Għalkemm isem Ricky Caruana jista’ jkun ġdid fil-qasam tal-kotba ppubblikati, l-interess fir-reliġjonijiet u fil-filosofija Orjentali huwa qasam li hawn Malta qed jikber. Riżonanza – Daqqa t’Għajn Lejn l-Infinità jkompli jarrikkixxi dan il-qasam ta’ għerf, u din id-darba għandna ktieb li nistgħu naqrawh direttament bil-Malti bis-saħħa tat-traduttur ta’ esperjenza, Alfred Palma. Dak ta’ Palma huwa Malti mill-isbaħ li jirnexxilu jwassal bla tbatija dak kollu li ried jesprimi l-awtur fl-ilsien oriġinali, l-Ingliż, u dan minkejja li t-traduttur kellu biċċa xogħol iebsa biex jaqleb għall-Malti kunċetti xjentifiċi kumplessi.
Hawnhekk Caruana jifhem il-ħajja
bħala enigma misterjuża u jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet essenzjali li
jipprova jweġibhom bl-aktar mod sempliċi u ċar. B’xi mod huma mistoqsijiet li
jintrabtu mat-tiftixa u l-għarfien ta’ aħna min aħna. Għalhekk dan hu ktieb li
jiġbor fih ħsibijiet li jafu l-bidu tagħhom x’imkien fil-qiegħ tal-moħħ jew
tal-‘jien’. Il-ktieb hu mimli referenzi għad-dinja tar-riċerka xjentifika u
filosofika u għalhekk, fost is-sorsi ewlenin li juża nsibu x-Xjenza u l-Kotba
Mqaddsa tal-erba’ reliġjonijiet prinċipali - il-Kristjaniżmu, l-Islam,
il-Buddiżmu u l-Induiżmu, flimkien man-narrattiva li ħolqu biex jitwieġbu
mistoqsijiet bħal “Min aħna?”, “Mnejn ġejna?”, “Għala ninsabu hawn?”, “Fejn sejrin?”, “Verament dak lkollu li
jeżisti madwarna, inkluż ġisimna, huwa biss illużjoni ladarba kollox hu magħmul
minn atomi mqiegħdin flimkien f’forom diversi u dan għal żmien limitat?”, “Veru
li l-univers hu magħmul minn materja riċiklata?”, u “Jekk kollox jaf il-bidu
tiegħu mill-istess sors, għaliex jeżistu l-mibegħda, il-firda, il-ġlied u
l-kunflitti?”
Ktieb bħal dan hu sabiħ u utli
għax jistiednek tieqaf ftit mill-għaqla u l-istorbju ta’ kuljum u tirrifletti
dwar ħwejjeġ li b’xi mod ġejjin mill-bogħod jew mill-profond li jagħmluna dak
li aħna. Hu stedina biex niftħu wkoll moħħna għal perspettivi ġodda. L-awtur
joħodna fuq vjaġġ xjentifiku fl-arena kożmika, b’moħħna mifhum bħala apparat
mill-aktar modern li permezz tiegħu se nivvjaġġjaw fejn kollox hu f’evoluzzjoni
kontinwa. Jinħass għalhekk il-kuntrast bejn il-ħajja materjalista fejn jaħkem
il-gwadann effimeru, u l-ħajja li tikkontempla dak li hu etern u traxxendentali;
bejn il-moħħ li jiffoka fuq it-temporanju fuq naħa, u fuq l-oħra, id-dehen li
jikkonċentra fuq l-etern u dak li jgħaqqad mal-ħolqien kollu; bejn id-destin u
r-rieda ħielsa.
Fost il-bosta kunċetti li
jittratta Caruana hemm l-idea tal-wieħed f’kollox u l-kollox f’wieħed, jew
tal-interkonnessjoni ta’ kollox. Hawn Caruana jiċċita lil Car Sagan: “Il-kożmos
jinsab ġo fina. Aħna magħmulin minn stoffet il-kwiekeb.” Kunċett ieħor huwa dak
tar-rikorrenza atomika, u għalhekk l-idea li għandna nirrispettaw lil dak kollu
li jinsab madwarna. Huwa hawn fejn xjenza u morali jintrabtu flimkien. Dan
ifakkar li l-ħsieb ta’ Caruana jimraħ miċ-ċokon tal-univers subatomiku
għall-wesgħat bla tarf tal-univers makrokożmiku. Hawnhekk l-awtur-ħassieb
jitlaq mit-teorija tal-oriġini atomika ta’ Leucippus u l-istudent tiegħu
Demokritus u jirrifletti u jibni argumenti interessanti dwar il-konoxxenza
atomika - jew “Alla” - li twassal biex ħsibijiet isiru forom anki
supersofistikati bħalma huwa l-bniedem.
Hawn Caruana jistaqsi x’iseħħ
mill-memorja tal-bniedem ladarba jmut? Huwa jirnexxilu jqarreb lejn il-qarrej
medju aktar kunċetti xejn sempliċi bħall- konoxxenza universali (mela
konoxxenza li tgħix iktar mill-moħħ), ir-reinkarnazzjoni, il-kawżar formattiv,
l-oqsma morfiċi, il-partiċella Allija, il-kwantum, l-esperjenzi barra l-ġisem,
u bosta oħrajn.
Hemm drabi meta l-awtur
jindirizza direttament lill-qarrej u dan joħloq rabta b’saħħitha bejn it-tnejn.
Huwa jistieden lilna l-qarrejja nwessgħu l-“vista mgħammda” li xi wħud minna
jista’ jkollna u dan permezz tal-għarfien xjentifiku u anki ta’ x’jgħid twemmin
differenti. Caruana jfakkar li hemm ukoll il-meditazzjoni li ddaħħal lil dak li
jkun fid-dimensjoni metafiżika fejn jinsab l-għarfien assolut. Hija
meditazzjoni li twassal għall-konoxxenza pura li tfisser imħabba divina u
għall-kixfa li bl-għarfien li ladarba aħna lkoll magħmulin mill-istess tessut
tal-ħajja, ma nistgħux nobogħdu lill-ebda ħlejqa ta’ madwarna.
L-istil u l-ilsien imħaddma
jagħmlu l-proċess tal-qari ta’ dan il-ktieb mexxej, minkejja l-kumplessità
tas-suġġett. Caruana jfiehem kunċetti tqal permezz ta’ analoġiji sempliċi
meħudin mill-ħajja ta’ kuljum u li bosta jistgħu jifhmu mill-ewwel. Għalhekk fl-aħħar
nifhmu li r-riżonanza li tissemma fil-titlu tal-ktieb hija dik li teżisti bejn
l-iċken ħlejjaq u l-infinit li jiċċirkondana. Fl-aħħar mill-aħħar Riżonanza
– Daqqa t’Għajn Lejn l-Infinità jgħinna nsiru nafu aħjar min aħna u b’hekk
ngħixu ħajja aħjar, imsejsa mhux fuq elementi negattivi, imma pożittivi, li
jwasslu għall-armonija kożmika.
No comments:
Post a Comment