Dan huwa ktieb ta’ 225 paġna li Karmenu Mallia
jaqsam fi tmien partijiet: Tfulija (64 paġna); Il-Gwerra (23 paġna); Żgħożija
(28 paġna); Irġulija (11-il paġna); Il-Ġiżwiti (37 paġna); Xogħol (16-il paġna);
Personalitajiet (13-il paġna); u Wiċċ imb wiċċ mal-Kultura (16-il paġna). Iktar
milli djarju, dan il-ktieb jieħu l-għamla ta’ rakkont imsejjes fuq esperjenzi
differenti li Mallia ġarrab minn meta kien tifel. Ta’ min iżomm f’moħħu dak li
jikteb Mallia fid-“Daħla”: “Dawn it-tifkiriet naħseb ili li bdejthom mal-għaxar
snin – qed nikteb din id-daħla fil-bidu tal-2008.” Mela bejn wieħed u ieħor
il-parti l-kbira tat-tifkiriet li jinsabu hawn kitibhom fl-1998. Hemm drabi
oħra meta jgħidilna li qed jikteb fl-2003 (pp. 50, 218), fl-2004 (p. 220) u
fl-2005 (p. 216).
Jagħtina bosta tagħrif marbut mal-ħajja tal-Maltin fl-imgħoddi, qabel,
matul u anki wara l-aħħar gwerra. Hemm drabi meta jnissel tbissima fuq fomm
il-qarrej. Drabi oħra jurina li ċerti ħwejjeġ li ġarrab fl-imgħoddi mbiegħed
ħallew effetti fuqu sal-preżent. Għalhekk spiss tinħass ċerta djalettika jew
pont bejn l-imgħoddi u l-preżent anki biex juri kemm iż-żmien ibiddel
l-affarijiet. Kien żmien meta l-familji u l-persuni kienu magħrufin
bil-laqmijiet. Il-laqmijiet nerġgħu naqraw dwarhom fis-seba’ parti fejn Mallia
jsemmi l-laqmijiet tal-qassisin li kien jaf f’San Ġorġ, Ħal Qormi.
Bħala bniedem ta’ kultura wiesgħa Mallia jirreferi spiss għal oqsma varji
bħalma huma l-letteratura, il-mużika, l-opra, il-pittura, l-istorja, anki
f’rabta mal-qasam lokali. Hekk, matul dan ir-rakkont ta’ ħajtu Mallia jsemmu
personaġġi kbar bħal Beethoven, Stalin, Virġilju u l-Eneide, Strickland, Dun Ludovik Mifsud Tommasi, is-Surmast
Camilleri, Puccini, u Donizetti, f’kuntesti differenti. Dan hu anki ktieb-album
interessanti ta’ personaġġi li għexu fir-realtà u li kienu jagħmlu parti
mit-tiġrib tal-awtur.
Mallia kiteb dawn it-tifkiriet meta kien misjur fl-età. B’hekk spiss naqraw
kliem sabiħ u għaref: “U ħalluhom lit-tfal igawduha tfulithom. Għad jikbru u
jbatu biżżejjed biex jerġgħu joħolmu żmien tfulithom!” (p. 47) Dan hu rakkont
ta’ min kiber fil-faqar, fis-sagrifiċċju, fir-rispett lejn il-ġenituri, u
f’ambjent fejn kulħadd, anki t-tfal, kienu jgħinu biex il-familja tkampa.
Ladarba Mallia qed jirrakkonta tfulitu, ma setax jonqos li figura importanti
tkun ommu. Jikteb ukoll dwar l-esperjenza bħala abbati. Joħroġ ċar li parti
kbira mill-attivitajiet ta’ Karmenu Mallia tifel kienu jintrabtu mal-knisja
ladarba kien żmien ieħor u ma tantx kien hemm fejn tmur. Toħroġ b’saħħitha
wkoll ir-rabta kbira tal-awtur mal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi fejn
twieled u kiber.
Il-ħarsa retrospettiva ta’ dan il-bniedem għaref u li qabeż it-80 sena
terġa’ f’paġna 103: “Illum li qed inħares lejn il-ħajja minn perspettiva oħra
minħabba ż-żmien li għandi, sirt nagħder u nifhem aktar.” Mill-ġdid jerġa’
jikteb hekk f’paġna 123: “imma llum, għax jien qed nitkellem dejjem mil-lum li
m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak iż-żmien […] Forsi mhux ħela ta’ esperjenza għal kollox, għax
kull attività żżid l-esperjenza ta’ dak li jkun u tagħmlu aktar matur.
Il-bniedem jitgħallem minn kollox.”
Il-lingwa li juża hija mexxejja, b’idjoma Maltija mill-isbaħ għalkemm
jinkludi wkoll kliem u frażijiet minn ilsna oħrajn bħal-Latin u l-Franċiż. Ma
jiddejjaqx jikteb kliem mill-Ingliż bl-ortografija Maltija, bħal “ekkawntant”.
Mallia jirrakkonta dak li jiftakar minn ġrajjietu b’mod naturali ferm. Mhux
darba jew tnejn iħaddem l-ironija u jikxef kemm it-tajjeb u l-ħażin, is-sabiħ u
l-ikrah ta’ ġensna. Permezz ta’ din l-ironija li ma tweġġax Mallia joħloq
tbissima imma xorta dak li jkollu jgħid
ikun qalu u wasslu b’mod li jinftiehem. B’hekk Mallia hu dirett f’diskorsu, bla
kantunieri. Hemm xi affarijiet li jirrepetihom iktar minn darba f’partijiet
differenti tal-ktieb: din hija karatteristika ta’ min ikun qed jiftaker ħwejjeġ
li jkunu seħħew bosta snin qabel.
Hemm partijiet fejn taħkem id-deskrizzjoni ħajja ta’ x’kien isir
fl-imgħoddi, bħal per eżempju, fir-Randan u s-sabiħ taċ-ċerimonji li biż-żmien
inżabru mill-Knisja stess. B’moħħ miftuħ Mallia ma jiddejjaqx jiddikjara dak li
hu iswed iswed u jammetti li kien tajjeb li s-soċjetà warrbet ċerti affarijiet
(li fl-imgħoddi kienu meħtieġa u tajbin) biex timxi maż-żminijiet moderni. Imma
fuq in-naħa l-oħra jġagħalna nħossu li hemm elementi pożittivi tal-imgħoddi li
llum tlifnihom darba għal dejjem.
Mallia juża similitudni tajba rigward il-laqmijiet fis-seba’ parti: “Dak
iż-żmien – u għandi naħseb li llum mhux inqas – il-laqmijiet fost l-istudenti
tal-iskejjel għoljin kienu jiġru bħall-perlini fil-karnival.” (p. 192)
Din ta’ Karmenu Mallia hija tieqa oħra fuq imgħoddi li li kieku ma kienx
għal nies bħalu kien jintilef kompletament proprju għax Malta għaddiet minn
bidliet kbar u anki għax iż-żmien ma jaħfirha lil ħadd u lil xejn. Hawn għandna
ritratti permezz tal-kelma ta’ sitwazzjonijiet, postijiet u persuni li ma
jerġgħux jiġu lura. Apparti l-kelma, Mallia jinkludi wkoll partijiet mimlijin
b’ritratti b/w mill-album ta’ ħajtu. Personalment laqtitni l-parti fejn Mallia
jikteb dwar l-esperjenza personali tiegħu tal-mużika (pp. 127-129).
Interessanti ħafna hija wkoll il-parti fejn Mallia jikteb dwar iż-żmien (3
snin fil-ħamsinijiet) li qatta’ fi Franza jistudja l-Filosofija, imma anki
l-Franċiż u l-letteratura Franċiża. Hawn daħal ukoll f’kuntatt mal-Brothers ta’
De La Salle li kellhom kulleġġ f’Vals.
It-tieni parti Mallia jibdiha billi jiddeskrivi l-ewwel jum tal-gwerra u
l-ħajja fix-xelters. Titħaddem xbieha mill-isbaħ f’paġna 95, meta Mallia
jikteb: “Illum li l-ħajja għoġobha tgħabbini bi ftit snin mhux ħażin, meta
niftakar fl-imgħoddi nħoss li issa niftakar roqgħa ’l hawn, issa ninsa roqgħa
’l hemm: ħinijiet, jersaq iċ-ċpar jgħattili kollox, ħinijiet inħoss is-sema
jiċċara, u l-ħajja l-imgħoddija tibda tidhirli bħal kwadri żgħar u kbar issa
jferrħuni, issa jdejquni.”
Minkejja li għandu iktar minn 80 sena Mallia hu progressiv qatigħ fi ħsibijietu
dwar ħwejjeġ differenti, fosthom l-edukazzjoni, it-twemmin, il-komportamenti
tagħna bħala poplu. Hemm parti fejn Mallia jikteb dwar l-ingress tal-Isqof
Gonzi fl-1943. Dan jintrabat direttament ma’ dak li għadna kemm naraw ftit jiem
żmien ilu, jiġifieri mal-ingress tal-Arċisqof Charles Scicluna 72 sena wara
(fl-2015). Il-ħsieb progressiv ta’ Mallia jidher f’paġna 121 meta jikteb: “Miet
l-Isqof Gonzi, u diċ-ċerimonja grandjuża tal-ingress mietet miegħu. Mons. Gonzi
kien iħobbhom iċ-ċerimonji, kien jogħxa fihom. Imma mbagħad kienu bdew
żminijiet oħra. Tempora mutantur
(iż-żminijiet jinbidlu). L-irmixk antik ma joqgħodx mal-modern, għalkemm irmixk
kemm hu irmixk illum hu parti mill-Istorja, u l-Istorja ta’ min jgħożżha,
taqbel u ma taqbilx ma’ dak li kien isir.” Aktar tard, fis-seba’ parti, Karmenu
Mallia jikteb dwar meta Ħal Qormi laqa’ lil Manwel Dimech bil-ġebel. Dan
l-awtur iqisu bħala tebgħa fl-istorja ta’ dan ir-raħal.
Mallia jerġa’ jesprimi ħsibijiet mill-isbaħ fil-parti fejn jikteb dwar
xogħol, minkejja li huma riflessjonijiet ħorox għax jikxfu l-verità dwar
in-natura u l-bniedem li jixjieħ: “Illum lili n-natura mhux tmexxini ’l
quddiem, imma tarmini, teħles minni għax m’għandhiex bżonni aktar.
Sfortunatament dik hi l-metodoloġija normali tagħha. In-natura tinqeda bik
skont kemm ikollha bżonnok. Meta ma jkollhiex bżonnok aktar, titilqek għal
riħek. M’iniex qed ingerger. Imma naċċetta. Pinnola qarsa, fulstop qawwi wara
sentenza li int ftit li xejn ikollok kontroll fuqha. X’tul ta’ sentenza? Mhux ta’
kulħadd l-istess. Mela nobdu l-adage
tal-filosfu Ruman: ‘carpe diem’: ħu kemm tista’ u gawdi mill-ġurnata, f’kelma
waħda ħu li tista’ mill-ħajja, għax il-ħajja, jiġifieri n-natura, m’għandhiex
ħniena minna. Għamja. Fejn laqat, laqat u fejn ħabat, ħabat. Imma sadattant
xorta ngħid: Evviva l-ħajja! U ma ngergirx, ħlief meta nkun muġugħ.” (p. 189)
Fis-seba’ taqsima Mallia jfakkar ukoll xi personaġġi li ntesew
kompletament, kif jgħid hu stess, “qis[hom] qatt ma kien[u]”. Dan hu ġest ta’
altruwiżmu sabiħ fejn fi ktieb tiegħek tiftaħ tieqa fuq persuni li ż-żmien
nessa darba għal dejjem. Hawn jerġa’ l-miraklu tal-kitba li terġa’ tagħtihom
il-ħajja.
It-tmien parti hija ddedikata lir-rabta li Mallia għandu mal-kultura.
Taħkem l-esperjenza tiegħu bħala esperantist, imma jikteb ukoll dwar il-Kunsill
Ċiviku Żabbar u l-Għaqda Ġużè Muscat-Azzopardi/Awturi Qriema. Ifakkar li Ġ.
Muscat-Azzopardi kien Qormi bħalu u l-ewwel president tal-Għaqda tal-Kittieba
tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) u l-ewwel editur tar-rivista
“Il-Malti”.
Fl-aħħar parti wieħed isib lista tal-pubblikazzjonijiet ta’ Karmenu Mallia
bil-Malti, bl-Esperanto, bil-Franċiż, bl-Ingliż u bit-Taljan. Wieħed jifhem
kemm Mallia hu kittieb prolifiku: kiteb poeżiji, rumanzi storiċi, drammi,
bijografiji, diskorsi, traduzzjonijiet u anki grammatika tal-Esperanto.
Mit-Tieqa tal-Għorfa ta’ Karmenu Mallia huwa ġawhra żgħira
oħra li tingħaqad mal-lista ta’ awtobijografiji li dan l-aħħar rajna bosta
minnhom. Dan ta’ Mallia hu djarju jew memoir
li jagħtik gost filwaqt li jgħallmek u jħallilek togħma tajba. Mhux biss
rakkont li jintrabat ma’ storja personali u individwali, imma anki ma’ storja
nazzjonali u soċjali u għalhekk rakkont li jkompli jixħet iktar dawl fuq
aspetti differenti tal-ħajja tal-Maltin fl-imgħoddi.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment