ jkun iwassal lill-qarrej Malti d-drammatiċità, il-patos u elementi b’saħħithom oħrajn li ħaddem Flaubert stess. F’rabta ma’ dan, mhux l-ewwel darba li Zahra jikteb f’noti f’tarf il-paġna li spiss kellu joħloq neoloġiżmi ladarba l-kliem fl-oriġinal ma sablu l-ebda ekwivalenti fid-dizzjunarji Maltin.


Kif rajna, dan hu xogħol epiku mill-isbaħ li minn naħa jista’ jgħajjik bħala qarrej minħabba d-deskrizzjonijiet li jtulu paġni sħaħ, imma min-naħa l-oħra joffri deskrizzjonijiet vivaċi, affaxxinanti tant li jimbuttawk biex tkompli taqra. Huwa xogħol letterarju u anki uman dwar manuvri, manipulazzjonijiet u opportuniżmu waqt żmien ta’ gwerra; imma anki xogħol dwar imħabba, tradimenti, ambizzjoni, setgħa, unur u diżunur, kuraġġ u ġjufija, u ħafna iktar. Id-drammatiċità, il-patos u s-saħħa tad-deskrizzjoni jibqgħu sal-aħħar, bil-qarrej jinduna li għadu kemm assista u ġarrab wieħed mill-isbaħ rakkonti fl-istorja tal-bniedem. 

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment