6 Partijiet ewlenin:
1.
Prologue - Żmien preżenti - 6
paġni;
2.
The Final Years of the
Order of St. John of Jerusalem Malta 1785-1798 – Żmien passat.
Amelia – 22 paġna;
Isabella – 45 paġna;
Salvatore – 12-il paġna;
Last days of the Order – 44 paġna;
Antoin – 30 paġna;
3.
The French Occupation
May-1978- September 1800 – 20 paġna;
4. Life During the English Occupation – 49 paġni;
5.
Bound for New South Wales
Preparation for a Journey on the Convict
Ship HMSS. Dromedary – 19-il paġna;
The Journey – 27 paġna;
Journey’s End – 5 paġni;
Imperia – 27 paġna;
6.
Epilogue – 9 paġni.
1.
Il-Prologu
Il-Prologu hu miktub fil-korsiv.
Hawn għandna l-leħen narranti ta’ min qed jikteb fil-preżent, l-awtriċi stess. Tħoss
bħal vuċi ġo fiha li qed tħeġġiġha biex taqbad il-pinna u tikteb, “it is
Salvatore who beckons.”; “This is what she has to do. Turn words into flesh.” Hemm
l-idea tal-kelma (il-verbum) li
tingħata l-ħajja mill-artist fis-sens wiesa’. F’din l-ewwel parti jispikka
l-appell għas-sensi u naqraw dwar il-kċina Maltija, il-ħolm u r-rabtiet
familjari. Aktar tard nifhmu li l-ħolm, flimkien mal-magħmul, id-destin,
is-superstizzjoni, u l-mewt huma kollha elementi importanti f’Beloved Convict.
2.
The Final Years of the
Order of St. John of Jerusalem Malta 1785-1798
Wieħed jinnota li anki f’dan
ir-rumanz – bħal f’rumanzi oħrajn tagħha - Drofenik tagħti lil partijiet
differenti ismijiet ta’ personaġġi. Din it-tieni parti tinqasam f’ħames
taqsimiet u tirrakkonta ħwejjeġ li seħħew fil-passat. L-ewwel taqsima AMELIA tibda b’data speċifika: 11 ta’
Lulju 1786. L-ewwel żewġ kelmiet huma “Joseph Vella”, l-istess isem (Giuseppe
Vella, anki hu kappillan) li l-kittieb kontemporanju Sqalli Leonardo Sciascia
juża fir-rumanz tiegħu Il consiglio
d’Egitto (1963) li l-azzjoni tiegħu kienet ambjentata bejn l-1782 u l-1795.
Dan kien żmien meta l-figura tal-qassis kellha rwol importanti proprju għax
il-Knisja kienet għadha b’saħħitha. Min-naħa l-oħra ma ninsewx li dawn huma
s-snin tal-Illuminiżmu Franċiż, meta l-Franċiżi spikkaw għall-intelliġenza
tagħhom u għat-tfittxija eterna tal-għarfien.
Mill-ewwel jinħass li Lou
Drofenik qed tinseġ truf differenti biex fl-aħħar nett tibni storja sħiħa. Hija
ssensel sewwa stejjer differenti marbutin ma’ individwi u familjari differenti
li fl-aħħar mill-aħħar kollha jissawbu waħda fl-oħra b’sengħa kbira biex
jiffurmaw rumanz wieħed. Hemm ir-rabta bejn Imperia u missierha (li hu
kummerċjant, baħħar u kaptan), l-ispazju tal-port u l-baħar bis-seħer kollu
tiegħu. Niltaqgħu ma’ Antonio Bonnici, iben missier mhux magħruf, imwieled
Malta u li bis-saħħa t’ommu Amelia joħroġ mill-għeluq ta’ dawn il-gżejjer
proprju fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.
Element stilistiko-narrattiv
importanti huwa l-appell għas-sensi: “the perfume of stephanotis”, “the smell
of places where he had been” (xamm), dik li Drofenik issejjaħ ukoll “olfactory
memory”. Anki din hija parti mill-memorja ta’ snin u avvenimenti li għaddew
imma li għadhom ħajjin. Element stilistiku ieħor huwa t-tħaddim ta’ punti di vista differenti, mela r-realtà jew ir-rakkont mgħoddi lilna kemm minn ilħna u kuxjenzi rġiel kif ukoll
nisa. Stilistikament Drofenik talterna u tvarja l-ispazji fejn iseħħu
azzjonijiet differenti, fosthom il-Belt Valletta, Lipari, Napli, l-Imdina, imma
anki l-Wardija, il-Pwales, il-Madliena u Għawdex. It-teknika tal-kuntrast
tispikka qatigħ f’dan ix-xogħol: per eżempju, fl-aħħar parti tat-taqsima
ISABELLA naraw fuq naħa lil Isabella Diacono mejta fil-karru tal-mejtin u
d-diqa ta’ żewġha Giacomo, u fuq l-oħra Pandolfu mimli b’imħabba għal Amelia.
Hawn il-karru tal-mejtin u l-maltemp isiru ħaġa waħda biex joħolqu atmosfera
griża.
Huwa żgur li Lou Drofenik għamlet
sewwa r-riċerka storika tagħha biex issaħħaħ l-isfond ta’ dan ir-rakkont
tagħha. Tissemma data oħra – l-14 ta’ Awwissu 1795 – mela hu ż-żmien wara
r-Rivoluzzjoni Franċiża, ftit qabel il-waqgħa tal-Ordni f’Malta. Personaġġ
ieħor huwa l-kavallier Franċiż Déodat Gratet de Dolomieu
li jiġi lura Malta imma f’sitwazzjoni finanzjarja ħażina. Hemm ukoll Pandolfu
l-falkunier li jieħu grazzja ma’ tfajla li ma tissemmiex b’isimha. Wieħed
mill-ispazji fejn isseħħ l-azzjoni hija Strada Mercanti, il-Belt. Id-destin
jibda jseħħ: it-tfajjel Antonio, iben Amelia, jiltaqa’ mal-kavallier Déodat. Jinħass li hemm xi ħaġa komuni bejniethom. Hemm ukoll Isabella u
Giacomo Diacono: iż-żwieġ bejniethom mhux sejjer tajjeb u jeżisti wkoll
is-suspett ta’ tradiment. Isabella hi kontra l-ugwaljanza, filwaqt li żewġha
jaqbel mat-tliet prinċipji tar-Rivoluzzjoni Franċiża.
It-taqsima ISABELLA tiftaħ bl-idea li Franza, bħala l-pajjiż tal-Illuminiżmu,
toffri l-opportunità biex wieħed jiftaħ moħħu għall-għarfien. Amelia
tikkonvinċi lil Déodat biex jieħu lil binha Antonio miegħu fi
Franza: “Knowledge, you always said, should belong to everyone. Take him.”
Amelia hija l-omm ambizzjuża li tixtieq lil binha jilħaq stat ogħla; dan
jintrabat mal-problemi soċjali tal-epoka, fosthom il-faqar, it-tfal
abbandunati, il-prostituzzjoni, il-mard u l-injoranza. Il-kwalitajiet li
jikkaratterizzaw lil Amelia Bonnici huma l-indipendenza, is-saħħa tal-ispirtu u
r-ras iebsa. Min-naħa l-oħra Isabella Diacono kienet timla jiemha bil-paroli
tas-servi, il-ġirien u l-qassisin. Nifhmu li hemm mentalitajiet opposti -
Amelia kontra Isabella. Isabella tikkunsidra lil Amelia bħala prostituta.
Għalkemm Isabella ma taħmilx lil Amelia, min-naħa l-oħra hija kurjuża dwar kif
l-oħra tiġbed daqstant irġiel lejha. Drofenik tagħti importanza kbira lill-personaġġi
nisa li jieħdu l-ħajja permezz ta’ deskrizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet
soċjali, burdati u sitwazzjonijiet emottivi differenti. Din Isabella hi wkoll
kapaċi tiġġenera ħsibijiet profondi: “If we don’t remember our birth, we won’t
have any recollection of our death either.” (p. 68) Dan il-ħsieb bħal jixħet
dawl fuq dak li għandu jseħħ ftit wara. Isabella għandha wkoll don jew saħta:
il-ħolm u l-preveġġenza, element komuni fir-rumanzi ta’ Drofenik. Isabella
toħlom dak li fir-realtà m’għandhiex: imħabba vera min-naħa ta’ żewġha. Dan
għax Giacomo Diacono kellu jiżżewwiġha kontra qalbu u minħabba dak li jiddettaw
ir-regoli tal-klassi soċjali l-għolja. Ix-xogħol tiegħu bħala baħħar u
kummerċjant kien jgħin ukoll biex jaħrab minn din ir-realtà
instabbli tassew. Min-naħa l-oħra Amelia Bonnici toħlom lil binha li tbiegħed
minnha għax riedet hi stess: dik tagħha hi ħajja ta’ sagrifiċċju u mħabba.
Apparti dan ir-rakkont mistħajjel
Drofenik ma tħallix barra r-rakkont li għandu mir-realtà
storika: il-preparazzjonijiet minn taħt u fis-sigriet biex iwasslu għall-waqgħa
tal-Ordni, u l-Belt Valletta bħala ċ-ċentru fejn kien qed isir dan it-tixwix.
Tissemma wkoll ir-rabta bejn Malta u Napli u anki l-falkun li kien jingħata
bħala rigal. Hija interessanti d-deskrizzjoni bl-attivitajiet għaddejjin
fil-Port il-Kbir (preżenza kostanti matul ir-rumanz), b’ċerti dettalji li
jintrabtu mal-istorja u żmien l-Ordni. Din li tiddeskrivi Drofenik hija soċjetà ta’ kuntrasti: fuq naħa “greed and extravagance”, u fuq l-oħra, “abject
poverty and great cruelty”. Hija soċjetà maħkuma
minn tliet forzi rivali: l-Ordni, l-Inkwiżizzjoni u l-Knisja stess, kollha
oppressuri u fittiexa tas-setgħa. U proprju f’dan iż-żmien in-nies tibda tistaqsi l-aġir
tal-Ordni fl-imgħoddi u fil-preżent. Din hija wkoll Malta meta fiha kienu
jgħixu flimkien nies minn pajjiżi differenti, b’kulturi, twemmin u lbies
differenti. Fuq livell storiku jissemma saħansitra Mikiel Anton Vassalli u
l-ħidma tiegħu fuq il-Miklem. Aktar tard jissemma wkoll il-maltemp li minnu
kienet għaddejja l-Ewropa (il-kunflitt bejn Napuljun u l-Imperu
Awstro-Ungariku) u anki Malta stess (il-ġlied bejn il-kavallieri Taljani u
Franċiżi).
L-ixprunara ta’ Giacomo Diacono
tiġbor fiha personaġġi differenti: Giacomo stess (onest u jemmen f’ċerti
valuri), il-kavallier Déodat (skular u riċerkatur), iż-żagħżugħ Antonio
Bonnici, il-falkunier Pandolfu, Tomaso Frendo (kuntrabandista u opportunist), u
l-ajjutant Filippu. Kollha għandhom rwol fin-nisġa tar-rumanz. Fuq din l-ixprunara
u matul il-vjaġġ li tagħmel naraw id-destin ta’ tant personaġġi differenti
b’daqstant ħolm differenti: hemm min il-ħolm tiegħu jifrex fuq spazji usa’ minn
ta’ oħrajn. Jispikka wkoll il-kuntrast bejn Antonio Bonnici, iben Amelia, li hu
determinat u rasu iebsa bħal ommu, u Salvatore Diacono, - ironikament edukat
minn qassis - ribell, jistaqsi dak kollu li jingħadlu u ma jemminx f’dak li ma
jistax jiġi ppruvat. Hemm ċerta ironija fil-karattru ta’ dawn it-tnejn, ladarba
ġejjin minn klassijiet soċjali differenti.
It-taqsima SALVATORE toħodna fl-Imdina. Niltaqgħu maz-zijiet Custodia u Arnaud
Cassar, anki dan tal-aħħar ivvjaġġja ħafna, hu poliglotta imma jitkellem
bit-Taljan flok bil-Malti. Aktar ’il quddiem naqraw li Arnaud huwa wkoll kollezzjonist
ta’ oġġetti antiki u rari. Min-naħa l-oħra Custodia temmen li l-Malti hu lsien
awtentiku u li qatt mhu se jikseb l-istat li jixraqlu jekk ma jiġix mitkellem
mill-klassijiet l-għolja. Għalhekk Custodia hi ammiratriċi ta’ Mikiel Anton
Vassalli minħabba d-dedikazzjoni tiegħu bil-kitba tal-Miklem.
Kuntrast ieħor hu bejn Custodia u
Isabella. Tal-ewwel temmen li hemm bżonn li l-mara tkun manipulattiva biex
tgħix, u li tkun mara ma jfissirx li tkun vittma u dgħajfa. Custodia kienet
saħansitra tirribatti lill-Monsinjur rigward argumenti filosofiċi. Kuntrast
ieħor hu dak bejn il-lezzjonijiet fl-Istorja u fil-Ġografija ta’ Dun Joseph
(ibbażati fuq il-kotba) u dawk taz-ziju Arnaud (ibbażati fuq l-esperjenza
personali). Huwa f’dan il-kuntest li jikbru l-aħwa Imperia u Salvatore li, minn
naħa jitilfu lil ommhom Isabella, imma minn oħra jakkwistaw it-tagħlim wiesgħa
ta’ zijuhom. Salvatore jaqa’ fil-muta wara l-mewt ta’ ommu: dan jista’ jfakkar
fil-protagonista truxa u muta fir-rumanż ta’ Dacia Maraini, La lunga vita di Marianna Ucria (1990).
Il-baħar f’dan il-każ hu s-soluzzjoni biex Salvatore joħroġ mill-muta tiegħu.
Joħroġ kuntrast anki fl-ispazji: fuq naħa l-kwiet u l-kalma t’Għawdex u fuq
l-oħra l-ħajja interessanti u mimlija attivitajiet fil-Belt Valletta. Dan nerġgħu
narawh aktar ’il quddiem fil-parti The
English Occupation.
Tissemma data oħra: Settembru
tal-1796, u anki l-fatt li l-Mediterran hu infestat minn bċejjeċ
tal-piraterija. Dan biex l-azzjoni mistħajla tar-rumanz dejjem titqiegħed fuq
sfond storiku preċiż. Wieħed jinnota wkoll żvilupp fil-ħajja tal-personaġġi u
anki bidla fir-relazzjonijiet bejniethom. Dan jagħti nifs ġdid lir-rakkont.
Id-destin ta’ missier u iben (Giacomo u Salvatore Diacono) se jgħaqqadhom
flimkien.
It-taqsima LAST DAYS OF THE ORDER tiftaħ b’parti fil-korsiv. Mela għandna
rabta mal-bidu ta’ dan ir-rumanz (il-Prologu): naqraw għal darb’oħra kliem
l-awtriċi fil-preżent li qed tikteb l-istorja dwar Salvatore Diacono. Wara
naqraw b’data oħra u post speċifiċi: tlitt ijiem wara l-Milied, fir-Rabat.
Aktar tagħrif dwar l-isfond storiku: min se jieħu post De Rohan?; Bonaparti u
l-bidliet li qed jintroduċi fis-sistemi legali tal-pajjiżi maħkumin minnu,
fosthom il-firda bejn Stat u Knisja, l-introduzzjoni taż-żwieġ ċivili u
d-divorzju u l-liberazzjoni tal-iskjavi; it-Trattat ta’ Campo-Formio; u ż-żieda
tal-preżenza tal-Ingliżi fil-Mediterran. Jissemmew wkoll il-Grand Tour li bosta
Ingliżi kienu jagħmlu f’dan iż-żmien, ir-rivalità bejn ix-xwieni Maltin u
Venezjani, it-theddida tal-malarja u l-pesta, l-ispiji ta’ Napuljun f’Malta,
l-Isqof Labini. Fuq kollox Drofenik jirnexxielha twassal il-ħażin u t-tajjeb li
ġabu magħhom il-Kavallieri, imma anki l-inċertezzi tal-Maltin, l-aktar
tal-klassi l-għolja, dwar xi jseħħ jekk jitlef l-Ordni u minflok Malta tħaddan
il-valuri tar-Rivoluzzjoni Franċiża.
Ftit wara jissemma wkoll April.
In-neputijiet Imperia u Salvatore jkomplu jgawdu mill-kumpanija taz-zijiet
fl-Imdina permezz tal-interess tagħhom fil-qasam kulturali. Salvatore jakkwista
tagħlim (anatomija, arti, politika, ġografija, ismijiet ta’ ħut, ilsna
differenti u l-virtujiet tal-kuraġġ u l-integrità) u esperjenzi (il-vjaġġ lejn
il-Morea u l-laqgħa ma’ baħrin, poeti, kittieba u artisti) ġodda permezz
tal-vjaġġ tiegħu fuq il-baħar, u anki matul is-17-il jum ta’ kwarantina li
jkollu jgħaddi fuq Manoel Island. Huwa vjaġġ li lil Salvatore jerġa’ jħollu
lsienu. Jasal ukoll Ġunju (fil-Belt) u ftit wara Lulju. Dan hu l-istess xahar
(Lulju 1797) li fih imut De Rohan u jiġi elett Ferdinand de Hompesch. Il-mewt
ta’ De Rohan ġġib magħha tmiem ta’ epoka.
Drofenik tippreparana minn qabel
għal dak li se jsegwi daqt. Dan kollu inissel kurżità fil-qarrej u jimbuttah
biex ikompli jaqra. Matul dan il-proċess kollu Drofenik issir l-istess
personaġġi tagħha billi tidħol fl-ibgħad irkejjen ta’ qalbhom, ruħhom u
ħsibijiethom, biex b’hekk jinkixfu anki l-inċertezzi u l-beżgħat tagħhom.
Din it-taqsima tispiċċa b’enfasi
fuq il-personaġġi nisa mill-ġdid. Hemm Tereża, omm Giacomo Diacono, li ma
taqbilx sal-aħħar – minkejja li wara tagħtih il-barka tagħha - li binha
jiżżewweġ lill-prostituta Amelia, anki minħabba differenzi ta’ klassi soċjali.
Hemm il-mistoqsija ta’ Giacomo lil ommu dwar jekk martu Isabella fil-verità
qatlitx ruħha b’idejha.
It-taqsima ANTOIN toħodna direttament f’Pariġi. Iż-żmien hu qrib il-Milied.
Mela minn gżira ċkejkna nittieħdu f’pajjiż kbir u modern. Antonio Bonnici
jgħaddi minn żminijiet ta’ solitudni ’l bogħod minn pajjiżu u minn min iħobbu.
Jasal il-Milied, f’Isére, il-post fejn Déodat kien jgħix bħala tifel. Niskopru
ċertu xebh bejn l-infanzja ta’ dan il-kavallier Franċiż u dik ta’ Antonio
Bonnici: il-tnejn kellhom iħallu darhom u l-familja kontra qalbhom ta’ 12-il
sena. Antonio jkollu bil-mod il-mod jidra l-ħajja avventuruża ta’ Déodat –
interessat fil-ġeoloġija -, imma anki lsien, ikel u nies differenti b’ideat
stimulanti u varjati. Lura f’Pariġi post-Revoluzzjoni naqraw dwar laqgħa ma’
Bonaparti nnifsu u mal-poeta Arnault. Tissemma d-data speċifika tal-4 ta’
Jannar 1799. Niskopru wkoll li missier Antonio Bonnici, issa Antoin, kien
Franċiż. Déodat jammetti li l-Ordni m’għadhiex relevanti fiż-żmien modern, u
anki li qatt ma kien hemm relazzjoni b’saħħitha bejn l-Ordni u l-klassi
aristokratika Maltija, l-Isqfijiet u l-Inkwiżizzjojni. Min-naħa l-oħra Déodat
jħoss li jekk Napuljun jersaq lejn Malta jieħu miegħu bosta teżori
imprezzabbli, kif għamel meta ħakem lill-Italja. Proprju f’Pariġi u matul
il-laqgħa ma’ Napuljun, Déodat ma jibżax jgħid f’wiċċ Napuljun dak li jaħseb
dwar l-opri tal-arti misruqa: “A country’s patrimony Monsieur General should
stay in its own place”. (p. 163) Hawn għandna ħarsa ’l quddiem ta’ x’jista’
jseħħ minn hawn u ftit ieħor – l-ispedizzjoni li tieħu lil Napuljun u l-forzi
tiegħu f’Malta -, imma anki l-fatt li qalb Déodat hija marbuta ma’ Malta,
minkejja li Franċiż.
Iż-żmien ikompli miexi ’l
quddiem: l-ewwel Ħadd ta’ Mejju. Drofenik tirrakkonta ġrajjiet żgħar (f’Pariġi
u f’Malta) f’rabta mal-familji li madwarhom iddur l-istorja mistħajla
tar-rumanz u li jissawbu ma’ ġrajjiet akbar ta’ natura politika u
internazzjonali. Isir it-tieġ bejn Amelia u Giacomo Diacono. Tereża Diacono tisfida l-ambjent li kibret fih billi
taqra l-karti, proprju fil-Birgu u qrib il-Palazz tal-Inkwiżitur. Mill-ġdid
is-saħħa u l-influwenza tal-karattri nisa fir-rumanz ta’ Drofenik.
3.
The French Occupation May
1978- September 1800
Din ukoll hi parti li tiftaħ
b’data speċifika: il-Ħamis, 4 ta’ Ġunju 1798. Drofenik tagħtina deskrizzjoni
tal-ħajja ta’ kuljum fit-toroq Maltin, f’dan il-każ fil-Birgu. Jinħass kif
fl-attività li hemm fit-toroq hemm riflessa t-tradizzjonijiet kulinari Maltin:
is-sajjieda, il-furnara, il-qagħaq, il-kappar, it-tursin, in-nagħnigħ,
il-bajtar tax-xewk, il-bebbux, it-tin, u l-għajta tal-bejjiegħa. Anki hawn
jispikka l-appell għas-sensi għal darb’oħra, bħalma jispikkaw ftit iktar ’il
quddiem: “As she aged, Tereza Diacono became convinced that her body was
excuding the same stale odours that had enveloped her grandmother in the final
years of her life [...] the odour rising out of her grandmother’s scalp [...] a
thick sour smell [...] there’d always be some kind of eau de cologne in her house [...] rose-scented soaps and perfumed
powders”. (p. 185)
Drofenik tiddeskrivi wkoll
il-wasla tal-Franċiżi fil-Port il-Kbir, bil-Maltin bħala poplu ċkejken xhud ta’
ġrajja storika hekk kbira. Jinħass li Napuljun se jġib miegħu bidla
fit-tradizzjonijiet, fosthom fit-twemmin. Il-ġrajja nazzjonali u
internazzjonali li seħħet fir-realtà tintrabat mal-ġrajja mistħajla, b’Antonio
Bonnici li jiġi lura Malta ma’ Napuljun u Dolomieu. Aktar tard Antoin Bon
jitlaq mal-forzi ta’ Napuljun fi triqtu lejn l-Eġittu. Għal darb’oħra Drofenik
tagħtina dettalji f’rabta mal-isfond storiku. Hija tuża terminu modern biex
tiddeskrivi bidla kbira li seħħet iktar minn 200 sena ilu: Napuljun ġab miegħu
“tsunami of change sweeping” fuq il-ħajja taċ-ċittadini ordinarji. (p. 182)
Jissemma personaġġ storiku bħal Vaubois. Il-personaġġi mistħajla jinvolvu
ruħhom fil-ġlieda kontra s-suldati ta’ Napuljun b’modi differenti.
Il-qari tax-xorti u l-preveġġenza
(motiv li jirrikorri matul ir-rumanz) min-naħa ta’ Tereza Diacono joffri tama
lil dak li jkun, imma jaħbi wkoll ħwejjeġ koroh. Narrattivament jinħoloq
interess fil-qarrej dwar dak li jista’ jseħħ.
F’din il-parti jitħaddem
mekkaniżmu narrattiv ieħor: il-flashforward,
jew il-ħarsa ’il quddiem: “Years later, Antonio would describe the twenty-one
months he spent in Messina...” (p. 186) Fiha nnifisha din hija ħarsa lura fiż-żmien,
imma mill-ġejjieni. Permezz ta’ din il-parti l-qarrej bħal jiġi aċċertat li
Antonio ma mietx wara li telaq lejn l-Eġittu ma’ Napuljun. Din hija wkoll parti
li tintrabat mal-aħbarijiet ħżiena li Giacomo jkun ġab miegħu dwar Dolomieu
ftit qabel. L-ispazji hawn huma Messina u l-Eġittu. Drofenik ma tinsa qatt
il-kumbinazzjonijiet tad-destin. Dolomieu jikteb bħal djarju waqt li jkun
il-ħabs f’Messina, xi ħaġa komuni għal min kien bniedem ta’ kultura.
Iż-żmien hu Jannar tal-1800. Hu
żmien ta’ eroj u tradituri. Imperia issa għandha 15-il sena u l-Franċiżi
jinsabu maqfulin fil-Belt Valletta waqt ir-rewwixta tal-Maltin li jintlaqtu
minn faqar kbir. Jasal ukoll il-15 ta’ Awwissu. Drofenik tiddokumenta l-4 ta’
Settembru meta l-Franċiżi ċedew. Custodia u Arnaud huma fost dawk li jifhmu li
l-Maltin ġew umiljati kemm mill-Franċiżi kif ukoll mill-Ingliżi. Jaslu
l-Ingliżi li anki huma ma jittrattawx tajjeb lill-Maltin. Naraw kif il-Maltin
minn dejjem għamlu mill-aħjar biex jadattaw għall-ħakmiet differenti, anki fuq
livelli differenti.
Mill-ġdid l-istorja mistħajla:
l-ambizzjoni ta’ Salvatore hija ikbar minn dik ta’ missieru għax jixtieq joħroġ
’il barra mill-Mediterran. Minkejja li Déodat imut, hu jħalli lil Antoin
f’idejn tajbin, Sir Joseph Banks. Hu hawn fejn naraw li “the world of
scientific research is above politics.” (p. 196) Tispikka l-imħabba ta’ Antoin
għall-botanika.
4.
Life During the English
Occupation
F’din il-parti naraw lil Malta
waqt perijodu storiku ġdid, il-ħakma tal-Ingliżi. Żgur li l-għażla ta’ Drofenik
tfakkar f’rumanz storiku bħalma huwa Taħt
Tliet Saltniet ta’ Ġużè Aquilina li ħareġ għall-ewwel darba fl-1938.
Bil-mod il-mod ir-rakkont jibda jdur iktar madwar il-ħajja ta’ Antonio u
Salvatore. Custodia, iz-zija ta’ Imperia u Salvatore, tirrappreżenta lill-mara
b’saħħitha bħala karattru, mhux dik dgħajfa u fil-bżonn (bħalma kienet Isabella
Diacono). Drofenik tintroduċi personaġġ ġdid: Martina Caruana. Salvatore
jiżżewweġ għat-tieni darba u dan iġib bidla fil-karattru tiegħu. Is-sena hija
l-1806 u x-xahar Jannar, li ftit wara jsir l-20 ta’ Lulju. Spiss il-mewt ta’
Isabella Diacono titqies bħala punt ta’ riferiment.
Amelia u l-baħar huma ż-żewġ
imħabbiet ta’ Giacomo Diacono, punt ta’ tluq u ta’ ritorn fl-istess waqt. Hemm
ukoll il-motiv tat-tifkira li taf tnissel hena u tbissima, imma anki
nostalġija: Arnaud u Custodia jiftakru fiż-żmien meta kienu f’Perugia. Mill-ġdid
Drofenik titfa’ dawl fuq x’jista’ jseħħ fil-ġejjieni, li mhu xejn sabiħ.
Niftakru fi kliem missier Amelia: “Il-Miktub magħmul” (p. 203). Tereża
titkellem ma’ binha Giacomo dwar ibnu Salvatore li issa sar marbut wisq ma’
Martina.
Il-mistenni-mhux mistenni jseħħ.
Drofenik taħsadna b’sentenza qasira imma effettiva: “Then there was chaos”,
f’nofs il-paġna. Isseħħ traġedja li tolqot il-Birgu u li tinfluwenza wkoll
il-ġejjieni ta’ Salvatore. Fi Drofenik nifhmu wkoll li l-bniedem hu sħiħ,
bil-qalb, bir-ruħ u bil-ġibdiet fiżiko-senswali tiegħu kollha. Mingħajr ma
l-ħaġa tingħad direttament, Salvatore jintlaqat fil-laħam il-ħaj minn din
it-traġedja; dak li kien imħabbar mill-karti jseħħ. Il-bidla kontinwa u anki
s-sorpriża huma b’hekk mekkaniżmi narrattivi oħrajn li jirrendu lil dan
ir-rumanz ħaj.
Jaħkmu f’dan il-waqt żewġ forzi:
fuq naħa, il-mibegħda ta’ Salvatore lejn l-Ingliżi li tiżdied; fuq l-oħra,
il-biża’ tal-Maltin minn Alla u s-superstizzjonijiet quddiem katakliżmi bħal dik
li seħħet fil-Birgu. F’dan il-każ il-vjaġġi fuq il-baħar iservu bħala duwa,
serħan mit-tbatija u tnessija ta’ dak li seħħ għal Salvatore. L-istess
Salvatore jemmen li ġibed fuqu l-korla t’Alla – Alla li jpatti - billi ħabb
ħafna lill-ewwel mara tiegħu.
Drofenik tintroduċi personaġġ
ġdid: Generosa Bugeja, it-tieni mara ta’ Salvatore, tfajla determinata.
Jitħaddem flashforward ieħor:
Drofenik tgħidilna li dan iż-żwieġ se jdum tmien snin. Jingħad ukoll li jikber
l-interess ta’ Imperia fil-flora Maltija li ssir botanista u etimoloġista, u
tiġi impjegata għal erba’ snin mill-Kulunell Ingliż Harry Clifford. Filwaqt li
Imperia titgħallem ħafna mill-bdiewa (li jiddependu mill-burdati tat-temp) u
mill-art, ħuha Salvatore jitgħallem ħafna mill-baħħara u mill-baħar.
L-interess fix-xjenzi (fosthom
fil-botanika) jgħaqqad Maltin, Ingliżi u Franċiżi flimkien. Intant Antonio
Bonnici jibda jaħdem mal-pittur botaniku Franżiċ Redouté. Il-botanika –
fis-seklu 19 kienet ingħatat importanza ewlenija lill-ġonna botaniċi - mela hija
wkoll interess komuni bejn Imperia u Antonio. Minn Pariġi Antonio jmur Londra,
u dan fir-rebbiegħa tal-1810. Isir jaf lil Sir Joseph Banks, bniedem b’interess
f’bosta oqsma bħall-botanika, l-ortikultura, l-arkeoloġija, l-arkitettura,
it-trobbija tal-bhejjem, il-politika, l-astronomija u s-saħħa tal-ħabsin
mibgħuta fil-kolonji. Anki jekk bogħod minn xulxin id-destin ilaqqa’ lil
Imperia u lil Antonio flimkien. Interessanti ferm huma d-dettalji li Drofenik
jirnexxilha tiġbor u tuża f’rabta ma’ oqsma tal-għerf differenti.
Intant il-qarrej jibqa’ l-ħin
kollu konxju taż-żmien għaddej: fi spazju ta’ ħames paġni jissemmew ix-xahar
ta’ Ġunju, iktar tard Jannar tal-1811, ftit linji wara jingħad li għadda Frar,
u aktar tard April. Jinbidlu l-ispazji: Pariġi, Londra, Wales, Malta. Matul dan
iż-żmien hemm min imut u jinfired darba għal dejjem minn dawk li jħobb
(Arnaud), u hemm min jiltaqa’ mill-ġdid mal-maħbub jew maħbuba tiegħu (Imperia
u Antonio). Iż-żwieġ bejn dawn tal-aħħar iservi bħala okkażjoni biex Imperia
taħrab mill-miżerja li kienet taħkem f’Malta u tmur tgħix barra.
Rakkont mistħajjel u fatti
storiċi jerġgħu jitħalltu flimkien: titwieled Victoria, bint Salvatore u
Generosa, imma Marzu tal-1813 iġib miegħu l-pesta li sa April 1814 toqtol eluf
ta’ nies fil-gżejjer Maltin u ġġib deżolazzjoni kbira fuq il-Port il-Kbir.
Salvatore jinħakem mill-biża’ li jħobb. Hemm
ukoll is-sopranatural: ruħ Martina tidher lil Salvatore fuq id-dgħajsa
’l bogħod minn Malta. Dehra bħal din hi twissija? U jekk twissija, f’rabta ma’
xiex? Il-Gvernatur Maitland iġib miegħu bosta regoli marbutin mal-indafa.
Il-BIDLA fil-ħakmiet tħalli bidla
kbira anki f’bosta Maltin, inkluż Pandolfu Mifsud li minn falkunier ta’ De
Rohan jispiċċa kennies sempliċi fil-Belt. Hija bidla li ġġib degradazzjoni.
Mill-ġdid is-saħħa tad-destin, kiefer ma’ xi wħud iktar minn ma’ oħrajn,
ladarba l-pesta ma tolqotx il-familja ta’ Pandolfu. F’moħħ Pandolfu kontra
l-ispazju magħluq tal-Belt hemm l-ispazji miftuħin tal-kampanja u l-ħamrija
Għawdxin. Il-Belt tintrabat ma’ poter, regoli u rigur fejn jidħol ħin, filwaqt
li r-raba’ toffri ħelsien, ħarba, ritorn għall-passat u għall-għeruq, u ħelsien
minn dak li jiddetta l-ħin.
Drofenik tagħti nifs ġdid
lir-rakkont billi torbot lil Salvatore Diacono ma’ Tomaso Frendo billi jidħlu
fi sħab u jixtru dgħajsa akbar. Anki hawn għandna bħal ħarsa ’l quddiem:
“Giacomo’s great fear that his son’s partnership with Tomaso Frendo would end
in disaster was to be confirmed in just twelve short months.” (p.244) Hawn
niftakru li dan hu wkoll rumanz dwar deċiżjonijiet li jittieħdu u l-konsegwenzi
li jġibu magħhom. Ir-regħba ta’ Salvatore u n-natura korrotta ta’ Tomaso
jitfgħu lil Salvatore fi sqaq. Id-data tat-13 ta’ Ġunju 1817 tibdel
kompletament id-destin ta’ Salvatore (l-ewwel ikkundannat għall-mewt u wara
ssentenzjat għal 14-il sena ħabs fil-kolonja ta’ New South Wales). Drofenik
tislet mill-Gazzetta tal-Gvern tal-11 u tat-22 ta’ Ottubru 1817 rigward
id-destin ta’ Salvatore, u dan jagħti lir-rumanz laqta verosimili tassew.
5.
Bound for New South Wales
Anki din il-parti tinqasam
f’taqsimiet differenti. Fi PREPARATIONS
FOR A JOURNEY... Drofenik tislet mill-ġurnal ta’ abbord tal-Kaptan Richard
Skinner (tal-vapur Dromedary) ,
bid-dati tal-15 ta’ Ġunju 1819, u aktar ’il quddiem 22 ta’ Awwissu. Anki dan
jagħti iktar sens ta’ verosimiljanza lir-rakkont mistħajjel.
L-ispazju hu l-Ingilterra, fuq
vapur ieħor (The Hulk) b’maġġoranza
ta’ ħabsin li jridu jiġu deportati lejn l-Awstralja. Personaġġ ġdid ieħor hu
t-tabib ta’ abbord, George Fairfowl. Huwa hawn fejn jibdew it-tbatijiet ta’
Salvatore Diacono (ta’ 33 sena), fosthom is-sogħba tiegħu li tefa’ dawl ikrah
fuq familtu u bintu stess.
Drofenik tiffoka fuq il-ħsus u
l-ħsibijiet ġewwiena ta’ Salvatore. Il-ħabsin Maltin Francesco Cauchi u Cataldo
Brancaleone se jservu ta’ kustodji għal Salvatore waqt dan il-perijodu ta’
kriżi personali kbira. Dan jiġi rifless b’xi mod jew ieħor fid-deskrizzjoni li
Drofenik tagħtina tal-miżerja li fiha jinsabu l-ħabsin u tal-qalb samma
tal-gwardjani. Jerġa’ jaħkem l-appell għas-sensi f’rabta mad-deskrizzjoni
tal-bniedem-annimal: “The early morning groans of a hundred and ninety men
cooped up in this hell hole mingled with their early morning farts and stomach
rumblings, so that the prison was filled with an indescribable stench which
would turn the stomach of any outsider. The prisoners were used to it now and
they slid from their hammocks scratching and stretching, yawning and
belching...” (p.261) Fuq dan il-vapur ħabs Salvatore jagħmel sena sħiħa
fl-umdità u f’kundizzjonijiet terribbli u miżerabbli. Tissemma wkoll il-problema
tas-sodomija fost il-gwardjani u l-ħabsin.
Personaġġ ġdid ieħor hija
l-ħabsija Eliza Mullins. Drofenik bħal tippreparana għan-nisġa narrattiva li se
toħloq f’din il-parti li tfakkarna fit-titlu tar-rumanz, Beloved Convict: dan tagħmlu billi tintroduċi żviluppi u
relazzjonijiet umani ġodda.
Ta’ min isemmi wkoll ir-rwol
tal-ilsien Malti li jservi bħala element ta’ għaqda, kuraġġ u sigurtà għal min
jinsab f’sitwazzjoni ddisprata fejn id-dixxiplina u l-liġi Ingliżi jkomplu
jħarrxuha. Anki hawn Salvatore jiltaqa’ mal-ispirtu ta’ Martina li jfakkru
fir-redenzjoni, kelma li tirrikorri spiss f’din il-parti.
Anki fl-aħħar ta’ din it-taqsima
Drofenik tixħet dawl fuq dak li se jseħħ aktar tard. Mill-ġdid id-destin. Anki
mossa jew ġest jistgħu jorbtu żewġ bnedmin li sa ftit qabel kienu stranġieri
għal xulxin.
It-taqsima THE JOURNEY tiftaħ bid-data tal-11 ta’ Settembru 1918: il-vapur li
fuq hemm Salvatore jitlaq mill-Ingilterra. Il-qarrej jista’ jħoss li hemm
nuqqas ta’ kjarezza fejn jidħlu dati, ladarba t-taqsima ta’ qabel din fetħet
bid-data ta’ sena wara, 15 ta’ Ġunju, 1819. Il-vjaġġ lejn NSW se jdum iktar
minn sena, imma fuq id-Dromedary d-destin bħal jitbissem lil Salvatore li
jkollu ħajja dinjituża. Huwa vjaġġ ikkaratterizzat ukoll mill-krudeltà
tal-frosta, mill-ħtieġa tad-dixxiplina u mill-biża’ kostanti mill-ammutinament.
Anki hawn insibu riferimenti
regolari għaż-żmien għaddej: “Thirteen days out of port...” (p. 283); “The
morning of Saturday September the 25th...” (p. 285)
Mill-ġdid l-appell għas-sens
tax-xamm: din id-darba riħa partikolari (“a familiar smell [...] the smell of
mouldy wheat.”, p. 285) tfakkar lil Salvatore fl-imgħoddi meta kien ibaħħar ma’
missieru. Il-mewt tissemma darbtejn fi spazju ta’ ftit linji: Drofenik tibni
ċertu sens ta’ stennija u wieħed jistaqsi x’se jseħħ daqt?
F’rabta mal-motiv tar-redenzjoni,
Salvatore jitgħallem jagħmel l-iktar xogħlijiet degradanti u fl-istess ħin
umani. Imut ħabsi minħabba kundizzjoni fiżika dgħajfa u jsir il-funeral fuq
il-baħar. Mill-ġdid naqraw il-ħsus u l-ħsibijiet ta’ Salvatore li minħabba
t-tbatija ta’ xogħlu jiftakar fi kliem marbut mal-passjoni ta’ Kristu, kliem
ġej mill-imgħoddi. Jikteb saħansitra ittra lil oħtu fejn jiftakar fl-imgħoddi
li tilef. Joħroġ il-fatt li hu bniedem ta’ skola u jispiċċa l-ittra bi kliem
Dante mill-kantika tal-Infern: “Leave
all hope behind all ye who enter.” (p. 290) Bħala parti mill-proċess
tar-redenzjoni naraw lil Salvatore jdewwi lil ħabsi li jkun għadu kemm qala’
daqqiet ta’ frosta, jempatizza mat-tbatija tal-ħabsin madwaru, imma anki
jistaqsi fis-skiet għadd ta’ mistoqsijiet: “Why does God let all this injustice
happen? Why? But why think about God? There is no God...” (p. 293)
Dan kollu huwa parti minn
mekkaniżmu narrattiv ieħor li jġiegħel lill-qarrej iħoss it-tul tal-vjaġġ li
jħalli s-sinjali tiegħu fuq il-passiġġieri u l-ħabsin, kemm psikoloġikament kif
ukoll fiżikament. Hu vjaġġ li matulu Salvatore jitgħallem ħafna mit-tabib
Fairfowl, u li waqtu wkoll jiddi raġġ ta’ dawl: it-twelid ta’ tarbija.
Salvatore jitgħallem ukoll jikkontrolla r-rabja tiegħu wara kull provokazzjoni.
Hemm ukoll ironija qawwija: anki
jekk id-destin ta’ Salvatore hu kiefer, hemm ukoll l-aspetti pożittivi, fosthom
il-ftuħ ta’ twieqi fuq spazji ġodda u differenti miċ-ċokon tal-gżejjer Maltin.
Intant, il-ktieb tal-botanika ta’ Fairfowl iservi bħala serħan mit-tbatija għal
Salvatore li jara ċertu faxxinu fl-istess ismijiet botaniċi. Dan il-ktieb hu
anki ħolqa mal-passat u ma’ oħtu u Antonio,
fl-istess ħin jgħin lil Salvatore ma jħossux barrani hekk kif jasal
f’post ġdid bħal New Holland, u jġiegħlu jifhem bosta affarijiet.
Aktar dati: il-11 ta’ Jannar
1820, wasla fl-Awstralja; il-21 ta’ Jannar, id-Dromedary jitlaq lejn it-Tramuntana.
Il-baħar jorbot imgħoddi ma’ preżent. Salvatore jistaqsi jekk dan l-element
naturali hux se jerġa’ jfejqu mill-ġdid, f’waqt meta d-disperazzjoni ġewwiena
qed tifnieh. Huwa hawn fejn Salvatore – ’il bogħod minn art twelidu u minn min
ħabbu – isib il-kenn mhux fi kliem il-fidi imma fi kliem ix-xjenza,
il-Botanika. Ironikament però, juża sistema li tgħallem mingħand qassis, Dun
Joseph Vella, biex iqiegħed il-kliem f’ordni.
Fit-taqsima JOURNEY’S END il-vapur li fuqu qiegħed Salvatore jasal fid-destinazzjoni,
Botany Bay. Ta’ min jinnota li hemm rabta bejn isem din il-bajja u l-qasam
xjentifiku li miegħu tħabbeb l-istess Salvatore. Din ir-rabta bħal isserraħ ras
dan tal-aħħar. Id-data eżatta hija t-28 ta’ Jannar 1820. Salvatore jifhem li
dik tiegħu se tkun sitwazzjoni fejn jekk iġib ruħu sew għandu jgħix ħajja
deċenti u mhux ta’ skjav kif ħaseb. Hawn hemm rispett uman anki lejn il-ħabsin.
Drofenik tislet mill-ġurnal
tal-Gvernatur Lachlan Macquarie, bid-data tat-28 ta’ Jannar, 1820. Dan hu
bniedem favur l-emanċipazzjoni (mhux l-esplojtazzjoni) tal-ħabsin u jemmen
fil-politika li l-Awstralja għandha tinbidel minn ħabs għal kolonja.
Min-naħa tagħha, Eliża Mullins
tiġġieled biex tibqa’ ħajja: hemm l-idea tal-verġinità mitlufa bħala prezz
għall-protezzjoni.
Drofenik toħodna lura Malta
fit-taqsima IMPERIA. Imperia
tirċievi ittra mingħand ħuha xhur wara li jkun kitibha. Ftit aktar tard naqraw
li jkunu għaddew sentejn u nofs minn jum l-esekuzzjoni. Toħroġ għad-dawl
ir-rabja ta’ Giacomo, missier, lejn ibnu Salvatore. Hawn naqraw dwar x’seħħ
f’Malta wara t-tluq ta’ Salvatore, mela strutturalment għandna flashback. Huwa Antonio dak li jifhem
liema hi l-vera sitwazzjoni li fiha jinsab iben Giacomo. Imperia tiftakar
il-jum meta Salvatore tela’ fuq il-patibolu. Naqraw deskrizzjoni ħajja
tat-tradizzjoni tal-purċissjoni wara l-ikkundannat f’jum l-esekuzzjoni.
Minħabba dan Imperia u Antonio jaħarbu mit-tqasqis u d-djuq tal-gżejjer Maltin
f’Pariġi.
Iż-żmien ikompli jimxi: jgħaddu
tliet snin f’Pariġi. Mill-ġdid it-tema tad-destin: hemm possibiltà li Imperia
tmur fuq spedizzjoni fi NSW u b’hekk tiltaqa’ ma’ ħuha. Jgħaddu sentejn ta’
preparazzjoni għal din l-ispedizzjoni. Jasal l-1826: spedizzjoni ta’ xjentisti
varji – esperti fil-botanika, astronomija, ġeoloġija u ornitoloġija – tasal
fl-Awstralja. Ikunu għaddew tmien snin minn mindu Salvatore wasal fuq dan
il-kontinent. Tinħass it-tbatija wara l-isbuħija tal-wiċċ ta’ belt bħal Sydney.
Imperia hi determinata li ssib lil ħuha Salvatore. Naqraw li d-destin reġa’
laqqa’ lil Salvatore u Eliza Mullins, imma għalissa l-qarrej ma jafx kif seħħ
dan. Dan insiru nafu bih ftit paġni aktar ’il quddiem. Isseħħ il-laqgħa bejn
l-aħwa Imperia u Salvatore li ddum jumejn. Jispikka s-sens ta’ distakk li
Salvatore – li għażel li jibda ħajja ġdida fl-Awstralja u li issa hu missier
ta’ tifel u tifla - iħoss bejnu u bejn ta’ madwaru malli jara lil oħtu Imperia
f’daru wara tant snin.
Drofenik ma tinqata’ qatt
mill-passaġġ taż-żmien. F’Salvatore hemm sens ta’ stennija: “until my Ticket of
Freedom comes through in another five years.” (p. 340) L-emanċipazzjoni taħkem
fuq din il-gżira kontinent, kontra ċerta mentalità magħluqa u limitata fuq
il-gżejjer Maltin: il-fatt li James, iben Salvatore, għandu kunjom Eliza
jirrifletti kemm Salvatore jirrispettaha. Huma l-pjanti u l-fjuri li Salvatore
għandu fil-ġnien li jqarrbu lill-aħwa iktar lejn xulxin. Issa Imperia tifhem li
Salvatore ma kienx gidbilha dwar il-ktieb tal-botanika li kien semmielha
fl-ittra.
Il-Malti jgħid, “Kull deni ħudu
b’ġid”. L-14-il sena ħabs u eżilju jgħinu lil Salvatore jiskopri dak it-tajjeb
li kien hemm fih meta kien miżżewweġ lil Martina.
Drofenik tintroduċi ċertu
paralleliżmu bejn il-bidu u t-tmiem tar-rumanz f’dawn l-aħħar paġni tiegħu:
żewġ qassisin (Joseph Vella fil-bidu, u John Therry issa) jiktbu fid-djarju
tagħhom. Joseph Vella kien kiteb dwar Amelia Bonnici, u issa John Therry jikteb
dwar iż-żjara ta’ Antonio u Imperia Bonnici fid-dar ta’ Salvatore. Bonnici u
Diacono huma żewġ kunjomijiet li jinkitbu qrib xulxin fi djarji differenti,
imma li jorbtu flimkien żminijiet u spazji distanti ferm. Huwa fl-ispazju bejn
dawn iż-żewġ estremi li Drofenik tibni u tagħti ħajja lir-rakkont tagħha.
6.
L-Epilogu
Din l-aħħar parti tiftaħ bid-data
tal-20 ta’ Ottubru, imma s-sena ma tingħadx. Li hu żgur hu li għadda bosta
żmien: Salvatore għandu xagħru griż u tissemma l-magħmudija tar-raba’ neputi
tiegħu u ta’ Eliza. Eliza hija mara oħra b’saħħitha fil-lista ta’ nisa ta’ dan
it-tip li toħloq Drofenik. Malta tinħass ’il bogħod fiż-żmien u fl-ispazju,
imma jinħass ukoll li kollox jinsab f’postu, inkluż id-destin.
Jerġgħu jissemmew il-pjanti. Hemm
xi ħaġa maġika fihom li twassal għar-redenzjoni ta’ Salvatore: “How forgiving
nature is! [...] That was when he started forgiving himself.” (p. 347)
Salvatore jiftakar fi kliem l-ispirtu ta’ Martina bosta snin qabel: “Your
redemption will come and you will find it on this ship.” (pp. 274 u 347)
Salvatore jifhem li kienet qed tirreferi għall-ktieb tal-botanika; jew forsi
anki għal Eliza Mullins?
Drofenik terġa’ tirrikorri
għall-motiv tal-ħolma. Salvatore joħlom li qiegħed fi vjaġġ u nifhmu li
d-destinazzjoni hija Malta. Din hija ħolma utopistika fejn dawk kollha li ħabb
u ħabbewh jerġgħu kollha flimkien. Fil-ħolma Salvatore jsib il-paċi, saħansitra
ma’ ommu Isabella li kienet mietet b’mod misterjuż meta kien għadu tifel.
Drofenik tenfasizza li minn dak li għall-bidu jidher ħażin, jista’ jitwieled
it-tajjeb ukoll.
Il-mewt ta’ Salvatore titwassal
lill-qarrej b’sens kbir ta’ paċi u kalma. Jitħaddem l-ewfemiżmu meta naqraw li
Eliza “knew straight away that he had left them while they were away.” (p. 350)
Ftit wara naqraw ukoll kliem Eliza lil
Salvatore: “You should have waited. Go in peace Salvator, my beloved convict,
my darling.” L-imħabba taf tirbaħ kull dlam. Dan iseħħ fl-istess jum
tal-magħmudija ta’ Sam – neputi ta’ Salvatore: mewt u twelid jintrabtu flimkien.
L-20 ta’ Ottubru jaħbat ukoll l-anniversarju ta’ meta Salvatore kellu jiġi
mgħallaq, imma minflok fl-aħħar waqt ġie deċiż li jintbagħad fl-Awstralja,
mifhuma bħala nazzjon ġdid li joffri t-tieni opportunità lil
min żbalja, mela twelid mill-ġdid. Dan ta’ Salvatore huwa l-vjaġġ aħħari.
It-tmiem jinsisti fuq rabta li tmur lil hinn mill-fiżiku bejn Imperia (li minn
Malta tħoss li seħħet xi ħaġa lil ħuha) u Salvatore. Hi wkoll rabta li tmur lil
hinn mil-limiti taż-żmien.
Il-paġna finali hija mill-ġdid
fil-korsiv fejn tikteb Drofenik stess, mela hi parti li torbot mal-bidu
tar-rumanz. Drofenik hawn tammetti li l-proċess tal-kitba ta’ dan ir-rakkont ma
kienx faċli: ried żmien u ħafna vvjaġġjar bejn Malta u l-Awstralja, żewġ
gżejjer tant imbegħdin u differenti minn xulxin. Iżda kollox juri li l-ħajja
sabiħ tgħixha minkejja l-iebes tagħha. Il-kitba ta’ dan ir-rumanz u l-istorja
ta’ Salvatore Diacono (personaġġ bejn reali u bejn mistħajjel) toffri serħan u
paċi anki lil Drofenik stess. Fir-rakkont tagħha hemm elementi differenti
bħall-poeżija, ir-romantiku, l-avventuruż, id-dokument storiku,
l-introspezzjoni, u ħafna iktar.
Dan kollu juri li dawk ta’ Drofenik
huma rumanzi li jħallu lill-qarrej b’togħma tajba, imissulu l-ibgħad irkejjen
ta’ qalbu u ruħu. Wieħed jifhem ukoll li huma xogħlijiet narrattivi mibnijin u
miktubin b’sengħa kbira.
Patrick Sammut (Ġunju 2014)
No comments:
Post a Comment