DAĦLA KRITIKA tal-Prof. Oliver Friggieri
Sa mill-bidu taċ-ċiviltà miktuba l-Poeżija ilha tidher bħala kategorija
tal-ispirtu tal-bniedem. Il-Poeżija hi parti min-natura umana qabel ma hi
sempliċi forma ta’ espressjoni tiegħu. Kemm bil-fomm u kemm bil-kitba dan
il-ġeneru sar fenomenu ewlieni f’oqsma reliġjużi u kulturali ta’ kull xeħta.
Il-kontenuti ftit jew wisq baqgħu l-istess; huma sewwasew dawk it-temi, mudelli
arketipiċi li jitilgħu fil-wiċċ mill-qiegħ fejn jinħażnu minn ġenerazzjoni għal
oħra, bħala maħżen tal-memorja kollettiva, biex jagħtu forma
lill-inesprimibbli. Kull epoka għandha x-xejriet partikolari biex jitfisser
bil-kelma poetika kulma hu kostanti, residenti għal dejjem fir-ruħ tal-bniedem.
L-isfida tal-bniedem minn żmien għal ieħor hi, mela, li jsib mezzi differenti
kif jisħaq bil-modi moderni tiegħu kulma hu ’l fuq mil-liġijiet tat-tibdil
storiku.
F’dan l-isfond tista’ tiftiehem is-sħubija
bejn it-tliet poeti ta’ din il-ġabra, Mario Attard, Patrick Sammut u Frank
Zammit, it-tlieta wlied tipiċi tal-kultura ta’ pajjiżhom, u t-tlieta
interpreti tar-realtà bejn tmiem is-seklu għoxrin u s-seklu l-ġdid. F’dan
id-dawl jista’ jingħaraf il-karattru distintiv ta’ kull wieħed waqt li tidher ukoll
ir-rabta sostanzjali li sseħibhom flimkien, fi trio li għandu minn kor daqskemm
għandu minn solisti.
Mario Attard – kwadretti riflessivi
Mario Attard jinqeda bl-esperjenza
personali tiegħu biex idur lura u jilmaħ ir-rilevanza tal-imgħoddi għall-isfidi
tal-preżent. It-tiġrib hu l-punt tat-tluq għas-siltiet fejn hu jimraħ bil-ħsieb
li jsib it-tifsira (Lil Ġwanni Battista
de la Salle, Eleġija għaz-Zija). Huwa jgħaddi mingħajr xkiel minn burdata
għal oħra, dejjem bit-tama li jikseb is-sens
ta’ kull bidla fil-mod kif ir-ruħ tagħraf lid-dinja tal-affarijiet, dik
id-dinja li għalih hi kemm paradossali u kontradittorja u kemm loġika u
ordinata (Pitirrossi, Fi Pjazza Santa Margerita, Max-Xatt ta’
Pozzallo, Rajt tfajjel). Il-kwadretti tiegħu, magħżulin b’ħarsa naturali,
istintiva, huma spunti għal riflessjoni
fit-tul, mibnija b’mod li tikseb rilevanza usa’.
Kull riflessjoni hi l-effett permanenti
ta’ dehra li tfeġġ u mbagħad tgħib fix-xejn. Il-ħtieġa li tinsilet verità universali minn dehra partikolari tispjega sewwasew
għala Mario Attard jesplora oqsma u xejriet diversi tal-ħajja komuni, u minnhom
jiskopri u jirreġistra verbalment xi aspett speċjali (Driegħ id-destin, Bla identità, Il-ħajt ta’ Berlin, Illejla ġejt imtaqqal, Emanwel, Trapassjoni, Taħt
il-Kurċifiss ta’ kamarti). Miġburin ilkoll flimkien bħala tema
kumplessa waħda, dawn il-poeżiji u oħrajn bħalhom jifformaw il-kredu etiku ta’
Mario Attard, kemm bħala persuna u kemm bħala poeta.
Dan kollu huwa sikwit minsuġ ma’ tifkiriet
ċari mislutin mill-memorja ta’ żmien imbiegħed mill-prezent; il-post u l-atmosfera
jwasslu s-sensazzjoni ta’ xi ħaġa suġġestiva, li tibqa’ hemm, maħżuna, minkejja
l-mogħdija maħruba taż-żmien (Bormla).
B’attitudni bħal din ma jistax jonqos li jixref il-kumment soċjali, il-ġudizzju
prudenti ta’ poeta li qatt ma jgħolli l-vuċi u li jipprova jara r-rilevanza ta’
fatti mill-perspettiva lirika, sentimentali (Apoloġija lil Ruzar Briffa, Jien mhux klandestin, Spazji mifxula).
Diversi siltiet juru li Mario Attard huwa interessat
li jiżvolġi djalogu affettiv mal-qarrej/semmiegħ, u li jafferma, dejjem
b’ġentilezza, b’mod li jistieden il-kunsens. Għal din ir-raġuni huwa ma
jitbiegħed qatt mill-modi popolari tat-taħdit, kemm fit-tonalità u kemm fl-għażla tal-mezzi tekniċi. Il-versi tiegħu
jimirħu xi mkien bejn il-lirika u l-proża. B’dan il-mod huwa jiggarantixxi li
l-komunikazzjoni sseħħ anki bħala espressjoni li ma hix neċessarjament
letterarja, anzi poetika.
Patrick Sammut – il-poezija bħala djalogu
Għal Patrick Sammut il-poeżija hi
espressjoni personali daqskemm stqarrija misluta mis-sentimenti komuni ta’
soċjetà li bħallikieku jonqosha li ssib
interpretazzjoni tal-karattru tagħha biex tasal issib paċi magħha nnifisha.
Hemm fil-poeżiji tiegħu dimensjoni politika li tinħass b’mod indirett,
imgħottija taħt saff prudenti ta’ ħsieb soċjali. Huwa sikwit jitlaq mit-tfassil
ta’ kwadrett imlewwen bil-ħsieb li tinsilet minnufih riflessjoni ta’ xeħta
morali. Il-poeta jpinġi biex imur lil hinn mill-pittura stess; joffri dehra
biex jasal għas-sens li għandu jkun hemm taħtha, u b’dan il-mod jobbliga
lill-kritiku tiegħu li jaqrah f’żewġ livelli, il-letterali u l-figurattiv,
l-affermat u l-implikat (Jien u l-ħin, Karnival
solitarju, Hemm…, Jum ta’ btala, Fi triqat ir-riflessjoni, Forsi xi darba…,
Nitfa’ kollox wara dahri, Il-ħarsa
ta’ tarbija).
Huma x’inhuma l-konklużjonijiet loġiċi li
jistgħu jinħarġu minn dawn il-kwadretti, il-poeta juri bis-sħiħ li
d-deskrizzjoni hi gost fiha nnifisha, hi diġà speċi ta’ ġustifikazzjoni tagħha stess, skop fiha
nnifisha. Dan il-gost, li jinħass sikwit bħal f’L-Għadira mill-gallarija
u f’Fuq ir-ramla, ma jeskludi b’ebda
mod l-ironija (Pawsa), waqt li lanqas
ma jnaqqas mis-saħħa tal-konvinzjoni tal-poeta li l-poeżija hi minnha nnifisha
faraġ (F’siegħa bikrija). Hi liema hi
l-burdata l-poeta jiddjaloga b’mod kordjali, u jirrikorri għall-memorja anki
biex jirrivela r-rilevanza ta’ kulma qiegħed iħoss issa u hawn (Milied sieket).
Waqt li Patrick Sammut jadotta, bħala
regola, it-tonalità ta’ min
qiegħed jiżvolġi diskursata diretta mal-qarrej/semmiegħ tiegħu, tant li hu
nnifsu jinħass ‘jindaħal’ bħala awtur implikat, min-naħa l-oħra, tinħass frekwenti l-preżenza ta’ figura bejn
storika u bejn ideali li huwa jibni magħha djalogu intimu, affettiv,
nostalġiku, espressjoni ta’ kulma hu l-aktar essenzjali fil-vizjoni tiegħu. Hi
figura li takkompanja lill-poeta f’waqtiet intensi, f’burdati differenti li
madankollu jiltaqgħu xi mkien bħala varjanti tal-istess tema (Jien u miexi fi triqti, Min-naħa l-oħra
tal-linja, Mingħajrek, Hemm żminijiet…,
Inti ma tispiranix).
Minkejja din il-preżenza, li hi wisq aktar
importanti mill-grammatika tal-poeżija (il-vokattiv) li tagħtiha forma, dik li
tabilħaqq taħkem fuq kull riferiment ieħor hi l-figura ta’ omm il-poeta. Ħarstek fuqi u Tifkira ta’ omm huma żewġ mumenti li jagħtu l-aqwa karattru lil din
il-ġabra ta’ Sammut, u aktarx lill-istess personalità tal-poeta. Huma eleġiji daqskemm huma wkoll poeżiji
ta’ tifkira, liriċi li jiċċelebraw xi ħaġa li hi wisq ifned min-niket ta’ ltim.
B’lingwaġġ deċiż u sod, b’metafori li jindikaw involviment sħiħ fit-tema,
Sammut jikber b’maturità teknika
u espressiva li tindika li din hi t-tema ċentrali li tikkaratterizzah f’din
i-fażi, il-burdata-muftieħ tiegħu.
Frank Zammit – ir-rabta bejn it-tradizzjoni u l-preżent
Għal Frank Zammit hemm żewġ
realtajiet li ma jistgħux jintesew, u li għalhekk huma tipiċi tal-poeziji
tiegħu: l-emigrazzjoni u t-tradizzjoni poetika tal-ġenerazzjonijiet imgħoddija.
L-ewwel aspett jispjega bis-saħħa kollha s-sens ta’ distanza li jinħass
f’diversi kitbiet tiegħu. It-tieni aspett jiġġustifika għala huwa jinqeda regolarment
bil-mezzi tipiċi ta’ poeti li ġew qablu, bil-mudelli ritmiċi u b’mezzi oħra ta’
tħaddim tal-kelma, fost l-oħrajn, ir-rima.
Għan ewlieni tiegħu hu li jwassal
lill-versi sal-punt li jillustraw tagħlima morali, konklużjoni li tiġġustifika
lill-kitba poetika stess (Gardjola, Fi
ħdan in-natura, Sal-aħħar). In-Natura, l-opra ta’ Alla, hi l-qasam li minnu
huwa jislet il-lezzjonijet essenzjali. Hi Natura li tgħallem u tgħaġġeb, tiskot
daqskemm titkellem, tant li hu jislet l-elokwenza tiegħu minnha stess, u
jispiċċa jitkellem mhux biss fuqha imma wkoll magħha (Qamar kwinta, Oħroġ ja xemx sħuna). L-ambjent, deskritt b’gost li
ma huwiex biss stilizzazzjoni letterarja, jispiċċa biex jinħall f’qagħda
tar-ruħ, f’sitwazzjoni li tbiddel lill-oġġett f’suġġett. Għar il-Lembi hi eżempju mill-aħjar ta’ din il-kundizzjoni, iżda
l-waqtiet li jistgħu jissemmew huma diversi.
Il-poeta huwa qabelxejn emigrant, xi ħadd
li jħoss il-kwistjoni tal-għeruq bħala realtà dejjem ‘in fieri’, argument dejjem miftuħ,
inkomplet. Il-poeżija tat-tifkira hi element importanti fil-kitba kollha ta’
Frank Zammit. Mill-memorja tiegħu, maħżen ta’ żewġ artijiet imbiegħda u
differenti ħafna li huwa trawwem bħala poeta fl-ispazju ‘psikoloġiku’ ta’
bejniethom, huwa jagħżel aspetti karatteristiċi li juru fuq kollox sa liema
punt il-poeżija tiegħu tistrieħ fuq l-imgħoddi, kundizzjoni permanenti
f’kuntrast imma anki fi qbil mal-preżent (F’dawl
in-niċċa ta’ ħsiebi, Ktibt ismek, La
tiġix lura, Fil-ġonna ta’ Sant Anton, Lix-Xalè mġarraf). L-effett ewlieni tal-poeżiji tat-tifkira huwa li dawn
jitbiddlu f’oġġetti statiċi, dejjiema, maqbudin għal dejjem fl-għeluq taż-żmien
li jgħaddi u jeqred.
Min-naħa l-oħra Zammit ilaqqa’ wkoll
lill-imgħoddi u lill-preżent ta’ Malta u bħallikieku jasal għall-kompromess
meħtieġ u mixtieq (L-aħħar salut). F’dan
il-punt jista’ jinstab il-qofol tematiku tal-poeżiji kollha ta’ Frank Zammit,
il-poeta emigrant li jissokta jfittex anki jekk diġà kkonkluda. Huwa l-emigrant li jġorr lill-patrija
miegħu.
No comments:
Post a Comment