Wednesday, November 12, 2014

DIJASPORI ta’ Salv Sammut (Horizons, 2014)

Dan huwa r-raba’ rumanz ippubblikat ta’ Salv Sammut wara Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar (2009), Staqsi lir-Riħ (2010), u L-Altruwista (2012). Dijaspori jifrex fuq 200 paġna u jinqasam fi 22 kapitlu, flimkien ma’ Prologu u Epilogu. Salv Sammut jinkludi wkoll fil-bidu u fl-aħħar partijiet tar-rumanz 6 poeżiji, miktubin mill-personaġġ Pavel, apparti xi partijiet versifikati oħrajn fl-intern tal-istess xogħol. Dan ifakkarna li llum Salv Sammut huwa wkoll poeta u Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, koawtur tal-antoloġija poetika Alfa (2000), u awtur tal-ġabriet poetiċi Tiżwiqa (2008) u Tħarbix (2013).

Dijaspori jiffoka fuq il-ġrajjiet ta’ tliet personaġġi protagonisti: Rebecca, Pavel u Ronald. Apparti n-numru tal-kapitlu, Salv jagħti lil kull kapitlu l-isem ta’ wieħed minn dawn il-personaġġi. Hekk naqraw dwar il-ġrajja ta’ Rebecca f’sitt kapitli (kap. 1, 5, 9, 13, 17, 21); dwar Pavel fi 11-il kapitlu (2, 4, 6, 8, 10, 12, 14, 16, 18, 20, 22); dwar Ronald f’5 kapitli (3, 7, 11, 15, 19). Mela huwa evidenti li l-ikbar numru ta’ paġni jiġu ddedikati lill-istorja ta’ Pavel, fl-opinjoni tiegħi l-iktar parti b’saħħitha u interessanti fir-rumanz preżenti.

Diġà fil-Prologu Sammut jintroduċina għat-tliet protagonisti li jiġborhom fi spazju wieħed – il-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta, Malta -, u matul data speċifika – lejliet l-1 ta’ Mejju 2004, mela ftit sigħat qabel iċ-ċerimonja tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Sammut jirnexxilu jagħtina stampa tridimensjonali ta’ x’inhu għaddej permezz ta’ tliet perspettivi jew punti di vista differenti, li huma dawk tat-tliet personaġġi protagonisti. In-narratur hu onnixxenti, ladarba jaf x’inhu għaddej kemm minn barra kif ukoll f’moħħ kull personaġġ.

Aktar dwar l-istruttura tar-rumanz. Diġà minn kapitlu wieħed Sammut juża l-flashback biex b’hekk joħodna lura għax-xhur ta’ preparazzjoni f’Malta ftit qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Dan narawh permezz tal-kapitli ddedikati lil Rebecca, studenta universitarja li tistudja l-ilsna u li ’l quddiem tixtieq taħdem bħala interpretu fi ħdan l-Unjoni Ewropea; u Ronald, uffiċjal għoli fil-General Workers Union. Sammut jirnexxilu jwassal it-tensjoni li kienet teżisti bejn ħbieb u membri tal-familja, imma anki dik li anki ċerti individwi kienu jħossu rigward l-għażla li kellhom jagħmlu f’rabta mal-Unjoni Ewropea. Hekk Rebecca, minkejja li missierha kien ħaddiem tat-Tarzna, Laburist akkanit u b’hekk favur il-“LE” għax kien iħoss li kien se jitlef xogħlu jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, taħdem sod favur il-moviment tal-“IVA”. Min-naħa tiegħu Ronald, minkejja li l-union li kien jagħmel parti minnha kienet favur il-“LE”, ġo fih kien iħoss xi jgħidlu li għandu jivvota “IVA”.

F’dawn il-partijiet Sammut isemmi anki personaġġi politiċi reali bħal Alfred Sant, Karmenu u Eddie Fenech Adami. Min għex dawn il-waqtiet importanti fl-istorja ta’ pajjiżna jaf kemm l-awtur iwassal tajjeb ferm l-atmosfera – anki ta’ mass-meetings mill-ikbar - li ħakmet f’dak il-perijodu.

Anki fil-partijiet fejn jittratta lil Pavel titħaddem il-flashback: diġà minn kapitlu 2. Hawn Sammut joħodna lura lejn nofs is-snin sittin; din id-darba l-ispazju huwa dak taċ-Ċekoslovakkja komunista fejn naraw lil Pavel poeta u ġurnalist żagħżugħ impenjat fil-ġlieda favur il-ħelsien mill-ħakma totalitarja ta’ gvern li kien jifforma parti mill-blokk Sovjetiku fi żmien Breshnev. Anki hawnhekk jissemmew personaġġi li għexu jew għadhom jgħixu fir-realtà bħal Alexander Dubček, l-istudent martri Jan Palach, u kittieba bħal Ivan Klima, Milan Kundera u Pavel Kohout. Anki hawn Sammut jirnexxilu jwasslilna l-atmosfera ta’ tensjoni, suspett u biża’ li l-popolazzjoni fi bliet bħal Bratislava u Praga kienet tgħix fiha f’dik l-epoka li ġabet magħha reżistenza qawwija min-naħa tal-kittieba, ġurnalisti u intellettwali oħrajn, manisfestazzjonijiet kbar fit-toroq favur il-ħelsien mill-ktajjen tat-totalitariżmu, arresti ta’ bosta persuni li kienu jiġu ttorturati u anki maqtula, ir-Rebbiegħa Ċekoslovakka, u ftit wara l-invażjoni tal-forzi Sovjetiċi li qatlu din ir-rebbiegħa fi ftit jiem.

Huwa f’dawn il-partijiet – imma anki fil-partijiet fejn naraw lil Rebecca u Ronald fil-qalba tal-Ewropa -, fejn Salv Sammut idur u jiddeskrivi t-toroq u l-imsieraħ tal-bliet Ċekoslovakki b’dettall liema bħalu, fejn nindunaw li l-awtur huwa anki bniedem li spiss kien isiefer anki minħabba li huwa stess kien għal snin twal involut fil-qasam tal-trejdjunjoniżmu.

Tematikament l-idea tad-dijaspora toħroġ b’modi differenti. Hemm Ronald li minkejja li Laburist u parti mill-General Workers Union iħossu maqtugħ kemm mill-partit u l-union tiegħu stess minħabba li kien iktar moħħu miftuħ ladarba ma kienx mija fil-mija kontra l-moviment tal-“IVA”. B’hekk naraw lil Ronald fil-Barrakka ta’ Fuq waqt iċ-ċerimonja tad-dħul ta’ Malta fl-UE mwarrab kemm minn niesu stess kif ukoll mir-“rivali” politiċi tiegħu. Hemm Rebecca li minkejja li missierha Laburist tal-azzar u kontra d-dħul ta’ Malta fl-UE, tagħżel id-direzzjoni opposta u taħdem favur il-moviment “IVA”. Anki fil-kapitli li jittrattaw lil Pavel naraw lill-poplu Ċekoslovakk li jgħix f’ċirkostanzi imposti fuqu f’pajjiżu stess: sitwazzjoni fejn mhux ħieles u lanqas jista’ jesprimi fil-miftuħ dak li jaħseb u jħoss. Mela huwa poplu barrani f’pajjiżu stess. Pavel ukoll, wara l-invażjoni tal-forzi Sovjetiċi fiċ-Ċekoslovakkja fl-1968 u wara l-firda mill-maħbuba tiegħu u minn ħabibu Dubček u wara li joqtol lill-kap tal-pulizija, ikollu jagħżel it-triq tal-eżilju anki biex ma jinqabadx mill-forzi tar-reġim u jingħata l-piena tal-mewt.

Stilistikament Dijaspori jinqara bla diffikultà ta’ xejn. Ritmikament jimbuttak biex tkompli taqra u tiskopri kif se jiżvolġi dan ir-rakkont li fuq naħa huwa riviżitazzjoni tal-istorja li diġà seħħet, u fuq naħa oħra huwa attwali propju f’dawn iż-żminijiet meta l-UE għaddejja minn bosta problemi ekonomiċi u b’xi mod qed terġa’ tinħass it-tensjoni li eżistiet li żmien il-Gwerra Bierda, din id-darba minħabba l-kwistjoni tal-Ukrajina.

Għalhekk inħoss li Dijaspori hu l-aħjar rumanz li Salv Sammut ippubblika s’issa. Huwa xogħol ta’ impenn soċjali, riflessjoni u anki ta’ riviżitazzjoni ta’ dawk l-episodji diffiċli li Malta u anki l-Ewropa għaddew minnhom fi żmien mhux daqstant bogħod biex wassluna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha. Dijaspori – permezz ta’ rakkonti paralleli li seħħew fi żminijiet differenti (nofs is-snin sittin u bidu tas-seklu 21) u spazji differenti (iċ-Ċekoslovakkja u Malta) - huwa wkoll rumanz li jgħinna nifhmu ftit iktar min aħna bħala Maltin u anki bħala Ewropej.


Patrick Sammut (Ottubru 2014)

No comments:

Post a Comment