Charles Magro hu ex-għalliem
fl-iskejjel tal-Gvern. Ħadem bħala għalliem/librar fi skejjel differenti, part-time lecturer fl-Istitut
għall-Istudji Turistiċi u fl-Akkademja tal-Pulizija, u għallem fis-Società Dante Alighieri fil-Belt Valletta. Huwa President
tal-Għaqda Poeti Maltin, membru tal-Akkademja tal-Malti u tal-Għaqda tal-Malti
(Univ.), u Direttur u Editur tad-Dar tal-Pubblikazzjoni MUT Publications Ltd. Huwa awtur tal-kotba It-Tfajla Ġurdien u Stejjer Oħra (1994) u Dawra mal-Ewropa bl-Istejjer (2005). Valuri biz-Zokkor hija ġabra ta’ 25 storja li jifirxu fuq mitt
paġna. Kull storja ttul bejn it-tnejn u t-tliet paġni u għalhekk il-kitbiet ta’
Magro jinqraw f’nifs wieħed.
Bosta minn dawn l-istejjer
għandhom mill-istil tal-ħrafa. Hemm il-konfront bejn it-tajjeb u l-ħażin,
il-motiv tal-vjaġġ u t-tiftixa tal-ħaġa impossibbli, episodji sopranaturali, personaġġi
bħalma huma rejiet, draguni, fniek slavaġ, xjaten u bjar jitkellmu. Magro
jagħti xejriet umani kemm lil elementi naturali (bħas-sħab u r-ramel f’Is-Sħaba u l-Għolja tar-Ramel; is-silġ
bħal f’Żewġ Blokok tas-Silġ; is-siġra
f’Is-Siġra Ġeneruża), lil annimali
differenti (il-fenek salvaġġ f’Żewġ
Blokok tas-Silġ; in-nagħma f’In-Nagħma
Oliver; id-dragun f’Il-Kuruna
tad-Deheb; l-annimali diversi f’Elezzjoni),
imma anki lil oġġetti partikolari (bħall-bir f’It-Tweġiba tal-Bir; l-arloġġ f’L-Arloġġ
Nevrotiku; u l-ħaġriet koħol f’Żewġ
Ħaġriet Koħol).
Hemm imbagħad f’kull storja temi
partikolari u attwali u wara kull storja tagħlima siewja. Mela hawn għandna 25
kitba li mhux biss jagħtu gost lil dak li jkun imma saħansitra jistednuh
jirrifletti dwar aspetti differenti. Hekk Magro jikteb dwar aspetti bħalma huma
l-altruwiżmu u s-sagrifiċċju ta’ dak li jkun għat-tajjeb tal-“ieħor”; it-tajjeb
ta’ sitwazzjoni meta tnejn jaqsmu l-esperjenzi differenti tagħhom u b’hekk
jifhmu aħjar lil xulxin, jew ta’ meta dak l jkun jiddeċiedi jitħallat ma’ ta’
madwaru minflok jinqata’ għalih waħdu; il-fatt li anki l-ġenituri xi drabi
jistgħu jiżbaljaw imma jekk ikunu għorrief biżżejjed jafu jitolbu maħfra lil
uliedhom; il-fatt li l-iktar ħwejjeġ sempliċi jafu jkunu l-ogħna elementi li ma
ngħaddux mingħajrhom (ara Bħall-Melħ);
il-fatt li billi ngħaddsu rasna fir-ramel ma nkunux qed insolvu l-problemi
tagħna, anzi nkunu qed inħejju t-triq għall-estinzjoni tagħna; il-fatt li
l-istorja tirrepeti ruħha u donnu ħadd qatt ma jitgħallem mill-iżbalji u
l-barbarji tal-imgħoddi (L-Istorja
tad-Dinja); l-importanza li ngħixu l-preżent bla ma ninħakmu
mill-preokkupazzjonijiet tal-għada; il-fatt li fin-natura l-bniedem isib
il-mistrieħ u l-hena tiegħu; l-importanza li nagħrfu u napprezzaw postna
fis-soċjetà u li
naħsbu sew qabel nieħdu deċiżjoni għax wara jista’ jiddispjaċina; imma anki
aspetti oħrajn bħad-divorzju, l-imħabba misjuba mill-ġdid, il-kanċer u
l-importanza li nuru l-apprezzament tagħna lil dawk ta’ madwarna sakemm ikunu
magħna (It-Tifkira); il-gwerra,
il-mibegħda, id-diżonestà,
il-garr, il-gideb, id-dgħjufija tal-karattru, il-kefrija, is-suppervja,
id-delużjoni, in-niket, imma anki l-indiema u l-ferħ li ġġib magħha.
Bosta drabi l-familja u l-membri
tagħha huma ċ-ċentru ta’ dawn l-istejjer bħal f’L-Itjeb Pizza tad-Dinja (fejn sitwazzjoni ta’ familja mnikkta
tinbidel f’waħda fejn jaħkmu l-ferħ u l-imħabba). It-tfal jispikkaw fi stejjer
bħal L-Istorja Meraviljuża tat-Tmellis
Ħlejju (fejn Magro jfakkarna li jekk id-dinja tal-kbar hija korrotta,
it-tfal għandhom il-potenzjal li jsalvawha), Il-Kuruna tad-Deheb (li hi dwar l-imħabba tal-omm lejn uliedha,
imma anki dwar il-mixja taż-żgħażagħ li ma għandha titwaqqaf minn ħadd), L-Għażla tal-Klassi (fejn tintwera
solidarjetà lejn
tifla li tbati mil-lewkemja), u Is-Sema
Mhux ’il Bogħod (dwar tifla orfni minn missierha li temmen li għadu ħaj
f’qalbha). It-tifel, Ġiġi, f’Il-Ħajt,
ifakkarna li minkejja l-ħitan li jifirduna (ibda minn dak ta’ Gaża) bħala
popli, fl-aħħar mill-aħħar niskopru li għandna karatteristiċi komuni, kemm
tajbin kif ukoll ħżiena. B’hekk jekk niskopru dawn l-elementi komuni nistgħu
nwaqqgħu kull ħajt li jifridna.
Filwaqt li dawn kollha huma
stejjer li jridu jgħaddulna valuri tajbin, hemm ukoll stejjer li jintrabtu
direttament mat-twemmin Nisrani. Hekk f’Il-Prezz
għandna lil Kristu li jikkonfronta lil Satana biex b’demm u b’ħajtu jsalva
lill-bnedmin, anki għax il-ħajja – minn dik ta’ għasfur tal-bejt sa dik
tal-bniedem - hija imprezzabbli. Pietru,
is-Suldat tfakkarna f’kemm hu importanti t-talb tant li jista’ jsalvana
fl-iktar waqtiet diffiċli. In-Nagħġa
Numru Tnejn u Sebgħin hija dwar il-fidi bħala soluzzjoni għal min hu waħdu.
Il-Fiera tax-Xitan hija dwar
il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin u tpoġġi fuq naħa l-fidi f’Alla u fuq l-oħra
l-qtigħ il-qalb. Il-Qaddisa Ħelwa Ħelwa,
bħal xi stejjer oħrajn, għandha mill-parabbola u hija dwar il-ħajja fl-art
bħala preparazzjoni għal dak li hemm jistenniena wara.
Bosta drabi fil-konċiżjoni
tar-rakkonti – mistħajla imma anki verosimili - hemm il-kelma-sikkina li taqta’
fil-laħam il-ħaj. Drabi oħra Magro jirnexxilu jnissel tbissima fil-qarrej. Dawn
huma rakkonti-ħrejjef li żgur jinżlu għasel mat-tfal filwaqt li jimbuttawhom
jistaqsu u jifhmu numru ta’ aspetti importanti ħafna fil-ħajja li jridu
jaffrontaw waħedhom aktar ’il quddiem. Imma l-vera tifsira tal-istejjer ta’
Magro titgawda u tiġi apprezzata fuq kollox mill-kbar. Il-qosor ta’ dawn
l-istejjer jagħti spinta lill-qarrej biex wara jaħseb u jiddiskuti l-kontenut
tagħhom. Mela hawn hi meħtieġa r-relazzjoni għalliem-student, jew dik bejn
il-ħbieb. Kull storja donnha ċikkulatina ċkejkna li tagħtik pjaċir minkejja li
tispiċċa malajr. Tħalli wkoll togħma tajba fit-tul u tistiednek biex tgħaddi
dduq ċikkulatina oħra.
Valuri biz-Zokkor huwa mżejjen ukoll b’qoxra u stampi
kkuluriti ta’ Fabio Agius, u jgħin lill-qarrej iwessa’ l-għalqa tal-vokabularju
tiegħu billi jippreżenta għadd sabiħ ta’ kliem (parti kbira minnu ta’ nisel
Romanz) li jista’ jkun ġdid għal dak li jkun. Valuri biz-Zokkor huwa rigal ideali għal dawk l-okkażjonijiet
speċjali fejn is-soltu dak li jkun jaqla’ ħwejjeġ fiergħa. Ma ninsewx, il-ktieb
huwa wieħed mill-isbaħ rigali li wieħed jista’ jingħata.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment