Mal-Ħmura tax-Xefaq huwa ktieb li jiġbor fih 200 poeżija li
din id-darba Bezzina kiteb bejn l-2011 u l-2014. Nifhmu mill-ewwel li dik
tiegħu bħala poeta hija pożizzjoni privileġġjata li minnha kapaċi jara u
jġarrab eserjenzi li mhux kulħadd kapaċi jesperjenza.
Dwar l-aspett TEMATIKU:
Charles Bezzina jżomm il-firxa
ta’ temi li ttratta f’antoloġiji poetiċi imgħoddija. Fost dawn tirrikorri dik
tal-imħabba. Din tispikka f’poeżiji
bħal Tajtni x’nifhem (fejn il-poeta
jesprimi x-xewqa u jfittex l-imħabba); Meta
tiġi (fejn l-imħabba hija mifhuma bħala possibiltà futura imma anki bħala
esperjenza tal-imgħoddi); Ġo xagħrek (fejn
l-“int” jintrabat ma’ elementi ħafna ikbar minnu, dawk naturali); Nixtieq (fejn l-imħabba teżisti biss
fid-dimensjoni tax-xewqat u hija mgħollija fuq pedestall); u F’għajnejk qed nara (fejn f’għajnejn
il-maħbuba hemm il-kobor u l-misteri tal-infinit). F’Konna mmorru fuq ix-xtajta hija maħkuma minn sens qawwi ta’
nostalġija: niftakru li l-ħwejjeġ sbieħ u sitwazzjonijiet ideali ma jdumux, u
jasal żmien ieħor meta posthom joħodulhom il-baħħ: “Waqfet tfewwaħ qajla
ż-żiffa,/ u xewqatna ġew fix-xejn,/ morna għal rasna bla tkellimna,/ kellna
l-baħħ ġo qalbna t-tnejn.” (p. 227)
Fil-versi ta’ Bezzina naqraw ukoll
dwar il-kuntrast bejn iċ-ċokon tal-‘jien’-bniedem fuq naħa, u l-kobor tal-forzi
tal-makrokożmu fuq l-oħra. Hekk f’Int
ħadtni u ħallejtni wieħed jistaqsi min hu l-“int” li jindirizza l-poeta?
Dan huwa dak l-ispirtu li bħal donnu qabad lill-bniedem u tefgħu jimraħ waħdu
fost elementi naturali bħalma huma l-wied, l-għoljiet, ir-riħ, il-boskijiet,
is-sisien u l-baħar. F’Xi jkun ir-riħ
iwissi mikro- (it-tajr) u makrokożmu (il-kwiekeb u r-riħ) inisslu sens ta’
stagħġib u għadd ta’ mistoqsijiet fil-poeta.
F’Irrid ix-xbieha tal-ilma tesprimi anki l-bżonn li l-poeta (mela
l-“jien”) isaffi lilu nnifsu u jiġġedded. Drabi oħra Bezzina jsib kenn fil-fidi
bħalma naraw fi Trankwilla l-vuċi tiegħek,
fejn il-vuċi li jikteb dwarha “taf tixgħelli xemgħa f’dalma kbira”, “tkenninni
mill-irjieħ mgħaddbin, sfrenati,/ u tgħinni ngħum fil-ħalel bla ma negħreq”,
jew “iġġibli s-sliem, il-kalma f’moħħi u f’qalbi,/ it-tama tal-ġejjien, is-serħ
ta’ ruħi”. Din il-vuċi li jisma’ l-poeta tista’ tkun saħansitra dik tal-baħar.
U dan jerġa’ jorbot mal-fatt li l-poeta hu bniedem sensittiv u li jinterjorizza
dak kollu li hemm madwaru, u huwa attent għall-ħsejjes, taħbit u lħna tal-elementi
naturali. It-twemmin bħala tema jerġa’ jinħass f’Nixtieq illi nitkisser, fejn naqraw dwar ix-xewqa tal-poeta-bniedem
li jinbena mill-ġdid b’moħħ, ruħ u sensi aktar qawwija u sensibbli biex ikun
jista’ jġarrab aħjar lil Alla: “Agħtini fl-aħħar sensi/ wisq iżjed qawwijin,/
ħa ngħum fil-kobor tiegħek,/ fi ġmielek, dawl divin.” (p. 222)
Is-solitudni hija motiv ieħor li jirrikorri fil-versi ta’ Bezzina. Din
tinftiehem bħala kenn kontra t-tiġrib li jista’ jinqala’ f’poeżija bħal Fittex idħol u mur staħba. Fil-poeżija Tajra Bezzina jikteb, “Jien tajra illi
nqtajt minn qatgħa kbira”, anki biex ikun jista’ josserva id-dinja umana minn
ċerta distanza. Il-“jien” u l-baħar isiru ħaġa waħda f’Illejla jien u l-baħar billi jinħabbu f’solitudni, bla ma jwarrbu
l-għarfien li dik tagħhom – “id-diq li jifni qalbna”, “l-uġigħ tagħna”,
“l-ħtijiet kollha”- hija sitwazzjoni eżistenzjali xejn ħafifa. Dan b’xi mod
jintrabat mar-relazzjoni bejn il-poeta u
l-bqija tan-nies madwaru li naqraw dwarha f’poeżiji bħal Il-buffu u Buffu. Bezzina jikteb, “ninħeba taħt il-maskra kbira tiegħi,/ bla
nuri ’l ħadd u ’l ħadd tassew min jien” (p. 90). Nifhmu li wara l-maskra li
ddaħħaq hemm bniedem sensittiv bl-uġigħ u bl-imrar kollu tiegħu. Nifhmu wkoll
li n-nies tinġibed lejn il-maskra għax taljena u ddaħħaq, mhux lejn dak li hemm
taħtha, u dan ikompli jżid fis-solitudni tal-poeta. F’versi bħal Buffu niftakru wkoll li dak li jagħmel
Bezzina hu li jberraħ permezz tal-versi dak kollu li jħoss matul waqtiet
differenti. Huwa hawn fejn jilħaq livelli universali ladarba dak li jikteb
dwaru mhux biss frott tiġrib personali-individwali imma jsir rifless ta’ dak li
jġarrab il-bniedem in ġenerali. Proprju għalhekk spiss Bezzina jħaddem l-“aħna”
bħala persuna grammatikali – ara l-poeżija Mewġiet
ilkoll kemm aħna.
Anki Weġgħa hija poeżija ħierġa direttament mill-qalb u li b’xi mod jew
ieħor tiddeskrivi l-“essenza” ta’ Charles Bezzina bħala bniedem u poeta: “Ġewwa
jdejk nitlaqlek weġgħa,/ nagħtihielek bla ma tfuħ,/ fiha l-ġmied ta’ qalb
mifnija,/ fiha l-krib, il-fwar tad-dmugħ.”
Dak li jagħmel Bezzina fil-versi
tiegħu huwa wkoll vjaġġ. F’Għarrfuni jikteb, “il-weraq ta’ fdal
ħajti/ qed jaqa’ xott, midbiel./ […] b’dankollu għadni nwerrek,/ inkaxkar, ma
nċedix.” (p. 62) Il-poeta li qed jara li ż-żmien ma jistenna lil ħadd iħoss li
xi darba t-triq trid tintemm anki għalih. Madankollu jsostni li mhux biħsiebu
jċedi u dan anki bis-saħħa tal-poeżija. Il-ħajja - mit-tfulija sax-xjuħija - u
l-qosor tagħha jiġu ttrattati fi Tfal
aħna: hawn ir-ritmu mexxej tal-vers imħaddem (is-settenarji) jirrifletti
l-ħeffa li biha tgħaddi l-ħajja.
It-tifkira u ż-żmien sabiħ
tat-tfulija (issimbolizzat mill-“baħar sielem”) kontra l-għarfien li ż-żmien
jgħaddi u kollox jitbiddel (il-“baħar tqawwa” u “t-tifel m’għadux aktar,
tbiddel sewwa”) jidhru f’U meta konna
ċkejkna u Qaluli nerġa’ lura rispettivament.
L-istaġun tal-ħarifa jerġa’ f’Ħarifa la tgħaddix: hawn dan l-istaġun, flimkien mal-baħar, jgħinu
lill-poeta jirrifletti u jistrieħ fis-solitudni. L-element tas-serħan u
tan-natura bħala duwa kontra stati ġewwiena differenti nerġgħu naqraw dwaru
fil-poeżija Fil-ġnien tiegħi fejn
Bezzina jikteb li l-elementi naturali jservuh “biex idawlu d-dlamijiet,/ biex
iqanqlu l-ilma qiegħed,/ biex iserrħu l-qalb li nfniet.” F’Kuljum il-polz itektek naqraw dwar emozzjonijiet kuntrastanti: fuq
naħa hemm it-tama (“Hemm tama tgħix ġo fina”), imma fl-istess ħin hemm ukoll
l-għarfien tat-tmiem (“ninbarmu għad xi darba,/ u negħrqu minnufih.”). Kontra
l-ħarifa mbagħad hemm ir-rebbiegħa li tintrabat ma’ żmien iż-żgħożija u li
tispikka fil-poeżija Aħna żgħażagħ.
Il-protesta, għalkemm mhix waħda li tiġi espress bi vjolenza, tinħass
fil-poeżija It-tajr. Hekk jikteb Bezzina:
“Tajr imġarrab, tajr tal-baħar,
ġie u mar, għadda ħosbien.
[…]
Tajr li qatt ma rajna bħalu,
tajr imwerwer, tajr anzjuż,
baqa’ sejjer bla sellmilna,
tajr tal-lejl, tajr misterjuż.”
It-tona ta’ protesta jerġa’ f’Ma
rridx nara fejn Bezzina jixtieq jorqod għat-tul biex jaħrab mill-problemi
tal-preżent, fosthom “il-jasar, bosta ġlied,/ il-għira, il-mibegħda,/ il-ġuħ,
il-mard qerried”, kif ukoll “diżastri tan-natura,/ imwiet bil-multitudni,/
traġedji kbar mistura.”
Anki l-eleġija hija parti mir-repertorju ta’ Charles Bezzina. F’Nistħajlek. Lil Karen Azzopardi naqraw
dwar din it-tfalja li hija ħlejqa bejn reali u bejn fantastika, u li toqgħod
x’imkien bejn art u sema.
Hemm ukoll drabi meta Bezzina
jittratta t-tema tal-poetika, mela
meta jikteb dwar is-sengħa tal-poeżija jew dwaru nnifsu bħala poeta. Dan narawh
f’Poeżija, fejn Bezzina jammetti li
għajn ewlieni għall-versi tiegħu hija n-natura tipikament Maltija. Minħabba dan
il-versi ta’ Bezzina huma miżgħudin b’riferimenti għall-elementi naturali
tipikament Maltin bħalma huma l-baħar (fuq kollox), imma anki r-riħ u x-xemx.
Fil-“baħar” il-poeta jara spazju ta’
misteri li jmur lura ħafna fiż-żmien. Hemm fis-skiet tal-mewġa Bezzina jilmaħ
“elf sigriet” (ara Mewġa). F’Tajra (imma anki f’Minn dix-xtajta) l-baħar jintrabat ma’ ambjent ta’ kontemplazzjoni, fejn Bezzina jagħżel
li “[j]oqgħod ħiem[ed] f’solitudni”, xi ħaġa li esperjenzaw poeti oħrajn
bħall-istess Dun Karm Psaila fil-poeżija Waħdi.
Il-baħar u l-meditazzjoni jerġgħu f’Il-vjaġġ
tal-illużjoni, fejn Bezzina jikteb,
“Ninsabu lkoll maħkuma
minn ħsieb, meditazzjoni,
nitbiegħdu kuljum għadna
fil-vjaġġ tal-illużjoni.” (p. 154)
L-element tar-riflessjoni jerġa’
jispikka f’X’inhi din l-illużjoni,
fejn għal darb oħra l-bniedem-poeta jirrifletti u jistaqsi dwar elementi ħafna
ikbar minnu.
Bezzina jinteraġixxi f’relazzjoni
kontinwa mal-elementi naturali, l-aktar mal-baħar. F’Dan il-baħar dan l-element naturali jinftiehem bħala entità ħajja
u spazju infinit ta’ għarfien (“Dan il-baħar jaf kull demgħa/ illi niżlet
mis-smewwiet/ […] Jaf sigrieti klandestini/ illi jseħħu ġol-għerien”).
F’poeżiji bħal dawn il-bniedem-poeta fiċ-ċokon tiegħu u l-baħar, ix-xtajta,
is-sema, l-irjieħ u l-bqija (bħala parti mill-ħolqien il-kbir) isiru ħaġa waħda
biex b’hekk jinkiseb għarfien usa’. Ħdejn il-baħar il-poeta jinħakem minn
ġrajjiet imgħoddija li għandhom mill-ħolm u mill-imħabba (ara Kienet xtajta). Fil-poeżija F’torri msaħħar il-poeta flimkien ma’
preżenza oħra anonima jsib il-kenn minn “kull hemm u mrar”, u jħossu “maqtugħin
minn kull progress,/ ħajja sielma mingħajr ħsejjes”. (p. 149)
Hemm imbagħad drabi oħra meta
Bezzina jiddeskrivi spazji li jmorru lil
hinn minn xtutna bħalma jagħmel fil-poeżiji Serfaus, Pfunds u Bavarja, kollha fl-Awstrija. Hawn il-poeżija takkwista l-karatteristiċi
tar-ritratt ladarba Bezzina jsemmi xmajjar, baqar, djar biċ-ċmieni jdaħħnu,
kaskati, għadajjar, muntanji, widien, ċriev, borra u l-bqija. Quddiem dan kollu
Bezzina jikteb:
“Pastur f’dan kollu jiena,
nitpaxxa bid-dehriet,
mitluf f’dal-ġmiel, qed nikteb
f’din l-art tas-sħarijiet.” (Bavarja,
p. 191)
Bi ħsibijietu Bezzina huwa poeta
li jimraħ fi spazji differenti li għandhom mill-kobor tal-makrokożmu, imma anki
mill-misteru lil jmur lil hinn minn kull possibiltà ta’ definizzjoni (ara Fi ħsiebek):
“Fi ħsiebek hemm l-ispazji ta’ kull kożmu,
il-kwiekeb jegħmżu ħiemda lil xulxin,
il-qamar jarmi r-raxx minn lewn il-fidda,
l-imrieżaq tax-xemx tikwi, lkoll dehbin.
[...]
Fi ħsiebek id-dagħbien ta’ fond imdallam,
il-kobor silenzjuż u mingħajr tmiem,
irkejjen eremiti u solitarji,
il-baħħ li ma jitfisser b’ebda kliem.”
Dwar l-ISTIL TA’ KITBA:
Il-kliem fil-versi ta’ Charles
Bezzina għandu ritmu mexxej u jitwieled bla ebda diffikultà jew tqanżiħ. Dan
però huwa frott min ilu jikteb għal snin twal u b’hekk għalih il-kitba saret
sengħa. Dawn ir-ritmi poetiċi li juża Bezzina spiss joqorbu lejn ir-ritmi
naturali tal-istess baħar li spiss isemmi: bħalma dan tal-aħħar jimla u
jofrogħ, hemm ukoll ir-ritmi, daqqa jgħaġġlu u daqqa jimxu iktar bil-kalma.
Prosodikament dawn il-poeżiji ta’
Bezzina huma miktubin prinċipalment b’versi bħalma huma s-settenarji u
l-ottonarji (li ritmikament huma versi li jistgħu jiġu anki kantati bla ebda
tbatija), imma jitħaddmu ximindaqqiet ukoll il-kwinarji, is-senarji, id-dekasillabi
u l-endeksillabi. Metrikament jaħkmu kważi esklussivament il-kwartini bir-rima
mqabbża, mela l-istrofa ta’ erba’ versi bit-tieni u r-raba’ versi li jirrimaw.
Hemm xi eċċezzjonijiet bħall-poeżija Jekk
mhux ir-riħ (magħmula minn sestini) jew Trankwilla
l-vuċi tiegħek u Illejla jien u
l-baħar (magħmula minn strofi rregolari bla rima u endekasillabi). Mela
strutturalment l-għażla ppreferuta minn Bezzina hija dik regolari u
tradizzjonali.
Il-lessiku użat għandu kemm mis-Semitiku
kif ukoll mir-Romanz, u li jintrabat l-iktar ma’ reġistri bħalma huma dak
naturali u dak ta’ tiġrib il-ħajja.
Fost il-mekkaniżmi letterarji li
jħaddem Bezzina hemm l-appell għas-sensi. Hekk f’Imxu miegħi naqraw “xommu r-riħa t’alka niedja,/ ħossu l-lehġa
tal-mewġiet.”, u ftit wara “ħossu r-riħ ma’ xagħarkom ġej,/ togħmu r-raxx itir
ma’ wiċċkom”. F’dawn l-erba versi Bezzina jappella għas-sens tax-xamm,
tal-mess, u tat-togħma, filwaqt li jfakkarna fis-safa tal-elementi naturali li
joffru serħan lil min jaf japprezzahom. L-appell għas-sensi jerġa’ f’Riħa ta’ baħar mielaħ fejn diġà
fit-titlu hemm appell għas-sens tax-xamm u tat-togħma, filwaqt li naqraw versi
oħrajn bħal “u l-karba mill-bogħod dwiet” (smigħ), u “riħa ta’ alka niedja,/
riħa ta’ ragħwa tfuħ” (xamm).
Hemm drabi meta kliem il-poeżija
bħal jimita kliem għanjiet ritwali tal-imgħoddi li kienu jitnisslu mir-rabta
tal-bniedem mal-elementi naturali. Hekk naqraw f’Illejla mingħajr qamar:
“Illejla mingħajr qamar,
inqabbdu lkoll in-nar,
nixegħlu mitt ħuġġieġa,
infakkru ġrajjiet kbar.
[…]
U ngħidu talb l-imgħoddi,
is-salmi tal-irjieħ,
l-għanjiet u l-litaniji
tal-baħar, tal-erwieħ.”
Drabi oħra l-istrofi jieħdu l-għamla ta’ mistoqsijiet rettoriċi (ara Jekk mhux l-ilma).
KONKLUŻJONI:
Dawn huma poeżiji li ma jistgħux
jinqraw kollha f’daqqa għax jgħejuk ladarba lessikalment, tematikament u
ritmikament huma simili ħafna. Dan jista’ jirrifletti ċ-ċokon – ġeografiku - li
minnu ġej Bezzina, ċokon li jaħrab minnu permezz tal-immaġinazzjoni, tal-lehma
u tal-versi li moqrija ftit ftit jinżlulek għasel. Huwa hawn fejn il-poeżiji
ta' Bezzina jinftehmu wkoll bħala logħba infinita ta’ kliem li kull darba
jitqiegħed f’ordni u skemi ġodda b’mod naturali biex jinħolqu xbihat,
emozzjonijiet, u sensazzjonijiet ġodda fi-qarrej. Il-fliexken hum antiki, imma
l-inbid li joffrilna Bezzina hu dejjem mill-itjeb. Il-forma hi tradizzjonali,
imma l-poeżiji li naqraw f’Mal-Ħmura tax-Xefaq
ipaxxu l-qalb, il-widna u r-ruħ. Dawn ta’ Bezzina huma poeżiji mgħobbijin
bil-ħeffa ta’ riflessjonijiet profondi u li għalhekk jistgħu jinqraw ukoll minn
taħt l-ilsien, imma jħallu fil-qarrej eku li jidwi għat-tul.
Din il-ġabra għandha daħla
Kritika interessanti miktuba mill-Professur Oliver Friggieri.
No comments:
Post a Comment