Sunday, April 14, 2013

Barney l-Ispiżjar ta' Carmel Scicluna


Struttura u mekkaniżmi stilistiċi:

Barney l-Ispiżjar hu rumanz ta’ ftit iktar minn 350 paġna li jinqasam fi tliet partijiet ewlenin. L-ewwel parti ttul mal-105 paġni, it-tieni parti għandha mal-203 paġni u t-tielet 55 paġna. Ġeneralment l-ewwel parti hija magħmula minn kapitli qosra – b’16-il kapitlu li jvarjaw minn 2 sa 9 paġni, bl-itwal tlieta li għandhom 11, 16 u 22 paġna - u b’ritmu mexxej. It-tieni taqsima, li hija l-itwal, hija iktar frammentarja: Scicluna jaqsamha fi 11-il parti, biex imbagħad 8 minn dawn jaqsamhom f’partijiet iċken li jtulu minn paġna sa 29. Żgur li din il-frammentarjetà trid tirrifletti l-fatt li f’kull wieħed u waħda minna hemm personalitajiet differenti, skont iċ-ċirkustanzi li nsibu ruħna fihom. It-tielet parti hija kapitlu uniku. Hemm drabi meta Barney l-Ispiżjar jista’ jinħass monotematiku (ladarba Scicluna jinsisti ħafna fuq l-aspett politiko-soċjo-morali), drabi oħra monoritmiku (l-aktar fil-partijiet it-twal).

Spiss in-narrazzjoni ssir fl-ewwel persuna, imma ma jonqsux ukoll partijiet miġjubin fid-diskors dirett. Jintuża l-Malti idjomatiku, u Scicluna juri ħakma tajba ferm tal-Malti, anki dak Semitiku u arkajku ("maħrab”, "milbes”, "nitħanxlu”, "miksaħ”, "midwal”, "ħemel”, "mtieraħ”). Lessikalment ninnotaw din it-taħlita ta’ elementi differenti, anki Anglo-Sassoni: "tredmil”, "rower”, "pulaps”, "bodibegs”, "ġankfud”, "konstant woċċ”, "xortofstaff”, u bosta oħrajn.  Iħaddem bosta tixbihat, anki idjosinkratiċi, oriġinali u effettivi. Ikun interessanti ferm studju speċifiku dwar l-għadd kbir ta’ similitudnijiet u metafori partikolari. Lejn tmiem ir-rumanz naqraw dwar is-siġra li kien jeħtieġ li titqaċċat għax ħonqot kullimkien u ma seta’ jikber xejn ġdid iżjed, u l-istess missier Barney li jmut xiħ għakka: it-tnejn huma simboli ta’ ideoloġiji, mexxejja, partiti politiċi, mentalitajiet u atteġġjamenti partikolari li jkabbru għeruq profondi tant li xejn ma jkun jista’ jeħdilhom posthom.

Hemm ukoll l-użu tal-kliem fid-diminuttiv min-naħa ta’ Scicluna f’dan ir-rumanz (eż. ”bqajqa”, ”sġajra”, ”tqajba”, "dħajka”, "ċkejkuna”, "qħajba”, u bosta oħrajn). Xi drabi d-diminuttivi jirrappreżentaw  it-trivjalità li fiha sabet ruħha d-dinja tal-lum, jew il-limitazzjonijiet tal-għarfien kulturali tagħna, limitazzjonijiet intellettwali. Drabi oħra jistgħu jirrappreżentaw ukoll dinja bla ruħ.

Isiru matul ir-rumanz kollu bosta referenzi ta’ natura kulturali, mela għad-dinja tal-letteratura (Harold Bloom, James Joyce, Kafka, Philip Larkin, Coetzee, Beckett, Eliot, Gunther Grass, Yukio Mishima, Federico Garcia Lorca, Pablo Neruda, Yasunari Kawabata, Paolo Coelho), għaċ-ċinema (Fellini, Totò, Giulietta Masina, Antonioni, Charles Chaplin, Mel Gibson, Polanski, Zeffirelli, Robert Bresson, Kurosawa, Tsai Ming-Liang), għall-arti (Pollock, de Kooning, Chagall, Botticelli), għall-filosofija (Wittgensein, Nietzsche, Shopenhauer), u l-bqija.

Għall-ewwel Scicluna juża lingwaġġ naturali, mhux oxxen. L-oxxenità jeħdulha postha deskrizzjonijiet imlewnin, analoġiji li ma jdarrsux, anzi li juri s-sengħa tal-kittieb li jaf iwassal sew dak li għandu jgħid bla ma jaqa’ fil-baxx. Imma dan biss għall-ewwel. Aktar tard il-lingwaġġ oxxen jintuża anki biex naraw f’liema abissi ta’ immoralità waqgħet is-soċjetà Maltija tal-preżent. Hemm partijiet fejn Scicluna jħallat il-lingwaġġ sagru ma’ dak profan:
“U hemm għalfejn ngħid min kien il-qażquż reliġjuż l-ieħor li jien fula maqsuma miegħu? Dak li ma kienx joqgħod b’sabru jekk ma jinvistax kull kappella li jxomm imbexxqa u mrejħa bl-inċens sesswali!” (p. 279)

F’waqt ieħor prostituta Ukraina titqabbel ma’ relikwa, filwaqt li l-burdell hu mqabbel ma’ knisja. Fuq naħa naqraw b’diskors li xi drabi jmiss livelli għolja ta’ għerf; drabi oħra jitħaddem diskors li jintuża kuljum, anki klixes: “u laħaq mexxej ta’ kovin – jew x’jgħidulu” (p. 287); “dak hu l-poeta, sieħbi -” (p. 285); “Isma... ma rridx nisa Maltin, ta!” (p. 289); “ma rridx niddevja, ħi, x’kont qiegħed ngħid...” (p. 300)

Hemm drabi meta n-narrazzjoni tieħu l-għamla ta’ monologu, drabi oħra bħal donnu n-narratur jindirizza lill-istess qarrej, fejn juża l-“ħi”. Drabi oħra jindirizza lil xi ħadd fit-tielet persuna singular femminil permezz ta’ “għażiża” (p. 315). Din tista’ tkun l-istess Muża (“għażiża muża tiegħi”, p. 316). Mekkaniżmu li jħobb juża Scicluna hija l-ironija taqta’ li permezz tagħha jikkritika dak li ma jogħġbux. Fost l-oħrajn din tinħass sewwa diġà fl-għażla tal-ismijiet għall-personaġġi tiegħu: Adam, Eva, Barney, Speditu, Empedokle, Purpettu, u bosta oħrajn. Scicluna jagħti lill-persunaġġi tiegħu anki laqmijiet imlewnin, rifless ta’ soċjetà li għadha tgħix fl-imgħoddi, fid-dlam u fl-injoranza. Parti mill-mekkaniżmu ironiku ta’ Scicluna hu dak li jikkunsidra t-tajjeb bħala ħażin (eż. dak li jintqal dwar Dun Ġorġ Preca f’paġna 293), u l-ħażin bħala tajjeb (eż. meta l-qaħbu jitqies bħala “bniedem mistku”, p. 294). Ironikament jingħad li l-qaħbu għandu punt pożittiv ieħor favuru: mhux razzist ladarba l-prostituti li jħaddem huma suwed u bojod, bla distinzjoni. Jingħad li, “Id-drittijiet umani jiġu qabel dawk individwali... in-nisa suwed għandhom jaħdmu magħkom il-bojod bħall-aħwa...” (p. 295) Jekk il-qarrej ma jifhimx mekkaniżmi bħal dawn żgur li xi drabi kapaċi jiddarras sew, anki għax Scicluna jattakka spiss wkoll l-integraliżmi reliġjużi tal-poplu Malti.

Fid-deskrizzjoni ta’ Speditu, Scicluna jibdel dak li jidher normali f’grottesk (p. 46). Il-grottesk jerġa’ jitħaddem fid-deskrizzjoni tal-omm waqt u wara l-ħlas (bidu tat-Tieni Parti). Hawn insibu wkoll il-parodija meta Scicluna jiddeskrivi l-inżul tal-Amerikani fuq il-qamar. Anki d-deskrizzjoni tal-festin – fit-taqsima IL-QUĊĊIJA – tilħaq livelli grotteski, bin-nies mistiedna joqorbu iktar kejn il-bhima milli lejn il-bniedem fil-komportament tagħhom. Scicluna jinnota dan kollu fid-dettall u jwassalulna b’mod divertenti tassew: permezz tal-punto di vista ta’ Barney tarbija narratur. Ritmikament din hija parti li tgħaġġel, biex imbagħad tbatti apposta, jinħoloq sens ta’ stennija u tensjoni waqt l-għażla tal-oġġett minn Barney tarbija. Ftit aktar tard in-narrazzjoni terġa’ takkwista ritmu sfrenat li jaqtagħlek nifsek u jħallik bla kliem.

Hija effettiva l-logħba bil-kliem jew PUN li naqraw f’paġna 192. Effettiva hija l-paġna fejn Scicluna jinsisti fuq il-kelma “qabża” u derivati minnha f’paġna 301, anki hawn f’sens ironiku u parodiku.

Paġna oħra effettiva hija fejn Barney jiddeskrivi l-ewwel esperjenza li għamlitu raġel permezz ta’ ħolma flimkien mal-attriċi Taljana Monika Vitti. Anki hawn Scicluna jwassal il-ħsus tal-konkupixxenza żagħżugħa permezz tal-parodija, din id-darba bis-saħħa ta’ lingwaġġ filosofiku u eżistenzjali. Hemm drabi meta l-lingwaġġ li jħaddem Scicluna jieħdu minn slogans politiċi magħrufa jew proverbji bil-Latin marbutin mal-qasam reliġjuż.

Hemm ukoll waqt (p. 151) fejn Carmel Scicluna l-awtur jissemma direttament min-narratur, jew parti minnu, Benedittu. Il-parodija terġa’ titħaddem f’paġna 161 meta tissemma data eżatta, it-12 ta’ Ġunju 2004. Ironikament fil-ġenn ta’ omm Barney fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha hemm ukoll kliem li jagħmel sens. Hemm ukoll il-parodija ta’ Malta Kattolika: Dun Karm hu dejjem akkumpajnat minn Noelene; Barney tarbija jaqbad il-Bibbja waqt il-quċċija biex ftit wara jqattagħha biċċiet – parti li tista’ tixxokkja -; iz-ziju Salv jirremetti u z-ziju Pawl jagħtih attakka ta’ qamar, filwaqt li missier Barney jinqata’ għalih fil-kamra l-baxxa jserraħ ix-xewqat bestjali tiegħu. Dawn huma partijiet verament krudi u raffi, tipiċi tal-letteratura kontemporanja. Il-krudezza tad-deskrizzjonijiet u tal-kliem uċat trid tirrifletti l-krudezza ta’ soċjetà li tippoża bħala waħda ċivili u Nisranija, imma fil-verità tbiegħdet kilometri sħaħ minn dan l-ideal.

Ir-realiżmu,  il-grottesk u l-parodija bħal isiru ħaġa waħda tant li żgur se jkun hemm min jiddarras meta jaqra dan ir-rumanz. Ma jiddarrassx biss min għandu għajnejh miftuħin u mhux maħkum mid-dlam li xeħtu fuqna għal sekli sħaħ il-klassijiet tal-poter, barranin u Maltin, inkluża l-Knisja.

Scicluna spiss jitlaq minn dak li mdorrijin inġarrbu ta’ kuljum – eż. il-qtugħ tal-provvista tal-elettriku – biex ftit wara jilħaq livelli aktar riflessivi u profondi – eż. il-vera tifsira tad-dlam u tad-dawl (p. 319). L-awtur jgħaddi biż-żmien l-istess ortografija Maltija billi jesaġera meta jikteb frażijiet u kliem Ingliż b’ittri Maltin jew fil-verżjoni Maltija: fost dawn insibu “Il-Ktieb tal-Uċuħ” (Facebook), “ajpods”, “plejstejxins”, “emme pe erbgħa”, u bosta oħrajn. Hemm ukoll bosta waqtiet komiċi, bħal meta jidħol fl-ispiżerija Grezzju l-Imgħawweġ – padrun tal-prostituti - isaqsi għall-“kniedem”, plural ta’ “kondow”.

Teknika moderna li jħaddem Scicluna hija l-iżdoppjament tal-personaġġi tiegħu. Mal-“pimp” Barney jammetti li ma jistax jiġi rrappreżentat minn isem wieħed biss imma minn bosta, skont iċ-ċirkustanzi; u dan ifakkarna fis-soċjetà ipokrita u mimlija maskri li ninsabu fiha. Otin jista’ jinftiehem bħala l-parti l-imqarba ta’ Barney. Min-naħa l-oħra Benedettu huwa l-parti t-tajba. Hawn niftakru fin-narrattiva ta’ Luigi Pirandello, ta’ Italo Calvino jew ta’ Robert Louis Stevenson f’Dr. Jekyll and Mr. Hyde.

Jinħass l-assurd fis-sitwazzjonijiet li jlaqqagħna magħhom Barney/Scicluna, bħall-episodju tal-prostituta minorenni u l-boċċa tal-“ger liver”. Hawn l-assurd jintrabat ma’ dak li fil-wiċċ idaħħaq, imma fil-qiegħ ibikki għax għandu mit-traġiku, mill-bniedem bhima u mis-sadiku. It-traġiku jitbiddel f’komiku anki matul il-laqgħa bejn Barney u l-prostituta Ukraina ddisprata li tixtieq taħrab minn destin kiefer. Barney jiddeċiedi saħansitra jiktbilha “ħajku fuq il-wajtbord ta’ warraniha”, b’dedika lil qaddis protettur partikolari!

Spazji:

Spazju li jispikka hija l-ispiżerija ta’ Speditu f’nofs Ħal Qormi li tinftiehem bħala ċ-ċentru li jiġbed lejh kull tip ta’ nies. Hija wkoll il-laboratorju li fih Barney l-Ispiżjar jifli, iqaxxar karattri differenti, reali u mistħajlin (ara p. 65). L-ispiżerija tinftiehem ukoll bħala konfessjonarju u l-ispiżjar bħala dak li tiftaħ qalbek miegħu ħa jagħtik il-mediċina li teħtieġ. Għalhekk il-klijenti tal-ispiżerija jinftehmu wkoll bħala skjavi li qed jgħixu ħajja gidba. L-ispiżerija hija s-soluzzjoni għal kull tip ta’ problema, u jekk din in-norma tiġi mhedda jinħoloq paniku fir-raħlin. L-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek hawn mhu xejn ħlief simbolu ta’ dak kollu fis-soċjetà “moderna” li jaljenana, li jbegħedna mill-verità, li ma jħalliniex nikbru u naħsbu b’moħħna, mela dak kollu li b’ironija kbira Scicluna jikkritika f’dan ir-rumanz tiegħu.

L-istess raħal ta’ Ħal Qormi huwa spazju ewlieni f’Barney l-Ispiżjar. Huwa fuq kollox simbolu ta’ għeluq, piki, parrokkjaliżmu, spazju fejn ir-raħlin jaħdmu s-sena kollha għall-festa tal-qaddis patrun, u fejn issib saħansitra “poeti” tal-fuljetti parrokkjali li jiktbu versi tal-okkażjoni u monotematiċi, iddedikati lill-qaddis patrun, u jqisu lilhom infushom aħjar minn poeti veri. Hawn festi, zalzett, kaċċa u reliġjon jinxteħtu f’borma waħda li tiġi msejħa identità Maltija (p. 202)

Tematika:

Jinħass mill-ewwel li dik ta’ Carmel Scicluna hija letteratura ta’ introspezzjoni – Scicluna-Barney jagħmel bosta mistoqsijiet ta’ natura eżistenzjali -, imma anki ta’ denunċja, mela impenjata. Fl-isfond hemm Malta tas-snin 80 tas-seklu 20. L-awtur jiddeskrivi anki l-esperjenzi tiegħu fil-Liceo Vassalli tal-Ħandaq, f’nofs dawn is-snin. It-tiġrib li jgħaddi minnu Barney hu l-istess tiġrib li għaddiet minnu ġenerazzjoni sħiħa.  Scicluna jiddenunċja l-wiċċ b’ieħor u l-maskra; jiddenunċja n-nuqqas ta’ libertà li l-individwu jitrabba fiha fis-soċjetà sa minn ċkunitu; jiddenunċja l-psewdo-edukazzjoni li tnissel robots mhux imħuħ kritiċi. Aktar tard fir-rumanz Scicluna jikteb dwar din is-“sistema edukattiva kolonjali – nistudja bl-amment dak li hu approvat minn fuq, u ma nafx nistudja għal rasi [...]  u naħseb b’moħħi.” (p. 242). Kontra din is-sistema hemm il-mudell tal-Kokka li jikteb in-narrattiva u jista’ jitqies bħala l-eroj. Dan hu l-istess karattru li jitkellem dwar l-anti-edukazzjoni u jorbotha mal-idea ta’ gideb, konformiżmu u platitudnijiet.

Scicluna jiddenunċja anki l-kattoliċeżmu ipokrita tal-poplu Malti, it-tqasqis, il-linġwaġġ oxxen “tal-awturi Maltin sekolari post post-moderni” (p. 180). L-istess Kokka fuq naħa  jgħid, “Il-letteratura hi taqbida kontinwa... għażla iebsa..” (p. 246); fuq in-naħa l-oħra jsostni, “Nistmerr il-pornografija għax hija ċ-ċaħda sfaċċata tal-arti.” (p. 242) Aktar tard fir-rumanz naqraw ukoll li “l-arti mis-sofferenza tiegħek biss titnissel” (p. 284); trid tkun verament ġarrabt dak li tikteb dwaru, inkella tkun biss poeżija tal-imposturi.

Bħal Scicluna stess, fil-kitba tiegħu il-Kokka jħaddem umoriżmu nebbiexi u sottili. Jiddenunċja anki l-konsumiżmu u jorbtu mal-gidba, ladarba l-konsumiżmu jiddependi fuq ir-riklam u r-riklam minnu nnifsu huwa gidba. Jiddenunċja anki s-superfiċjalità tas-seksik li daħal ġo djarna u ħa “xeħta sofistikata u moderna” permezz tat-televiżjoni. (p. 265) Dik tagħna hi soċjetà bbażata fuq “tlablib li ma jikkonnettjax” (p. 265). Għalhekk il-Kokka jesprimi l-ħtieġa għal “taħdit intelliġenti u sensittiv”, “komunikazzjoni tabilħaqq, l-ispiritwalità profonda.” (p. 266)

Dan kollu joħroġ permezz tal-varjetà tal-karattri li jintroduċi Scicluna fir-rumanz tiegħu. Kontra Speditu, li l-interess ewlieni tiegħu hu li jagħmel il-flus minn fuq dahar l-injurant, Barney l-Ispiżjar, fl-ewwel jiem ta’ taħriġ tiegħu jimmira lejn il-fejqan tal-marda tal-injuranza. F’paġna 47 naqraw id-diskors ta’ Speditu dwar il-poter u ż-żiemel tiegħu li jfakkar fil-ġrajja ta’ Don Qiuxote u Sancio Panza. L-għerf ta’ Speditu mhux wieħed li akkwista mill-bankijiet tal-Università, imma mill-esperjenza u mill-ħajja. Anki jekk hemm il-qerq wara dak li jgħid, hu diskors li jagħmel sens. Hawn issir referenza indiretta għal Il-Marid Immaġinarju ta’ Molière.

Nassistu l-ħin kollu għal ġlieda interna li tifni lil Barney: fuq naħa hemm it-tiftixa biex ikun ħlejqa tajba, essri spiritwali; fuq l-oħra hemm il-ġibdiet sesswali u bla kontroll tiegħu. Dan jintrabat mat-teknika jew tema tal-iżdoppjament li b’xi mod tippreżenta lill-bniedem fi kriżi ladarba huwa l-ħin kollu f’tiftixa ġewwiena jipprova jifhem min hu verament. Naraw lil Barney l-ħin kollu mġebbed bejn żewġ estremi li jagħmluh wieħed: il-ħażin u t-tajjeb, l-iswed u l-abjad, il-virtù u l-vizzju, is-safi u l-imniġġeż. Scicluna jikteb dwar irġiel u nisa “tat-tiben” li huma lsira taż-żina, ta’ dinja trivjali u “glamorizzata”, ta’ gideb. Naqraw ukoll dwar ċerti ġibdiet omosesswali li xi drabi ngħaddu minnhom waqt il-fażi adoloxxenzjali.

Hemm ukoll l-ironija taqta’ f’rabta mat-tema ambjentali, imma anki fid-deskrizzjoni tal-isqaqien ta’ Ħal Qormi. Dan ifakkar fid-deskrizzjoni tal-Mandraġġ ta’ Ġużè Orlando (fir-rumanz L-Ibleh) tas-snin 30 u 40. Ifakkar ukoll fl-għeluq tar-raħal ta’ Fredu Gambin f’Il-Gaġġa ta’ Frans Sammut, jew dak deskritt fir-rumanz L-Għar tax-Xitan ta’ J.J. Camilleri. L-aċċent li Scicluna jagħti lil Janika hu dak li Ġwann Mamo jqiegħed fuq fomm ulied in-Nanna Venut. L-imħabba tal-awtur għall-ambjent naturali toħroġ anki permezz tal-lista ta’ ħxejjex, fjuri u ħlejjaq naturali li jagħti biex juri li nqerdu mill-progress (ara kapitlu 8).

Dik li jiddeskrivi Scicluna realist hija soċjetà maqsuma f’żewġ partiti. Tiġi ttrattata għalhekk anki t-tema tal-partiġġjaniżmu, tal-qaddisin u s-suldati tagħhom. L-awtur ma jiddejjaq xejn jgħaddi passata żmien anki b’għadd ta’ politiċi u figuri pubbliċi oħra tal-preżent. Hemm id-dimitizzazzjoni ta’ figuri pubbliċi marbutin kemm mal-qasam politiku kif ukoll ma’ dak tal-media.

Scicluna ma jeħlishiex lanqas lill-psewdo-awturi, isejjaħ il-Premju Letterarju tal-Gvern falliment, u jikkritika lill-mezzi tax-xandir politiċi. Jgħaddi passata żmien b’dawk l-awturi li jridu jimpenjaw mhux jiddevertu lill-qarrej, bla ħadd ma jifhimhom (kapitlu 10).

Dan ta’ Carmel Scicluna hu rumanz li fih juri li jaf minn ġewwa sa barra l-karattru Malti, id-DNA tal-poplu tagħna bil-ħażin u t-tajjeb tiegħu, bil-paradossi kollha tiegħu: dak li jidgħi, jiffornika u jqaħħab, imma anki jisma’ l-quddies kull filgħodu. Scicluna jikteb ukoll dwar il-konsum tad-droga min-naħa taż-żgħażagħ iddisprati (kapitlu 14). Permezz ta’ Barney l-Ispiżjar Scicluna jfakkar li dak tagħna hu poplu li jeħtieġ jimmatura u ma jibqax tfal; jeħtieġ jifhem x’inhuma l-veri problemi tal-ħajja. Ħadd ma jrid iħares lejn il-“Mera tal-Verità”. Irridu l-ewwel nagħarfu n-nuqqasijiet tagħna bħala poplu (fosthom anki l-insularità u l-istażi li ninsabu mdawrin bihom) biex wara ngħaddu għall-bidla. Barney l-Ispiżjar hu b’hekk rumanz li jipprova jiftaħ għajnejn il-qarrej kontra l-aljenazzjoni. Dan kollu ġie ttrattat mill-kittieba post-Indipendenza. Issa però d-data tat-tluq hija l-2004, mhux l-1964. L-għajta ta’ Scicluna hija “Viva l-bnedmin” u jemmen li “l-imħabba, mhux Malta, tiġi l-ewwel u qabel kollox.” (p. 342)
Lejn tmiem ir-rumanz Scicluna jittratta d-dixxerniment: “Kieku kull Malti jaf jiddixxerni ma jibqa’ xejn pololari.” Ftit qabel jikkwota lil Nietzsche: “Kull ħaġa popolari għandha xi ħaġa tinten għax hemm involuti fiha nies b’moħħ żgħir.” (dan kollu f’paġna 342).

Is-sess huwa tema ewlenija oħra fir-rumanz. Bosta minn dawk li jlaqqagħna magħhom Barney l-Ispiżjar huma bnedmin b’ġibdiet sesswali. Jinħassu għalhekk bosta influwenzi Freudjani: ir-relazzjoni kumplessa bejn Barney u missieru; il-ħakma tas-sess; l-ego mifhum bħala “duħħan ikkulurit” ġewwa fina, u l-bqija. Hemm it-tema tal-prostituzzjoni, anki tal-minorenni. Din tiġi ttrattata f’wieħed mill-itwal kapitli, kapitlu 16. Hawn Barney jħossu kompliiċi mal-ħażen ladarba mhux b’saħħtu biżżejjed biex jirrapporta dak li ma jogħġbux lill-Pulizija.

Barney l-Ispiżjar hu fuq kollox rumanz morali, mela jittratta l-ġlieda bejn it-tajjeb (Benedittu) u l-ħażin (Otin). Iżda minkejja li jemmnu fi ħwejjeġ opposti bejn Benedittu u Otin hemm ir-rispett reċiproku. Il-laqgħa bejn Barney (xi drabi Eros), il-Kokka u Benedittu (flimkien ma’ Otin huma dawk li Scicluna jsejħilhom l-erba’ kwadranti taċ-ċirku ta’ ħajjitna) fid-dar tal-Kokka ssir okkażjoni fejn dan tal-aħħar jesprimi l-iskuntentizza tiegħu b’dak kollu li qed jifni lill-bniedem proprju għax tbiegħed minn kull xatt morali u spiritwali. Il-bniedem hu mqabbel ma’ bram li jimxi mal-kurrent skont liema huwa l-iktar komdu. Issir ukoll distinzjoni bejn li tkun intellettwali – u għal Scicluna dan jista’ jkun “ipokrita, manipulattiv u brikkun” – u li tkun għaref – li m’hu l-ebda minn dawn. (p. 277)

Ir-rumanz ta’ Carmel Scicluna huwa riflessjoni dwar, imma anki tmellieħa ta’ dak kollu li jrid jidher jew jippoża bħala serju imma mhux, anzi huwa l-oppost, fis-soċjetà Maltija. Dan l-awtur jagħmlu bla ebda kantunieri u bla ma jaħfirha lil ħadd. Jittratta anki problemi soċjali bħall-pedofilija, il-qgħad fost it-tfajliet Maltin, u t-tħaddim ta’ bosta tfajliet suwed jew mill-Ewropa tal-Lvant bħala prostituti.

L-aħħar parti tar-rumanz tieħu l-forma ta’ trattat filosofiku–riflessiv, kważi monologu twil u uniku min-naħa ta’ Barney li jinżel ifittex fl-ibgħad irkejjen ta’ ruħu. Dan ġej ukoll mill-fatt li dak li jirrakkonta Scicluna hi storja ta’ “familja” fejn għalkemm kulħadd jgħix taħt l-istess saqaf jaħkem is-silenzju tal-inkomunikazzjoni. It-tmiem tar-rumanz hu fl-istess ħin miftuħ u enigmatiku: hemm il-bniedem li jipprova jifhem lilu nnifsu filwaqt li jaf li qatt ma jista’ jasal biex jagħmel dan.

Konklużjoni:

Inħoss li Barney l-Ispiżjar mhux rumanz għal kulħadd. Hu rumanz li jimmira biex jiddisturba lil dak li jkun, joħorġu apposta mis-sitwazzjoni komda (apparenti) u aljenata li dara jgħix fiha. Trid biss tiftħu, taqrah, tixtarru, biex tisma’ din l-għajta skomda tirbombja ġewwa moħħok.

Sunday, February 3, 2013

IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO ta’ Marcel Zammit Marmarà (SKS, 2012)


Dan huwa ktieb ta’ 402 paġni mill-isbaħ li jbaqbaq mill-bidu sal-aħħar bil-ħajja, vulkan fih innifsu li jikxef min-nieqa sal-qabar, minn barra sal-ibgħad irkejjen ġewwiena l-ħajja diffiċli u l-karattru xejn faċli tal-“Poeta tan-Nirien”. Hija bijografija miktuba bi stil mexxej, u ladarba tibdieha jiddispjaċik titlaqha minn idejk, u kif taqraha darba tħoss mill-ewwel il-ħtieġa li taqraha anki għat-tieni u għat-tielet darba.

Marcel Zammit Marmarà jerġa’ jagħti l-ħajja lil Karmenu Vassallo permezz ta’ ittri, intervisti, annotamenti, saġġi u kummenti li kiteb hu stess. Il-qarrej jifhem minnufih li dik tal-poeta mis-Siġġiewi qatt ma kienet ħajja faċli. Kien iltim, daq sewwa l-faqar, is-sagrifiċċji ta’ kull tip, l-umiljazzjoni, l-ingratitudni, il-firda li ġġib magħha l-mewt tal-għeżież, u l-mard. Studja għal patri, għadda minn żmien meta ma riedx jaf b’nisa jew żwieġ, bata s-solitudni, iżżewweġ u sar missier iktar minn darba, bata wara li tilef tlieta minn uliedu, ħareġ għall-politika u kellu rwol ewlieni f’dan il-qasam, għallem il-Liċeo, serva bħala suldat, kien qarrej tal-provi u traduttur prim u ħadem max-xandir u fil-qasam ġurnalistiku, anki bħala editur.

Dan kollu jikxfu Marcel Zammit Marmarà wara snin twal ta’ riċerka, korrispondenza, ġbir ta’ materjal varju minn bosta persuni kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. B’hekk joħroġ il-personalità ta’ dan il-Poeta umli li kelma ma kienx jomogħdha darbtejn u b’hekk żvoga fuq kollox permezz ta’ vrusu u anki permezz tal-ittri u s-saġġi li kiteb. Berraħ ħsibijietu f’bosta kitbiet li dehru f’għadd kbir ta’ gazzetti u kien jinkoraġġixxi poeti żgħażagħ, imma ħadha bi kbir kontra dawk li ħasbu li laħqu s-sema bil-versi sperimentali tagħhom fis-snin 60.

IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO hu ktieb li jpaxxik u li jagħti dak li ħaqqu lil min verament ħabb lil artu, lill-poplu Malti, u lil ilsien art twelidu. Prosit ukoll lil dawk il-bosta persuni li b’altruwiżmu u b’imħabba għaddew ammont kbir ta’ materjal lil Marcel Zammit Marmarà biex ikun jista’ joħroġ għad-dawl il-personalità kumplessa tal-“Poeta tan-Nirien”. Hawn wieħed jistaqsi, “Meta se toħroġ ġabra sħiħa tal-produzzjoni poetika ta’ Karmenu Vassallo?” Forsi dan ix-xogħol ikun jista’ jidħol għalih l-istess Marcel Zammit Marmarà u jiġi ppubblikat mill-istess SKS li minn dejjem tat spinta lil-letteratura permezz ta’ pubblikazzjonijiet mll-iprem.

Hemm waqtiet meta din il-bijografija tilħaq saħansitra l-ogħla qċaċet tal-patos li b’mod naturali tqabbeż saħansitra demgħa fuq ħaddejn il-qarrej attent, bħall-parti li tiddeskrivi l-aħħar waqtiet tal-ħajja tal-Poeta f’din id-dinja, wara żmien twil magħluq f’daru u mixħut fis-sodda minħabba mard differenti. Inħoss li hemm nuqqas ċkejken: ma ngħad xejn dwar x’seħħ waqt il-funeral u d-difna ta’ Karmenu Vassallo, fejn hu midfun, forsi anki x’inkiteb għall-okkażjoni, anki jekk Marcel Zammit Marmarà ma żammniex sajmin minn bosta referenzi biblijografiċi mill-bidu sal-aħħar.

Ikomplu jsebbħu u jsaħħu din il-pubblikazzjoni l-bosta ritratti b/w - aktar minn 50 – marbutin ma’ fażijiet differenti mill-ħajja tal-Poeta – li għal xi żmien kien hemm bosta li xtaqu jgħolluh għal Poeta Nazzjonali – u anki ritratti ta’ ittri ttajpjati jew miktubin b’id il-Poeta stess, flimkien ma’ poeżiji jew siltiet minnhom.

IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO għandu “Daħla” tal-Prof. Oliver Friggieri, “Nota tal-Awtur”, biblijografija vasta ta’ 52 paġna u anki Indiċi tal-Ismijiet. Din hija pubblikazzjoni li kull min għandu għal qalbu l-wirt Malti għandu jixtri u jaqra bla telf ta’ żmien.                          

PATRICK SAMMUT

IL-ĦAJJA MQALLBA TAZ-ZIJA RHODA ta' Alfred Massa


Aġius and Aġius, 2012

Spazju:

Ix-xena tal-ftuħ tiġi ambjentata f’sala tal-wasla tal-ajruport fil-Gudja. Hemm niltaqgħu mal-familja Sciberras, ġenituri u żewġ ulied li qed jistennew lill-qariba tagħhom mill-Awstralja. Min hawn imbagħad Massa joħodna fl-ispazju familjari tad-dar tal-familja Sciberras.

Hemm ukoll l-ispazju tal-Belt Valletta li jfakkar lil Rhoda fl-ewwel maħbub tagħha, George, baħri tan-navy. F’kapitlu 8 jissemma l-Water Front tal-Belt, bil-ħajja u l-moviment li jseħħ fih. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-Birgu, li jintrabat mal-festa ta’ San Lawrenz. Hawn isseħħ il-laqgħa – każwali jew le? – bejn Rhoda u George fil-preżent. Hemm ukoll l-ispazju tas-suq tipiku Malti, f’raħal tipiku.

Hemm ukoll spazju li jintrabat man-natura: il-Buskett. Massa jagħtina wkoll deskrizzjonijiet ta’ postijiet naturali mill-isbaħ fuq il-gżira tat-Tasmanja: huwa hawn fejn Rhoda tieħu deċiżjoni importanti, dik li terġa’ toħodha lura għall-għeruq.

Miċ-ċokon tal-ambjent Malti Massa joħodna għall-ftuħ u l-ħajja multi-etnika u multi-kulturali ta’ bliet bħal Melbourne u Sydney, postijiet għal qalb ħafna l-emigranti Maltin. Hawn taħkem soċjetà fuq kollox lajka, f’kuntrast ma’ Malta. Dan jagħmlu permezz tal-flashback. Imma fl-aħħar mill-aħħar hija Malta l-ispazju li fih kollox jerġa’ lura f’postu u sseħħ bħal rikonċiljazzjoni bejn imgħoddi u preżent.

Struttura u stil:

Dan hu rumanz ta’ 192 paġna li jinqasam fi 15-il kapitlu. In-narratur huwa onnixxenti li jwasslilna partijiet deskrittivi marbutin kemm ma’ ambjenti esterni differenti, kif ukoll ma’ stati ġewwiena jew ħsibijiet tal-personaġġi li niltaqgħu magħhom fir-rumanz. Ma’ dawn Massa juża wkoll bosta partijiet djalogati miġjubin fid-diskors dirett biex il-qari ma jsirx monotonu; parti sostanzjali minn dawn jintrabtu ma’ kif titkellem iz-zija Rhoda, mela parti bl-Ingliż u parti bil-Malti. Xi drabi Massa juża djalogar bl-Ingliż biex jiġbed saqajn dawk li jsiefru għal xi xhur jew sena, sentejn tlieta u jiġu lura b’ħafna qżież u Ingliżati.

Massa ma jiddejjaq xejn juża tip ta’ Malti li huwa mħallat sewwa mal-Ingliż. Hekk jew hekk dik hi r-realtà tal-ilsien Malti mitħaddet illum. Imma dan il-kliem Ingliż jippreferi jħallih fl-oriġinal u miktub fil-korsiv. Insibu bosta eżempji bħal "mini-buses”, "mobile”, "taxis”, "trolly”, "camera”, "leave”, u "souvenirs”.

Hemm drabi meta n-narratur bħal jindaħal u jindirizza lill-qarrej: "Naħseb li kienet għażlet l-aħjar triq, mhux hekk!” (p. 48) Jerġa’ jagħmel hekk fi tmiem kapitlu 12, meta jikteb, "Jgħidu li l-imħabba hi misteru. Jien nemmen li hekk hi!...” (p. 159),  jew fil-bidu ta’ kapitlu 13 meta permezz ta’ leħen in-narratur jikteb dwar ix-xhur ta’ Mejju u Diċembru. Dan żgur jintrabat ma’ Massa esejist.

Parti mill-istil ta’ Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda huwa wkoll is-sens ta’ misteru li jinħeba wara l-karattru ta’ Rhoda. Dan joħloq ċerta kurżità mhux biss fil-familja Sciberras, imma anki fl-istess qarrej. Insiru nafu xi ħwejjeġ żgħar dwar Rhoda minn Anna stess u anki minn dak li z-zija tgħid lit-tfal waqt il-ħarġa li jagħmlu flimkien. Naqraw aktar ’il quddiem li fi tfulitha u żgħożitha kienet għaddiet minn baħar imqalleb. Il-bqija dejjem jissaħħaħ ċertu sens ta’ stennija. Jissaħħaħ ukoll is-sens ta’ misteru meta Philip u Anna b’kumbinazzjoni jisimgħu liz-zija Rhoda titbaqbaq fuq it-telefown. Jikber is-sens ta’ preokkupazzjoni fihom. Però dan is-sens ta’ kurżità bħal jibda jittaffa bil-mod il-mod hekk kif Rhoda tibda tferra’ ma’ neputiha iktar dwar l-imgħoddi tagħha, u anki permezz ta’ flashbacks li Massa jintroduċi fir-rakkont tiegħu.  Id-deni ta’ Rhoda wara l-maltempata fil-Buskett, l-ismijiet ta’ Frank u Steve waqt it-thewdin tagħha u l-ittra misterjuża li tirċievi mill-Awstralja jkomplu jżidu fil-kurżità ta’ Anna u tal-qarrej. It-tensjoni tkompli żżid bis-saħħa tan-nevrożi li taqbad lil Anna minħabba l-ħafna misteri li taħbi warajha z-zija Rhoda. 

Minn hawn (kapitlu 8) imbagħad bħal jibda jinħass bħal sens ta’ countdown: wieħed jibda jistaqsi Rhoda meta sejra lura l-Awstralja biex kollox jerġa’ lura għan-normal?

Hemm waqtiet meta Massa jaqsam kapitlu f’partijiet – jew movimenti – differenti. Hekk jagħmel f’kapitlu 5 li jaqsmu fi tnejn, donnhom żewġ burdati differenti li joħduna lura fl-imgħoddi: l-ewwel parti tintrabat ma’ meta kollox kien sejjer tajjeb għal Rhoda fl-Awstralja; it-tieni parti tiddeskrivi avvenimenti meta kollox jaqleb għall-ħażin. Hawn naqraw dwar firda, nuqqas ta’ qbil, tqala mhix mistennija u saħansitra mewt. Hemm imbagħad it-tielet parti, qasira, li twassalna lura għall-preżent, fejn naraw lil Rhoda fid-dar tan-neputija f’Malta, donnha qamet minn ħmar il-lejl.

Hemm waqtiet meta Massa jintroduċi dak il-kumment  fi tmiem kapitlu li jnissel kurżità fil-qarrej biex b’hekk ikompli jaqra. Hekk fi tmiem kapitlu 11 wieħed jibqa’ jistaqsi għaliex Steve lil ommu jgħidilha, "Kultant, nibża’...” (p. 146)

Massa bħala kittieb misjur u ta’ esperjenza jorbot kapitlu ma’ ieħor, billi dak li jħalli mhux mitmum f’wieħed jispiċċah f’parti oħra ta’ kapitlu li jiġi aktar tard. Hekk, per eżempju, kapitlu 10 jintrabat mat-tmiem ta’ kapitlu 9 ladarba niskopru x’kien il-kontenut ta’ telefonata maqtugħa. Jorbot ukoll ma’ kapitlu tal-bidu għax insiru nafu bil-kontenut tat-telefonati li Rhoda kienet tirċievi waqt iż-żjara tagħha f’Malta. Eventwalment kollox bħal jieħu l-forma, jitpoġġa f’postu, jiċċara.

Il-kuntrast fil-"burdati narrattivi” jinħass ukoll f’kapitlu 6: għall-ewwel taħkem atmosfera ideali waqt mawra fil-Buskett, biex aktar tard titkisser permezz ta’ maltempata sorpriża.

’L hawn u ’l hinn Massa jħobb jintroduċi tagħrif ta’ natura storiko-reliġjuża, bħal dak dwar San Lawrenz (kapitlu 3). Dan jagħmlu biex jagħti laqta dejjem aktar realista lix-xogħol tiegħu. Jagħtina wkoll tagħrif dwar ir-rwol u s-siwi tal-Għaqdiet taż-żgħażagħ (kapitlu 4). F’kapitlu 6 Massa jagħtina tagħrif dwar wirt il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-bini tal-Buskett; f’kapitlu 13 naqraw tagħrif dwar Santa Luċija u l-leġġenda tagħha fl-Isvezja. F’kapitlu 15 naqraw tagħrif storiku dwar l-ewwel patrijiet Tereżjani f’Malta sa mis-seklu 17, u anki dwar il-knisja tagħhom f’Bormla.

Dwar ir-realiżmu ta’ min wieħed iżid jgħid li hemm ċerti drabi meta Massa bħal jinkludi ċerti trivjalitajiet biss biex jimla spazju: għandi f’moħħi l-episodju meta Rhoda tieħu l-influwenza meta tkun Malta (għalkemm dan jikxef ċerti ħwejjeġ interessanti permezz tat-thewdin), u l-episodju tal-ħruq tal-karozza ta’ Steve, li wara li jinstab il-kriminal responsabbli vittma tal-alkoħol kollox jieqaf hemm. F’dan il-każ episodji bħal dawn setgħu jew tqassru f’ċerti każi, jew inkellha ġew żviluppati aħjar.

Ir-rumanz bħal għandu struttura ċiklika: f’kapitlu 14 nerġgħu lura għall-ispazju li bih beda r-rakkont ta’ Massa, mela fl-ajruport tal-Gudja, bil-familja Sciberras terġa’ tistenna, din id-darba t-tieni wasla ta’ Rhoda. Din id-darba ninsabu fix-xitwa u mhux fis-sajf. Però, din id-darba kollox jidher li se jiċċara wara l-misteri kollha li kienet ġabet magħha Rhoda matul l-ewwel żjara tagħha f’Malta. Huwa hawn fejn passat u preżent jirrikonċiljaw ruħhom, u dan fuq il-gżira ta’ Malta. Dan ikompli jissaħħaħ meta, proprju fil-knisja ta’ Bormla, Rhoda u l-ewwel maħbub tagħha jiżżewġu wara snin twal ta’ firda.

Żmien:

Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda hu rakkont li jseħħ f’Malta wara li din daħlet fl-Unjoni Ewropea. Jiftaħ bl-istaġun tas-sajf, eżattament f’Lulju, imma bil-mod il-mod Massa jurina li ż-żmien għaddej. Dan jagħmlu b’referenzi temporali regolari li spiss jintrabtu wkoll mal-kalendarju Nisrani. B’kollox Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda għandu firxa temporali ta’ bejn wieħed u ieħor sitt xhur, bla ma ninkludu ż-żmien li jinkorporaw fihom il-flashbacks, u lanqas l-aħħar kapitlu (kapitlu 15), fejn tissemma l-Ġimgħa l-Kbira imma fejn jinħass li għaddew xi snin miż-żwieġ bejn Rhoda u George. Hekk it-tieni kapitlu joħodna f’Awwissu. Kapitlu 4 jdaħħalna fi tmiem Awwissu u bidu ta’ Settembru. Kapitlu 6 imbagħad jibda bid-data 24 ta’ Awwissu, il-Ħadd. Jissemma wkoll San Bert. Kapitlu 7 jintrabat mal-15 ta’ Settembru u l-festa tad-Duluri. Kapitlu 9 imbagħad joħodna fil-bidu ta’ Ottubru, meta Rhoda taqbad l-ajruplan lura lejn l-Awstralja. F’kapitlu 7 jissemma żmien il-Milied. Kapitlu 12 jintrabat mal-bidu tas-sajf fl-Awstralja, mela x-xahar ta’ Diċembru.

Hemm xi drabi però fejn jinħass li dan ta’ Massa mhux rakkont lineari mil-lat temporali. Kapitlu 3 jibda hekk: "Lulju spiċċa u daħal Awwissu”, meta fil-bidu ta’ kapitlu 2 konna diġà qrajna li, "Għalhekk kien beda Awwissu”. Apparti dan Massa jalterna bejn il-preżent (Rhoda f’Malta) u il-passat (Rhoda fl-Awstralja).

Kapitlu 14 iwassalna għal data speċifika: it-28 ta’ Diċembru. Hija data li tintrabat mat-tieni wasla ta’ Rhoda f’Malta.

Tematika:

Massa jitlaq minn fatt li jseħħ regolarment hawn Malta: familja Maltija tilqa’ f’darha għal xi żmien familjari emigranti. Għalhekk tema ewlenja fir-rumanz ta’ Massa hija l-familja, l-aktar dik Maltija miġbura taħt saqaf wieħed. Hija l-istess familja li minkejja li tgħaddi anki minn waqtiet imqallba, xorta waħda fl-aħħar tal-ġurnata terġa’ tagħmel paċi.

Mat-tema tal-emigrazzjoni tintrabat ukoll dik tal-imħabba lejn l-ilsien Malti. Diġà fil-bidu tar-rumanz naraw lil Anna, in-neputija ta’ Rhoda, tistaqsi lil zijitha jekk insietx il-Malti ladarba tkellimhom bl-Ingliż: "Isma’ zi, jaqaw insejtu għal kollox il-Malti?” (p. 7).  L-awtur bħal jindaħal u jinsisti fuq l-ilsien Malti bħala element ewlieni fl-identità tal-Maltin. Dan nerġgħu narawh f’paġna 57 meta lil min iħaddimha – Paul - Rhoda tgħidlu: "Qed ngħid, int twelidt f’dan il-kontinent u titkellem bil-Malti daqsi. Dan kif?” Paul iweġibha, "Sempliċi. Għax il-ġenituri dejjem tkellmu bejniethom u kellmu lilna bil-Malti!” Massa bħal jesprimi ħsibijietu permezz ta’ kliem Rhoda: "Ħaqqhom tassew prosit. F’Malta jkun hemm min isiefer għal ftit snin u jiġi lura bħallikieku jkun nesa lsien art tweildu.” Hawn l-awtur jesprimi l-idea li dan iseħħ għax għadna maħkumin mill-mentalità kolonjali u b’hekk inbatu minn ċertu sens ta’ inferjorità. Naqraw dwar dan anki f’paġna 144, meta Rhoda tgħid, "Mela għax bniedem imur joqgħod f’art barranija għandu jinsa u jwarrab ilsien art twelidu?”

Hija preżenti anki t-tema soċjali. Bis-saħħa ta’ għajnejn Rhoda Massa jwasslilna l-konfużjoni li taħkem fit-terminus tal-karozzi tal-linja tal-Belt (paġna 22). Il-bidla li minnha għaddiet Malta f’dawn l-aħħar snin tolqot sewwa lill-emigrant li jkun ilu ma jirritorna lejn art twelidu. Jissemma wkoll ċertu ħmieġ li hemm fil-Belt, ċerti komportamenti mhux xierqa miż-żgħażagħ (p. 23), u anki l-karozzi tal-linja qodma u żdingati, b’għadd ta’ xufiera żorri, flimkien mal-istat ħażin tat-toroq Maltin. Jissemma wkoll il-fatt li numru ta’ Maltin illum tbiegħdu minn ċerti prattiċi reliġjużi tal-imgħoddi, bħar-radd tas-salib f’okkażjonijiet differenti. Ma ninsewx li min qed jikteb huwa bniedem li twieled fl-aħħar parti tas-snin 30 tas-seklu l-ieħor u b’hekk jintrabat sewwa ma’ Malta kif kienet fl-imgħoddi, għalkemm mhu maqtugħ xejn minn Malta kif inhi llum. Massa jippreferi d-dixxiplina, l-armonija u s-sens ta’ rispett li kienu jaħkmu fl-imgħoddi.

Massa ma jiddejjaq xejn jammetti li dak tiegħu hu fuq kollox rumanz realistiku. Huwa jikteb dwar elementi bħalma huma l-imħabba, ix-xalar sfrenat, iż-żwieġ, it-tqala, l-ebusija tar-ras, il-vizzji u t-telfien ta’ iben, għażliet żbaljati, id-dubbji, il-ġlied u l-inkwiet bejn il-miżżewġin, u anki dwar il-vjolenza domestika, is-suwiċidju u l-għajbien ta’ persuna.

Hawn jidħol Massa bħala kittieb morali. Jinħass fost l-oħrajn fil-bidu ta’ kapitlu 10. Wara l-leħen onnixxenti tan-narratur hemm il-fidi Nisranija. Ma’ din tintrabat it-tema tal-konverżjoni li tasal f’kapitlu 11 permezz tal-personaġġ ta’ Fr Charles. F’kapitlu 15 Massa jikteb dwar iż-żwieġ veru msejjes fuq l-imħabba vera, u ż-żwieġ taparsi li jissejjes fuq il-pompa u x-xinxilli biss (p. 186).

Tispikka l-frażi li tagħlaq ir-rumanz: "Kull bniedem hu misteru fih innifsu!” (p. 192) Dan żgur hu rrappreżentat mill-personaġġ ta’ Rhoda. Tema ewlenija oħra li tagħlaq ir-rumanz, imma li tispikka fin-narrattiva kollha ta’ Massa, hija dik tad-destin. Wieħed jistaqsi: fl-aħħar Rhoda verament tikkonverti ruħha jew dan kollu kien parti minn pjan akbar minnha, pjan li fl-aħħar ġab kollox f’postu u f’ekwilibriju? Fl-aħħar mill-aħħar it-tmiem hu wieħed feliċi.

Konklużjoni:

L-idea wara Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda twieldet fis-snin ’70, imma nkiteb fis-snin ’80. Tliet elementi li jispikkaw f’kull rumanz ta’ Massa huma għeruq sodi ta’ realtà, immaġinazzjoni u dokumentazzjoni. Massa jemmen fis-sempliċità biex jifhmu kulħadd u biex jaċċerta ruħu li l-messaġġ jasal. Dan hu l-għaxar rumanz ta’ Alfred Massa. Huwa xogħol li għandu jintogħġob żgur minn min jixtieq jaqra storja interessanti, divertenti, mingħajr ħafna taħbil il-moħħ jew lingwaġġ li jdarras.

Patrick Sammut


Saturday, January 19, 2013

IL-BLATA TIEGĦI ta' Charles Mifsud (2011)


Mhix l-ewwel darba li fl-istorja tal-Poeżija dinjija imma anki dik Maltija l-poeti kitbu versi imma anki trattati jew riflessjonijiet marbutin mat-twemmin, anki meta l-poeta ma kienx patri jew qassis. Għandi f’moħħi poeti bħal Karmenu Vassallo u anki Oliver Friggieri, u qaddisin li se nsemmi aktar tard. Il-Blata Tiegħi hija ġabra poetika li timxi fuq il-passi ta’ din it-tradizzjoni. Tifrex fuq 175 paġna u li tiġbor fiha mal-203 poeżija. Hija maqsuma f’żewġ taqsimiet: hemm parti jisimha “Inti O Alla” (131 poeżija), filwaqt li parti oħra ġġib l-isem ta’ “Lilek Omm Alla” ladarba l-poeżiji hawn huma ddedikati lill-Madonna (72 poeżija). Il-Blata Tiegħi għandu “Kelmtejn mill-Awtur” u “Kelmtejn Qabel” mill-pinna ta’ Alfred Massa, illum President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin.

IT-TEMATIKA:

Il-ġrajja tal-Kotba Mqaddsa hija mgħoddija mill-għarbiel suġġettiv ta’ Charles Mifsud u mibdula f’versi sempliċi li jerġgħu jgħaddu l-messaġġ tal-istess ġrajja. Dan jidher f’Mill-Ġetsemani sal-Kalvarju fejn il-poeta Nisrani jwasslilna r-rakkont tal-passjoni f’għamla versifikata. Hemm min ħinu jgħaddih joffendi l-isem ta’ Alla; bil-kontra ta’ dan Mifsud f’kull waqt isib okkażjoni biex jiftakar, ifaħħar lil Alla u jiżżih ħajr. Mela dawk ta’ Mifsud huma poeżiji li jistgħu jinqraw bħala riflessjonijiet spiritwali f’kull waqt tal-jum u tas-sena. Wieħed jifhem għalhekk li l-“blata” ta’ Mifsud hija l-fidi Nisranija.

Hemm drabi meta l-versi ta’ Mifsud donnhom isiru leħen il-kuxjenza li jaf jiġbidlek l-attenzjoni u jwiddbek f’ċerti ċirkostanzi partikolari. Drabi oħra jservu bħala ħarsa lura lejn dak li wieħed għamel matul ħajtu u jġagħluh jistaqsi fejn żbalja u fejn seta’ kien aħjar. Hemm waqtiet meta Mifsud jispira ruħu minn Ġesù fil-maxtura, Ġesù tarbija; drabi oħra jispira ruħu mill-passjoni ta’ Kristu jew Kristu fuq is-Salib. Versi oħra huma dwar Kristu Rxoxt. Ma’ dawn tintrabat il-metafora b’saħħitha li naqrawha f’Zokk Niexef Li Warrad: “Kien zokk niexef li warrad,/ b’rimja ma tinxef qatt.” Iz-zokk hawn hu s-salib; warrad għax permezz tad-demm li xerred Kristu l-imħabba ma tmut qatt. Mifsud jispira ruħu anki mid-dawl ta’ lampier ċkejken f’Il-Lampier tas-Sagrament. Minkejja li ċkejken dawl bħal dan jiftaħ bibien wiesgħa fuq l-ispazji tal-meditazzjoni.

Charles Mifsud jiftaħ il-ġabra tiegħu billi jagħtina definizzjoni ħolistika ta’ xi jfisser Alla għall-poeta Nisrani (Imma Fuq Kollox Int Alla Tiegħi), u  huwa familjari biżżejjed mal-Mulej biex jindirizzah daqslikieku kien ħabib (Kif Qatt Stajt Ngħidlek Le). Hawn il-poeta juża kliem mill-ħajja ta’ kuljum – “ċempilli” - biex juri kemm il-Mulej hu preżenza ta’ kuljum f’ħajtu. Lil dan il-Mulej ħabib Mifsud ma jiddejjaqx jagħmillu mistoqsijiet differenti fejn hemm id-dubju (Ħa Nistaqsik, Mulej). Huwa permezz tal-poeżija li Mifsud jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet ta’ natura teoloġika, bħal f’Mulej, Kif Nista’ Nifhmek? F’U Jien Min Jien? il-poeta jitnebbaħ miż-żjara tal-Madonna lil Eliżabetta biex jiddikkjara l-umiltà tiegħu quddiem il-Mulej u fl-istess ħin juri li hu parti minnu. L-umiltà terġa’ tissemma f’Qatt Ħsibt Min Qajmek?. Hawn jinħassu elementi Franġiskani, u l-umiltà tal-ħlejjaq naturali li jagħtu ħajr lill-Ħallieq kull filgħodu jitqiegħdu f’kuntrast mas-suppervja u l-apatija tal-bniedem inġenerali. Dan jagħmlu wkoll f’Il-Ġieħ li Jistħoqqlok. Fl-umiltà tiegħu Mifsud isostni x-xejn tiegħu bħala bniedem f’Xejn m’Għandi Tiegħi. Dan l-istess element jinħass ukoll f’Għoddni b’Tifel Żgħir, referenza diretta għal kliem Kristu, u l-idea tal-bniedem innoċenti, mhux korrott u mgħobbi bid-dnub.

Dan Alla f’Hu Biss jinftiehem bħala “Sid ta’ kollox,/ l-Imgħallem tal-ħolqien”. Mela quddiem xeni tan-natura fl-eħrex waqtiet tagħha bħalma huma l-apokalissi, hija l-fidi li taf trażżan il-biża’ fil-bniedem.

F’Għaddej Fuq Mirkeb Sod il-fidi tinftiehem bħala vjaġġ fuq ġifen li jwassal sax-“xatt l-ieħor”. Il-poeta juri fiduċja sħiħa fil-kaptan. L-objettiv ta’ Mifsud hu wieħed: dak li jitwaħħad mal-Mulej (Int Biss, Mulej), dak l-istess Mulej li minkejja l-ħażen u d-dnub jibqa’ dejjem imħabba u lest li jaħfer lil min jisgħobbih (Kieku l-Bniedem Jaf x’Qed Jitlef).

F’Teżori jikteb dwar id-differenza bejn it-teżori fiergħa tad-dinja u dawk tas-smewwiet. Jiġi ttrattat hawn il-kuntrast bejn flus u fidi. Dan b’xi mod jintrabat ma’ dak li jikteb f’Salib it-Toroq: “Għax naf li l-għan tat-triq mhux kif se tibda,/ ’mma fejn se twassal fl-aħħar, lejn it-tmiem.” F’7 ta’ Jannar Mifsud ifakkar li l-Milied hija fuq kollox festa tar-ruħ, mhux tal-ġisem u jistaqsi, “Issa li l-festi spiċċaw,/ għar-ruħ,/ x’seħħilna nakkwistaw?”

Id-dgħjufija tal-bniedem – proprju għax dejjem jerġa’ jaqa’ fid-dnub -  terġa’ tidher f’Ċarċart Demmek Kollu. Anki f’Mal-Ħabbata Ħallejt Nota l-bniedem ifisser dgħjufija, imma l-poeta hu b’saħħtu biżżejjed biex jitlob maħfra. Kuntrast ieħor jidher fi Triqtek fejn Mifsud jikteb dwar l-ipokrisija tal-bniedem kontra l-verità bla kompromess li għallem il-Mulej. Kontra l-allat pagani Mifsud ifakkar f’Alla li għandu mis-sewwa, mill-qawwa, mis-sliem u mill-ferħ f’Farrak Dawn l-Allat tal-Ġebel. Ispirazzjoni oħra mit-Testment l-Antik naqraw dwarha f’Meta Nintilef f’Deżert: hawn Mifsud jorbot dak li ġara fid-deżert qabel il-wasla ta’ Kristu ma’ dak li jgħaddi minnu l-bniedem illum. Din id-darba però d-deżert jiddeskrivi stat ġewwieni, mela lill-bniedem li jinħakem mill-kburija u jitbiegħed minn Alla. Quddiem din it-theddida, f’Ħudli Kollox il-poeta jitlob lill-Mulej biex isaffih minn dak kollu li hu ta’ piż, biex minflok iħaddan elementi tajbin bħas-sewwa, l-imħabba u d-dehen. Id-deżert nerġgħu naqraw dwaru f’Fl-Għama Tiegħi: huwa simbolu tat-tentazzjoni li jkollu jaffaċċja l-bniedem. Aktar tard issir referenza għall-Mulej li jerġa’ jagħti lura d-dawl lill-għomja-midimbin.

Versi soċjo-morali jidhru f’Il-Bniedem Donnu Nesa, fejn ix-xbieha tal-brimba li tinseġ l-għanqbuta hija simbolu ta’ dak kollu li għamel Alla u li qed jeqirdu l-bniedem. F’Ikel u Xorb il-Ħajja Mifsud jinħass bħala ottimist għax jemmen li llum bla ma jaraw hemm miljuni li jemmnu. L-aspett soċjo-morali jinħass ukoll f’Sejjaħtli, Mulejja, fejn il-poeta jikteb dwar dawk il-waqtiet li jqatta’ quddiem kaxxa partikolari, it-televiżjoni. Minn din joħorġu “ħmerijiet ta’ ebda sura” li “faċilment jissarrfu ħsara”. Kontra dan hemm leħen il-Mulej li jissarraf f’“balzmu,/ fejqan, benniena ta’ ħlewwiet.”

L-istess aspett soċjo-morali jinħass fi Kristu Sultan fejn Mifsud jgħid li ironikament “il-folol jippreferu l-Ġimgħa l-Kbira,/ fejn issir it-tifkira/ ta’ Kristu maqtul.” Fuq in-naħa l-oħra Il-Kurċifiss tal-Klassi tieħu l-għamla ta’ reazzjoni kontra min qal li l-kurċifiss fil-klassijiet tal-iskejjel irid jispiċċa.
Anki Verità li Tweġġa’ hija poeżija b’aspett soċjali qawwi. Mifsud jikteb dwar “gwerer, konflitti, diżgrazzji”, “Terroristi u nies suwiċida,/ refuġjati misjuba mgħarrqin”, “pedofilja u nisa mjassrin”, “ħtif t’ajruplani”, “ostaġġi”, “imġewħin,/ sess u droga”. Quddiem dan kollu l-unika maħfra tista’ tasal biss mill-Mulej, u dan bis-saħħa tal-ħniena kbira tiegħu. L-Istatwa Mhix Alla huma versi kontra l-idolatrija jew l-adorazzjoni ta-ixbihat u l-istatwi. Hawn il-poeta jfakkar li Alla “huwa spirtu” u li “Jidher bl-għajnejn tal-fidi/ u jgħix fil-qalb, fir-ruħ”.

F’Lażżru u Jien Mifsud jitlaq minn episodju bibliku ieħor biex ikun jista’ jdomm it-talba-poeżija tiegħu indirizzata lill-Mulej:

“Qallimni
mill-mewt tal-apatija,
saffini mill-ħtija
li biha nħoss ruħi mifnija.”

Il-mewt hija inevitabbli. F’Karovana tal-Mejtin Mifsud jimmaġina purċissjoni ta’ erwieħ miexja lejn il-“misraħ tal-qorti tal-ġustizzja/ quddiem tliet Imħallfin.” Il-mod kif għexu ħajjithom issa jissarraf f’eternità.

Ma setax jonqos li  f’ġabra mlewna bħal din ma jkunx hemm poeżija ispirata minn kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II: din hija “Totus Tuus”.

Il-figura tal-Madonna tispikka fit-tieni parti. Sultana tal-Imħabba hija ddedikata lill-Bambina u l-festa tat-8 ta’ Settembru. Mifsud ifakkarna li bħala poplu dejjem tlabna u rċevejna l-għajnuna tagħha, l-aktar fi żminijiet imwiegħra bħall-Assedju l-Kbir fl-1565 u t-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad f’Fost in-Nisa li Jħobbuni Mifsud juri gratitudni lejn ommu, lejn martu, imma fuq kollox lejn il-Madonna, “omm ir-redenzjoni”, “l-Omm l-aktar ħanina’, “Omm il-faraġ fit-tbatija,/ Omm it-tama fl-art smewwija.” Aktar karatteristiċi f’rabta mal-Madonna naqraw dwarhom f’Ġieħ u Qima Lil Marija: “Omm it-tjieba”, “it-triq tat-tama tagħna”, “Omm ħanina, Omm l-Imħabba,/ serħ il-qalb, fejqan ir-ruħ”.

Il-Madonna hija wkoll Dik li lejha Mifsud poeta jindirizza numru ta’ mistoqsijiet, bħalma tifel jagħmel lil ommu. Dan narawh f’poeżiji bħal Għidli, Marija u ...U Xtaqt Nistaqsik.

L-GĦAŻLA TAL-FORMA U ELEMENTI STILISTIĊI OĦRA:

Charles Mifsud hu midħla sew tal-Kotba Mqaddsa. Huwa jitlaq minn dawn biex wara jintroduċi l-kumment tiegħu u fl-aħħar jasal għal tifħir il-Mulej daqslikieku kien l-aqwa salmista. F’Qegħdin Nagħżlu l-Ġandar il-poeta jitlaq mill-episodju tal-ħruġ mill-Eġittu biex fl-aħħar jasal għall-versi soċjo-morali:

“Flok ngħixu bit-tgħam,
qed nagħżlu nitbiegħdu minn Alla
u nimxu fid-dlam.”
Hemm drabi oħra meta Mifsud jagħmel bil-kontra: jitlaq minn dak li nġarrbu kuljum biex jasal għall-ħsieb reliġjuż. Hekk jagħmel fi Ġmiel Alla Tagħna, fejn jitlaq mid-dawl artifiċjali u naturali biex fl-aħħar jikteb dwar id-dawl metafiżiku u spiritwali.

Hawn naraw lil Mifsud bħala kittieb ta’ salmi moderni ta’ twissija u ta’ tifħir. Naqraw ukoll b’salm ta’ ferm bħal Ifraħ,O Ruħ.

Dawk ta’ Mifsud f’din il-ġabra poetika huma poeżiji miktubin kemm bil-forma tradizzjonali – mela jintrabtu ma’ regoli metriċi u prosodiċi speċifiċi -, kif ukoll bil-vers ħieles – mela jqarrbu lill-poeta lejn il-forom moderni. Prosodikament, mela bħala tul ta’ versi , huwa jħaddem il-bisillabu, it-trisillabu, il-kwadernarju, il-kwinarju, is-senarju, is-settenarju, l-ottonarju, in-novenarju, id-dekasillabu, l-endekasillabu u d-doppju senarju. Imma mbagħad hemm bosta waqtiet fejn jesperimenta b’dawn il-forom tradizzjonali billi jorbot l-ottonarju mal-kwadernarju, in-novenarju mal-kwinarju, is-settenarju mal-endekasillabu, is-senarju man-novenarju u d-doppju senarju, u t-trisillabu mal-kwinarju, is-settenarju u l-endekasillabu, biex fl-aħħar mill-aħħar joqrob lejn il-vers ħieles f’bosta mill-poeżiji tiegħu. Ir-ritmu tas-settenarju fi Stħajjil il-Ġenna jirrendi x-xbieha tal-ġenna iktar pjaċevoli, u għalkemm mhix regolari, ir-rima u r-ritmu tas-settenarju jirrendu din il-poeżija ddoqq sewwa għall-widna. L-ottonarju jwassal ir-ritmu tal-innu f’Ġieħ u Qima Lil Marija.

Bħala tul ta’ strofi jħaddem it-terzina fi ftit każi (bħal f’Xejn m’Għandi Tiegħi, f’Aħna Ulied id-Dawl,  jew f’tip ta’ sunett Minn Tarf sa Tarf ta’ Malta), imma fuq kollox il-kwartini b’rima mqabbża jew bla ebda rima, jew il-kwartini tas-sunett Ingliż bħal f’Nixtieq Inkellel Rasek jew Ħdejn is-Santwarju ta’ Pinu, jew l-ottavi b’rima mqabbża bħal f’Lill-Qalb Imqaddsa ta’ Marija, imma anki l-vers maħlul, bħal f’Mhux Kollox Jintemm, li hija kollha kemm hi magħmula minn endekasillabi bla ebda rabta ta’ strofa jew rima. Hemm drabi oħra meta Mifsud iħaddem ir-rima mbewsa (Teżori). Min-naħa l-oħra Mifsud joqrob lejn il-poeżija moderna meta jikteb poeżija b’metrika ħielsa, mela bi strofi ta’ tulijiet differenti, u anki meta xi drabi jħaddem ukoll il-vers projettiv bħal f’Bis-Sinjal tas-Salib, fejn il-forma tal-poeżija diġà tirrifletti b’xi mod it-tema.

Ċerti drabi Mifsud jinkludi fil-versi tiegħu d-diskors dirett u anki referenzi diretti għall-Vanġelu, bħal fi Dnubietek Maħfura. Din hija poeżija li għandha mid-djalogu, mit-talba u mir-riflessjoni fl-istess ħin. Hemm drabi meta l-użu tal-virgoletti u d-diskors dirett jagħtu iktar saħħa u ħajja lill-versi ta’ Mifsud (Fil-Kappella ta’ Santa Marija). F’Hieni l-Bniedem il-poeta jiftaħ kull waħda mill-ħames strofi li jikkomponuha b’din il-frażi li tfakkar fid-diskors ta’ Kristu fuq il-Muntanja (Mattew 5). Darba Kellimni Alla għandha mill-parabbola: iż-żewġ kaxxi li jsemm Mifsud huma wkoll simbolu tal-imħabba li Alla għandu għall-bniedem - “Għax tajtni kaxxa tajba/ u l-oħra bit-toqbiet?”/ Weġibni: “Waħda biex tinsa n-niket,/ l-oħra tgħodd il-barkiet.” Min-naħa l-oħra Jiena Nemmen takkwista l-għamla ta’ Kredu, bit-tliet strofi tal-poeżija jibdew b’din il-frażi hekk b’saħħitha. Hemm ukoll ir-ritmu tal-litanija bħal fil-versi Saħħa tal-Morda jew O Qaddisa – Omm Ħanina.

Lessikalment il-parti l-kbira tal-kliem li juża Mifsud hu ta’ nisel Semitiku għalkemm ma jiddejjaqx juża lessiku Romanz fejn ikun hemm il-ħtieġa. Mifsud juża wkoll kliem arkajku, prova tal-wirt lessikali li tlifna matul iż-żmien minħabba raġunijiet differenti. Lingwistikament il-versi ta’ Mifsud huma wkoll prova ħajja ta’ kemm l-ilsien Malti hu dinamiku, mużikali, varjat u għani, filwaqt li mhux nieqes minn ritmi li jpaxxu lill-qalb u lill-widna.

Metaforikament jislet bosta xbihat direttament mill-Bibbja. Iż-Żewġ Blatiet li jikteb dwarhom Mifsud huma Ġesù u l-Madonna li joffru kenn u sigurtà. Il-baħar jissimbolizza l-isfidi u l-problemi li l-poeta bħala bniedem jħabbat wiċċu magħhom. Iżda f’...U Nsiru Ħaġa Waħda l-baħar huwa l-Mulej fil-kobor tiegħu, filwaqt li l-bniedem hu biss qatra ilma. Il-baħar u l-qatra jitwaħħdu biss permezz tal-Qrar u l-Ewkaristija. Il-fidi bħala “blata żonqrija” naqraw dwarha f’Ħa Jinħarqu Xofftejja, u titqiegħed f’kuntrast ma’ “qillet il-baħar imxajtan/ li jrid iġarrafni f’abbiss.” Aktar xbihat meħudin mid-dinja naturali – ix-xewk, il-widien, il-kewkba, u mill-ġdid, il-baħar – jitħaddmu fit-tieni parti tal-ġabra ddedikata lill-Madonna li spiss tiġi ppreżentata fil-waqtiet ta’ wġigħ li qasmet ma’ binha waqt il-passjoni tiegħu.

Metafora effettiva oħra hija dik tal-kitarra skurdata li naqraw dwarha f’Tiġdid tal-Fidi, li tissimbolizza dawk il-waqtiet meta l-bniedem jitbiegħed minn Alla. Hemm drabi meta jilgħab bil-paradoss (Narak). Is-salib hu paradoss fih innifsu: ifisser tbatija u salvazzjoni fl-istess ħin (Salib Glorjuż). Dan naqrawh ukoll f’Is-Salib Glorjuż, fejn naqraw li s-salib “minn għodda ta’ għajb u stmerrija,/ sar l-għożża tal-kotra mifdija.”

Xi drabi l-poeżija għandha wkoll mill-pittura. F’Fuq l-Altar tas-Sagrifiċċju naraw lil Kristu msallab u ommu Marija tħares lejh. Il-poeżija hawn għandha mill-ikona li quddiemha wieħed jieqaf u jimmedita, jifli ċerti dettalji li jmissu l-qalb u r-ruħ. Permezz ta’ dan il-kwadru l-poeta jistqarr ħtijietu. F’Għid il-Ħelsien naqraw bl-ilwien u l-ħsejjes f’Jum il-Għid, jum ta’ rebħa. Hemm drabi meta Mifsud jispira ruħu mill-pittura: hekk f’Ix-Xbieha ta’ Fuq Rasi jikteb dwar kwadru li juri lil Kristu Msallab.

Il-poeżiji li għandhom mit-talba, mill-innu kantat u mil-litanija, kollha jwasslu biex dak li jkun għal waqtiet jinqata’ mit-toqol tal-ħajja ta’ kuljum u jħossu elevat spiritwalment.

L-ISPAZJI TAL-FIDI:

Fil-versi ta’ Mifsud niltaqgħu ma’ għadd ta’ spazji li jintrabtu mal-fidi. Hekk f’Is-Salib tal-Għolja tissemma “l-għolja tas-Siġġiewi”. F’L-Għotja Tiegħi l-poeta jinsab f’kappella quddiem xbieha tal-Madonna. Mifsud jinkludi poeżija bl-isem ta’ Fil-Kappella ta’ Santa Marija (Ħaż-Żabbar). F’Għajn Riħana l-poeta jispira ruħu minn kappella “vojta, mingħajr tlellix,/ ħajt lixx, mingħajr pittura,/ il-ġmiel ma jeżistix.” Waqt u spazju jintrabtu flimkien f’Serenità: il-waqt hu “l-ewwel imrieżaq min-naħa tal-Lvant” jew “fl-għabex tal-jum”, filwaqt li l-ispazji msemmija huma “fuq xifer ix-xtajta” u mill-ġdid “fuq bank ġo kappella”. Huma f’dawn l-ispazji-waqtiet fejn il-poeta jsib is-sliem u jħossu ħaġa waħda mal-Mulej.

Hemm ukoll il-poeżija Quddiem Kristu Msallab, versi li Mifsud stess jgħid  li kiteb fil-parroċċa ta’ Fleur-De-Lys fejn trabba u għadu jgħix. Versi jixxiebhu huma Quddiem l-Istatwa tal-Karmnu (Fid-daħla ta’ Fleur-De-Lys) u Ħamsin Sena Ssaltan Fuqna (Parroċċa Fleur-De-Lys). Huma versi ħerġin mill-qalb, mhux miktubin għall-okkażjoni, imma frott l-ispirazzjoni li tħeġġek tiżżi ħajr u tfaħħar lil forzi akbar minna. B’Kara jerġa’ jispikka bħala spazju tat-twemmin f’Għaliex it-Titlu tal-Ħerba? fejn Mifsud jikteb dwar is-santwarju tal-Madonna tal-Ħerba. Dan is-santwarju jerġa’ jissemma f’Għall-Ħoss tal-Qanpiena.

Ħdejn is-Santwarju ta’ Pinu hija dwar l-oriġini ta’ dan l-imkien speċjali qrib l-għolja Ta’ Għammar. F’Minn Tarf sa Tarf ta’ Malta l-poeta jfakkarna li l-gżejjer Maltin huma miżgħudin b’imqades iddedikati lill-Madonna. Għawdex jerġa’ jissemma f’Il-Kappella ta’ Lourdes (Fuq il-Port ta’ Għawdex), fejn Mifsud jerġa’ jikteb dwar maqdes ewlieni ddedikat lill-Madonna.

Hemm ukoll spazji marbutin mal-fidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri tal-gżejjer Maltin. Dawn naqraw dwarhom fil-versi soċjali bl-isem ta’ Għażiża Madonna fejn ironikament l-ispazji fejn twieldu u għexu l-Madonna u Kristu, mela Betlem u Nażaret, illum huma spazji fejn jaħkmu bosta problemi bħall-gwerra u l-mibegħda.


L-INTERTESTWALITÀ:

Kull kittieb u poeta jintrabat jew jiġi influwenzat konxjament jew inkonxjament minn kittieba u poeti oħra. Charles Mifsud ta’ Il-Blata Tiegħi żgur ifakkar fil-versi tal-poeta Franġiskan Marjanu Vella. Min-naħa l-oħra l-poeżiji numerużi li Mifsud jiddedika lill-Madonna jqarrbuh ħafna lejn il-poeta Karmelitan, Anastasju Cuschieri. Hemm imbagħad waqtiet fejn Mifsud isemmi direttament poeti oħrajn bħal fil-poeżija Biex Tiftakar Fina sottotitolata (Tweġiba għall-poeżija “Għaliex Mulej” ta’ George Zammit). Hawn naqraw dwar in-nigża u l-uġigħ li jfakkru lil dak li jkun fil-Mulej u dwar il-fatt li fit-tbatija l-bniedem jitwaħħad mal-Mulej.

Bejn Alla u l-Bniedem huma versi tal-Milied li jistgħu jfakkru fir-riflessjonijiet ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù jew ta’ San Ġwann tas-Salib. Il-Prostituta tfakkar fil-poeżija Wieħed Biss ta’ Rużar Briffa, ladarba fiż-żewġ poeżiji Kristu jidher bħala l-uniku li kapaċi jaħfer: “Għax dan huwa Kristu ħanin,/ fejqan tal-midimbin.” Briffa jerġa’ jissemma, din id-darba direttament, f’L-Għanja tal-Imfarraġ, miktuba Wara “L-Għanja tal-Imnikket” ta’ Rużar Briffa, kif jikteb fis-sottotitlu Mifsud stess. Din ta’ Mifsud hija waħda mill-isbaħ poeżiji f’Il-Blata Tiegħi.

KONKLUŻJONI:

Il-poeta jara dak li bosta ma jarawx u b’hekk jipprova jwassal għall-epifanija jew l-iskoperta jew il-kixfa għad-dawl permezz tal-versi tiegħu. Charles Mifsud poeta jesprimi s-saħħa tal-fidi tiegħu permezz ta’ vrusu. Fuq kollox dawk f’Il-Blata Tiegħi huma versi ta’ natura spiritwali li żgur inkitbu u jistgħu jitgawdew f’waqtiet ta’ ġabra u riflessjoni. Għalhekk huma stedina biex dak li jkun qabel, matul jew wara jum ta’ ħidma – Maż-Żerniq hi poeżija-talba ta’ filgħodu, Miġburin Għalenija hija poeżija-talba ta’ ħajr, Aħfirli, Mulej hi poeżija-talba ta’ maħfra, filwaqt li Agħtihom, Mulej, il-Mistrieħ hija poeżija-talba għall-erwieħ - isib waqt ta’ mistrieħ u jinġabar fih innifsu u jaqra waħda jew tnejn minn dawn il-poeżiji friski għax ġejjin direttament mir-ruħ u mill-qalb. Għal Mifsud it-tagħlim ta’ Kristu mhux biss eku mill-imgħoddi imma mudell li għandna ngħixu fuqu sal-ġurnata tal-lum. Li temmen jaqbillek dejjem, anki għax huwa investiment għal dejjem.