L-isem
ta’ Charles Bezzina huwa marbut ma’ numru ta’ pubblikazzjonijiet kemm ta’
natura poetika kif ukoll ta’ natura storika f’rabta ma’ Għawdex matul it-Tieni
Gwerra Dinjija. F’temp ta’ tmintax-il sena Bezzina ppubblika għadd ta’
antoloġiji poetiċi fosthom, Triqat Bla
Tarf (1987), Meta Karab il-Baħar (1993),
Baħar Solitarju (1996), Mewġiet tal-Ħemda (2002), Kurrenti Solitarji (2005), Meta Siket il-Baħar (2008), u Raxx tas-Silenzju (2012). Baħar Solitarju kien issemma b’ġieħ
fil-Premju Letterarju 1997, filwaqt li Mewġiet
tal-Ħemda kien rebaħ il-Premju Letterarju 2002. When the Sirens Wailed, il-ktieb dwar Għawdex u t-Tieni Gwerra
Dinjija, u Kwadri tal-Imgħoddi, ħarġu
fl-2012.
Dwar
Malta fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija – meqjusa storikament bħala t-Tieni
Assedju ta’ Malta - inkiteb ħafna, kemm bil-Malti u kemm bl-Ingliż. Imma dwar
ir-rabta bejn l-istess perijodu u Għawdex inkiteb ħafna inqas. Għalhekk Charles
Bezzina fis-sena 2000 kien ippubblika l-ktieb bl-isem ta’ Il-Qilla tal-Gwerra Fuq Għawdex 1940-1943 miktub minn missieru
Frank Bezzina (1925-1996). Kien ktieb li ntlaqa’ tajjeb tassew u li kien mela
n-nuqqas fl-istorja ta’ Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Fis-sena 2012
Charles Bezzina stess kien ħaseb li jmur lil hinn minn dan. Iktar kemm iż-żmien
kien qed jitbiegħed mill-esperjenza tal-Gwerra msemmija, iktar huwa ħass u
għadu jħoss il-bżonn li jikteb imma anki jiġbor għadd ta’ esperjenzi
direttament mill-fomm ta’ Għawdxin li għexuha fl-ewwel persuna. Dan biex juri
l-impatt soċjali tal-Gwerra fuq Għawdex. B’hekk Bezzina f’When the Siren Wailed (2012) kien inkluda numru ta’ esperjenzi
personali mlewna magħmulin mit-tifkiriet ta’ dawk li għexu s-snin diffiċli tal-Gwerra.
Huwa kien għażel li jinkludi 20 tifkira li meta jitqiegħdu flimkien jiffurmaw
bħal katina li tixħet dawl fuq avveniment mill-ikbar, epoka magħmula minn dlam,
biża’ u mewt, imma anki minn sagrifiċċji kbar li jseħħu matul kull gwerra.
Is-sena
2015 qed tara l-ħruġ ta’ pubblikazzjoni ġdida ta’ Charles Bezzina f’rabta ma’
Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija: il-ktieb Wartime Gozo 1940-1943 – An account of the Bleak Years, ktieb
ippubblikat anki bl-għajnuna tal-BOV, is-sitt wieħed ta’ riċerka li ppubblika dan
l-awtur Għawdxi. B’xogħol bħal dan Bezzina qed ikompli fuq il-passi ta’
missieru Frank. Din id-darba l-awtur jikteb bl-Ingliż dwar dak kollu li Għawdex
kellu jgħaddi minnu matul dan il-perjodu tant ikrah. Dan jagħmlu f’24 taqsima
differenti li għalkemm tulhom ma jdejjaqx lill-qarrej xorta waħda jipprovdu
tagħrif interessanti u siewi dwar is-suġġett in kwistjoni.
Il-gżira
t’Għawdex intlaqtet direttament mill-gwerra iktar tard minn Malta (fix-xhur
bikrin tal-1942). Għalhekk għall-ewwel kienet gżira bla difiża, bla xelters, u
biż-żmien b’kuntatt dejjem jiddgħajjef mal-gżira oħtha l-kbira minħabba
l-attakki mill-ajru. Minkejja dan
offriet kenn għal eluf ta’ Maltin li ħarbu miż-żoni l-iktar milquta mill-bombi
bħalma kienu l-Kottonera u l-Belt Valletta. Bezzina jikteb dwar dawn
ir-refuġjati Maltin u l-kuntatt tagħhom mal-popolazzjoni Għawdxija, l-attakki
mill-ajru u l-ajruplani mwaqqgħin, l-ordnijiet reliġjużi, l-isptarijiet,
ir-rwol tal-Knisja, is-sistema tal-edukazzjoni, il-curfew, il-blackout, u l-black market, il-Victory Kitchens, l-Uffiċċju tal-Informazzjoni u Ġorġ Pisani,
il-perikli kbar li magħhom kienu jiltaqgħu dawk li kienu jazzardaw jaqsmu
l-Fliegu fi żmien il-Gwerra, il-mard differenti u n-nuqqas ta’ ndafa minħabba
n-nuqqas ta’ prodotti iġjeniċi, il-ġbir
tal-qamħ u r-regoli f’rabta mal-imtieħen, l-attività klandestina ta’ dawn
tal-aħħar, il-lieva, is-suldati Britanniċi, il-Pulizija li kienet tgħasses
il-kosta, l-iskwadra tad-demolizzjoni, u bosta ħwejjeġ interessanti oħrajn. Dan
fi żmien (Novembru 1942) meta uffiċjalment f’Għawdex kien hemm popolazzjoni ta’
ftit inqas minn 30 elf ruħ, inklużi ħamest elef refuġjat Malti.
Naqraw
dwar il-kontribut li l-Għawdxin taw matul dan il-kunflitt dinji: bosta minnhom
niżlu Malti biex jagħtu daqqa t’id fit-tħaffir tax-xelters pubbliċi; fetħu
l-bibien tad-djar u l-iskejjel tagħhom biex jilqgħu eluf ta’ Maltin refuġjati;
għenu kif setgħu anki meta t-theddida fuq Għawdex spiċċat billi niżlu Malta
ħalli jgħinu fi ħdan l-iskwadra tad-demolizzjoni; u kienu huma li wara
t-tħeġġiġ min-naħa tal-Isqof ta’ Għawdex, Mikiel Gonzi, u personalitajiet
Għawdxin oħrajn bħal Kelinu Vella Haber u Ġorġ Pisani, ġabru ammonti kbar ta’
qamħ biex jintbagħat lejn Malta fi żmien meta l-awtoritajiet Ingliżi kienu qed
jaħsbu biex iċedu lill-Gżejjer Maltin (fis-sajf tal-1942) ladarba l-ħażna
tal-qamħ u ħwejjeġ oħrajn utli għall-ħajja ta’ kuljum kienu waslu fl-aħħar. Dak
iż-żmien Kelinu Vella Haber waqqaf assoċjazzjoni tal-bdiewa fin-Nadur u kien strumentali
biex ikkonvinċa lill-bdiewa tan-Nadur, il-Qala u Għajnsielem ħalli jbigħu
lill-awtoritajiet il-qamħ tagħhom. Anki Ġorġ Pisani, dak iż-żmien uffiċċjal
fl-Uffiċċju tal-Informazzjoni u l-Propaganda f’Għawdex għamel minn kollox biex
jinġabar il-qamħ.
Interessanti
hu l-fatt li kull meta l-pulizija kienet tikkonfiska materjal tal-black market, fosthom pitrolju, bajd, u
ikel ieħor, ħafna minn dawn kienu jmorru għad-djar tas-sorijiet refuġjati
Maltin li kienu jinsabu f’Għajnsielem, Marsalforn u Ta’ Ċenċ.
Minkejja
dan, Charles Bezzina ma jonqosx milli jsemmi jsemmi wkoll l-elementi pożittivi
li ġabu magħhom ir-refuġjati Maltin f’Għawdex, fosthom attivitajiet kulturali,
il-ftuħ ta’ fergħa tal-MUSUEM, għadd ta’ għalliema u l-opportunità li
l-Għawdxin – inklużi tfal u żgħażagħ – jitħalltu mal-Maltin tamparhom.
Ta’ min
iżid ukoll li fil-paġni ċentrali wieħed isib għadd ta’ ritratti awtentiċi
marbutin mal-epoka, u fi tmiem il-ktieb biblijografija dettaljata. Permezz ta’
din tal-aħħar nifhmu li Bezzina bena dan il-ktieb fuq materjal li ġabar minn
manuskritti u dokumenti differenti, kotba u anki gazzetti u rivisti varji.
L-istil li bih jikteb Charles Bezzina jibqa’ wieħed mexxej tant li ktieb bħal
dan (ta’ 75 paġna) jista’ jinqara f’nifs wieħed u bla tbatija ta’ xejn.
Wartime Gozo 1940-1943 – An account of the
Bleak Years għandu Daħla
mill-pinna ta’ Louis J. Scerri. Nagħlaq bi kliem Scerri stess dwar dan il-ktieb
ġdid: “Bezzina’s book will be greatly
appreciated by all those who did have the opportunity to read his or his
father’s books, but there must be a new generation who have little inkling of
the vicissitudes experienced by Gozo and its population. As was the case in
Malta, the war years in Gozo were to be a societal watershed, a change paid at
a not inconsiderable price.” Ktieb bħal dan għandu jservi mitqlu deheb l-aktar
għal dawk iż-żgħażagħ li nanniethom twieldu fis-snin tal-gwerra u b’hekk ma
jistgħux jirrakkuntawlhom personalment il-kruhat ta’ ġrajja bħal din.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment