Wednesday, November 12, 2014

BEJN ĦALTEJN BIEX TIFHEM AĦJAR ta’ John Caruana, BDL 2014.

Isem John Caruana llum huwa sinonimu għal pubblikazzjonijiet ta’ għajnuna għal dawk l-istudenti li minn bosta snin ilu għażlu li jistudjaw il-Malti fis-livell ĊES jew għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja. Jiena niftakarni naqra l-kotba tiegħu mimlijin għajnuna siewja f’rabta mal-poeżiji tal-poeta Rużar Briffa u anki mal-antoloġija QAWSALLA li għal snin twal kienet parti mis-sillabu tal-Matrikola.

Issa qed naraw f’idejna pubblikazzjoni ġdida ta’ dan l-għalliem li kien ilu jgħallem il-Malti u l-Ingliż fi skejjel sekondarji u post-sekondarji għal 35 sena sħaħ. Il-ktieb il-ġdid jismu Bejn Ħaltejn – biex tifhem aħjar u kif jgħid ismu jmur id f’id mat-test Bejn Ħaltejn maħruġ mill-Università ta’ Malta u li huwa parti mis-sillabu attwali tal-Malti fil-livell ĊES. Dan il-ktieb ta’ għajnuna ta’ John Caruana jinqasam f’erba’ taqsimiet ewlenin u jifrex fuq 120 paġna.

Fl-ewwel parti Caruana jagħtina kummenti ta’ natura kritika – miktubin b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem bla problema ta’ xejn - dwar l-14-il poeżija li niltaqgħu magħhom fl-ewwel taqsima tat-test Bejn Ħaltejn, mela poeżiji ta’ poeti li jintrabtu mat-tradizzjoni Romantika bħal Dun Karm Psaila, Rużar Briffa, Anton Buttigieg, u Dwardu Cachia;  poeti li ħarġu għad-dawl fis-snin sittin jew ftit qabel bħal patri Marjanu Vella, Mario Azzopardi, Rena Balzan, Ġorġ Borg, Victor Fenech, Achille Mizzi; u oħrajn li l-versi tagħhom bdew jidhru iktar tard bħal Maria Grech Ganado, Adrian Grima, Immanuel Mifsud u Trevor Żahra. F’kull kumment Caruana jikteb dwar il-ħsieb tal-poeżija ttrattata, ix-xbihat mħaddma u t-tifsiriet tagħhom, jagħtina tagħrif dwar il-metrika, il-prosodija u t-tonalità ta’ kull xogħol letterarju, filwaqt li jistaqsi mistoqsijiet li l-poeżiji jistgħu jqajmu fil-qarrej jew jgħaddi riflessjonijiet differenti f’rabta ma’ kull xogħol letterarju.

Fit-tieni parti mbagħad Caruana jagħtina kumment kritiku għall-10 kitbiet ta’ proża li hemm f’Bejn Ħaltejn. Anki hawn għandna siltiet miktubin minn kittieba ta’ ġenerazzjonijiet differenti bħal Oliver Friggieri, Joe Friggieri, Ġużè Ellul Mercer, Laurence Mizzi, Frans Sammut, Lino Spiteri, Vince Vella fuq naħa, u Clare Azzopardi u Pierre J. Mejlak fuq l-oħra, bl-eqdem kitba tkun Ix-Xini Jimxi fl-Art ta’ patri Manwel Magri. Anki hawn Caruana jżewwaq il-kumment kritiku b’elementi differenti: ningħataw tagħrif dwar il-personaġġi u l-burdati tagħhom, l-atmosfera deskritta, it-tematika u l-kontenut f’kull kitba, x’tip ta’ tmiem għandhom il-kitbiet differenti, għaliex l-użu tal-ewwel persuna f’xi siltiet u tekniki narrattivi oħrajn, it-tip ta’ ġeneru li jitħaddem mill-awtur in kwistjoni, il-leħen tan-narratur, u l-bqija.

It-tielet taqsima hija ddedikata kompletament lir-rumanzett ta’ Francis Ebejer, Il-Ħarsa ta’ Rużann. Din it-tielet taqsima hija mqassma f’sitt partijiet. Fl-ewwel parti nsibu tabella li turina l-arblu tar-razza f’rabta mal-familja nobbli Spanjola de los Ingallos fir-rumanzett ta’ Ebejer. Imbagħad isegwu ħames partijiet bl-isem ta’ “Il-Ħarsa ta’ Rużann” (b’tagħrif dwar il-ftuħ tar-rumanz), “Il-Ħarsa f’għajnejn Karmenu” (parti li tiftaħ bl-attakk fuq ir-razzett ta’ Karmenu, iben Rużann), “Il-Ħarsa f’għajnejn Marija” (Marija hija l-protagonista ta’ dan ir-rumanzett, li hi n-neputija ta’ Rużann u bint Karmenu; f’din il-parti sseħħ l-emanċipazzjoni tal-mara, kif jikteb Caruana stess), “Il-Ħarsa f’għajnejn Pietru” (li tintrabat ma’ żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-traġedja li ġabet magħha), u “Il-Ħarsa f’għajnejn Ġina” (f’Ġina tkompli l-influwenza tal-ħarsa ta’ Rużann, jgħidilna Caruana).

Wara t-tielet taqsima wieħed isib 12-il mistoqsija-komponiment f’rabta mal-poeżiji u l-kitbiet ta’ proża li jidhru fl-antoloġija Bejn Ħaltejn, minbarra r-rumanzett ta’ Ebejer. Huma mistoqsijiet li faċilment jistgħu jservu ta’ spunt għall-eżami taċ-ĊES.

Wara kull kumment għall-14-il poeżija, l-10 kitbiet ta’ proża u l-ħames partijiet li jittrattaw ir-rumanzett ta’ Francis Ebejer, John Caruana jinkludi wkoll sett ta’ ħames mistoqsijiet biex jinvolvi direttament lill-qarrej-student u biex dan tal-aħħar jaċċerta ruħu li jkun fehem dejjem aħjar kemm is-silta oriġinali kif ukoll il-kumment kritiku ta’ Caruana. Huma mistoqsijiet li jgħinu lill-qarrej jifli kull xogħol b’iżjed reqqa.

Fl-aħħar taqsima John Caruana inkluda wkoll lista ta’ 63 terminu letterarju bażiku mill-a (l-aferesi) sal-w (il-vers wati), kull terminu b’definizzjoni qasira. Dawn huma importanti għall-istudent tal-Malti meta jiġi biex jikteb l-apprezzament kritiku letterarju tiegħu tal-poeżija jew tas-silta li jiltaqa’ magħhom fl-eżami.

Nagħlaq bi kliem John Caruana stess fid-“Daħla”: “Fil-kitba, għalkemm fil-wiċċ naqraw l-istess kliem, mhux ilkoll niġbdu l-istess konklużjonijiet, aktar u aktar jekk din il-kitba tkun kumplessa u mgħobbija b’terminoloġija tqila, xi drabi wkoll konfuża. Ħafna drabi għalhekk, ikun jeħtiġilna naqraw iżjed fil-fond u bejn il-vrus. Dak li qed nipprova jien huwa biss li niggwida ’l-qarrej lejn tifsiriet possibbli ta’ ċerti kuntesti. Nieħu gost jekk l-interpretazzjoni li nagħti twassal lill-qarrej joħroġ b’tifsiriet oħra relatati. Dan huwa fil-fatt is-sabiħ fl-arti, li għandha l-ħila tispirana għal riflessjonijiet varji, għax kollox ma’ kollox, kulħadd jinterpreta skont il-karattru, l-individwalità tiegħu.”

John Caruana studja fl-Università ta’ Malta fejn kiseb il-Baċellerat fl-Arti fil-Malti u fl-Ingliz (1971-1974). Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti u minn żmien għal żmien iħobb jikteb f’ġurnali lokali artikli ta’ natura ħafifa, filwaqt li għandu għal qalbu t-tpinġija bl-akwarell.

Bejn Ħaltejn – biex tifhem aħjar ta’ John Caruana għandu jakkumpanja t-test oriġinali Bejn Ħaltejn fuq l-ixkaffa ta’ kull student li se jpoġġi għall-eżami tal-Malti ĊES u li jixtieq jakkwista marka tajba tassew.


Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment