Sunday, June 5, 2016

XBIHAT FUQ IT-TILA ta’ Salv Sammut, Horizons 2015.

Kumment dwar erba’ minn din il-ġabra ta' Salv Sammut:

Għall-Imħabba ta’ Farfett, miktuba fl-1968, hija ħrafa magħmula minn kliem sempliċi, xbihat naturali u mill-isbaħ, b’ritmu mexxej li għandu wkoll mill-perennità tal-ħwejjeġ li jibqgħu u miċ-ċiklu naturali. Hawn Sammut jikteb dwar is-sagrifiċċju, id-determinazzjoni u l-imħabba, imma anki dwar l-arti li kapaċi tirrendi eterna l-isbuħija naturali, anki tal-ħlejjaq ċkejknin. Il-kobor tal-misteru naturali jitpoġġa f’kuntrast maċ-ċokon ta’ ħlejjaq bħall-fjura u l-farfett.

Mit-Taqlib tal-Imgħoddi – miktub fl-1969 - hi rakkont li jinqasam f’partijiet differenti. Il-bidu jiftaħ b’similitudni mill-isbaħ – “Qatra ilma oħra waqgħet mill-vit ġewwa l-barmil, l-istess bħalma l-jiem tal-ħajja jqattru jum wara ieħor fis-satal fond u wiesa’ tal-umanità.” (p. 11) -, parti minn silta riflessiva, u l-azzjoni titqiegħd fil-preżent. Il-protagonist hu xiħ li tilef saħħtu u jgħix waħdu. Jaħkem sens ta’ telqa f’daru, filwaqt li fir-reġistru lessikali li jintuża hemm l-idea semantika tat-tila-tpinġija li torbot mat-titlu tal-ktieb preżenti: “kwadru mmejjel”, “għeb u ddellek fiż-żlieġa tal-imgħoddi.” (p. 13) Xbieha oħra hija l-ftuħ tal-kexxun u t-tiftix fih li jitqabblu ma’ min qed jiftaħ taqsima fil-memorja biex jerġa’ jagħti d-dawl lil ħwejjeġ li ilhom li ntesew. Il-bqija tar-rakkont jalterna bejn azzjoni fil-preżent u fl-imgħoddi (il-flashback), biċ-ċurkett tar-ramm li jorbot flimkien iż-żewġ żminijiet – imma anki l-partijiet differenti tar-rakkont - mifrudin b’ħamsin sena. Dawk li xi darba kienu namrati żgħażagħ jerġgħu jiltaqgħu ħamsin sena wara. It-ton ġenerali hu malinkoniku u fost it-temi ttrattati hemm l-għarfien tax-xejn tal-bniedem.

Anki r-rakkont Ħitan tas-Sejjieħ – miktub fl-1970 - jiftaħ bi xbieha sabiha: “L-istess bħall-mewġ tal-eżistenza li jħabbat u jimla l-ħofor ta’ ruħ il-bniedem. Ma jehda qatt u ma jagħti ebda nifs li wieħed jistejqer bejn mewġa u oħra.” (p. 35) Anki hawn il-motiv taż-żmien li jxejjen lil-bniedem: “X’ħerba jaf jagħmel iż-żmien! U kemm hu ikrah il-fdal li jħalli warajh!” (p. 37) Dan ta’ Sammut hu rakkont li jimxi bejn realiżmu u viżjoni pessimistika tal-ħajja.


F’Jum Ikħal tas-Sajf – anki dan miktub fl-1970 - hu rakkont li jiżvolġi bejn żewġ poli opposti u estremi: it-tfulija fuq naħa u l-ħarifa fuq l-oħra, l-innoċenza fuq naħa u s-sess adult fuq l-oħra.  Hemm bosta analoġiji bejn iċ-ċiklu naturali u t-tiġrib tal-ħajja. Il-protagonisti din id-darba huma tfal mhux xjuħ. Ritmikament jinħass li Sammut irid iwassal lejn xi ħaġa li taħsad. Hawn naqraw dwar inizzjazzjoni, dwar il-waqgħa fid-dnub u t-telfa tal-innoċenza. Anki hawn is-sess jintrabat ma’ waqtiet donnhom misruqin u li wara tmiemu jħalli sens ta’ vojt. Mela hawn is-sess jinftiehem bħal dak li jikkomplika s-sitwazzjoni; fl-istess ħin jagħti lit-tifel/tfajla sens ta’ viżjoni li qabel ma kellhomx, u dan mhux vantaġġ. L-idea hi li wara kollox l-iskoperta tal-adultezza ma ġġibx magħha la ferħ u lanqas pjaċir. 

PATRICK SAMMUT

No comments:

Post a Comment