Tuesday, September 8, 2015

GLORJANA ta’ Karmenu Mallia, DOM Communications Ltd., 2014.

Karmenu Mallia llum huwa kittieb misjur kemm fl-età (għalkemm għadu żagħżugħ tassew fl-ispirtu) kif ukoll fis-sengħa tal-kitba u anki fil-qasam tal-ilsna. Huwa l-awtur ta’ bosta pubblikazzjonijiet: traduzzjonijiet, rumanzi, poeżiji b’ilsna differenti, u saġġi. Huwa wkoll President tas-Soċjetà tal-Esperanto f’Malta.

Is-sena 2014 rat il-pubblikazzjoni ta’ rumanz ieħor minn tiegħu: Glorjana. Jifrex fuq 200 paġna u jinqasam fi 28 kapitlu. Fih insibu partijiet djalogati, oħrajn miktubin fil-korsiv (li drabi jindika dak li personaġġ partikolari qed jiftakar mill-imgħoddi, jew il-kontenut ta’ xi ittra, jew xi ftehim miktub fuq dokument apposta, jew xi diskors minn fomm xi politiku), oħrajn li jieħdu l-forma ta’ versi rrimati (spiss marbutin mal-personaġġ ta’ Pelè li fir-rakkont huwa l-kap tal-Partit tal-Ħodor u għannej prim), u oħrajn fejn taħkem in-narrazzjoni, mela leħen in-narratur li fost oħrajn jiddeskrivi dak li jkun għaddej u xi drabi jgħaddi r-riflessjoni tiegħu stess. Il-lingwaġġ li juża Mallia huwa mexxex, anki għax jirrifletti d-diskors ta’ kuljum. Minkejja dan naqraw spiss frażijiet jew qwiel b’ilsna oħrajn, apparti l-Malti, fosthom bil-Latin (użat spiss minn personaġġi marbutin mal-qasam tal-Knisja, imma anki f’rabta mal-qasam tal-Liġi), l-Esperanto, l-Ispanjol, il-Franċiż u l-Ingliż. Fejn ikun hemm bżonn Mallia jinkludi t-tifsira ta’ frażijiet bħal dawn f’nota f’tarf il-paġna. Minkejja dan Mallia jagħti l-prijorità lil ilsien art tweildna u lejn l-aħħar tar-rumanz naqraw, “Għax jekk il-lingwa tal-poplu ma jiħux ħsiebha l-poplu nnifsu, min kien se jieħu ħsiebha? Il-barrani?” (p. 199)

Kollox jibda minn laqgħa bejn xi ħbieb anzjani (fosthom in-narratur li hawn għandu l-isem tal-awtur, Karmenu) li jiddeċiedu li kull wieħed minnhom jirrakkonta l-iktar ħolma stramba li jkun ħolom u dan fi żmien ġimgħa meta jerġgħu jiltaqgħu fil-Każin de Valette fil-Belt. Ir-rumanz jieħu l-isem tal-ħolma li kellu Karmenu, Glorjana. Il-kelma “ħolma” nerġgħu niltaqgħu magħha f’laqgħa li Dun Franz iħollu mal-Isqof: dan tal-aħħar jgħid lil Dun Franz biex ikompli joħlom għax il-ħajja għandha bżonn ta’ “proposti ġodda” (Kapitlu 7). Il-ħolma terġa’ tidher lejn l-aħħar tar-rumanz, f’kapitlu 27, meta Pelè joħlom ħolma (mela ħolma – din ta’ Pelè-, ġo ħolma – dik ta’ Karmenu n-narratur) li tibdillu destinu f’“ġejjieni stramb kemm sabiħ.”

Il-ħolma-rumanz Glorjana (li Karmenu n-narratur jgħid li beda jiktbu fl-2010 u temmu fl-2013) huma ambjentati fil-ġejjieni mhux imbiegħed fuq il-gżira ta’ Maltanova – bil-belt kapitali Apapa u bil-pjazza ewlenija jisimha Pjazza tal-Martri -, fejn il-Parlament huwa magħmul minn tliet partiti (tal-Eremiti, tal-Frujużi u tal-Ħodor) u minn ftit politiċi li ma jissejħux iktar Onorevoli, bil-kelb Baqqu li jwassal il-messaġġi minn naħa għal oħra meta jkun hemm il-bżonn, u bi Prim Ministru mara. Maltanova hija Malta fil-ġejjieni, mhux aktar fl-imgħoddi. Mela iktar milli rumanz storiku, din id-darba għandna xogħol li jirrakkonta ġrajja futuristika (għalkemm ’il bogħod mid-dinja li jippreżenta xi Alduous Huxley fi Brave New World). Glorjana huwa wkoll l-isem ta’ belt ġdida li l-Parlament jiddeċiedi li tinbena fil-għoli u ’l bogħod minn kull belt jew raħal oħra.

Hemm partijiet oħrajn fir-rumanz fejn l-azzjoni tiġi ambjentata l-ewwel f’Ruma (fejn hemm anki l-Vatikan) u aktar ’il quddiem f’post muntanjuż fi Franza fejn tgħix komunita’ ta’ patrijiet bl-isem ta’ Sebasti, imsemmijin għal San Sebastjan. Dan ukoll jgħin biex in-nisġa tar-rakkont tkun waħda dinamika u b’hekk ma tgħajjix fl-ebda waqt lil dak li jkun.

Mill-bqija Karmenu Mallia l-awtur jispira ruħu minn Malta kontemporanja, bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, jew bil-virtujiet u bin-nuqqasijiet tagħha (fosthom, in-nies li ttaqtaq u tilħaq salib ħaddieħor, il-partitiżmu u l-parrokkjaliżmu, il-korruzzjoni min-naħa tal-kapitalist). Minkejja dan it-tonalità tar-rumanz qatt mhi pessimistika jew patetika. Wieħed iħoss il-ħin kollu li min qed jikteb huwa bniedem ta’ esperjenza kbira li għadda minn tiġrib kemm pożittiv kif ukoll negattiv, imma fuq kollox bniedem b’saħħtu għax kien jaf jieħu l-ħajja b’ċerta filosofija ottimista. Spiss il-qarrej iħoss li għalkemm il-kittieb jaf liema huma dawk l-aspetti li jnawru s-soċjetà minn taħt, xorta waħda l-kumment li jagħmel mhux wieħed li jrid ikisser jew imaqdar imma wieħed li jieħu l-affarijiet kif inhuma filwaqt li jissuġġerixxi soluzzjonijiet li jibbażaw iktar fuq il-ftehim bejn il-partijiet rivali, u r-rispett reċiproku li jiġi wkoll mill-għarfien tal-“ieħor”.

Din Maltanova li jissuġġerixxi Mallia għalhekk hija parti minn ħolma, mela għandha wkoll mill-utopija, fejn il-Prim Ministru hija anki mużiċista u l-Kap tal-Partit tal-Ħodor fl-aħħar jiddeċiedi li jħalli l-politika biex jingħaqad ma’ Ordni Reliġjuż fi Franza, u dan minkejja li l-personaġġi li niltaqgħu magħhom jgħaddu anki minn waqtiet ta’ rabja, għadab, kriżi, inċertezza, sfiduċja, jemmnu f’ċerti superstizzjonijiet bħall-għajn – għalkemm juru li huma misjuqa mir-raġuni – u jimirdu, ikollhom inċidenti koroh jew fatali, imutu u jindifnu bħal kull bniedem tad-demm u l-laħam.

Is-soċjetà li jippreżentalna Mallia f’dan ir-rumanz hija waħda lajka, fejn l-Istat u l-Knisja huma żewġ entitajiet indipendenti, imma li fl-istess ħin jiddjalogaw bejniethom u jfittxu dak li jgħaqqad mhux dak li jifred. Dan jidher f’rabta mal-proġett tal-bini tal-knisja fil-belt ġdida ta’ Glorjana. Hi soċjetà magħmula miż-żgħir u mill-kbir, ibda mill-bejjiegħa tal-karawett jew tal-bigilla, Majsi ż-Żrinġ, Pispiżellu l-flawtist; u kompli bl-artist (f’għamliet differenti bħall-għannej, il-poetessa, il-mużiċista, l-iskultur, il-pittur), l-għalliema u l-perit; u anki l-bniedem bi bżonnijiet speċjali (bħall-aħwa Lippu u Katarin); imma anki l-Kappillan, l-Isqof, il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, u saħansitra l-kapitalist. Permezz ta’ dawn kollha l-kittieb Karmenu Mallia jirnexxilu jidħol fis-swali fejn iseħħu ġrajjiet żgħar u kbar differenti li kollha flimkien jiffurmaw ir-rakkont sħiħ u jixħtu dawl fuq in-nisġa u l-andament ta’ din Maltanova li jiddeskrivi li mhi xejn ħlief Malta fi ftit tas-snin oħra jew l-umanità stess fiċ-ċokon u fil-kobor tagħha.

Glorjana huwa rumanz li jagħti pjaċir lil min jaqrah, imma fl-istess ħin għandu ħafna waqtiet meta n-narratur jistedinna nirriflettu dwar ħwejjeġ differenti u drabi oħrajn jagħmel minn kollox biex inisslilna tbissima wkoll. Inħoss li Glorjana b’xi mod huwa wkoll rumanz li jippreżenta lill-ħajja bħala spettaklu li ta’ min tgħixu mill-bidu sal-aħħar, minkejja dak kollu li jista’ jerfagħlek id-destin. Inħoss ukoll li bħala qarrej ta’ dan ir-rumanz lissint l-istess kliem ta’ Pelè wara li tilef lill-maħbuba tiegħu u għadda lejl fid-dar tal-patrijiet Sebasti: “X’ħolma ħej! U x’ferħ ħassejt!” Hija wkoll l-għajta ta’ min, bħal Karmenu Mallia, Alla tah il-grazzja jgħix ħajja twila, ħajja li matulha ma ħeliex ħin u kien jaf iħaddem sewwa t-talenti li ngħatawlu. U din hija ħajja, li twila kemm hi twila, meta tħares lura taraha dejjem qasira daqslikieku kienet ħolma, imma ħolma li tat sodisfazzjon. Mhux li kien li kull rumanz u kull ħajja jintemmu b’sens ta’ trijonf li bih jispiċċa dan ir-rumanz, Glorjana. Ismu miegħu insomma.

Patrick Sammut 


No comments:

Post a Comment