Thursday, October 12, 2017

EMILIA - Rumanz ta' George Said-Zammit

Emilia - It-Tfajla tal-Belt huwa t-tieni rumanz storiku-soċjali miktub mill-pinna ta’ George Said-Zammit wara li s-sena 2016 rat il-pubblikazzjoni tal-ewwel rumanz tiegħu Is-Saltna li Jmiss, ambjentat f’Malta tas-seklu 16. Din id-darba, Emilia – It-Tfajla tal-Belt huwa ambjentat f’Malta tas-snin Tletin u Erbgħin tas-seklu 20. Kif naqraw fir-rumanz, li jerġa’ jħallat flimkien l-isfond storiku ma’ ġrajja mistħajla, dawn ma kinux żminijiet faċli għal Malta u l-Maltin: kienu żminijiet ta’ qgħad kbir, faqar, għaks, emigrazzjoni (mifhuma anki bħala t-tkeċċija ta’ bosta żgħażagħ minn art twelidhom), inkwiet ta’ natura politika, u aktar tard, it-theddida u l-wasla tal-gwerra li kissret familji sħaħ u ħalliet lill-pajjiż f’rovina.

Stilistikament wieħed jinnota li dan ir-rumanz fih ftit deskrizzjonijiet imma ħafna azzjoni, azzjoni kontinwa fejn iż-żmien jiżloq bla ebda diffikultà. Għalhekk ir-ritmu jgħaġġel u ma jiqafx ħafna biex jiddeskrivi spazji u persuni fid-dettall. Hekk, per eżempju, hemm drabi meta l-vjaġġ minn Malta għall-Awstralja – vjaġġ li kien jieħu ġimgħat twal - jiġi rrakkuntat fi ftit linji. Iż-żmien li jqatta’ Frankie fl-Awstralja jiġi deskritt fi ftit paragrafi: mhux biss insiru nafu li għaddiet diġà sena, imma fi ftit spazju tiġi deskritta l-istorja ta’ Frankie Vella li għamel suċċess fl-Awstrajla, b’din tal-aħħar mifhuma bħala spazju pożittiv. Frankie jerġa’ jidher biss fl-aħħar kapitlu. Dan hu rumanz mexxej anki minħabba l-bosta djalogi li l-awtur jinkludi flimkien mal-bdil kontinwu ta’ spazji differenti fejn isseħħ l-azzjoni. Dan kollu żgur li jirrendi l-ġrajja rrakkuntata iktar verosimili u ħajja.

Id-deskrizzjoni tispikka fi ftit partijiet: eżempju wieħed hu meta taqa’ bomba fuq xelter mimli nies u jibda l-proċess ta’ tħaffir biex jinħarġu dawk li kien hemm ġewwa (Kap. 21). Id-deskrizzjoni terġa’ tispikka f’kapitlu 23 fejn naqraw dwar jum it-tieġ bejn Vitor u Emilia, deskrizzjoni li tieqaf ħesrem minħabba l-isfond tal-gwerra. Hawn l-awtur jagħti spazju lill-ħsus tal-għarajjes. Jibbilanċja dan hemm fuq in-naħa l-oħra l-bosta tagħrif ta’ natura storika li Said-Zammit jagħtina.

ŻMIEN:

Il-ġrajja tibda fix-xahar ta’ Ottubru tas-sena 1933. Naqraw li t-Tlieta, 12 ta’ Ottubru 1933 isseħħ laqgħa tal-parlament. Ta’ min jiftakar li fis-snin Tletin Malta kellha kultura Taljana imma taħt ħakma Ngliża. Kien ukoll żmien meta tensjoni kbira bejn il-Gvern Malti u l-Gvernatur wasslet biex dan ixolji l-gvern u l-Assemblea tal-poplu. Kien hemm ukoll il-ħabs u l-eżilju għal dawk li kienu juru simpatija lejn it-Taljani. Naqraw dwar d-diskors tal-Gvernatur lill-poplu Maltin fuq ir-Rediffusion, dwar il-Kwistjoni ta’ lingwa (l-għażla bejn it-Taljan u l-Ingliż), reliġjon (Protestanti u Kattoliċi) u politika (il-kuruna Ngliża u l-Faxxisti). Bil-mod il-mod Said-Zammit jgħaddina minn Malta fl-1934, iwassalna sa Ottubru tal-1937, April tal-1938 – jum l-emigrazzjoni għal Frankie u bosta Maltin oħrajn -, l-24 ta’ Novembru 1938 – is-sena meta bdiet tinħass sewwa t-theddida min-naħa tal-Faxxisti -, l-aħħar tas-sena 1939, il-bidu tal-1940 – meta kien ippjanat li jsir iż-żwieġ bejn Vitor u Emilia. Naqraw dwar it-12 ta’ Novembru 1940  –  wasla ta’ konvoj fil-Port il-Kbir -, l-aħħar tas-sena 1940, l-1942 – sena mill-agħar għal Malta minħabba intensità ta’ attakki mill-ajru. Mill-15 ta’ April 1942 nimxu għall-15 ta’ Awwissu tal-istess sena – il-konvoj ta’ Santa Marija.

Is-sena 1943 tintrabat ma’ żmien meta t-Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-aqwa tagħha, imma anki żmien meta ħabat it-tieġ bejn Vitor u Emilia (l-20 ta’ Frar 1943) u meta l-bumbardamenti fuq Malta naqsu ħafna. Frar tal-1943 iġib miegħu l-mewt ta’ personaġġ ewlieni fil-ġrajja wara attakk aħrax mill-ajru. F’Ottubru tal-1944 Emilia tkellem badessa fil-kunvent tas-sorijiet Agostinjani u tieħu deċiżjoni importanti f’ħajjitha li twassalna lejn l-aħħar tas-sena 1946. L-aħħar data li naqraw f’dan ir-rumanz hija s-sena 1966. Mela mil-lat temporali Emilia – It-Tfajla tal-Belt tifrex fuq bejn wieħed u ieħor 33 sena.

SPAZJU:

Aspett importanti ieħor rigward il-ġrajja ta’ rumanz huwa l-ispazju fejn isseħħ l-azzjoni. Hawnhekk jaħkem fuq kollox l-ispazju tal-Belt Valletta, sit ta’ xogħol u residenza għal bosta Maltin. Matul il-ġrajja jissemmew bosta toroq u rkejjen oħrajn ta’ din il-belt kapitali, fosthom, Portu Salvu, Pjazza Reġina, Triq id-Dejqa, il-Port il-Kbir, Lascaris, il-knisja ta’ Ġieżu, ta’ Pinto, il-fortizza ta’ Sant’Iermu, il-Mandraġġ u l-Arċipierku, Triq San Marku, il-knisja ta’ Santa Rita, Triq San Pawl, Strada Rjali, il-Palazz tal-Gvernatur fi pjazza San Ġorġ, Triq l-Ifran, Triq il-Merkanti, Triq San Ġwann, Triq Brittania, Bieb il-Belt, Triq in-Nofsinhar, it-Teatru Rjal, San Federiku, u l-Berġa ta’ Kastilja.

Il-Parlament huwa spazju magħluq u s-sit fejn tiltaqa’ l-klassi għolja u tal-mexxejja tal-pajjiż. Il-knejjes jissemmew f’rabta ma’ attivitajiet ta’ kuljum bħall-quddiesa ta’ filgħodu, imma anki tiġijiet u funerali. Dawn jintrabtu wkoll mal-uffiċċju tal-kappillan li dak iż-żmien kien figura importanti li jagħti pariri siewja u jgħin fil-qari ta’ dokumenti differenti għal min ma kienx jaf jaqra minħabba l-livell għoli ta’ illitteriżmu. Anki l-illitteriżmu jista’ jinftiehem bħala spazju, imma din id-darba bħala spazju astratt. Hemm ukoll il-kunvent, spazju fejn wieħed isib ftit faraġ kontra t-tiġrib tal-ħajja. Proprju fil-bitħa tal-kunvent tal-patrijiet Agostinjani jsir il-festin tat-tieġ bejn Vitor u Emilia. Il-knejjes u l-kunventi jintrabtu mal-ispazju ta’ Malta Nisranija, b’personaġġi bħall-kappillan u swor Marija Tereża li jingħataw rwol importanti.

Numru ta’ azzjonijiet jitpoġġew fi ħwienet differenti, fosthom il-ħanut tal-kafè jew il-ħanut tal-ħaxix ta’ Ġamri. Il-Port il-Kbir, apparti li kien spazju ta’ bosta attivitajiet u fejn bosta Maltin kienu jaħdmu bħala burdnara, kien ukoll is-sit minn fejn bosta Maltin kienu jemigraw darba għal dejjem biex isibu ħajja aħjar barra minn xtutna. L-awtur ifakkarna f’kemm inxtered dmugħ hawnhekk minħabba l-firda bejn ġenituri u wlied, jew bejn maħbubin, minħabba l-emigrazzjoni. Ma ninsewx li xatt il-Belt kien ukoll spazju li joffri serħan waqt il-ħin liberu ta’ bosta.

Spazju ieħor li jispikka f’dan ir-rumanz hu d-dar, fejn naqraw dwar ferħ u sliem marbutin mal-aħbar ta’ żwieġ fil-qrib. Fid-dar ta’ Emilia parti mill-azzjoni sseħħ fil-kċina fejn tinġabar il-familja biex tiekol u titkellem flimkien, fejn hemm ir-Rediffusion bħala mezz importanti ta’ komunikazzjoni u intratteniment u fejn jingħad ir-rużarju. Dan hu spazju li jintrabat mal-klassi tal-ħaddiema, nies sempliċi u fqar.

Il-gwerra hija element importanti f’Emilia – It-Tfajla tal-Belt. Ma setax jonqos għalhekk li parti kbira mill-azzjonijiet iseħħu fi spazji li jintrabtu mal-attività bellika. Ma’ din jintrabat l-ispazju tal-lieva bħall-kwartieri militari f’Ħal Luqa, fl-Imtarfa, u f’Ħal Safi. Jissemmew ukoll l-ispazji ta’ difiża kontra attakki mill-ajru, fosthom l-ajruporti militari ta’ Ħal Luqa, Ta’ Qali, Ħal Far, u l-fortizzi ta’ Sant’Iermu u Sant’Anġlu, mgħammra bl-aqwa armamenti u truppi. Il-kwartieri ta’ Lascaris huma l-ispazju fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet rigward strateġiji militari partikolari.

Kif tasal il-gwerra fuq Malta mbagħad jispikka l-ispazju tal-ħerba, bħal dik li tolqot lill-Belt Valletta - “bini mġarraf, toroq mimlija ġebel, knejjes ħerba waħda u palazzi lanqas biss tagħrafhom.” (Kap. 17) -, imma anki l-Furjana, il-Kottonera u l-irħula differenti. Fi żmien ikrah bħal dan kienu importanti x-xelters li fihom kienu jsibu kenn eluf ta’ Maltin waqt l-attakki mill-ajru. B’xorti ħażina però xi drabi x-xelters kienu jinbidlu minn spazji ta’ kenn għal spazji ta’ mewt: dan meta kienu jintlaqtu direttament minn xi bomba li kienet tħalli ħerba u kull min ikun hemm taħt kien jiġi mirdum, mifgugħ u jispiċċa mejjet. Spazji ta’ rifuġju kienu wkoll l-għerien.

Il-barracks ta’ Kalafrana u l-Palazz ta’ San Anton kienu joffru ftit mistrieħ lit-truppi waqt il-gwerra. Min-naħa l-oħra, il-Port il-Kbir kien jinbidel minn spazju ta’ periklu minħabba li kien jiġbed fuqu bosta attakki mill-ajru għal wieħed ta’ tama meta kien jasal xi konvoj bil-provvisti, bil-munizzjonijiet, bi truppi u biż-żejt. Portijiet oħra li jissemmew fir-rumanz huma l-portijiet ta’ Marsaxlokk u ta’ Bengħajsa. Spazji oħrajn li jintrabtu direttament mal-gwerra kienu l-isptarijiet li fi żmien il-gwerra kienu importanti ferm biex joffru kura u fejqan lil bosta suldati: hawn jissemmew l-Isptar Ġenerali fil-Furjana, Bighi u l-Imtarfa.

L-azzjoni tar-rumanz isseħħ fi spazji oħrajn, bħall-għelieqi lejn is-Swatar u Birkirkara, fejn dak iż-żmien kienu jaħkmu oqsma kbar ta’ raba’ li minnhom il-Malti kien jaqla’ x’jiekol, u l-Ħamrun u l-Imsida, l-ispazji fejn jgħixu ħut Vitor.

It-tema tal-emigrazzjoni tintrabat ma’ spazji partikolari wkoll. Fil-Berġa’ ta’ Kastilja kien hemm l-uffiċċju tal-emigrazzjoni. Minn jaf kemm-il Malti u Maltija ħallew lil xtutna biex sabu ħajja aħjar f’pajjiżi oħrajn bħal Ġibiltà, l-Awstralja, l-Amerika, u  l-Afrika! Il-Port il-Kbir kien l-ispazju tal-punt tat-tluq, filwaqt li portijiet bħal Port Said fl-Eġittu u Singapore kienu spazji ta’ waqfa matul il-vjaġġ twil lejn id-destinazzjoni aħħarija, jiġifieri Melbourne, fl-Awstralja. Hemm parti fejn l-ispazju hu dak fuq il-vapur waqt il-vjaġġ lejn l-Awstralja – spazju ta’ tranżizzjoni u ta’ solidarjetà kbira bejn iż-żgħażagħ Maltin -, filwaqt li l-belt ta’ Melbourne fissret stabbiltà għal eluf ta’ Maltin.

Filwaqt li Malta tista’ tinftiehem bħala spazju negattiv fis-snin Tletin u Erbgħin, ladarba komplew jikbru l-qgħad, il-faqar, it-theddida mill-Faxxisti mill-1938 ’il quddiem, u aktar tard waslet ukoll il-gwerra li damet qatigħ, l-Awstralja tinftiehem bħala spazju pożittiv għall-emigranti bħal Frankie li sabu xortihom permezz tal-kuraġġ, l-għaqal u l-ħidma.

Ta’ min insemmu wkoll il-Mediterran bħala spazju ta’ attività militari sfiqa matul it-Tieni Gwerra Dinjija, kif ukoll l-ispazju tal-Olokawst, meta fir-rumanz jissemmew saħansitra l-kampijiet tal-konċentrament bħal Auschwitz, Dacau u Vaivara.

ĦSEJJES:

Wieħed jista’ jgħid li Emilia – It-Tfajla tal-Belt huwa rumanz li jissejjes ħafna fuq l-aspett udittiv. Il-ħsejjes li naqraw dwarhom waqt il-ġrajja huma bosta. Hemm il-ħsejjes li jintrabtu mal-għodwa bħad-daqq tal-qniepen tal-knejjes biex jistiednu lill-Maltin għall-quddiesa ta’ filgħodu, il-ħsejjes tal-ħbabat u tal-imfietaħ, l-ilħna tal-bejjiegħa – ilkoll jgħajtu kemm jifilħu biex ibigħu l-prodotti tagħhom -, il-ħsejjes tal-għodda tal-ħaddiema jżaqżqu jew iħabbtu, imma anki t-tokki tal-Ave Maria, il-ġentlomi jitkellmu bl-aċċent Taljanizzat, il-bejjiegħ tal-gazzetta b’vuċi li tidwi, id-daqq tad-diski jew grupp mużikali fil-ħwienet ta’ Triq id-Dejqa.

It-toroq tal-Belt kienu jimtlew b’persuni jitkellmu b’kull ilsien, fosthom l-Ingliż, it-Taljan, il-Franċiż, il-Malti, l-Għarbi, ftit Spanjol u saħansitra l-Grieg, bil-bejjiegħa tal-ħut jgħajtu b’ħanxra liema bħalha, bix-xjuħ jitkellmu u jqasqsu, u bin-nisa jitkellmu mill-gallarija b’leħen għoli.

Fl-ispazju magħluq tal-Parlament jinstemgħu l-ilħna tal-membri tal-parlament jitkellmu bit-Taljan jew bil-Malti b’aċċent pjuttost taljanizzat, il-qanpiena ċċempel biex tħabbar bidu tas-seduta parlamentari oħra, l-applaws tal-membri tal-Gvern u t-tisfir tal-Oppożizzjoni, l-ilħna jogħlew u xi tisbita fuq il-mejda f’waqtiet ta’ tensjoni u teħid ta’ deċiżjonijiet varji.

Anki l-ispazju ċkejken tad-dar għandu l-ħsejjes tiegħu, fosthom l-ilħna tal-aħwa, iċ-ċekċik tal-platti fil-kċina, it-tpaċpiċ u t-tressiq tas-siġġijiet, il-vuċijiet minn taħt, u l-ħoss tal-purtelli tat- twieqi jinfetħu. Ma ninsewx li dawn huma ħsejjes li jintrabtu l-iktar ma’ żmien ta’ sliem.

Hemm imbagħad il-ħsejjes li jintrabtu mal-uġigħ tal-bniedem u mal-ispazju tal-isptar. Nisimgħu lil Tereża tibki wara l-aħbar ħażina tal-marda ta’ żewġha. Aktar biki u tnewwieħ min-naħa tagħha wara l-aħbar li binha, Frankie, kien se jemigra. L-għajat u l-biki ma jonqosx ladarba dan ta’ Said-Zammit hu rumanz li jinsisti fuq it-tbatija tal-bniedem: hemm il-ħsejjes tad-disperazzjoni waqt il-ħin tal-addijo fil-Port il-Kbir, tal-omm li tirċievi l-aħbar tal-mewt ta’ wliedha suldati, ta’ min tilef ġenituri u aħwa minħabba l-gwerra, u l-karba tal-moribond.

Ħsejjes oħrajn huma l-qanpiena ddoqq fl-isptar biex tħabbar il-ħin biex jitilqu l-viżitaturi; it-taħbita fuq il-bieb li tħabbar traġedja, feriment jew mewt ta’ suldat; il-ħoss tas-suffara li tħabbar ħin l-imbark għal dawk li se jħallu lil Malta, u l-ħsejjes tal-magni tal-vapur; il-vuċi tal-iben li jiġi lura d-dar qawwi u sħiħ u li għall-omm hu rigal u jfisser ħajja; il-ħoss tal-qniepen tal-knejjes idoqqu l-Ave Maria – ħsejjes tan-normalità – u li aktar tard, minflokhom, jinstemgħu s-sireni jħabbru attakk wara l-ieħor mill-ajru; it-talb fil-knejjes u fid-djar biex il-Madonna teħles lill-Maltin mit-tiġrib tal-gwerra u l-invażjoni; is-sirena ddoqq u twerżaq bħala avviż ta’ attakk imminent mill-ajru; l-ajruplani bil-magni jvenvnu; it-tisfira tal-bombi u wara sensiela ta’ splużjonijiet; l-isparar tal-kanuni tad-difiża Ngliżi; ir-rużarju u talb ieħor fix-xelter - “min jitlob bil-Malti u min iredden bil-Latin” (Kap. 17) -; is-sireni tal-ambulanzi; it-tarbija tibki fix-xelter, l-unika li salvat wara li ntlaqat direttament minn bomba; il-vuċi fid-dlam u l-persuna li tingħaraf minn leħinha minħabba n-nuqqas ta’ dawl waqt il-gwerra; il-qanpiena tal-bieb tal-kunvent; u fl-aħħarnett, il-waqgħa tas-silenzju.

SIMILITUDNI:

Elementi importanti fil-binja tar-rumanz huma d-djalogi, imma anki l-użu tas-similitudnijiet li f’dan il-każ jintrabtu ħafna mal-Malti mitkellem. Hekk f’Emilia -It-Tfajla tal-Belt wieħed jiltaqa’ ma’ għadd ta’ similitudnijiet: il-vuċijiet tal-bejjiegħa qishom kor ta’ ħmir jinħqu; Emilia tordna  qisha kaptan ta’ bastiment; missier Vitor li m’għadux b’saħħtu daqs iljun qalil; l-aħbar li ġriet bħal leħħa ta’ berqa; it-tifel imqareb li beda jaqbeż u jogħla qisu xadin; il-kliem li  niżel bħall-balzmu; Emilia daqslikieku kienet anġlu nieżel mis-sema; u oħrajn bħal, żgiċċat minn quddiem bħal żiffa riħ; naħdem daqs kelb u qiskom żewġ prinċipessi; rasu iebsa daqs iż-żonqor tal-irdum ta’ Ħad-Dingli; bil-ġagaga bajda tperper warajhom qisha xi bandiera; qishom żewġ tigri bil-ġuħ; dan il-kliem kollu Tereża ħassitu qisu stallett; tnewwaħ qisha sejra xi funeral; bħal merħla mogħoż; baħar kalm qisu żejt; daqslikieku kien tilef il-boxxla; irrabjat daqs barri fferuċjat (f’rabta ma’ emozzjonijiet ta’ rabja); qisu żiemel sfrattat; infaqa’ jibki qisu tarbija (għal min tilef lil ħuh fil-gwerra); jibku qishom żewġ trabi (wara t-telfa tal-omm); kienet qisha bla ras, u sfaret daqs il-lellux (minħabba l-inkwiet); u bħal ruħ mitlufa. Żgur li similitudniijiet bħal dawn jirrendu l-ġrajja mistħajla iktar ħajja u verosimili.

L-ASPETT KROMATIKU:

Dimensjoni importanti oħra f’rabta mal-binja tar-rakkont hija dik kromatika, mela l-aspett tal-ilwien. B’hekk f’Emilja – It-Tfajla tal-Belt ma jispikkawx biss il-ħsejjes, imma għandhom preżenza anki l-kuluri, anki jekk hi preżenza minima. B’kollox niltaqgħu ma’ ħames kuluri: l-iswed u l-abjad, l-aħmar, l-isfar u l-kannella. L-iswed jintrabat mal-lewn tal-għenejjel li jilbsu n-nisa tad-dar, tas-suttana tal-qassis, tal-kafè, tal-ilbies tal-luttu, u tal-maltemp, proprju fl-eqqel tal-attakki mill-ajru. L-abjad hu l-lewn tal-ġagaga tat-tobba u tax-xugamani, mela kulur li jintrabat mal-isptar u mal-indafa. L-abjad jintrabat ukoll ma’ stat psikoloġiku emozzjonali wara li dak li jkun jirċievi aħbar ħażina: “Tereża kienet saret bajda karti”. L-aħmar jintrabat ma’ stati emozzjonali ta’ mistħija (wiċċ Emilia li jsir aħmar peprin) jew ta’ rabja (Vitor sar aħmar nar). F’waqt ieħor l-aħmar hu anki dak tal-qargħa ħamra. Fir-rumanz jissemma wkoll il-kulur tal-ġebla Maltija li dlonk jibdel il-lewn safrani tiegħu għal wieħed aktar bajdani. Naqraw anki dwar Ġamri, żagħżugħ twil u samrani (Kap. 2), u dwar tifel samrani, għajnejh lewn kannella, xagħru iswed, qmis bajda, u qalziet qasir kannella (Kap. 21). In-nuqqas u t-tip ta’ kuluri f’dan ir-rumanz jistgħu jintrabtu direttament mal-fatt li dak li jiddeskrivi George Said-Zammit mhux xi żmien sabiħ u ta’ abbundanza, imma żmien il-gwerra.

KONKLUŻJONI:

Din ta’ Said-Zammit hi wkoll ġrajja li trid twassal għadd ta’ valuri: il-familja, l-imħabba lejn il-patrija, il-fidi Nisranija, il-qlubija ta’ min saħansitra jmut għal art twelidu, u l-imħabba lejn il-ġenituri. Emilia - It-Tfajla tal-Belt hi storja li tirrakkonta firdiet u wġigħat minħabba emigrazzjoni, mard, gwerra u għajbien ta’ persuni. Minkejja t-taqtigħ il-qalb li naqraw dwaru matul is-snin ta’ qabel u ta’ matul it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-aħħar mill-aħħar dan ta’ George Said-Zammit hu rakkont bi tmiem ferrieħi. Emilia - It-Tfajla tal-Belt hu ideali għall-qarrej li jħobb ġrajja interessanti u li taħkmek, imma fl-istess ħin ġrajja sempliċi miktuba fi stil li jagħti gost iktar milli jgħajji lill-moħħ.


Patrick Sammut (Settembru 2016)

Tuesday, December 6, 2016

KAĊĊA - ġabra ta' poeżiji editjata minn Patrick J Sammut, 2016.

Bħala bniedem li nħobb ħafna l-annimali u assolutament kontra kull forma ta’ moħqrija fuq dawn il-ħlejjaq, ma stajtx ma nilqax bil-ferħa dan il-ktejjeb ta’ poeżiji,  editjat mill-poeta Patrick J. Sammut, b’għadd ġmielu ta’ versi minn 15-il-poeta ieħor, ilkoll stabbiliti fil-Letteratura Maltija.

Kaċċa hu ktieb ta’ poeżija b’differenza; huwa sforz nobbli kunċertat ta’ numru ta’ poeti kontra l-abbuż insensat tal-kaċċa u l-qerda minn wiċċ is-sema ta’ wħud mill-isbaħ krejaturi li ħalaq Alla, sempliċiment għall-gost tal-qerda!

Minn dejjem kont nobgħod dak l-hekk imsejjaħ ‘sport’ li jinvolvi l-qtil u l-moħqrija  ta’ annimali u għasafar, kienx kaċċa għall-volpi, tortura ta’ orsijiet, ġlied mal-barri u, mhux inqas, kaċċa irresponsabbli u abbużiva. Dan l-‘isport’ huwa assolutament despikabbli, u joħloq tbatija bla tarf (u għalxejn) lil dawn il-ħlejjaq innoċenti, sempliċiment  biex ikun sodisfatt l-istint  kattiv u primittiv ta’ ċerti bnedmin.

Fortunatament, is-sentimenti tiegħi qasmuhom miegħi il-poeta Patrick J. Sammut u 15-il poeta ieħor f’Kaċċa, li mhix biss hija ġabra ta’  poeżiji, iżda hija wkoll għajta mill-qalb bħala protesta għall-mod atroċi kif l-għasafar spiss  jispiċċaw meqruda minn wiċċ is-sema minħabba kaċċa irresponsabbli. 

Fil-Kelmtejn Qabel, Sammut ifisser fil-wisa’ l-għan ta’ din il-ġabra: dak li titnissel kuxjenza dwar it-tbatija li jġarrbu  tant għasafar sbieħ   huma u jobdu l-istinti naturali tagħhom huma u jpassu minn wiċċ is-sema; il-qtil bla sens sempliċiment għall-gost, ħajr għall-imġieba irresponsabbli ta’ xi kaċċaturi egoisti, li jkunu lesti jisfidaw il-liġi biex jissodisafw l-istinti primittivi taghom.

Hawnhekk, il-poeżija tgħanni fl-aqwa tagħha; is-16-il poeta: Mario Attard, Mario Azzopardi, Jonathan Balzan, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Stephen Cachia, Carmel G. Cauchi, Alfred Grech, John Mallia, Alfred Massa, Charles Mifsud, Patrick J. Sammut, Salv Sammut, Mark Schembri, Carmel Scicluna and Omar Seguna, bl-istil personali tagħhom,  jikkundannaw b’mod unanimu u assolut l-abbuż fil-kaċċa u jgħannu foħrija  lil dawk l-għasafar kollha li jġarrbu tmiem miżerabbli f’idejn kaċċaturi irresponsabbli. Dawn il-poeti jingħaqdu f’kor wieħed kbir ta’ kundanna li, aktarx iva milli le, l-awtroitajiet jinjoraw, iżda hija xorta waħda verità reali,  li biss il-poeżija tista’ tesprimi b’mod assolut.

Minbarra l-kontribut poetiku, delikatament sabiħ u mqanqal, il-ktieb fih ukoll bijografija ta’ kull poeta u għadd ġmielu ta’ illustrazzjonijiet suwed u bojod  ta’ Hilary Spiteri,  li ħa ħsieb ukoll is-setting u l-qoxra eleganti li żżid issebbaħ dan il-ktejjeb, li għandu jsib postu għand kulmin huwa kontra l-kaċċa fil-forom koroh tagħha u għalmin  japprezza poeżija tal-ogħla livell.


Alfred Palma

Saturday, December 3, 2016

FUQ DIN L-ART ĦELWA - POEŻIJI SATIRIĊI U OĦRAJN SKONT IL-BURDATA ta' Emmanuel Attard Cassar, 2016.

INTRODUZZJONI:


Emmanuel Attard Cassar ilu snin twal impejat fil-qasam tal-letteratura bil-parteċipazzjoni tiegħu f’numru ta’ għaqdiet letterarji, fosthom l-Għaqda Poeti Maltin. Xtaqt niftaħ dan il-kumment tiegħi bi kliem Emmanuel Attard Cassar stess f’intervista li kont għamiltlu fl-2012: “... inħobb inkun ċar f’dak li nikteb. Meta naqra niddejjaq meta ma nifhimx u allura niddejjaq jekk xi ħadd ma jifhimx dak li nikteb. Hawn min jgħid li kitba jrid jinterpretaha min jaqraha qisu li tnejn jistgħu jinterpretaw b’mod oppost l-istess kitba. Dan l-istil modern lili ma jogħġobnix.  Kif għidt qabel, meta naqra rrid nifhem u meta nikteb irrid min jifhimni.
Ma naqbilx mal-ermetiżmu. Jista’ jkun eżerċizzju akkademiku interessanti. Jista’ jipprovoka analiżi psikoloġika li twassal għal xi għarfien. Iva. Imma ma naħsibx li barra ċ-ċirku tal-istudjużi din it-tip ta’ kitba għandha xi validità.
Għalija l-kitba trid tkun mifhuma minn kulħadd. Dan ma jfissirx li se tkun mifhuma minn kulħadd fuq l-istess livell.”[1]

DWAR IR-RITMU U L-ESPRESSIVITÀ Attard Cassar jgħid ukoll, “Poeżija tajba nħoss li għandu jkollha ritmu u espressività li jridu jikkumplimentaw lil xulxin. Ir-ritmu hu importanti bħalma hi importanti l-vuċi meta titkellem. Tista’ tkun vuċi baxxa imlissna b’dispjaċir jew għolja mlissna bir-rabja. Dan, naturalment, irid jinħass fil-kitba.
Imbagħad hemm l-espressività. Hawn tgħin ħafna l-metafora għalkemm mhix bilfors neċessarja dejjem. Naħseb li kittieb jew poeta kbir hu f’dan il-qasam li jinqata’ mill-oħrajn f’dak li hu livell letterarju. Tnejn jistgħu jikkundannaw il-gwerra, per eżempju, imma wieħed jista’ jesprimi dak li qed jgħid b’lingwaġġ superjuri.”

FUQ DIN L-ART ĦELWA – POEŻIJI SATIRIĊI U OĦRJN SKONT IL-BURDATA huwa t-tieni ktieb ta’ Emmanuel Attard Cassar, wara li fl-2013 ħareġ Vacanze romane. Fuq Din l-Art Ħelwa jiġbor fih poeżiji li nkitbu fuq medda ta’ 25 sena, mela bejn l-1992 u l-2016. Huwa ktejjeb ta’ 51 paġna li jiġbor fih mal-120 poeżija.

Fl-intervista li semmejt ftit ilu, Emmanuel Attard Cassar kien qalli hekk dwar l-istil li jħaddem u t-tematika: “L-istil tal-poeżija tiegħi hu l-aktar dak tal-vers ħieles. Il-poeżiji tiegħi normalment ikunu qrib it-tletin vers u ġieli anki iqsar. Nikteb l-aktar dwar it-temi li wara kollox huma universali: il-familja, l-imħabba u temi soċjali. Fil-proża nikteb l-aktar dwar temi soċjali b’referenzi politiċi. Nikteb ukoll stejjer umoristiċi.”

F’din il-ġabra ġdida ta’ poeżiji l-għażla ta’ Attard Cassar ġeneralment m’għadhiex dik tal-vers ħieles, anzi taħkem fuq livell formali d-dixxiplina tal-poeżija tradizzjonali: hawn naqraw poeżiji ta’ tuljiet differenti, imma l-iktar forma poetika użata minnu hija l-kwartina unika bir-rima mqabbża li tħaddem versi sempliċi bħalma huma l-kwadernarju, il-kwinarju, is-senarju, l-endekasillabu, id-doppju senarju, imma fuq kollox is-settenarju u l-ottonarju. Hemm ukoll poeżiji fejn jintużaw id-distiku bir-rima mbewsa (Għalqet Mitt Sena Rożi jew Headphones), il-monorima – fejn il-versi tal-istrofa jitqabblu kollha bl-istess ħoss – bħal f’Il-Festa (frattarija/ musketterija/ għalenija/ dija), ir-rima ekwivoka (fejn il-poeta jqabbel bl-istess kliem f’tarf il-vers, bħalma jagħmel f’Esperti: immorru/drittijiet/immorru/dmirijiet).

Diġà fis-sottotitlu għall-ktieb Emmanuel Attard Cassar jgħidilna li dawn tiegħu huma poeżiji satiriċi. Skont id-definizzjoni li jipprovdielna l-Prof. Oliver Friggieri f’Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji[2], is-satira hija “espressjoni letterarja li ddaħħak, jew tikkritika l-qerq u l-bluha, miktuba biex tagħti divertiment u biex teduka. Is-satira […]   għandha xeħta nebbiexa, kritika, moralistika, xi drabi insolenti, waqt li tirrappreżenta aspetti tar-realtà jew personaġġi tal-epoka, biex tislet interpretazzjoni li daqskemm hi komika u ċajtiera hi wkoll serja u mħassba. Is-satirista jintlaqat min-nuqqasijiet morali jew nuqqasijiet oħra ta’ personaġġi pubbliiċi, jew ta’ individwi jew rappreżentanti ta’ gruppi soċjali, jew istituzzjonijiet u l-bqija.” Hawnhekk mela, Attard Cassar jingħaqad mat-tradizzjoni ta’ dawk li ħaddmu s-satira matul l-istorja tal-letteratura Maltija, fosthom Luigi Rigord u Giuseppe Zammit (il-Brighella), Ġan Anton Vassallo, Annibale Preca, Dwardu Cachia, Richard Taylor, imma anki Ġwann Mamo (Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka), Tusè Costa, Anton Buttigieg, b’ġabriet bħal  Ejjew Nidħku Ftit (1962) u Ejjew Nidħku Ftit Ieħor (1965), u Oliver Friggieri stess bir-rakkonti Fil-Gżira Taparsi Jikbru l-Fjuri u siltiet mir-rumanz Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri.

Dwar l-aspett satiriku f’din il-ġabra ta’ poeżiji l-awtur jikteb hekk fid-Daħla: “F’dan il-vjaġġ, iż-żagħżugħ serju u lsir ta’ darba, issa sar raġel li ma jħarisx lejn id-dinja bħala ‘wied tad-dmugħ’ imma pjuttost iħares lejn l-umanità b’ironija u b’sens ta’ umoriżmu defeatist, jiġifieri li jaċċetta s-sitwazzjonijiet kif inhuma għax iħoss li ma jista’ jagħmel xejn dwarhom ħlief jidħaq, għax l-alternattiva, hi biss li tiddispra.” Kemm hu veru dan, illum aktar! F’dinja fejn twarrbu l-parti l-kbira tal-prinċipji u tal-valuri li kienu jħaddnu missirijietna, f’dinja fejn jaħkem il-bully għax jaf li ħadd ma jista’ għalih, f’dinja fejn parti kbira minna aħna mgħammdin bil-materjaliżmu, bl-egoiżmu u bil-kilba għall-poter u l-flus, f’dinja fejn li tobdi r-regoli saret eċċezzjoni u fejn għax tgħid il-verità tiġi msallab, filwaqt li jekk tilbes maskra u titbissem dejjem tiġi rrispettat u tasal fejn moħħok jiddetta, il-poeta ma jista’ jagħmel xejn ħlief jikteb.

Dawk ta’ Attard Cassar huma versi li jittrattaw aspetti differenti li jiddefinixxuna bħala ġens, u bosta minnhom mhumiex pożittivi. Imma liema ġens huwa perfett taħt il-kappa tax-xemx?! Huma riflessjonijiet li jintrabtu ma’ spazji differenti, spazji li nabitaw fil-ħajja ta’ kuljum tagħna: id-dar, il-post tax-xogħol, l-iskola, il-canteen, it-triq, il-knisja, l-istadium, l-isptar, is-swali tad-divertiment, ir-raħal, u l-bqija.

Għalhekk f’Fuq Din l-Art Ħelwa – imma art li qed titlef parti kbira mill-ħlewwa tagħha minħabba l-korruzzjoni u l-qerq li ġab miegħu l-progress – naqraw dwar il-falliment tas-sistema tal-Ġustizzja; l-ipokrisija f’rabta mal-qasam tat-twemmin Nisrani u Alla mdeffes f’ideoloġiji u politika umana; in-nuqqasijiet tas-sistema edukattiva preżenti, u l-piki bħala għan tal-istudenti u l-ġenituri u mhux il-kisba tal-għarfien; il-firda politika anki minn età żgħira; il-maltempati li qed jiffaċċja l-ilsien Malti; il-klandestini, ix-xenofobija u n-nuqqas ta’ ħniena lejn min jeħtieġ l-għajnuna; il-kaos fis-sewqan; l-abbużi, l-għażż, u l-iskartar fuq il-post tax-xogħol bil-barka tat-tabib ħabib; ix-xeni ta’ disperazzjoni u l-indifferenza ta’ x’uħud li wieħed jiltaqa’ magħhom fl-isptar; l-ineffiċjenza tat-trasport pubbliku; il-ħajja tellieqa li serqtilna l-“ħin biex nieqfu/ u nieħdu ħsieb xulxin”; il-garr u n-nuqqas ta’ inizzjattiva; l-opportuniżmu f’qasam bħalma hu l-futbol; il-manipulazzjoni min-naħa tal-mass media; il-korruzzjoni u l-ipokrisija tal-klassi politika; in-nuqqas ta’ dixxiplina u s-suppervja; l-infedeltà fiż-żwieġ u t-tbatija min-naħa tal-ulied; il-bini sfrenat; il-kaċċa mifhuma bħala qtil u frott l-egoiżmu; l-Eurovision; l-użura; l-apparenzi, il-kożmetika, u s-superfiċjalità fil-familja Maltija; u aspetti oħrajn.

Quddiem dan kollu x-xewqa tal-poeta li jesprimiha fil-kwartina Karba:

“Jaħasra kemm nixtieq
ngħix ħajja ta’ bla nkwiet,
li fiha n-nies tad-dinja
tħallini ftit fil-kwiet.”

Attard Cassar saħansitra jaqbel mal-Professur Oliver Friggieri li sejjaħ lill-Maltin “ġens magħdur”, lil gżiritna “gżira taparsi” u esprima l-ħtieġa ta’ “katarsi” (ara l-kwartina Gżira).

LESSIKU UŻAT:

Jekk wieħed iħares lejn il-versi ta’ Attard Cassar mill-perspettiva ta’ għażla ta’ kliem, mela l-lessiku, naraw li dik tiegħu hija għażla moderna. Għalih l-importanti huwa li jwassal il-messaġġ jew ħsieb li għandu f’moħħu. Għaldaqstant, flimkien mal-kliem ta’ oriġni Semitika ma jiddejjaq xejn juża wkoll kliem Romanz u anki kliem Ingliż. Huma bosta l-eżempji ta’ kliem mill-Ingliż u dan jintuża kemm bħala titli għall-komponimenti poetiċi diversi, kif ukoll fil-poeżiji stess. Huwa kliem li jirrifletti mhux biss l-ilsien imħallat li nitkellmu bih illum imma anki t-tip ta’ ħajja li ngħixu: Headphones, hay fever, centre forward, handbag, Prayers, meeting, boyfriend/girlfriend, right of way, Figure, dumb-bells, weights, sit-ups, gym, slim, After-sales service, hardware, software, trouble, Take-away, Foundation, eyelashes, revision, televsion, homework, hamburger, referee, play-station, Traffic Jam, smart phone, u bosta oħrajn. Kull kelma tgħid storja twila!

XI MEKKANIŻMI LETTERARJI:

Hemm drabi meta l-poeta jinsisti apposta permezz ta’ ripetizzjoni ossessiva fuq kliem jew frażijiet partikolari. L-epistrofe hija mekkaniżmu fejn il-poeta jirrepeti l-istess kelma fit-tarf ta’ versi li jaħbtu wara xulxin bħalma jagħmel fil-poeżija F’Xulxin:

“F’xulxin, f’xulxin
naħbtu f’xulxin,
moħħna f’xulxin
u ngħidu fuq xulxin.”

Meta l-istess kelma tiġi rrepetuta fil-bidu ta’ versi li jsegwu lil xulxin, dan jissejjaħ anafora. Hu mekkaniżmu li Attard Cassar juża fl-istess poeżija f’versi bħal:

“irridu spazju, irridu nifs
irridu noqogħdu weħidna.

Irrid ’l xulxin.”

Mekkaniżmu ieħor li juża Attard Cassar fil-versi tiegħu huwa d-djalogu, bħalma naraw f’poeżiji bħal In-Nannu and His Grand-daughter (fejn jalterna versi bl-Ingliż mlissna min-neputija ma’ versi bil-Malti, xi drabi anki b’laqta djalettali, imlissna min-nannu), u L-Invit (fejn jalterna versi mlissnin minn raġel u mara miżżewġa li ġew mistiedna għal tieġ).

Mekkaniżmu li jirrikorri spiss f’dan il-ktejjeb hija l-interjezzjoni, jew kif nafuh aħjar il-punt esklamattiv. Dan jintuża f’21 mill-120 poeżija li huma miġbura hawnhekk. Huwa mekkaniżmu li jmur id f’id mat-ton sarkastiku li spiss iħaddem Attard Cassar biex jiddeskrivi l-aġir xejn konvenzjonali tal-poplu Malti. Hekk il-poeta jtemm Permess Speċjali bil-kwartina:

“Prosit kemm qegħdin sewwa!
Għal kull skuża banali
kulħadd imur jitkellem
u jġib permess speċjali!”

Żgur li dan ifakkar fi kliem il-poeta fid-Daħla: “Element li nħossu importanti ħafna f’dawn il-poeżji tiegħi huwa l-kontradizzjoni. Inħoss li aħna ngħixu kontradizzjonijiet il-ħin kollu.”

KONKLUŻJONI:

Wara l-versi ta’ Attard Cassar hemm l-osservatur silenzjuż li jifli u jifhem sewwa l-bniedem minn xiex inhu verament magħmul. Jikxef dwar ċerti idjosinkraziji jew ossessjonijiet tagħna bħala ġens. Bosta huma kwartini li l-poeta kiteb f’dawk il-waqtiet meta kulħadd hu mgħaġġel, imma hu rnexxielu jaqbad sitwazzjonijiet partikolari u jwaqqafhom fiż-żmien. Dawn tiegħu huma sa mill-bidu nett versi mill-isbaħ imsejsa fuq ħsieb ċar u lingwaġġ sempliċi b’messaġġ li jħalli eku jidwi f’moħħ dak li jkun. Kif jikteb fid-Daħla, iż-żewġ kriterji li juża Attard Cassar fl-għażla tal-poeżiji miġburin hawnhekk huma l-umoriżmu u t-temi soċjali. Hawn insibu versi li joqorsu u jħammrulna wiċċna imma li fl-istess ħin joħolqu tbissima. Huma għalhekk riflessjonijiet konċiżi – Attard Cassar huwa bniedem ta’ ftit kliem, imma mhux asoċjali – li jikxfu l-vera natura tagħna bħala ġens. Fil-konċiżjoni tal-versi tiegħu hemm il-profondità. B’hekk din ta’ Attard Cassar hi poeżija li tixbah lil dak ix-xorb li jiġi servut fi grokkijiet żgħar.

Nagħlaq bi kwartina li nħoss tesprimi sewwa n-natura ta’ Emmanuel Attard Cassar u għandha tħallina fuq nota pożittiva:

“Kemm hu sabiħ li f’ħajti
irrabbi l-attitudni
li jkunu l-ġesti tiegħi
mimlija gratitudni.”




[1] SAMMUT, Patrick, Minn Fomm il-Kittieb, Intervisti ma’ Għadd ta’ Kittieba u Poeti mix-Xena Lokali, L-Ewwel Volum, Horizons, 2014, pp. 30-34.
[2] FRIGGIERI, Oliver, Dizzjunarju ta’ Termini Letterarji: teorija, metrika, stilistika b’eżempji mil-letteratura Maltija, L-Edizzjoni l-Ġdida Mkabbra, P.E.G., 2000, p. 693.

Wednesday, October 26, 2016

I GIOVANNITI LA STORIA DEI CAVALIERI DI MALTA ta’ Frans Sammut, Bonfirraro Editore 2015.

Frans Sammut (1945-2011) jibqa’ miftakar bħala wieħed mill-kittieba ewlenin tat-tieni nofs tas-seklu 20, kif ukoll bħala riċerkatur serju u prim. Min ma qarax xi darba jew oħra xi wieħed jew iktar mir-rumanzi tiegħu Il-Gaġġa, , Samuraj, Paceville jew Il-Ħolma Maltija? Kellu għal qalbu ħafna lil Mikiel Anton Vassalli, Żebbuġi bħalu, u kiteb dwar ir-Rivoluzzjoni Franċiża, dwar il-ħakma ta’ Napuljun f’Malta, kif ukoll dwar il-ġrajja tat-tagħlim f’Malta. Is-sena 2015 rat il-pubblikazzjoni postuma tal-ktieb I Giovanniti. La storia dei Cavalieri di Malta minn Bonifarro Editore.

Dan il-ktieb ta’ 254 paġna jinqasam fi 13-il taqsima u huwa miktub kollu kemm hu fl-ilsien Taljan. Dan ifakkarna f’kemm Frans Sammut kellu għal qalbu mhux biss l-ilsien Malti imma anki ilsna barranin oħrajn bħall-Franċiż, l-Għarbi, il-Latin u t-Taljan. Fil-ktieb Sammut jagħtina l-istorja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann mill-bidu sal-preżent. Hekk wara l-introduzzjoni, Sammut jaqsam dan ix-xogħol tiegħu hekk: Le origini dell’Ordine nel Regno Latino di Gerusalemme; La prima spedizione militare cristiana; L’Ordine in Terrasanta e a Cipro; I Giovanniti prendono possesso di Malta; L’ingresso dello sparviero spennato; L’Assedio del “nido delle vipere”; L’assedio prende un’altra svolta; Tempo di ricostruzione e attività marinare; Gli ultimi giorni del Principato giovannita; u Epilogo. Iben Frans Sammut, Mark, fl-aħħar jinkludi studju tiegħu stess bl-isem ta’ “Gli altri Giovanniti, i non cattolici”, li jaqsmu f’erba’ partijiet: I quattro Ordini giovanniti protestanti; Perché questi altri Ordini sono legittimi; La storia dell’Europa; u Il diritto internazionale. Il-ktieb għandu wkoll Appendiċi interessanti ħafna u li fl-istess ħin juri kemm dan l-istudju sar b’serjetà kbira: hawn wieħed jista’ jaqra dwar il-“Carta Costituzionale del Sovrano Militare Ordine Ospedaliero di San Giovanni di Gerusalemme di Rodi e di Malta” maħruġa f’Ġunju tal-1961 u riveduta fl-1997, magħmula minn 37 Artiklu. Il-ktieb jiġbor fih ukoll lista kronoloġika, flimkien mar-ritratti (79 b’kollox), tal-Granmastri kollha tal-Ordni ta’ San Ġwann mis-seklu 11 sal-preżent. Għal kull min għandu għal qalbu l-ktieb tar-riċerka, ma setax jonqos li ktieb bħal dan ikollu wkoll annotazzjonijiet dettaljati, Bibliografija massiċċa – magħmula minn kotba miktubin bl-ilsna differenti li kien jaqra Frans Sammut -, u Indiċi tal-ismijiet. Il-ktieb huwa megħjun ukoll minn numru kbir ta’ ritratti b/w li jkomplu jgħinu lill-qarrej biex jidħol fir-ruħ tal-perjodu deskritt minn Sammut.

Kif jikteb sewwa fid-Daħla l-Imħallef u Prof. Paolo Grossi, Sammut f’dan il-ktieb juża metodoloġija storjografika mill-iktar rigoruża imma fl-istess ħin iħaddem lingwaġġ li huwa mmirat biex ma jdejjaqx u ma jgħejjix lill-qarrejja b’erudizzjoni li ma tinftehimx. It-Taljan li jħaddem Sammut huwa impekkabbli, bħalma impekkabbli hu dan ir-rakkont storiku li żgur se jagħti gost lil kull min jaqrah u tagħrif utli qatigħ dwar perijodu storiku partikolari. It-tagħrif li  Sammut jagħtina dwar l-Ordni ma jillimitax ruħu għax-xogħol u r-rwol tal-Kavallieri fil-gżejjer Maltin, imma jmur lil hinn, qabel u wara ż-żmien li qattgħu f’Malta.

Interessanti u f’ċertu sens emozzjonanti hija l-Introduzzjoni miktuba minn Frans Sammut stess. Hija introduzzjoni-messaġġ li Frans Sammut kiteb fl-2006, mela ħames snin qabel ma ħalliena, imma li jinħass frisk daqs li kieku nkiteb illum. Diġà f’din id-daħla joħorġu karatteristiċi importanti li jifformaw dan il-ktieb: is-serjetà ta’ Sammut bħala riċerkatur li jislet tagħrif minn storiċi ta’ fama dinjija (bħal Paolo Antonio Paoli, Antonio Bosio, Geronimo Marulli, Ibn Khaldun, G. Vertot, Jean Quintin d’Autun, Alfredo Mifsud, Achille Ferris, Edward Azzopardi-Sant, Pelagio Mifsud Lopiscopo, Delmas de Grammont, Domenico Magri, Ignazio Saverio Mifsud, Erica Joy Mannucci, Christopher Tyerman, u Steven Runcinam); il-kumment oġġettiv u globali, nieqes minn romantiċiżmu u tifħir żejjed; il-fatt li Sammut kien jinteressa ruħu f’oqsma kulturali differenti, fosthom l-ilsna u l-letteratura, il-politika, l-istorja, l-ekonomija u l-bqija; u l-ħajra li jwassal dan kollu lill-qarrej medju b’ilsien ċar, korrett u dirett. Sammut ifakkarna wkoll li anki l-istoriċi kellhom l-aġenda politika tagħhom. Ma setax jonqos ukoll li f’xogħol bħal dan Sammut jinkludi referenzi għal kittieba bħal Dante Alighieri, Boccaccio, Torquato Tasso, T.S. Eliot, Cervantes, Voltaire, Aldo Farini, Anton Caruana, Antonio Achelis, Alexander Sutherland, Walter Sott, W.H. Auden, u Michel Antonio Vassalli, kollha għal qalb ferm l-awtur.

Sammut mill-bidu jikteb li f’dan il-volum jipprova jifred il-fatti mil-leġġenda, bla ma jeqred għalkollox dak ir-romantiċiżmu li għandu rwol ewlieni fl-istorja tal-Ordni ta’ San Ġwann. Huwa jpoġġi l-istorja tal-Ordni fuq sfond ħafna usa’ billi jirrakkonta dak li kien qed iseħħ f’saltniet tal-madwar, fil-Lvant u fil-Punent. Attwalissimu hu anki l-kumment tiegħu, tipiku ta’ min qatt ma nħeba wara subgħajh: “La storia dei Giovanniti ritorna pertinente ai giorni nostri, di fronte alla recrudescenza dello scontro tra l’Islam e l’Occidente democratico. Sul fatto che il fondamentalismo islamico sia nemico della democrazia occidentale non vi è il minimo dubbio.” Iżda rridu ngħidu hawnhekk li matul dan ir-rakkont storiku tiegħu Sammut jinsisti ħafna u spiss fuq il-waqtiet ta’ qbil, armonija u rispett reċiproku bejn Insara u Musulmani matul l-istorja. Kapitlu li jispikka huwa dak li jirrakkonta l-Assedju l-Kbir: f’ċerti punti ta’ din il-kronaka r-rakkont ta’ Sammut – fejn jispikkaw personaġġi storiċi bħal de La Vallette, Dragutt - jilħaq qċaċet u climax mill-isbaħ u mill-esħeħ. Naqraw deskrizzjonijiet dettaljati anki ta’ battalji individwali li seħħew, jum wara jum, ġimgħa wara ġimgħa.

Wara dan ir-rakkont Sammut jikteb dwar il-bini tal-belt Valletta. Hawn l-awtur jinsisti ħafna fuq l-element tad-dixxiplina li fuqu nbniet din il-belt. Huwa jifhem x’inhuma l-punti li jsaħħuna u dawk li jdgħajfuna: il-korruzzjoni ġġib nuqqas ta’ dixxiplina, u b’hekk tmexxija tajba tnissel fost il-poplu rispett tar-regolamenti. Wasal iż-żmien meta l-Ordni ta’ San Ġwann ma baqax importanti rigward kruċjati, imma akkwista importanza ġdida f’rabta mal-attività tal-korsa li permezz tagħha nbnew bosta knejjes f’għadd kbir ta’ rħula.

Sammut jagħti importanza lill-aspett tal-kultura. Ifakkar li meta l-Ordni wasal f’Malta fl-1530 kien hawn diġà livell kulturali għoli fost l-aristokratiċi u l-ekkleżjastiċi Maltin. Ifakkarna li l-ewwel stamperija f’Malta nfetħet fl-1642 taħt il-Gran Mastru Lascaris, u l-ewwel ċensur kien proprju Gian Francesco Habela, missier l-istorjografija Maltija u awtur ta’ Della Descrittione di Malta, Isola nel Mare Siciliano, con le sue antichità, e altre notizie del 1647. Sammut ifakkarna wkoll li l-Ordni kien sponsor ta’ bosta pitturi magħrufin bħal Caravaggio, Perez d’Aleccio, Mattia Preti u Favray, li wara influwenzaw artisti Maltin bħal Gian Nicola Buhagiar, Francesco Zahra, Gaetano Calleja u Giuseppe Grech.

Naqraw ukoll tagħrif interessanti dwar il-qagħda ekonomika Maltija fis-seklu 18 li kienet sitwazzjoni ta’ kriżi u li l-Ordni pprova jsolvi parzjalment bil-ħolqien ta’ bosta postijiet tax-xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni. Kriżi bħal din ġabet firda bejn il-klassijiet soċjali, imma anki ġlied bejn l-Istat u l-Knisja, bejn il-Gran Mastru u l-Isqof. Sammut jagħti spazju lir-ribelljoni tal-qassisin li falliet minħabba li n-nobbli ma ridux jagħtu daqqa t’id lill-poplu mġewwaħ u ntaxxat bil-goff. Bosta mill-patrijiet kienu jgħixu mal-poplu u servew bħala għajn ta’ żvilupp intellettwali u soċjali għall-klassi l-baxxa. Hu hawn fejn Sammut iqiegħed f’kuntrast ir-Rivoluzzjoni Franċiża mar-ribelljoni tal-qassisin f’Malta. Ir-Rivoluzzjoni Franċiża ħalliet il-konsegwenza tagħha anki hawn Malta, għax wara l-waqgħa tar-re Luigi 16 il-ġid tal-Ordni fi Franza ġie kkonfiskat kollu. Apparti hekk, l-influwenza Franċiża daħlet Malta sa minn dħul l-Ordni f’Malta u dan witta t-triq għall-miġja ta’ Napuljun. Minkejja l-politika ta’ newtralità tal-Ordni f’dawn iż-żminijiet, din ma setgħetx ittul ħafna. Dan kollu jqiegħed lil Malta fuq livell internazzjonali: Sammut għalhekk jikteb dwar il-kuntatti tal-Gran Mastru mal-Ingilterra, ir-Russja u l-Vatikan. Jurina wkoll li l-fatt li l-parti l-kbira tal-Maltin huma konservattivi u jħobbu l-paċi u l-kwiet u kontra kull tip ta’ aġitazzjoni u ħsieb żejjed ġej minn sekli ilu.

Ma setax jonqos li Sammut jagħti wkoll importanza lill-wasla ta’ Napuljun f’Malta, u hawn jinkludi wkoll ir-rwol ewlieni ta’ Mikiel Anton Vassalli, Żebbuġi, figura illuminista, u favur ir-Rivoluzzjoni. Dwar il-wasla ta’ Napuljun f’Malta, Sammut jispjega d-differenza bejn żewġ sitwazzjonijiet: l-Assedju l-Kbir tal-1565 u l-imblokk tal-Franċiżi fl-1798. Hawn Napuljun ma għamilx l-istess żbalji li kienu wettqu t-Torok. Huwa interessanti t-tagħrif li jagħtina Sammut dwar l-Ordni wara li tkeċċa minn Malta, xi ħaġa li mhux kulħadd jaf biha. Fost dan, tissemma l-għajnuna li l-Ordni kien ta f’rabta mat-terremot f’Messina (1908) u matul il-gwerra bejn l-Italja u t-Turkija (1911), għajnuna lil-lebbrużi f’partijiet differenti tal-Afrika u lill-fqar u l-morda fl-Eritrea, fis-Sudan u partijiet oħra tal-Afrka, u għajnuna oħra li kompliet saħansitra fis-snin ’90 tas-seklu 20.

Dan u ħafna iktar jista’ jinqara f’I Giovanniti. La storia dei Cavalieri di Malta. Huwa ktieb bi preżentazzjoni mill-isbaħ, oriġinarjament miktub mill-missier li llum m’għadux magħna. Hu hawn fejn tidħol il-kollaborazzjoni tal-iben li jirnexxilu joħroġ għad-dawl, jagħti forma finali u koerenti lil materjal li għal snin baqa’ moħbi ġo kompjuter. U dan biex tingħata stampa sħiħa ta’ dan l-Ordni li għal snin twal kellu s-sede tiegħu f’Malta u ġarrab l-istess destin li għadda minnu l-poplu Malti.

I Giovanniti. La storia dei Cavalieri di Malta huwa ktieb li għandu jsib postu fuq l-ixkaffi ta’ kull min għandu għal qalbu l-istorja ta’ Malta. Huwa anki rigal ideali lil kull min għandu ħbieb Taljani li jixtiequ jsiru jafu iktar dwar din il-gżira żgħira bi storja kbira.

(Lulju 2016)


Sunday, June 5, 2016

MAL-ĦMURA TAX-XEFAQ ta' Charles Bezzina, BOV 2106.

Mal-Ħmura tax-Xefaq huwa ktieb li jiġbor fih 200 poeżija li din id-darba Bezzina kiteb bejn l-2011 u l-2014. Nifhmu mill-ewwel li dik tiegħu bħala poeta hija pożizzjoni privileġġjata li minnha kapaċi jara u jġarrab eserjenzi li mhux kulħadd kapaċi jesperjenza.

Dwar l-aspett TEMATIKU:

Charles Bezzina jżomm il-firxa ta’ temi li ttratta f’antoloġiji poetiċi imgħoddija. Fost dawn tirrikorri dik tal-imħabba. Din tispikka f’poeżiji bħal Tajtni x’nifhem (fejn il-poeta jesprimi x-xewqa u jfittex l-imħabba); Meta tiġi (fejn l-imħabba hija mifhuma bħala possibiltà futura imma anki bħala esperjenza tal-imgħoddi); Ġo xagħrek (fejn l-“int” jintrabat ma’ elementi ħafna ikbar minnu, dawk naturali); Nixtieq (fejn l-imħabba teżisti biss fid-dimensjoni tax-xewqat u hija mgħollija fuq pedestall); u F’għajnejk qed nara (fejn f’għajnejn il-maħbuba hemm il-kobor u l-misteri tal-infinit). F’Konna mmorru fuq ix-xtajta hija maħkuma minn sens qawwi ta’ nostalġija: niftakru li l-ħwejjeġ sbieħ u sitwazzjonijiet ideali ma jdumux, u jasal żmien ieħor meta posthom joħodulhom il-baħħ: “Waqfet tfewwaħ qajla ż-żiffa,/ u xewqatna ġew fix-xejn,/ morna għal rasna bla tkellimna,/ kellna l-baħħ ġo qalbna t-tnejn.” (p. 227)

Fil-versi ta’ Bezzina naqraw ukoll dwar il-kuntrast bejn iċ-ċokon tal-‘jien’-bniedem fuq naħa, u l-kobor tal-forzi tal-makrokożmu fuq l-oħra. Hekk f’Int ħadtni u ħallejtni wieħed jistaqsi min hu l-“int” li jindirizza l-poeta? Dan huwa dak l-ispirtu li bħal donnu qabad lill-bniedem u tefgħu jimraħ waħdu fost elementi naturali bħalma huma l-wied, l-għoljiet, ir-riħ, il-boskijiet, is-sisien u l-baħar. F’Xi jkun ir-riħ iwissi mikro- (it-tajr) u makrokożmu (il-kwiekeb u r-riħ) inisslu sens ta’ stagħġib u għadd ta’ mistoqsijiet fil-poeta.

F’Irrid ix-xbieha tal-ilma tesprimi anki l-bżonn li l-poeta (mela l-“jien”) isaffi lilu nnifsu u jiġġedded. Drabi oħra Bezzina jsib kenn fil-fidi bħalma naraw fi Trankwilla l-vuċi tiegħek, fejn il-vuċi li jikteb dwarha “taf tixgħelli xemgħa f’dalma kbira”, “tkenninni mill-irjieħ mgħaddbin, sfrenati,/ u tgħinni ngħum fil-ħalel bla ma negħreq”, jew “iġġibli s-sliem, il-kalma f’moħħi u f’qalbi,/ it-tama tal-ġejjien, is-serħ ta’ ruħi”. Din il-vuċi li jisma’ l-poeta tista’ tkun saħansitra dik tal-baħar. U dan jerġa’ jorbot mal-fatt li l-poeta hu bniedem sensittiv u li jinterjorizza dak kollu li hemm madwaru, u huwa attent għall-ħsejjes, taħbit u lħna tal-elementi naturali. It-twemmin bħala tema jerġa’ jinħass f’Nixtieq illi nitkisser, fejn naqraw dwar ix-xewqa tal-poeta-bniedem li jinbena mill-ġdid b’moħħ, ruħ u sensi aktar qawwija u sensibbli biex ikun jista’ jġarrab aħjar lil Alla: “Agħtini fl-aħħar sensi/ wisq iżjed qawwijin,/ ħa ngħum fil-kobor tiegħek,/ fi ġmielek, dawl divin.” (p. 222)

Is-solitudni hija motiv ieħor li jirrikorri fil-versi ta’ Bezzina. Din tinftiehem bħala kenn kontra t-tiġrib li jista’ jinqala’ f’poeżija bħal Fittex idħol u mur staħba. Fil-poeżija Tajra Bezzina jikteb, “Jien tajra illi nqtajt minn qatgħa kbira”, anki biex ikun jista’ josserva id-dinja umana minn ċerta distanza. Il-“jien” u l-baħar isiru ħaġa waħda f’Illejla jien u l-baħar billi jinħabbu f’solitudni, bla ma jwarrbu l-għarfien li dik tagħhom – “id-diq li jifni qalbna”, “l-uġigħ tagħna”, “l-ħtijiet kollha”- hija sitwazzjoni eżistenzjali xejn ħafifa. Dan b’xi mod jintrabat mar-relazzjoni bejn il-poeta u l-bqija tan-nies madwaru li naqraw dwarha f’poeżiji bħal Il-buffu u Buffu. Bezzina jikteb, “ninħeba taħt il-maskra kbira tiegħi,/ bla nuri ’l ħadd u ’l ħadd tassew min jien” (p. 90). Nifhmu li wara l-maskra li ddaħħaq hemm bniedem sensittiv bl-uġigħ u bl-imrar kollu tiegħu. Nifhmu wkoll li n-nies tinġibed lejn il-maskra għax taljena u ddaħħaq, mhux lejn dak li hemm taħtha, u dan ikompli jżid fis-solitudni tal-poeta. F’versi bħal Buffu niftakru wkoll li dak li jagħmel Bezzina hu li jberraħ permezz tal-versi dak kollu li jħoss matul waqtiet differenti. Huwa hawn fejn jilħaq livelli universali ladarba dak li jikteb dwaru mhux biss frott tiġrib personali-individwali imma jsir rifless ta’ dak li jġarrab il-bniedem in ġenerali. Proprju għalhekk spiss Bezzina jħaddem l-“aħna” bħala persuna grammatikali – ara l-poeżija Mewġiet ilkoll kemm aħna.

Anki Weġgħa hija poeżija ħierġa direttament mill-qalb u li b’xi mod jew ieħor tiddeskrivi l-“essenza” ta’ Charles Bezzina bħala bniedem u poeta: “Ġewwa jdejk nitlaqlek weġgħa,/ nagħtihielek bla ma tfuħ,/ fiha l-ġmied ta’ qalb mifnija,/ fiha l-krib, il-fwar tad-dmugħ.”

Dak li jagħmel Bezzina fil-versi tiegħu huwa wkoll vjaġġ. F’Għarrfuni jikteb, “il-weraq ta’ fdal ħajti/ qed jaqa’ xott, midbiel./ […] b’dankollu għadni nwerrek,/ inkaxkar, ma nċedix.” (p. 62) Il-poeta li qed jara li ż-żmien ma jistenna lil ħadd iħoss li xi darba t-triq trid tintemm anki għalih. Madankollu jsostni li mhux biħsiebu jċedi u dan anki bis-saħħa tal-poeżija. Il-ħajja - mit-tfulija sax-xjuħija - u l-qosor tagħha jiġu ttrattati fi Tfal aħna: hawn ir-ritmu mexxej tal-vers imħaddem (is-settenarji) jirrifletti l-ħeffa li biha tgħaddi l-ħajja.

It-tifkira u ż-żmien sabiħ tat-tfulija (issimbolizzat mill-“baħar sielem”) kontra l-għarfien li ż-żmien jgħaddi u kollox jitbiddel (il-“baħar tqawwa” u “t-tifel m’għadux aktar, tbiddel sewwa”) jidhru f’U meta konna ċkejkna u Qaluli nerġa’ lura rispettivament.

L-istaġun tal-ħarifa jerġa’ f’Ħarifa la tgħaddix: hawn dan l-istaġun, flimkien mal-baħar, jgħinu lill-poeta jirrifletti u jistrieħ fis-solitudni. L-element tas-serħan u tan-natura bħala duwa kontra stati ġewwiena differenti nerġgħu naqraw dwaru fil-poeżija Fil-ġnien tiegħi fejn Bezzina jikteb li l-elementi naturali jservuh “biex idawlu d-dlamijiet,/ biex iqanqlu l-ilma qiegħed,/ biex iserrħu l-qalb li nfniet.” F’Kuljum il-polz itektek naqraw dwar emozzjonijiet kuntrastanti: fuq naħa hemm it-tama (“Hemm tama tgħix ġo fina”), imma fl-istess ħin hemm ukoll l-għarfien tat-tmiem (“ninbarmu għad xi darba,/ u negħrqu minnufih.”). Kontra l-ħarifa mbagħad hemm ir-rebbiegħa li tintrabat ma’ żmien iż-żgħożija u li tispikka fil-poeżija Aħna żgħażagħ.

Il-protesta, għalkemm mhix waħda li tiġi espress bi vjolenza, tinħass fil-poeżija It-tajr. Hekk jikteb Bezzina:

“Tajr imġarrab, tajr tal-baħar,
ġie u mar, għadda ħosbien.
[…]
Tajr li qatt ma rajna bħalu,
tajr imwerwer, tajr anzjuż,
baqa’ sejjer bla sellmilna,
tajr tal-lejl, tajr misterjuż.”

It-tona ta’ protesta jerġa’ f’Ma rridx nara fejn Bezzina jixtieq jorqod għat-tul biex jaħrab mill-problemi tal-preżent, fosthom “il-jasar, bosta ġlied,/ il-għira, il-mibegħda,/ il-ġuħ, il-mard qerried”, kif ukoll “diżastri tan-natura,/ imwiet bil-multitudni,/ traġedji kbar mistura.”

Anki l-eleġija hija parti mir-repertorju ta’ Charles Bezzina. F’Nistħajlek. Lil Karen Azzopardi naqraw dwar din it-tfalja li hija ħlejqa bejn reali u bejn fantastika, u li toqgħod x’imkien bejn art u sema.

Hemm ukoll drabi meta Bezzina jittratta t-tema tal-poetika, mela meta jikteb dwar is-sengħa tal-poeżija jew dwaru nnifsu bħala poeta. Dan narawh f’Poeżija, fejn Bezzina jammetti li għajn ewlieni għall-versi tiegħu hija n-natura tipikament Maltija. Minħabba dan il-versi ta’ Bezzina huma miżgħudin b’riferimenti għall-elementi naturali tipikament Maltin bħalma huma l-baħar (fuq kollox), imma anki r-riħ u x-xemx. Fil-“baħar” il-poeta jara spazju ta’ misteri li jmur lura ħafna fiż-żmien. Hemm fis-skiet tal-mewġa Bezzina jilmaħ “elf sigriet” (ara Mewġa). F’Tajra (imma anki f’Minn dix-xtajta) l-baħar jintrabat ma’ ambjent ta’ kontemplazzjoni, fejn Bezzina jagħżel li “[j]oqgħod ħiem[ed] f’solitudni”, xi ħaġa li esperjenzaw poeti oħrajn bħall-istess Dun Karm Psaila fil-poeżija Waħdi. Il-baħar u l-meditazzjoni jerġgħu f’Il-vjaġġ tal-illużjoni, fejn Bezzina jikteb,

“Ninsabu lkoll maħkuma
minn ħsieb, meditazzjoni,
nitbiegħdu kuljum għadna
fil-vjaġġ tal-illużjoni.” (p. 154)

L-element tar-riflessjoni jerġa’ jispikka f’X’inhi din l-illużjoni, fejn għal darb oħra l-bniedem-poeta jirrifletti u jistaqsi dwar elementi ħafna ikbar minnu.   

Bezzina jinteraġixxi f’relazzjoni kontinwa mal-elementi naturali, l-aktar mal-baħar. F’Dan il-baħar dan l-element naturali jinftiehem bħala entità ħajja u spazju infinit ta’ għarfien (“Dan il-baħar jaf kull demgħa/ illi niżlet mis-smewwiet/ […] Jaf sigrieti klandestini/ illi jseħħu ġol-għerien”). F’poeżiji bħal dawn il-bniedem-poeta fiċ-ċokon tiegħu u l-baħar, ix-xtajta, is-sema, l-irjieħ u l-bqija (bħala parti mill-ħolqien il-kbir) isiru ħaġa waħda biex b’hekk jinkiseb għarfien usa’. Ħdejn il-baħar il-poeta jinħakem minn ġrajjiet imgħoddija li għandhom mill-ħolm u mill-imħabba (ara Kienet xtajta). Fil-poeżija F’torri msaħħar il-poeta flimkien ma’ preżenza oħra anonima jsib il-kenn minn “kull hemm u mrar”, u jħossu “maqtugħin minn kull progress,/ ħajja sielma mingħajr ħsejjes”. (p. 149)

Hemm imbagħad drabi oħra meta Bezzina jiddeskrivi spazji li jmorru lil hinn minn xtutna bħalma jagħmel fil-poeżiji Serfaus, Pfunds u Bavarja, kollha fl-Awstrija. Hawn il-poeżija takkwista l-karatteristiċi tar-ritratt ladarba Bezzina jsemmi xmajjar, baqar, djar biċ-ċmieni jdaħħnu, kaskati, għadajjar, muntanji, widien, ċriev, borra u l-bqija. Quddiem dan kollu Bezzina jikteb:

“Pastur f’dan kollu jiena,
nitpaxxa bid-dehriet,
mitluf f’dal-ġmiel, qed nikteb
f’din l-art tas-sħarijiet.” (Bavarja, p. 191)

Bi ħsibijietu Bezzina huwa poeta li jimraħ fi spazji differenti li għandhom mill-kobor tal-makrokożmu, imma anki mill-misteru lil jmur lil hinn minn kull possibiltà ta’ definizzjoni (ara Fi ħsiebek):

“Fi ħsiebek hemm l-ispazji ta’ kull kożmu,
il-kwiekeb jegħmżu ħiemda lil xulxin,
il-qamar jarmi r-raxx minn lewn il-fidda,
l-imrieżaq tax-xemx tikwi, lkoll dehbin.
[...]
Fi ħsiebek id-dagħbien ta’ fond imdallam,
il-kobor silenzjuż u mingħajr tmiem,
irkejjen eremiti u solitarji,
il-baħħ li ma jitfisser b’ebda kliem.”

Dwar l-ISTIL TA’ KITBA:

Il-kliem fil-versi ta’ Charles Bezzina għandu ritmu mexxej u jitwieled bla ebda diffikultà jew tqanżiħ. Dan però huwa frott min ilu jikteb għal snin twal u b’hekk għalih il-kitba saret sengħa. Dawn ir-ritmi poetiċi li juża Bezzina spiss joqorbu lejn ir-ritmi naturali tal-istess baħar li spiss isemmi: bħalma dan tal-aħħar jimla u jofrogħ, hemm ukoll ir-ritmi, daqqa jgħaġġlu u daqqa jimxu iktar bil-kalma.

Prosodikament dawn il-poeżiji ta’ Bezzina huma miktubin prinċipalment b’versi bħalma huma s-settenarji u l-ottonarji (li ritmikament huma versi li jistgħu jiġu anki kantati bla ebda tbatija), imma jitħaddmu ximindaqqiet ukoll il-kwinarji, is-senarji, id-dekasillabi u l-endeksillabi. Metrikament jaħkmu kważi esklussivament il-kwartini bir-rima mqabbża, mela l-istrofa ta’ erba’ versi bit-tieni u r-raba’ versi li jirrimaw. Hemm xi eċċezzjonijiet bħall-poeżija Jekk mhux ir-riħ (magħmula minn sestini) jew Trankwilla l-vuċi tiegħek u Illejla jien u l-baħar (magħmula minn strofi rregolari bla rima u endekasillabi). Mela strutturalment l-għażla ppreferuta minn Bezzina hija dik regolari u tradizzjonali.

Il-lessiku użat għandu kemm mis-Semitiku kif ukoll mir-Romanz, u li jintrabat l-iktar ma’ reġistri bħalma huma dak naturali u dak ta’ tiġrib il-ħajja.

Fost il-mekkaniżmi letterarji li jħaddem Bezzina hemm l-appell għas-sensi. Hekk f’Imxu miegħi naqraw “xommu r-riħa t’alka niedja,/ ħossu l-lehġa tal-mewġiet.”, u ftit wara “ħossu r-riħ ma’ xagħarkom ġej,/ togħmu r-raxx itir ma’ wiċċkom”. F’dawn l-erba versi Bezzina jappella għas-sens tax-xamm, tal-mess, u tat-togħma, filwaqt li jfakkarna fis-safa tal-elementi naturali li joffru serħan lil min jaf japprezzahom. L-appell għas-sensi jerġa’ f’Riħa ta’ baħar mielaħ fejn diġà fit-titlu hemm appell għas-sens tax-xamm u tat-togħma, filwaqt li naqraw versi oħrajn bħal “u l-karba mill-bogħod dwiet” (smigħ), u “riħa ta’ alka niedja,/ riħa ta’ ragħwa tfuħ” (xamm).

Hemm drabi meta kliem il-poeżija bħal jimita kliem għanjiet ritwali tal-imgħoddi li kienu jitnisslu mir-rabta tal-bniedem mal-elementi naturali. Hekk naqraw f’Illejla mingħajr qamar:

“Illejla mingħajr qamar,
inqabbdu lkoll in-nar,
nixegħlu mitt ħuġġieġa,
infakkru ġrajjiet kbar.
[…]
U ngħidu talb l-imgħoddi,
is-salmi tal-irjieħ,
l-għanjiet u l-litaniji
tal-baħar, tal-erwieħ.”

Drabi oħra l-istrofi jieħdu l-għamla ta’ mistoqsijiet rettoriċi (ara Jekk mhux l-ilma).

KONKLUŻJONI:

Dawn huma poeżiji li ma jistgħux jinqraw kollha f’daqqa għax jgħejuk ladarba lessikalment, tematikament u ritmikament huma simili ħafna. Dan jista’ jirrifletti ċ-ċokon – ġeografiku - li minnu ġej Bezzina, ċokon li jaħrab minnu permezz tal-immaġinazzjoni, tal-lehma u tal-versi li moqrija ftit ftit jinżlulek għasel. Huwa hawn fejn il-poeżiji ta' Bezzina jinftehmu wkoll bħala logħba infinita ta’ kliem li kull darba jitqiegħed f’ordni u skemi ġodda b’mod naturali biex jinħolqu xbihat, emozzjonijiet, u sensazzjonijiet ġodda fi-qarrej. Il-fliexken hum antiki, imma l-inbid li joffrilna Bezzina hu dejjem mill-itjeb. Il-forma hi tradizzjonali, imma l-poeżiji li naqraw f’Mal-Ħmura tax-Xefaq ipaxxu l-qalb, il-widna u r-ruħ. Dawn ta’ Bezzina huma poeżiji mgħobbijin bil-ħeffa ta’ riflessjonijiet profondi u li għalhekk jistgħu jinqraw ukoll minn taħt l-ilsien, imma jħallu fil-qarrej eku li jidwi għat-tul.

Din il-ġabra għandha daħla Kritika interessanti miktuba mill-Professur Oliver Friggieri.