Din hija t-tieni ġabra ta’ rakkonti ta’ Alfred Massa. Din id-darba għandna
21 rakkont li kif jikteb Massa fid-Daħla tal-ktieb inkitbu fuq medda ta’ madwar
40 sena u aktar. B’danakollu s-suġġetti
trattati jistgħu jitqiesu kollha bħala kontemporanji, fosthom l-adulterju,
l-imħabba lejn l-annimali, il-familja, is-sopranatural, l-inġustizzji, il-mard,
it-tradizzjonijiet lokali, il-problemi tal-anzjani, ilsien in-nies, u oħrajn.
F’dawn in-novelli Massa jagħti stampa tal-ħajja Maltija tul dawn l-aħħar 40
sena. Fl-istess ħin jikxef ċerti
nuqqasijiet li jeżistu fostna bil-għan li l-poplu tagħna jsir konxu tagħhom u
jipprova jirranġahom.
L-ewwel rakkont iġib l-isem ta’ Il-Ħarba:
niltqgħu ma’ Pluto u Fido, żewġt iklieb li jiġu umanizzati billi jingħataw
il-kapaċità li jitkellmu. Fuq in-naħa l-oħra, Bendu, sid ir-razzett, ikellem
lill-annimali tiegħu. Il-klieb ifittxu l-ħelsien. Hemm imbagħad il-bniedem kiefer
li jiġi deumanizzat, anki għax jobgħod lill-annimali. Ir-rakkont ilaqqagħna ma’
waqtiet ta’ niket imma t-tmien huwa pożittiv.
It-Tfajla ta’ Wara t-Tieqa hu rakkont li joħodna lura għas-snin
erbgħin. Din hi kitba b’xejriet awtobijografiċi, ambjentata f’raħal twelid
l-awtur, Ħal Tarxien. Massa jikteb dwar l-ewwel tqarbina, il-logħob tat-tfal
fl-imgħoddi, u l-funeral għaddej mit-triq. Din hija storja li tibda b’togħma
tajba imma taħsad fl-aħħar. Massa jurina li l-problemi fost il-bnedmin ilhom
jeżistu u ma twildux il-bieraħ.
Ħal Tarxien, bil-festa tal-Annunzata, jerġa’ fir-rakkont L-Imqass li huwa dwar tiġrib
kuntrastanti bħal ħbiberiji antiki, il-ferħ li ġġib magħha tarbija ġdida, imma
anki dwar mard, esperjenzi li jibdlu ħolma sabiħa fi ħmar il-lejl, u ġenn
tal-moħħ. Minkejja dan hemm ukoll l-idea li d-destin ma jerfax biss ħwejjeġ
koroh imma anki ħwejjeġ pożittivi mhux mistennija.
Meta Tkellem il-Lejl hija dwar relazzjoni
extra-konjugali, l-ipokrisija bejn
il-miżżewġin, u l-uġigħ li jitnissel fost il-membri tal-familja.
Lingwistikament Massa jħobb juża spiss il-qwiel li hawn jintrabtu mal-mixja
tal-istaġuni matul is-sena. Din id-darba naqraw ukoll dwar ġlieda interna li
għaddejja f’ras wieħed mill-personaġġi, Edwin. Anki hawn it-tmiem mhux
mistenni: il-bniedem dgħajjef jaf imur lura għat-triq id-dritta anki minħabba
forzi mistoħbija u misterjużi.
Anki Riħa ta’ Kriżantemi hi dwar
in-nuqqas ta’ fiduċja, l-egoiżmu, l-għira, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, u
l-ġlied bejn il-miżżewġin. Dawn kollha jistgħu jwasslu għall-qtil. Min-naħa
l-oħra hemm min jagħżel li jissagrifika ruħu għal ħaddieħor biex jinħeba l-veru
responsabbli wara delitt. Din hi dwar tiġrib differenti bħall-mewt tal-imħabba,
il-mard, id-delitt, il-ħabs, il-ġenn u l-manikomju, il-ħtija u tmiem il-ħajja
minħabba d-disperazzjoni. Rakkont simili – li jittratta wkoll l-abbuż sesswali,
l-għażla tal-ħajja minflok l-abort, il-paċi minflok il-konfrontazzjoni - huwa Ġolinu li jitlaq minn laqgħa bejn
in-narratur u xwejjaħ fuq karozza tal-linja.
Fi Kwadri Massa jagħtina
t-tagħrif ftit ftit biex bil-mod il-mod naslu għall-istampa sħiħa, imma dan
mhux mingħajr ma qabel nistaqsu bosta mistoqsijiet. Hawn naqraw dwar il-mara
nieqsa mill-karezzi, ir-raġel mifni mix-xogħol u t-tbatija psikoloġika u
emozzjonali li jgħaddu minnha wlied ġenituri mifrudin. Fl-aħħar nett però tasal
il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Illużjoni jew Massa ħalliem? Ta’ min jinnota
hawn li l-istess binja tar-rakkont tintrabat mal-kunċett tal-erba’
kwadri-staġuni.
Dan jintrabat mar-rakkont Il-Pittura
li hija dwar il-kumplessità tan-natura tal-bniedem. Franco huwa iben, għalliem,
pittur, qassis, u raġel bil-ħsus u l-ġibdiet tiegħu. Hawn niltaqgħu mal-frażi,
“Qed naqra li xejn ma jżomm il-pjan t’Alla milli jseħħ.” Din tmiss tema
ewlenija fin-narrattiva ta’ Massa: id-Destin. Kontra din il-forza l-bniedem ma
jista’ jagħmel xejn. L-istess tema terġa’ tispikka fir-rakkont Ir-Raġel li Tela’ mill-Baħar. Il-baħar
jerġa’ jispikka f’Ir-Raġel tal-Baħar.
Massa jibda billi jittratta t-temi soċjali li tintrabat mal-bidliet li
l-progress – imqabbel ma’ ħalliel - iġib miegħu anki fuq imkejjen mill-isbaħ
bħalma huma r-raħal ta’ Marsaxlokk, imqabbel ma’ “tfajla ħelwa għax hu mżejna
bi ġmiel naturali; sabiħa fis-sempliċità tagħha.” Huwa b’saħħtu l-aspett
deskrittiv fejn il-kelma-kitba takkwista mill-karatteristiċi tar-ritratt. Il-protagonist
hawn hu sempliċi sajjied, imma bniedem b’ħażna ta’ esperjenzi interessanti li
jfisser lilu nnifsu permezz tal-elementi naturali bħalma huma l-baħar,
ir-riefnu u l-mewġ. Permezz tad-djalogu bejn in-narratur u s-sajjied xiħ Massa
jagħti leħen li min hu “fommu sieket” u umli, filwaqt li jurina li “l-għerf ma
jiġix biss mill-kotba, iżda wkoll minn għejun oħra tal-ħajja.”
Il-figura tax-xiħ terġa’ anki f’Silwett
ta’ Xjuħija fejn Massa jittratta aspetti bħalma huma s-sens ta’ abbandun u
solitudni, id-dimensja u l-memorja li tmajna. Din hija kitba li tmiss qalb il-qarrej
u tfakkar li x-xjuħ jeħtieġu kumpanija, apprezzament, rispett u mħabba.
Laura għandha mil-letteratura gotika.
Il-maltempata, is-sajjetti u l-kesħa jħabbru inċident li jseħħ ftit wara.
Il-pupa taċ-ċraret, ir-raġuni wara dan l-inċident, tieħu post mara tad-demm u
l-laħam. Nifhmu li paradossalment fil-mewt hemm il-ħajja ta’ dejjem, filwaqt li
min jibqa’ ħaj qiegħed dejjem f’periklu, imma min miet le. Huwa hawn fejn Massa
jidħol fl-irkejjen moħbija tal-moħħ fejn hemm mistur ġenn il-bniedem. Il-biża’
u l-preżenza ta’ forzi sopranaturali jerġgħu f’Id-Dar tal-Iljuni, li tieħu l-etiketta ta’ “dar tal-fatati”. Il-misteru
wara din id-dar huwa l-ġisem moħbi ta’ mara midfuna ħajja snin qabel.
F’It-Tliet Uċuħ ta’ Isabella jinbidlu
l-vuċi narranti u l-ispazju minn parti għall-oħra tar-rakkont. Anki hawn bħal
f’Il-Pittura nassistu għall-ġlieda
bejn ir-ruħ-vokazzjoni fuq naħa u l-ġisem-passjonijiet fuq l-oħra. Anki hawn
hemm min iwarrab il-vokazzjoni biex iħaddan iż-żwieġ, flimkien mat-tema
tad-Destin, li jġib miegħu nuqqas ta’ raġunar, tqala mhix mistennija, djun
familjari u żwieġ impost li jfalli, ladarba “L-imħabba tiġi mis-Sema.”
F’dawn ir-rakkonti Massa jippreżentalna t-“tertuqa tal-ħajja” ta’ għadd ta’
personaġġi li faċilment jistgħu jkunu aħna stess. Nisġet il-Ħajja jiġbor fih kitbiet neqsin minn kull oxxenità li dan
l-aħħar spiss qed isservi bħala kożmetika biex tiġbed iktar qarrejja. Fil-kitba
ta’ Massa hemm stedina u tfakkira biex il-bniedem jirrispetta u jħobb lil ta’
madwaru bla ma jinsa li l-ħajja mhix biss ward u żahar, anzi mimlija tbatija,
uġigħat, delużjonijiet u l-bqija. Iżda kontra dan hemm is-saħħa tal-bniedem
umli u t-twemmin. Nispiċċa b’dawn
ir-referenzi testwali, meħudin minn Ir-Raġel
tal-Baħar: “Il-ħajja kollha kemm hi iebsa […] B’danakollu, il-bniedem jidra
anki t-tbatija.”; u “kultant fil-ħajja tant jiġru ħwejjeġ li jġagħluk tieqaf,
tirrifletti u tagħmel diversi mistoqsijiet lilek innifsek, mistoqsijiet li
għalihom ma ssibx tweġibiet sodisfaċenti.” Dan hu l-istess effett li jħallu
r-rakkonti ta’ Massa fuq il-qarrej.
Patrick Sammut
No comments:
Post a Comment