Sunday, April 26, 2015

TRIFOLJU TA' LWIEN - Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit


Tliet poeti fi ktieb wieħed



(Mario Attard, Patrick Sammut, Frank Zammit: TRIFOLJU TA’ LWIEN.  Ġabra poetika, 2014. ISBN: 978-99957-0-725-5. 94 faċċata)


Illum ilkoll nafu kemm hija iebsa li poeta jippubblika vrusu fi ktieb.  Ftit li xejn huma dawk il-pubblikaturi li lesti jagħtu lill-poplu dan is-servizz, peress li jifhmu li l-poeżija tappella għal ftit nies, allura mhumiex lesti jidħlu għal dan ir-riskju għax jibżgħu li l-kotba tal-poeżija jibqgħulhom ma’ wiċċhom. 

  Kienet din ir-raġuni li Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit iddeċidew li jippubblikaw flimkien uħud mill-versi li nisġu f’dawn l-aħħar snin.

Il-Ġabra għammduha Trifolju ta’ Lwien; u tabilħaqq hekk hi.  Trifolju għax hawn il-qarrej isib versi ta’ tliet poeti u lwien għat-tiżwiqa ħelwa ta’ temi u stili li tawna Attard, Sammut u Zammit, temi li wara kollox jitfgħu dawl fuq il-poeżija lokali kontemporanja.

Mario Attard jista’ bir-raġun kollu jitqies bħala l-poeta l-aktar anzjan fost dawn it-tlieta.  Il-poeżija tiegħu tikxef ċerti diżappunti li minn żmien għal żmien iltaqa’ magħhom f’mumenti partikolari.  Huwa josserva t-tibdil li jseħħ madwaru u ma jonqosx li jesprimi l-fehma tiegħu dwaru (Pjazza Santa Margerita).

Il-poeżija ta’ Attard hi speċi ta’ kwadretti varji impinġijin b’pinzellati tal-imgħoddi.  Dan hu sinjal li l-poeta jiġu waqtiet fuqu meta jħossu jbati minn nostalġija għall-passat u kemm kemm ma jixtieqx li ċerta tip ta’ ħajja terġa’ lura għalli kienet.

It-temi ewlenin li jittratta Mario huma diversi: minn dawk patrijottiċi (Apoloġija lil Rużar Briffa), sa oħrajn romantiċi (Ir-raġel tal-Barrakka) u reliġjużi (Il-lejla ġejt imtaqqal).  Meta l-qarrej jifli sewwa l-versi ta’ dan il-poeta jsib li ċ-ċentru tagħhom huwa l-bniedem.  Attard jixtieq jidħol f’komunikazzjoni mal-qarrej u forsi għalhekk iħaddem stil kemxejn prożajku biex ikun żgur li l-ħsieb tiegħu jasal sħiħ għandu.

Min-naħa l-oħra, il-poeżija ta’ Patrick Sammut hija espressjoni personali li tikxef il-veru karattru sensittiv ta’ dan il-poeta.  Bħal Mario Attard, Sammut ukoll xejn ma jħossu kuntent bil-ħajja ta’ madwaru u ħafna drabi jikkundanna bla tlaqliq l-istil ta’ ħajja li tħaddan is-soċjeta` kontemporanja.  Tant hu hekk, li jilmenta b’diqa, “li qed negħrqu sewwa fil-ħama bla ma nafu...” (Forsi xi darba); fl-istess ħin jitlob ħerqan biex l-istess soċjeta` tindaf mill-ġdid.

Patrick Sammut juża d-deskrizzjoni bħala arma biex ipoġġi quddiem il-qarrej kwadri realistiċi  u jużahom bħala spunt biex jesprimi ħsibijietu (L-għadira mill-gallarija) u (Fuq ir-ramla).  Xi drabi Sammut ikun anki sarkastiku (Pawsa).  Għalih l-importanti li jħeġġeġ lill-qarrej jirrifletti ftit dwar il-messaġġ li jkun hemm moħbi fil-versi tiegħu.


Interessanti l-figura materna li l-qarrej isib referenza għaliha f’ċerti poeżiji: (Tifkira ta’ omm, Ħarstek fuqi); figura li hija referenza diretta għall-imħabba li l-poeta kellu u għad għandu lejn ommu li għalkemm ħallietna numru ta’ snin ilu, xorta waħda għadha ħajja fil-memorja tiegħu.  Biżżejjed il-qarrej jaqra l-espressjoni ta’ Sammut: “mingħajrha iswed u baħħ” (Mingħajrek).

Patrick Sammut hu l-bniedem li jfittex is-serħan f’dinja utopja li ma jista’ qatt isibha f’waħda materjalista, għalhekk ma jħossux komdu fiha (Karnival solitarju).  Dan jagħmlu billi sikwit ikun figurattiv fl-espressjonijiet tiegħu, aspett pożittiv li jikxef il-maturita` poetika tiegħu.

Frank Zammit huwa emigrant li jġorr lill-patrija miegħu”.  Hekk kiteb dwaru fid-Daħla ta’ din il-Ġabra l-Prof. Oliver Friggieri.  Ta’ min ifaħħar l-imħabba ta’ dan il-poeta lejn art twelidu u lejn ilsienna, li għalkemm jinsab daqstant ’il bogħod minn Malta  - ilu l-Awstralja sa mill-1984  - b’danakollu, ma nesa qatt lil pajjiżu u l-letteratura tiegħu.

Huwa żar lil Malta diversi drabi u allura seta’ jinnota ċertu tibdil li seħħ fostna matul is-snin.  Dan it-tibdil xejn ma jidher sodisfatt bih; anzi, jistaqsi sogħbien: “Fejn hi dik Malta li ħallejt warajja?” (L-aħħar salut).  Forsi l-aktar li tweġġa’ qalb il-poeta hija d-dehra ambjentali.  Huwa jħoss in-nuqqas tal-kampanja u jara l-konkrit jieħu post il-ġebla lokali.

Iżda mhix biss.  Tant hu, hekk li jistqarr: “Il-ħajja saret bla sens u bla sura” (Taħt miżieb iqattar). Il-poeta jidher imdejjaq anki b’ċerti esperjenzi personali li għadda minnhom u li donnhom ħallew effett ikrah fuqu (Tħallunix waħdi!).  Imdejjaq ukoll bl-inġustizzji li qiegħda toffri d-dinja ta’ żmienna (Jien iben is-Sirja).  Bħalma ma jħossux sodisfatt anqas bit-taqlib jew tibdil li seħħ fin-nisġa tal-poeżija lokali (Linji ġodda).  Fl-aħħarnett, il-ħsieb tal-mewt ukoll inissel fih ċertu swied il-qalb (Fil-ħofra tal-irmied).

Trifolju Ta’ Lwien għandu preżentazzjoni differenti mill-kotba li aħna mdorrijin bihom, iżda xorta waħda hu ktieb attraenti.  Il-qarrej isib bijografija dettaljata ta’ kull poeta u Studju kritiku mill-Professur Oliver Friggieri li jqis lil dawn it-tliet poeti bħala “interpreti tar-realta` bejn tmiem is-seklu għoxrin u s-seklu l-ġdid.” 

Għalkemm kull poeta jittratta temi differenti minn sħabu, iżda l-qarrej żgur li jintebaħ illi l-poeżija moderna resqet pass sewwa lejn dik prożajka; tant li kważi, l-prosodija tilfet għal kollox is-siwi tagħha.

Reċensjoni ta’ Alfred Massa






Tuesday, April 14, 2015

MIT-TIEQA TAL-GĦORFA (ĠRAJJIETI) TA’ KARMENU MALLIA, Dom Communications Ltd., 2014.

Dan huwa ktieb ta’ 225 paġna li Karmenu Mallia jaqsam fi tmien partijiet: Tfulija (64 paġna); Il-Gwerra (23 paġna); Żgħożija (28 paġna); Irġulija (11-il paġna); Il-Ġiżwiti (37 paġna); Xogħol (16-il paġna); Personalitajiet (13-il paġna); u Wiċċ imb wiċċ mal-Kultura (16-il paġna). Iktar milli djarju, dan il-ktieb jieħu l-għamla ta’ rakkont imsejjes fuq esperjenzi differenti li Mallia ġarrab minn meta kien tifel. Ta’ min iżomm f’moħħu dak li jikteb Mallia fid-“Daħla”: “Dawn it-tifkiriet naħseb ili li bdejthom mal-għaxar snin – qed nikteb din id-daħla fil-bidu tal-2008.” Mela bejn wieħed u ieħor il-parti l-kbira tat-tifkiriet li jinsabu hawn kitibhom fl-1998. Hemm drabi oħra meta jgħidilna li qed jikteb fl-2003 (pp. 50, 218), fl-2004 (p. 220) u fl-2005 (p. 216).

Jagħtina bosta tagħrif marbut mal-ħajja tal-Maltin fl-imgħoddi, qabel, matul u anki wara l-aħħar gwerra. Hemm drabi meta jnissel tbissima fuq fomm il-qarrej. Drabi oħra jurina li ċerti ħwejjeġ li ġarrab fl-imgħoddi mbiegħed ħallew effetti fuqu sal-preżent. Għalhekk spiss tinħass ċerta djalettika jew pont bejn l-imgħoddi u l-preżent anki biex juri kemm iż-żmien ibiddel l-affarijiet. Kien żmien meta l-familji u l-persuni kienu magħrufin bil-laqmijiet. Il-laqmijiet nerġgħu naqraw dwarhom fis-seba’ parti fejn Mallia jsemmi l-laqmijiet tal-qassisin li kien jaf f’San Ġorġ, Ħal Qormi.

Bħala bniedem ta’ kultura wiesgħa Mallia jirreferi spiss għal oqsma varji bħalma huma l-letteratura, il-mużika, l-opra, il-pittura, l-istorja, anki f’rabta mal-qasam lokali. Hekk, matul dan ir-rakkont ta’ ħajtu Mallia jsemmu personaġġi kbar bħal Beethoven, Stalin, Virġilju u l-Eneide, Strickland, Dun Ludovik Mifsud Tommasi, is-Surmast Camilleri, Puccini, u Donizetti, f’kuntesti differenti. Dan hu anki ktieb-album interessanti ta’ personaġġi li għexu fir-realtà u li kienu jagħmlu parti mit-tiġrib tal-awtur.

Mallia kiteb dawn it-tifkiriet meta kien misjur fl-età. B’hekk spiss naqraw kliem sabiħ u għaref: “U ħalluhom lit-tfal igawduha tfulithom. Għad jikbru u jbatu biżżejjed biex jerġgħu joħolmu żmien tfulithom!” (p. 47) Dan hu rakkont ta’ min kiber fil-faqar, fis-sagrifiċċju, fir-rispett lejn il-ġenituri, u f’ambjent fejn kulħadd, anki t-tfal, kienu jgħinu biex il-familja tkampa. Ladarba Mallia qed jirrakkonta tfulitu, ma setax jonqos li figura importanti tkun ommu. Jikteb ukoll dwar l-esperjenza bħala abbati. Joħroġ ċar li parti kbira mill-attivitajiet ta’ Karmenu Mallia tifel kienu jintrabtu mal-knisja ladarba kien żmien ieħor u ma tantx kien hemm fejn tmur. Toħroġ b’saħħitha wkoll ir-rabta kbira tal-awtur mal-parroċċa ta’ San Ġorġ ta’ Ħal Qormi fejn twieled u kiber.

Il-ħarsa retrospettiva ta’ dan il-bniedem għaref u li qabeż it-80 sena terġa’ f’paġna 103: “Illum li qed inħares lejn il-ħajja minn perspettiva oħra minħabba ż-żmien li għandi, sirt nagħder u nifhem aktar.” Mill-ġdid jerġa’ jikteb hekk f’paġna 123: “imma llum, għax jien qed nitkellem dejjem mil-lum li m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak iż-żmien […] Forsi mhux ħela ta’ esperjenza għal kollox, għax kull attività żżid l-esperjenza ta’ dak li jkun u tagħmlu aktar matur. Il-bniedem jitgħallem minn kollox.”

Il-lingwa li juża hija mexxejja, b’idjoma Maltija mill-isbaħ għalkemm jinkludi wkoll kliem u frażijiet minn ilsna oħrajn bħal-Latin u l-Franċiż. Ma jiddejjaqx jikteb kliem mill-Ingliż bl-ortografija Maltija, bħal “ekkawntant”. Mallia jirrakkonta dak li jiftakar minn ġrajjietu b’mod naturali ferm. Mhux darba jew tnejn iħaddem l-ironija u jikxef kemm it-tajjeb u l-ħażin, is-sabiħ u l-ikrah ta’ ġensna. Permezz ta’ din l-ironija li ma tweġġax Mallia joħloq tbissima  imma xorta dak li jkollu jgħid ikun qalu u wasslu b’mod li jinftiehem. B’hekk Mallia hu dirett f’diskorsu, bla kantunieri. Hemm xi affarijiet li jirrepetihom iktar minn darba f’partijiet differenti tal-ktieb: din hija karatteristika ta’ min ikun qed jiftaker ħwejjeġ li jkunu seħħew bosta snin qabel.

Hemm partijiet fejn taħkem id-deskrizzjoni ħajja ta’ x’kien isir fl-imgħoddi, bħal per eżempju, fir-Randan u s-sabiħ taċ-ċerimonji li biż-żmien inżabru mill-Knisja stess. B’moħħ miftuħ Mallia ma jiddejjaqx jiddikjara dak li hu iswed iswed u jammetti li kien tajjeb li s-soċjetà warrbet ċerti affarijiet (li fl-imgħoddi kienu meħtieġa u tajbin) biex timxi maż-żminijiet moderni. Imma fuq in-naħa l-oħra jġagħalna nħossu li hemm elementi pożittivi tal-imgħoddi li llum tlifnihom darba għal dejjem.

Mallia juża similitudni tajba rigward il-laqmijiet fis-seba’ parti: “Dak iż-żmien – u għandi naħseb li llum mhux inqas – il-laqmijiet fost l-istudenti tal-iskejjel għoljin kienu jiġru bħall-perlini fil-karnival.” (p. 192)

Din ta’ Karmenu Mallia hija tieqa oħra fuq imgħoddi li li kieku ma kienx għal nies bħalu kien jintilef kompletament proprju għax Malta għaddiet minn bidliet kbar u anki għax iż-żmien ma jaħfirha lil ħadd u lil xejn. Hawn għandna ritratti permezz tal-kelma ta’ sitwazzjonijiet, postijiet u persuni li ma jerġgħux jiġu lura. Apparti l-kelma, Mallia jinkludi wkoll partijiet mimlijin b’ritratti b/w mill-album ta’ ħajtu. Personalment laqtitni l-parti fejn Mallia jikteb dwar l-esperjenza personali tiegħu tal-mużika (pp. 127-129).

Interessanti ħafna hija wkoll il-parti fejn Mallia jikteb dwar iż-żmien (3 snin fil-ħamsinijiet) li qatta’ fi Franza jistudja l-Filosofija, imma anki l-Franċiż u l-letteratura Franċiża. Hawn daħal ukoll f’kuntatt mal-Brothers ta’ De La Salle li kellhom kulleġġ f’Vals.

It-tieni parti Mallia jibdiha billi jiddeskrivi l-ewwel jum tal-gwerra u l-ħajja fix-xelters. Titħaddem xbieha mill-isbaħ f’paġna 95, meta Mallia jikteb: “Illum li l-ħajja għoġobha tgħabbini bi ftit snin mhux ħażin, meta niftakar fl-imgħoddi nħoss li issa niftakar roqgħa ’l hawn, issa ninsa roqgħa ’l hemm: ħinijiet, jersaq iċ-ċpar jgħattili kollox, ħinijiet inħoss is-sema jiċċara, u l-ħajja l-imgħoddija tibda tidhirli bħal kwadri żgħar u kbar issa jferrħuni, issa jdejquni.”

Minkejja li għandu iktar minn 80 sena Mallia hu progressiv qatigħ fi ħsibijietu dwar ħwejjeġ differenti, fosthom l-edukazzjoni, it-twemmin, il-komportamenti tagħna bħala poplu. Hemm parti fejn Mallia jikteb dwar l-ingress tal-Isqof Gonzi fl-1943. Dan jintrabat direttament ma’ dak li għadna kemm naraw ftit jiem żmien ilu, jiġifieri mal-ingress tal-Arċisqof Charles Scicluna 72 sena wara (fl-2015). Il-ħsieb progressiv ta’ Mallia jidher f’paġna 121 meta jikteb: “Miet l-Isqof Gonzi, u diċ-ċerimonja grandjuża tal-ingress mietet miegħu. Mons. Gonzi kien iħobbhom iċ-ċerimonji, kien jogħxa fihom. Imma mbagħad kienu bdew żminijiet oħra. Tempora mutantur (iż-żminijiet jinbidlu). L-irmixk antik ma joqgħodx mal-modern, għalkemm irmixk kemm hu irmixk illum hu parti mill-Istorja, u l-Istorja ta’ min jgħożżha, taqbel u ma taqbilx ma’ dak li kien isir.” Aktar tard, fis-seba’ parti, Karmenu Mallia jikteb dwar meta Ħal Qormi laqa’ lil Manwel Dimech bil-ġebel. Dan l-awtur iqisu bħala tebgħa fl-istorja ta’ dan ir-raħal.

Mallia jerġa’ jesprimi ħsibijiet mill-isbaħ fil-parti fejn jikteb dwar xogħol, minkejja li huma riflessjonijiet ħorox għax jikxfu l-verità dwar in-natura u l-bniedem li jixjieħ: “Illum lili n-natura mhux tmexxini ’l quddiem, imma tarmini, teħles minni għax m’għandhiex bżonni aktar. Sfortunatament dik hi l-metodoloġija normali tagħha. In-natura tinqeda bik skont kemm ikollha bżonnok. Meta ma jkollhiex bżonnok aktar, titilqek għal riħek. M’iniex qed ingerger. Imma naċċetta. Pinnola qarsa, fulstop qawwi wara sentenza li int ftit li xejn ikollok kontroll fuqha. X’tul ta’ sentenza? Mhux ta’ kulħadd l-istess. Mela nobdu l-adage tal-filosfu Ruman: ‘carpe diem’: ħu kemm tista’ u gawdi mill-ġurnata, f’kelma waħda ħu li tista’ mill-ħajja, għax il-ħajja, jiġifieri n-natura, m’għandhiex ħniena minna. Għamja. Fejn laqat, laqat u fejn ħabat, ħabat. Imma sadattant xorta ngħid: Evviva l-ħajja! U ma ngergirx, ħlief meta nkun muġugħ.” (p. 189)

Fis-seba’ taqsima Mallia jfakkar ukoll xi personaġġi li ntesew kompletament, kif jgħid hu stess, “qis[hom] qatt ma kien[u]”. Dan hu ġest ta’ altruwiżmu sabiħ fejn fi ktieb tiegħek tiftaħ tieqa fuq persuni li ż-żmien nessa darba għal dejjem. Hawn jerġa’ l-miraklu tal-kitba li terġa’ tagħtihom il-ħajja.

It-tmien parti hija ddedikata lir-rabta li Mallia għandu mal-kultura. Taħkem l-esperjenza tiegħu bħala esperantist, imma jikteb ukoll dwar il-Kunsill Ċiviku Żabbar u l-Għaqda Ġużè Muscat-Azzopardi/Awturi Qriema. Ifakkar li Ġ. Muscat-Azzopardi kien Qormi bħalu u l-ewwel president tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti (illum l-Akkademja tal-Malti) u l-ewwel editur tar-rivista “Il-Malti”.

Fl-aħħar parti wieħed isib lista tal-pubblikazzjonijiet ta’ Karmenu Mallia bil-Malti, bl-Esperanto, bil-Franċiż, bl-Ingliż u bit-Taljan. Wieħed jifhem kemm Mallia hu kittieb prolifiku: kiteb poeżiji, rumanzi storiċi, drammi, bijografiji, diskorsi, traduzzjonijiet u anki grammatika tal-Esperanto.

Mit-Tieqa tal-Għorfa ta’ Karmenu Mallia huwa ġawhra żgħira oħra li tingħaqad mal-lista ta’ awtobijografiji li dan l-aħħar rajna bosta minnhom. Dan ta’ Mallia hu djarju jew memoir li jagħtik gost filwaqt li jgħallmek u jħallilek togħma tajba. Mhux biss rakkont li jintrabat ma’ storja personali u individwali, imma anki ma’ storja nazzjonali u soċjali u għalhekk rakkont li jkompli jixħet iktar dawl fuq aspetti differenti tal-ħajja tal-Maltin fl-imgħoddi.

Patrick Sammut 


BIŻA’ U KURAĠĠ ta’ Carmel Mallia, 2013.

Ir-rakkont ta’ dan ir-rumanz jifrex fuq 375 paġna u jinqasam f’19-il kapitlu. Mallia jiddedikah “Lit-tifkira ta’ missieri u ommi; lil ħuti kollha li magħhom qsamt id-dwejjaq u t-tbatija tal-aħħar gwerra.” Kif jikteb l-istess awtur, “Dan hu rumanz inkwadrat fi żmien l-aħħar gwerra dinjija, u jagħti indikazzjoni minn xiex għaddew il-Maltin ta’ dak iż-żmien.”

ŻMIEN, SPAZJU U PERSONAĠĠI:

Dan ir-rumanz jiftaħ bi żmien, data u ħin, u anki spazju partikolari: Novembru tal-1928, 8 p.m., in-nies dieħla t-Teatru Rjal, mela l-Belt Valletta. Niltaqgħu ma’ żewġ personaġġi: il-ballerina Franċiża Célestine, u n-Najja, Maltija ta’ 60 sena, mitluqa u li tgħix mal-ġrieden. Huma żewġ figuri opposti imma t-tnejn deskritti b’mod mill-iktar ħaj. Ftit iktar tard nitlaqqgħu mal-pittur Fredu Flores, il-prinċipal tiegħu, is-Sur Duminku, oħt Fredu, Hilda, u anki Dun Belin. Hawn l-azzjoni titqiegħed fi spazju ieħor: il-Birgu. Jissemma l-proġett tal-Għaqda Drammatika San Lawrenz. Dun Belin hu avangardist flimkien ma’ din l-Għaqda u b’hekk jikkuntrastja l-bqija li għadhom mogħmija mit-tradizzjonijiet u mis-superstizzjonijiet medjevali. Fredu l-pittur hu dak li jsalpa lejn l-Italja biex ikompli l-istudji tiegħu. Jidħol fin-nisġa tar-rakkont it-Tabib Michel Bru li jiddikkjara mħabbtu lil Célestine imma din tgħidlu li diġà tħobb lil Fredu. Matul ir-rumanz il-qarrej attent jinnota l-bidla li tgħaddi minnha Hilda: minn tfajla, għal miżżewġa, għal armla, u aktar tard taħsad billi ssir soru Benedittina tal-Klawsura. Iktar tard tidħol ukoll in-neputija tat-Tabib Bru, Miriam, orfni minn ommha.

Spazju ieħor huwa l-Furjana fejn jiġi ċċelebrat funeral importanti f’rabta man-nisġa tar-rakkont. Il-Furjana, u anki l-Belt, huma l-ispazju fejn naraw dak li jseħħ bejn it-Tabib Bru, Miriam u missierha. Aktar tard nittieħdu f’Ruma fejn l-attenzjoni tagħna taqa’ fuq Fredu.

F’kapitlu 7 tissemma d-data 1938. Jingħad li Fredu għadda 9 snin ta’ ħidma iebsa f’Ruma, f’rabta mal-istudji fl-Arti. Din id-dimensjoni individwali u mistħajla titwaħħad mas-sitwazzjoni storiko-internazzjonali (Hitler, Mussolini u Malta f’rabta mal-Ingilterra). Fredu jagħżel li jinżel lura Malta bla dewmien. Hi deċiżjoni li jieħu anki bis-saħħa ta’ poeżija patrijottika li kienet bagħtitlu oħtu dwar Malta, miktuba bl-ottonarji u rrimata. Mallia jkompli jgħarrafna bil-ġrajjiet storiċi tal-mument: is-sena 1939, il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, u l-Maltin konxji li Malta se tkun iċ-ċentru ta’ attakki ħorox mit-Taljani u l-Ġermaniżi. It-taħlita bejn il-mistħajjel u l-istoriku jerġa’ f’kapitlu 10. Id-data hi s-16 ta’ Jannar 1941: naraw lil Miriam fil-Birgu, f’jum l-attakk fuq l-Illustrious. Minn hawn insiru nafu dwar il-ħerba u d-deżolazzjoni li kienu jħallu warajhom l-attakki mill-ajru.

L-ispazju hawn jinbidel minn dak tal-belt (il-Belt, il-Furjana u l-Kottonera) għal dak tal-irħula (Ħal Qormi) fejn sabu kenn bosta refuġjati. Mallia jagħtina bosta riferimenti topografiċi utli biex nifhmu aħjar kif kienet Malta ġeografikament fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-bliet u l-irħula kienu għadhom imbegħdin minn xulxin u mifrudin minn oqsma wiesgħa tar-raba’. Min kien jazzarda jaqsam dawn l-oqsma fi żmien il-gwerra kien bħal min kien jirriskja jaqsam il-Port il-Kbir f’dan iż-żmien ta’ perikli kbar u ta’ theddid mill-Junkers Ġermaniżi.

Ritratt interessanti ieħor ta’ karattru Ġirbi hu dak ta’ Ċetta tad-Dudu. Aktar tard f’Ħal Qormi niltaqgħu wkoll mal-personaġġ partikolari taċ-Ċiċċa, raġel sempliċi imma m’ogħla hawn. Hemm ukoll Settija d-deffiena. Hemm ukoll l-Avukat Bastjan, il-Lellekkin. Karattri bħal Ċaflas, iċ-Ċiċċa u n-Najja jidhru kull tant żmien biex bħal jimlew irkejjen żgħar fin-nisġa tar-rakkont. Laqam interessanti ieħor jissemma f’kapitlu 16: in-Nemluwa.

L-ispazju jerġa’ jinbidel meta f’kapitlu 9 l-azzjoni sseħħ fl-isptar ta’ Bighi fejn jiġi rikoverat it-Tabib Bru. Hawn jispikka l-kuntrast bejn spazju magħluq (ir-raħal) u spazju miftuħ (il-Port il-Kbir). F’kapitlu 10 Mallia jdaħħalna fl-ispazju tax-xelter wara li titħabbar theddida ta’ attakk mill-ajru. Tissemma data eżatta oħra: Jannar 1941. Tolqot ix-xbieha tal-Port il-Kbir li joffri kenn permezz ta’ jdejh godlija (ara p.172). Iktar ’il quddiem naqraw dwar is-Surġent Ċaflas u dwar il-Maltin fix-xelters waqt li barra hemm l-infern tal-blitz fuq l-Illustrious: il-kbar jgħidu r-rużarju u l-kurunelli, it-tfal ipinġu bastimenti u ajruplani. Kien hemm ukoll biża’ kbir biex jinqasam il-Port il-Kbir bil-lanċja.

Aktar dati jissemmew f’kapitlu 11: is-6 ta’ Frar, meta Rommel jinżel fi Tripli; it-23 ta’ April, mela l-festa ta’ S. Ġorġ. Tissemma d-dikjarazzjoni li Churchill kien bagħat lill-poplu Malti għall-qlubija li kien qed juri kontra l-attakki mill-ajru. Huwa rreġistrat ukoll (f’kapitlu 13) l-attakk tal-eboats Taljani fil-Port il-Kbir. Jingħata wkoll tagħrif storiku dwar sehem l-Italja u l-Ingilterra matul is-sekli u f’rabta ma’ ġżiritna. Data oħra hija l-aħħar ta’ Lulju: rakkont fittizzju u rakkont storiku jimxu id f’id. Isir tieġ doppju u fl-istess ħin iseħħ attakk mill-ajru fuq bosta nħawi strateġiċi. Il-maltemp hawn bħal iħabbar minn qabel dan l-attakk aħrax. Hu l-istess jum meta ġġarraf it-Teatru Rjal.

Kapitlu 15 jintrabat mal-bidu ta’ Awwissu. Mallia jkompli jagħtina kwadretti mill-ħajja ta’ kuljum fir-raħal. Isiru pjanijiet biex isir pellegrinaġġ lejn Għawdex; iseħħ funeral; il-biża’ minn xi attakk mill-ajru waqt il-qsim tal-Fliegu; il-fran u l-laned tal-blakk; il-black market, id-dqiq fin, l-inbid ta’ Coleiro, il-qrara darba fil-ġimgħa,  il-loudspeaker tar-Rediffusion  fuq il-ħanut biex kulħadd jisma’ aħbarijiet importanti, u l-bqija. Għawdex jinftiehem bħala spazju li joffri ħarba u kenn mill-qilla tal-gwerra.

Kapitlu 18 jirreġistra l-ġrajja tal-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija fil-15 ta’ Awwissu 1942. Ftit iktar tard jissemmew Rommel, Tobruk, El Alamein u l-bqija.

LINGWA U STIL:

Mallia jħaddem stil mexxej mill-bidu sat-tmiem u dan anki permezz ta’ bosta partijiet djalogati. Numru ta’ sentenzi huma mibnijin minn perijodu sintattiku twil. Dan biex in-narratur idaħħal lill-qarrej  fl-atmosfera tal-post. Hemm ukoll siltiet ta’ deskrizzjoni fejn isseħħ anki l-azzjoni tar-rakkont, u oħrajn ta’ riflessjoni fejn l-azzjoni bħal tieqaf għal waqtiet. Mallia jalterna wkoll bejn deskrizzjonijiet ta’ dak li qed iseħħ ġewwa (eż. ġewwa t-Teatru Rjal) u oħrajn li jintrabtu ma’ dak li qed iseħħ barra (fit-triq). Hekk l-interess tal-qarrej ma jieqaf qatt bħalma ma jbattix ir-ritmu tar-rakkont. Ċerti deskrizzjonijiet u dettalji jikxfu l-fatt li l-awtur f’dan il-każ hu wieħed erudit u infurmat dwar oqsma bħalma huma l-arti, l-istorja, l-ilsna, l-opra, l-arkitettura u oħrajn. Hekk Mallia jagħtina ritratt ħaj ta’ kif kienet Malta fil-bidu tas-seklu 20.

Titħaddem ukoll l-alternanza bejn partijiet serji u oħrajn komiċi. Ma’ dawn tal-aħħar tintrabat in-Najja u ġurdien li joħolqu kaos sħiħ fil-Kafè Premiere. F’parti oħra waqtiet solenni u ta’ swied il-qalb (il-funeral) jintrabtu ma’ oħrajn tad-daħq, bħall-biċċa tan-nisa li jħallu l-ġwielaq tagħhom f’post partikolari, att li lill-kappillan tah fastidju, jew meta waqt funeral ieħor fil-knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi s-serju jitħallat mat-tbissima li joħloq il-karattru taċ-Ċiċċa. Mallia jerġa’ jserraħ mid-drammatiċità tal-gwerra f’kapitlu 11 meta jissemma l-miraklu-ċajta ta’ meta San Ġorġ ħareġ min-niċċa.

Matul ir-rumanz Mallia jirreferi għar-reliġjon ta’ Żaratustra, in-Noche Oscura ta’ San Ġwann tas-Salib u t-Terrible Sonnets ta’ Gerald Manley Hopkins, it-tnejn referenzi letterarji universali. Aktar ’il quddiem jissemma Cavaradossi mill-opra Tosca (p. 109). Dun Belin ikanta biċċa mill-Bohème ta’ Puccini. Mallia jinkludi wkoll parti drammatizzata flimkien ma’ versi miktubin kollha minn Hilda Flores. F’Ruma Fredu jkompli jitbiegħed minn Alla: huwa hawn fejn jissemma Nietzsche u x-xogħol Hekk Tkellem Zarathustra. Dan kollu jkompli jgħolli l-livell letterarju ta’ dan ir-rumanz storiku. Mallia juża anki l-aħbarijiet mill-gazzetti kontemporanji biex idaħħalna iktar fl-ispirtu taż-żmien. Naqraw dwar l-eżilju ta’ Leo Tolstoj u l-wirja ta’ Salvador Dali. F’kapitlu 16 issir referenza għall-poeta Franċiż Lamartine.

Hemm drabi meta ssir qabża temporali  - flashforward - u b’hekk Mallia jaħsadna b’dak li ma nkunux stennejna: laqgħa mhix mistennija li tiżviluppa fi żwieġ, tqala li ma tirnexxix, aħbar xejn sabiħa u deċiżjoni ta’ adozzjoni. Dan kollu jsir fi spazju ta’ paragrafu wieħed. Mallia jerġa’ jaħsad iktar ’il quddiem meta waqt konfront dirett bejn Fredu u Célestine, filli l-qarrej ixaqleb lejn Fredu minħabba li Célestine ttradietu u ma żammitx kelmitha, u filli sseħħ traġedja li ġġiegħel lill-qarrej idur kontra l-istes Fredu u jitħassar lit-tfajla. Il-ħasda terġa’ f’kapitlu 16 meta t-traġedja nazzjonali (l-attakki mill-ajru) tintrabat ma’ dik mistħajla-familjari (personaġġ ewlieni jmut b’xokk elettriku). Il-ħasda ma tonqosx lanqas fl-aħħar kapitlu tar-rumanz fejn jitħabbar is-suwiċidju ta’ personaġġ ieħor ta’ ċerta importanza fin-nisġa tar-rakkont. U dan kollu biex Mallia jurina kemm il-gwerra tħalli tiġrib warajha.
Hawn jidħol l-użu tal-kliem fil-korsiv li jirrifletti kliem il-kuxjenza li tniggeż lil Fredu tant li jaħrab bla ma jaqdi dmiru. Dan iseħħ ironikament fil-festa ta’ belt twelid Fredu, il-Birgu. Id-dlam u t-tinwiħ fil-knisja ta’ S. Lawrenz b’xi mod jirriflettu dak li hemm f’ruħ Fredu. Il-korsiv jerġa’ jintuża meta t-Tabib Bru f’waqt ta’ disperazzjoni jaqra d-djarju ta’ Célestine (mekkaniżmu narrattiv ieħor li jintroduċi Mallia): il-korsiv jagħti ħjiel tal-ġrajjiet storiċi tal-waqt meta Hitler qed jakkwista iktar saħħa. Il-korsiv jintuża meta naqraw il-ħsibijiet tat-Tabib Bru waqt il-quddiesa funebri ta’ martu. Jintuża wkoll fl-ittra ta’ Hilda lil ħuha Fredu meta jaħrab lejn Ruma bla ma ħadd jissuspetta xejn. It-Tabib Bru jiddeċiedi li jkompli hu d-djarju ta’ Célestine: jikteb dwar iktar avvenimenti kontemporanji, fosthom dwar ir-Russja, Stalin u l-Kożakki. Aktar tard, meta jiġi nieqes it-Tabib Bru, hija Miriam li tkompli taġġorna dan l-istess djarju. Hija tikteb retrospettivament u tispiċċa bid-data tat-13 ta’ Frar 1942 meta 42 internat jintbagħtu l-Uganda. Il-Gvern Ingliż hu msejjaħ bħala dittatorjat fil-konfront tal-Maltin.

Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 10. Waqt mumenti ta’ skiet u pawsa Miriam taqra xi aħbarijiet minn gazzetti antiki dwar ġrajjiet Malta bejn l-1923 u l-1940. Dan ikompli jqiegħed ir-rakkont fil-perspettiva storika proprja. F’rabta ma’ dan Mallia jfakkar fil-qawl Latin, homo homini lupus, jiġifieri il-bniedem lupu għal ħutu l-bnedmin proprju f’rabta mal-kefrija tal-gwerra. Aktar tard il-korsiv jintuża biex naraw x’kien jaħseb il-poplu Malti dwar Mussolini u d-deċiżjoni tiegħu li jingħaqad ma’ Hitler.

Anki f’kapitlu 16 naraw il-korsiv: hawn iwasslilna l-ħsibijiet ta’ Miriam fuq il-vapur hu u ħiereġ mill-Port il-Kbir (p. 299), imma anki l-ħsibijiet tal-Ispettur (p. 305). Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 17: Miriam terġa’ tikteb fid-djarju taħt id-dati Jannar sa April 1942: naqraw dwar il-ftuħ tal-Victory Kitchens sal-15 ta’ April u l-għoti tal-George Cross.

Il-korsiv jerġa’ f’kapitlu 18 meta mill-ġdid Miriam tikteb ir-riflessjonijiet tagħha fid-djarju ta’ Célestine, din id-darba dwar mewt u ħajja, dwar dawk li marru u dawk li ġew jew baqgħu. B’xi mod tesprimi sens ta’ tama permezz tal-kelma “qawsalla”, it-titlu tal-aħħar kapitlu. Il-korsiv jidher ukoll fl-aħħar kapitlu (19): bih hi miġjuba l-ittra tal-Avukat Bastjan il-Lellekin. L-istess korsiv jintuża ftit iktar tard f’rabta mad-djalogu mistħajjel li jgħaddi f’moħħ Dun Belin u l-Isqof: hawn Mallia jurina l-ħsibijiet u x-xewqat mistura ta’ Dun Belin.

Hemm waqtiet fir-rakkont li għall-ewwel jidhru trivjali, imma wara wieħed jifhem li huma importanti f’rabta mal-iżvilupp tal-istess rakkont: per eżempju, l-aħwa sinjuri li joffru l-għajnuna finanzjarja lill-Każin ta’ S. Lawrenz, il-kapaċitajiet artistiċi ta’ Hilda u Fredu, u l-preparamenti għall-festa ta’ S. Lawrenz. Din hija wkoll parti li sserraħ mit-tensjoni u mir-ritmu tar-rakkont ewlieni. Mallia jagħmel dan biex ifakkarna li l-ħajja għandha kemm mill-ħelu kif ukoll mill-morr. Dan hu wkoll ritratt ħaj ta’ dak li jseħħ fir-raħal f’rabta mal-festa tal-patrun. Jissemma wkoll tat-terramaxka, ritratt ieħor mill-imgħoddi. Is-sabiħ u l-ikrah, il-ħajja u l-mewt, it-tieġ minn naħa u l-attakk mill-ajru u d-dar imġarrfa bil-miżżewġin jinqatlu jerġgħu jintrabtu flimkien fil-kapitlu 14. Diqa u tama jimxi id f’id: imutu l-ġenituri, imma t-trabi wlied u tewmin isalvaw. Anki f’kapitlu 17 nassistu għal aħbar tajba: it-twelid ta’ iben Fredu u Miriam.

Mallia jħallat ġrajjiet marbutin mal-ħajja ta’ kuljum tar-raħal ma’ oħrajn mistħajla, waqtiet ta’ ferħ ma’ oħrajn ta’ diqa. Hekk f’kapitlu 11 naqraw dwar l-inċident li jibdel il-ħajja tas-Surġent Ċaflas fil-Birgu. “Ferħ, tbatija, ferħ” (p. 368) tgħid Hilda lil missierha wara li tgħarrfu li tkun dieħla soru mal-Benedittini. Fuq din l-alternanza hu mibni dan ir-rakkont uman ta’ Mallia.

Nifhmu wkoll li bl-istil tiegħu Mallia jaf iżommok fuq ix-xwiek u fl-istess ħin inissel bħal tbissima. Dan jidher f’paġna 221: “Dehrilhom li x-xitan ta’ taħt San Mikiel, għalkemm ma kienx qed jidher wisq, kellu l-qrun jiċċaqlaq ’l hemm u ’l hawn. Idu merfugħa ’l fuq, qisha qed tisħethom, rawha titħarrek ukoll. Imma min seta’ jgħidilhom li dak iċ-ċaqliq kollu kien ħtija tal-ftila tal-lampier li kultant kien itiha tal-qamar u tibqa’ tiċċaqlaq u terġa’ tieqaf qisha bis-sulluzzu.” Wieħed jista’ jara wkoll paġna 224: “Ir-reffiegħa kienu kultant jagħtu daqqa t’għajn ’il fuq biex jaraw jekk id-dragun kienx għadu hemm fejn kien poġġieh l-iskultur Feliċi, Qormi bħalhom, xi mitejn sena qabel. L-iskultur Qormi Feliċi kien ħallieh kemxejn mimli, imma sa daż-żmien li qed nitkellmu fuqu d-dragun deher li kien għamel xi ftit tad-dieta. Għalkemm magħdur sewwa taħt riġel San Ġorġ, dad-dragun qisu li dejjem ried jipprova jiskappa għalkemm qatt ma rnexxielu. Dażgur, toqol ta’ suldat bħal dak fuqu!”. Niskopru li dak li ħasbu kien il-“miraklu” ta’ San Ġorġ ma kien miraklu xejn: kien biss pjan ta’ Dun Nat, il-Prokuratur, biex idaħħal kemxa flus mingħand in-nies li jiġu jżuru l-knisja. F’dawn il-partijiet il-gwerra titqiegħed fl-isfond tar-rakkont.

Hemm ukoll partijiet mill-Innu għal S. Lawrenz li kitbet Hilda: mela fir-rumanz (proża) insibu siltiet ta’ poeżija. Aktar versi mqabbla jiġu nklużi f’kapitlu 10 f’rabta ma’ ġuvni li kien qed ikanta waqt traġitt bil-lanċja fil-Port il-Kbir. Hawn Mallia jfakkarna li l-poplu Malti kien jagħmel minn kollox biex iderri kontra l-biża’ u l-kruha tal-gwerra. Il-versi mqabbla f’għamla ta’ kwartini u ta’ talba jinkitbu minn Hilda u naqrawhom fl-aħħar kapitlu.

F’kapitlu 7 nsiru nafu li Fredu u Hilda mhumiex aħwa naturali. Dan żgur iservi bħala novità u żvilupp f’rabta man-nisġa tar-rakkont. Hawn naqraw dwar it-traġedja li firdet lil Hilda mill-veri ġenituri tagħha u dwar il-predispożizzjoni naturali tagħha bħala attriċi drammatika.

Hemm drabi (eż. tmiem kapitlu 8) meta wara silta deskrittiva twila fejn isseħħ bosta azzjoni, jaqa’ s-skiet li jġib miegħu l-biża’ minn attakk mill-ajru. Hawn titħaddem għal darb’oħra t-teknika tal-kuntrasti. Preżenti huwa wkoll il-kuntrast bejn in-nies tal-belt (il-Kottonera) marbutin ma’ sens ta’ għeluq, baħar u ġesti li juru qrubija, u n-nies tar-raħal (Ħal Qormi) fejn hemm il-ftuħ tal-għelieqi. Kuntrast ieħor huwa dan: minkejja li hu ż-żmien ikrah tal-gwerra, jaħkmu wkoll il-ġenerożità u l-qalb tajba tal-Maltin li lesti jgħinu lil min jinsab fil-bżonn u jagħti daqqa t’id.

Bħala lingwa mħaddma wieħed isib fuq naħa kelma bħal “tentużjażmani” (ġejja mir-Romanz); fuq l-oħra eżempji ta’ Malti idjomatiku bħal “m’iniex fid-deffa tiegħek.” (p. 159) F’kapitlu 11 insibu idjomi bħal “mhux l-ewwel darba li l-ħrief mietu qabel in-nagħaġ”; “Kien beda jdejqu d-dell tiegħu”; “Kienu qishom il-ħabel u s-satal”. Matul ir-rakkont Mallia jinkludi wkoll bosta kliem u frażijiet minn ilsna oħra bħall-Franċiż u l-Latin.

Mallia jirnexxilu wkoll jintegra bosta tifkiriet u episodji minn ħajtu stess fir-rakkont tiegħu – eżempju l-passatemp favorit mis-subien ta’ żmien il-gwerra, jiġifieri dak li jibnu knisja żgħira -, u dan anki permezz tad-djalogi li joħloq bejn il-personaġġi tar-rumanz.

F’kapitlu 14 in-narratur onnixxenti jirnexxilu jwasslilna l-ħsibijiet individwali u anki komunitarji tan-nies li nġabret fil-knisja waqt it-tieġ taż-żewġ koppji: naqraw ħsibijiet dwar l-għarajjes mill-bliet tal-Furjana u l-Birgu u anki dwar l-attakk mill-ajru. Dan kollu jkompli jgħin biex ir-rakkont ta’ Mallia jkun awtentiku. F’kapitlu 16 għajnejn in-narratur onnixxenti jimirħu minn post għall-ieħor b’ħeffa kbira: filli jiddeskrivi x’inhu għaddej fuq il-vapur, u filli jiddeskrivi x’seħħ f’Ħal Qormi waqt attakk mill-ajru. Kollox juri aħjar il-biża’ u l-miżerja li l-gwerra kienet nisslet fost il-Maltin.

Mil-lat stilistiku żgur tolqot din il-parti; “Min mar, kien mar, imma min kien baqa’ kien baqa’, bata u beka.” (p. 266) Hemm ċerta mużikalità imma anki konċiżjoni li jinfdu l-qalb tal-qarrej. Anki din il-parti: “knejjes, jinqalgħu minn posthom u jinżlu ħelu ħelu fl-art, meta jiġġarrfu ħorrox borrox bħalma tiġġarraf kaxxa tal-kartun f’idejn tifel żgħir.” (p. 267). F’nofs is-sentenza hemm alliterazzjoniiet konsonantali u vokaliċi, onomatopea, similitudni u Malti idjomatiku. Kollox juri li min qed jikteb hu bniedem misjur u tas-sengħa fil-kitba tal-Malti.

TEMATIKA:

“Gost? Mhux dan hu l-għan tal-Arti? Li tagħti gost?” (p. 12) Diġà mill-bidu Mallia jagħti definizzjoni tal-Arti f’rabta mar-rumanz li qed joffri lill-qarrejja tiegħu. Marbut ma’ dan hemm il-laqgħa bejn Fredu – pittur - u oħtu Hilda – tikteb il-poeżiji - fejn isseħħ diskussjoni dwar il-pittura u l-poeżija, u dwar x’hemm li jifridhom u li jgħaqqadhom. Aktar tard naqraw, “Ut pictura poesis. Il-Poeżija bħall-Pittura hi Arti.” (p. 86)

Iktar kemm naqraw iktar nagħrfu li dan hu rakkont ta’ mħabba bejn Fredu u Célestine (u mhux biss bejniethom), imma anki rakkont ta’ xorti tajba bejn Fredu u l-prinċipal tiegħu, is-Sur Duminku. F’kapitlu 7 naqraw dwar il-ġibda bejn Fredu u Hilda li tmur lil hinn minn dik bejn l-aħwa.

Kontra t-temi tal-familja u tal-imħabba hemm dik tal-mewt li fir-rumanz taħsad iktar minn darba kemm fuq livell storiku minħabba l-gwerra kif ukoll fuq livell mistħajjel ladarba jitnaqqru bil-mod il-mod diversi personaġġi importanti fin-nisġa tar-rakkont ta’ Mallia. Ironikament, omm Hilda u Fredu, Lorenza, u l-ġenituri adottivi ta’ Fredu, jiġifieri Duminku u Pawlina, imutu meta Malta tibda tieħu ftit tar-ruħ mill-attakki mill-ajru.

Hemm imbagħad it-temi tal-fidi u d-disperazzjoni. Wara li Fredu jerġa’ lura Malta u jiskopri li t-tfajla li kien iħobb iżżewġet lil ħaddieħor huwa jitbiegħed mill-fidi. Fl-aħħar tar-rumanz Fredu jikkonverti wara snin twal ta’ tbegħid mill-knisja. Tissemma l-poeżija The Hound of Heaven ta’ Thompson, u Mallia jqiegħed fuq fomm Dun Belin u Hilda siltiet mill-opra Aida.

Tema oħra hija dik tal-gwerra. Kapitlu 8 jintrabat mal-bidu tal-gwerra f’Malta u l-konsegwenzi li ġabet magħha. Id-data hi l-11 ta’ Ġunju 1940, il-jum meta nbidlu bosta affarijiet. Hawn it-Tabib Michel Bru jnizzel fid-djarju tiegħu aktar aħbarijiet ta’ natura politika, soċjali u artistika. Permezz ta’ dan Mallia jqiegħed ir-rakkont tiegħu fil-perspettiva temporali adatta. Parti kbira minn dan il-kapitlu hi ta’ natura deskrittiva f’rabta ma’ x’seħħ fl-ewwel jum tal-gwerra. Mallia jfakkar ukoll il-biċċa tar-refuġjati li mill-Kottonera sabu ruħhom milqugħin fl-irħula. Dawn ġabu magħhom imġiba u anki lingwa differenti minn dik mitkellma fl-irħula.

L-aspett patrijottiku joħroġ f’kapitlu 10 permezz ta’ Miriam: “Xtaqet li hija wkoll kienet mal-maħbub tagħha fuq il-kanun biex turi ’l-għadu x’taf tagħti Malta u x’jafu jagħtu wliedha, ulied tal-azzar jilqgħu qalbiena għall-azzar l-ieħor li kien qed jitwaddab mill-għoli mimli valenu kontra l-ħajja. “ (p. 183) Hawn titħaddem il-metafora klassika fejn Malta tinftiehem bħala l-omm, filwaqt li l-Maltin jinftehmu bħala l-ulied.

KONKLUŻJONI:

Biża’ u Kuraġġ jagħlaq bid-data storika tas-16 ta’ Novembru 1942, bil-wasla ta’ konvoj ieħor mill-Eġittu. Jgħaddu eżattament 14-il sena mill-ewwel kapitlu, ladarba jiftaħ bid-data ta’ Novembru 1928. Anki dan hu rumanz bi tmiem hieni. Mallia jurina Malta mkissra, imma b’poplu mimli tama fil-ġejjieni u lest li jerġa’ jibda l-ħajja mill-ġdid, din id-darba fil-paċi. Mela fl-aħħar mill-aħħar huwa anki rumanz li jwassal il-messaġġ tal-importanza tal-paċi fost il-ġnus.

Patrick Sammut 


Sunday, March 29, 2015

WERAQ TAL-ĦARIFA ta’ Alfred Massa, Pubblikazzjoni Bronk 2014.

Dan ir-rumanz ġdid ta’ Alfred Massa jifrex fuq 204 paġna u hu maqsum f’20 kapitlu. Jiftaħ bi żmien speċifiku: il-preżent, ix-xahar ta’ Novembru, Jum l-Erwieħ, mela l-istaġun tal-ħarifa. Sa mill-ewwel kapitlu l-qarrej jifhem li dak li seħħ fl-imgħoddi se jkollu importanza u se jingħata spazju wiesa’ f’dan ir-rumanz.

Il-protagonisti hawn huma żewġ anzjani: Salvu u Vanda, it-tieni mara tiegħu. Hemm waqtiet meta fl-istorja (fil-flashbacks) takkwista ċerta importanza anki Salvina, l-ewwel imħabba u mara ta’ Salv. Aktar tard tispikka r-rabta ta’ Salvu ma’ ommu u anki maż-żewġ ħbiebu Valent u Karmenu. Dawn jgħinuh biex ifieq mill-ġerħa psikoloġiko-emozzjonali tiegħu. Fil-flashbacks insiru nafu wkoll kif aktar tard Salv iltaqa’ ma’ Vanda.

Dawn il-flashbacks jibdew fit-tieni kapitlu meta, wara li Salvu jiltaqa’ ma’ ners l-isptar li tfakkru fl-ewwel mara tiegħu, Salvina, Massa joħodna lura fiż-żmien. U proprju hawnhekk il-qarrej jiltaqa’ ma’ għadd ta’ anakroniżmi: f’paġna 21 Salvina żagħżugħa tgħid li kienet tistudja l-kompjuter. Ma ninsewx li Salvu fil-preżent għandu mas-70 sena. Mela dan ma jistax ikun ladarba hawn l-azzjoni qed isseħħ fis-snin 50 jew 60. Anakroniżmu ieħor hija l-kelma “artiċoks”, dejjem f’rabta mas-snin 50 jew 60. Kienet tintuża bħala kelma jew il-Maltin kienu jużaw il-kelma Maltija “qaqoċċ”? L-istess iseħħ meta f’paġna 23 in-nanna tgħid lil Salvina ta’ 16-il sena, “Illum taf daqsi kemm żwiġijiet qed jisfumaw.” Eżattament għal-liema “illum” qed jirreferi Massa? Anki f’kapitlu 7, omm Salvu tkellmu dwar id-droga: “Jgħidu li kapaċi jħalltuhielek fix-xorb bla ma tinduna.” (p. 72) Din hija realtà li tintrabat iktar mas-snin 80 jew iktar ’il quddiem, imma mhux ma’ żmien meta Salvu kien għadu żagħżugħ.

Spazjalment Massa jqiegħed l-azzjoni prinċipali tar-rumanz fir-raħal: hemm il-knisja, is-suq, il-pjazza, iċ-ċimiterju tal-lokal, il-ħanut tal-merċa u l-ħanut tax-xorb. Aktar tard jissemmew Tas-Sliema, il-Qawra, u anki l-Ġermanja.

Bħala lingwa Massa jagħżel is-sempliċità, il-kelma li nitħaddtu biha ta’ kuljum, flimkien mal-użu ta’ idjomi u qwiel Maltin u anki Ingliżi varji. Bħal kif jagħmel f’rumanzi oħrajn spiss Massa jintroduċi l-kumment personali tiegħu permezz tal-leħen narranti dwar kwistjonijiet differenti bħal-libertà u l-libertinaġġ, l-infatwazzjoni u l-imħabba vera. Anki f’dan ir-rumanz, bħal f’rumanzi oħrajn ta’ Massa, spiss tissemma l-kelma “destin”, jew simili: “Imma dak li jkun miktub ma jħassru ħadd.” (p. 36) Karatteristika oħra preżenti hawn, bħalma kienet preżenti f’rumanzi oħrajn ta’ Massa, hija dik li l-awtur jagħti tagħrif dwar tradizzjonijiet u aspetti oħrajn li jintrabtu mal-imgħoddi bħall-Istrina, il-Qarinża (jiġu inklużi anki xi versi li kienu jitkantaw f’rabta magħha) u l-Imlejka. Permezz tal-leħen narranti Massa jirrifletti dwar modi ġodda fost ġenerazzjonijiet żgħażagħ bħat-tatwaġġi, u jsemmi inizjattivi soċjali apposta għall-anżjani bħas-servizzi tal-Helper, tat-Telecare, tal-handyman, u l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Aktar tard jissemmew il-problemi tas-serq, tad-droga u l-vulberabbiltà tax-xjuħ.

Hemm drabi meta l-awtur jagħmel referenzi intertestwali, bħal meta f’kapitlu 4 jirreferi għall-versi eleġijaċi ta’ Anton Buttigieg. Dan jagħmlu biex ifisser x’ħass Salv meta tilef l-ewwel mara tiegħu flimkien mat-tarbija li kienet qed iġġorr. Aktar ’il quddiem Massa jsemmi kittieba Maltin ewlenin bħal Mikiel Anton Vassalli, il-Kanonku Agius De Soldanis, patri Manwel Magri u Annibale Preca.

Tematikament Weraq tal-Ħarifa jqiegħed lill-familja u lill-imħabba (li tista’ tolqot lill-bniedem ta’ kull età) fiċ-ċentru. Temi oħrajn huma d-destin, il-maħfra, is-saħħa tal-anzjani (li tibda tmajna) u s-solitudni li spiss iġarrbu. Massa jirnexxilu jidħol fil-psike u fil-qalb ta’ Salvu anzjan, waħdu d-dar wara li martu titlaq lejn il-Ġermanja biex tkun qrib oħtha marida. Anki ta’ din l-età jeżistu l-kuntrasti: min hu ġeneruż u ta’ qalb tajba, u min hu egoist u għajjur.

Aktar dwar id-dimensjoni temporali. Fir-rumanz qatt ma jingħad eżattament kemm kellu żmien Salv meta żżewweġ jew kemm kellha snin Salvina meta mietet, u lanqas kemm kellu żmien Salv meta sar armel. Jingħad biss, “illum m’għadnix żagħżugħ.” (p. 74) Nifhmu però li meta Salv jiltaqa’ ma’ Vanda jkun għadda ċertu żmien minn mindu tkun mietet Salvina, ladarba jingħad li la hu u lanqas hi m’għadhom żgħar. (p. 79) Lil ommu Salv jgħidilha, “Ma, biex ngħidlek, Salvina għalkemm għaddew dawn is-snin kollha, donnha għadha tiġri warajja.” Ftit wara jissemma l-Milied. Wieħed jerġa’ jistaqsi kemm ilhom joħorġu flimkien Salv u Vanda. Mill-kliem li jingħad f’paġni 79 u 81 jidher li għadda bosta żmien, mela mistoqsija oħra hija: għaliex Salv jinħasad meta Vanda tgħidlu li ħarġet tqila u għaliex iġib ruħu ta’ żagħżugħ immatur ma’ ommu ftit wara? Dan kollu jista’ jdgħajjef is-saħħa tan-nisġa tar-rakkont. Ma ninsewx li dan kollu jseħħ fil-parenteżi tal-flashback li twassalna sakemm Salv jiżżewweġ lit-tieni mara tiegħu, Vanda.

Lura għall-preżent nerġgħu naraw lil Salv u Vanda pensjonanti. Fid-djalogu bejniethom jintmessu ċerti kwistjonijiet soċjali attwali: iż-żwieġ bejn l-istess sessi, it-trobbija tal-ulied minn ġenituri tal-istess sess, u l-qassisin lebsin ta’ pajżana. L-imħabba bejn persuni tal-istess sess hi preżenti fir-rumanz permezz tar-relazzjoni bejn Klara (oħt Vanda) u Antoinette. Anki hawn wieħed jistaqsi kemm għandhom żmien eżattament? F’liema sena qegħdin? Ir-riferiment għall-flat fil-Qawra jista’ faċilment ikun anakroniżmu ieħor ladarba l-Qawra u l-inħawi t’hemm bdew jiġu żviluppati lejn nofs is-snin tmenin, u Klara hija ikbar minn Vanda. Dan jintrabat mad-deċiżjoni li Klara temigra lejn il-Ġermanja, ftit xhur biss qabel ma kienet se toħroġ bil-pensjoni. Aktar tard, f’kapitlu 16, Massa jagħti spazju lil Klara: naqraw li dik tagħha kienet minn dejjem ġibda lejn in-nisa.

Żvilupp ieħor fir-rakkont hu l-introduzzjoni tas-suspett – li iktar tard isir realtà – f’Salvu li martu Vanda bdiet tbati bid-dimensja. Dan inissel iktar uġigħ u inkwiet f’Salvu. Traċċa narrattiva oħra li tgħin biex ir-rakkont jitwessa’ hija l-istorja ta’ Sandra, oħt il-kbira ta’ Klara u Vanda. Għaliex tinsab waħedha f’San Vinċenz? U għaliex Klara ma kinitx taf b’dan mingħand Vanda? Wara dan kollu hemm storja ta’ mħabba, tradiment, firda, uġigħ u solitudni. Hawn Massa jurina li anki l-anzjani jibku daqs li kieku kienu tfal. L-uġigħ jerġa’ meta Salvu jkollu jaqfel lil martu Vanda fi sptar minħabba d-dimensja.

Kif rajna, Alfred Massa f’Weraq tal-Ħarifa jiddeskrivi anki l-iċken ħwejjeġ fil-ħajja ta’ Salvu u Vanda anzjani. Huma aspetti li jidhru tentufijiet imma kollha f’daqqa jgħinu biex l-awtur iwassal stampa ċara tal-ħajja tal-anzjani bl-inżul u t-tlajja’ tagħha. Għalhekk Weraq tal-Ħarifa huwa rumanz dwar l-anzjanità. Dan mhux rumanz li jnissel tbissima, imma wieħed marbut qatigħ mar-realtà li jweġġa’ għax jikkonċentra fuq it-tbatijiet tal-bniedem anki meta jilħaq it-terza età. Ir-ritmu hu wieħed kajman u dan b’xi mod jirrifletti l-ħajja tal-anzjan li timxi bil-mod. Anki fl-aħħar linji tar-rumanz tispikka l-ixbieha tal-ħarifa. Kontra dan kollu hemm it-twemmin li jinftiehem bħala l-unika forza li jifdallu l-bniedem waħdu u anzjan.


PATRICK SAMMUT 

Sunday, March 15, 2015

L-EROJ LI MA KIENX ta’ Joseph Vella, 2014.

Dan huwa l-ewwel rumanz ta’ Joseph Vella. Jifrex fuq 230 paġna, għandu Daħla mill-awtur stess, u jinqasam fi 32 taqsima, iktar milli kapitli. Diġà mid-Daħla Joseph Vella jurina kemm hu midħla taż-żmien storiku li jikteb dwaru, kif ukoll tal-ilsien Malti. Permezz ta’ Malti miktub b’sengħa kbira, Vella jirnexxilu jfakkarna kemm hija importanti l-Istorja ladarba hija għalliema li mhux ta’ min inwarrbuha. L-Istorja tgħallimna nirrispettaw lil dawk ta’ qabilna u fl-istess ħin tiftħilna għajnejna biex ma nirrepetux żbalji fatali. Vella stess jikteb li bosta mid-deskrizzjonijiet li nsibu f’dan ir-rumanz huma “bbażati fuq rakkonti ta’ min xehed u ġarrab dawk iż-żminijiet tassew mudlama.” Dan jikxef il-fatt li Vella huwa qarrej assidwu ta’ rakkonti reali kif ukoll mistħajla ta’ bosta rakkonti tal-Gwerra.

Il-ġrajja:

Sa mill-ewwel taqsima nifhmu li min qed jikteb (in-narratur ewlieni) huwa l-bużneputi tal-awtur tad-djarju tal-Gwerra l-Kbira, Kustanz Magro (in-narratur sekondarju). Fil-preżent (is-sena 2011) in-narratur ewlieni huwa anzjan b’kanċer terminali imma li jinħakem minn kurżità kbira biex jikxef ir-rakkont li hemm moħbi fil-pakkett (f’għamla ta’ djarju u ta’ għadd ta’ ittri) li wiret mingħand iz-ziju t’ommu, ħu Kustanz stess. Dan in-narratur ewlieni dwaru nnifsu jikteb, “jien li jiena nnifsi kelli nisfa’ ltim minn ommi proprju dakinhar ta’ twelidi, u minħabba gwerra oħra li ma damitx ma segwiet lil ta’ qabilha. Proprju jien, li ċ-ċaħda kelli ngħixha matul il-mumenti kollha ta’ ħajti.” (p. 222)

Tissemma ħafna l-ironija tad-destin li laqqa’ lil Kustanz Magro ma’ min qed jirrakkonta biex fl-aħħar jinkiteb ir-rakkont, minkejja d-distanza fiżika u temporali (ladarba Kustanz ilu mejjet mis-sena 1917).
In-narratur ewlieni diġà minn paġna 53 jixħet dawl fuq il-fatt li dan ir-rakkont ta’ Kustanz se jkun wieħed traġiku, mela żmien il-għasel intemm. Aktar kemm wieħed jaqra aktar jifhem li l-gwerra hija biċċerija u qirda tal-imħabba, tal-ħajja, tal-bniedem. Minkejja li t-Tedesk hu l-għadu, Kustanz ma jobogħdux għax jaf li qegħdin fl-istess sitwazzjoni. Din li jirrakkonta Vella hija storja umana, mimlija bi ħsus umani ta’ kull tip: xewqat, beżgħat, dmirijiet, twegħir, ġibdiet, tentazzjonijiet, ħajja u mewt. Hekk id-djarju ta’ Kustanz, kif jgħid in-narratur ewlieni, jinbidel “f’mera tat-taħdita interna f’moħħ u ruħ Kustanz [...] Jew saħansitra l-esternizzazzjoni tal-vjaġġ ta’ ruħu.” (p. 131)

Kustanz jikteb direttament mit-trunċieri dwar l-assurdità tal-gwerra li torbot u tħoll ħbieb u għedewwa skont iċ-ċirkostanzi. Hemm it-taqsima “Il-Ħamrija Tilqa’ Kollox”, fejn naqraw iktar ħsibijiet profondi dwar is-sabiħ tal-ħolqien u l-ħela tal-Gwerra.

Imbagħad fit-taqsima “It-Tbatija tal-Misteri” naqraw b’ħolma-inkubu li n-narratur ewlieni jkollu minħabba l-ħakma li għandhom fuqu d-djarju u l-ittri ta’ Kustanz. Dan in-narratur qarib ta’ Kustanz hu anzjan li jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tas-suldat Malti waqt il-Gwerra l-Kbira: il-biża’ tiegħu hu li jiġi nieqes qabel ma jasal biex iwieġeb bosta mistoqsijiet li tnisslu f’rasu.

Il-biża’ bħala motiv jerġa’ jixref iktar ’il quddiem, fejn Kustanz jikteb li meta jkun waqt xi battalja fil-Front jipprova jaħbi l-biża’ tiegħu; hawn jirreferi għal taqbida li kienet isseħħ fih u li kien dejjem jirbaħha bi sforz kbir. Lil Kustanz imissu wkoll il-waqt meta jiġi midrub, u dan waqt il-Battalja tas-Somme: kien il-ħsieb ta’ martu u wliedu li tah is-saħħa u d-determinazzjoni sabiex jibqa’ ħaj u jitkaxkar bi tbatija kbira lura lejn it-trunċieri tal-Alleati. Fuq naħa l-qtil, il-waħx, il-mewt kull sekonda; fuq l-oħra l-ħsus ta’ Kustanz bħala missier, miżżewweġ, ħu Ġanmari u ħabib. Huma dawn tal-aħħar li jsostnuh meta l-kuraġġ u t-tama jkunu se jaħbtu jħalluh.

Minn ittra ta’ Ġużeppa lil Kustanz nagħrfu wkoll it-tbatija anki emozzjonali u psikoloġika li jgħaddu minnha n-nisa tas-suldati.

In-narratur ewlieni jfakkarna li għalkemm fil-waqt li qed jaqra l-ittri u d-djarju ta’ Kustanz, Kustanz ilu mejjet deċennji sħaħ, xorta waħda bħal donnu Kustanz għadu ħaj. Hawn l-idea tal-iscripta manent, il-kelma miktuba li tibqa’ (p. 212).

Element tematiku ieħor f’L-Eroj li ma Kienx huwa t-twemmin Nisrani ferventi ta’ Kustanz, minkejja l-infern li sab ruħu mitfugħ fih. Tweġiba b’saħħitha li Kustanz Nisrani jagħti lil suldat ieħor għall-mistoqsija, “Fejn hu Alla tiegħek f’dan kollu?”, hija, “Mhux fejn abbadunajnieH aħna?” (p. 219)

Ladarba Kustanz jgħib u jintemm ir-rakkont tiegħu, bl-aħħar entratura fid-djarju tiegħu ġġib id-data tat-30 ta’ Novembru 1917, jerġa’ jieħu r-rakkont f’idejh in-narratur ewlieni. Huwa hawn meta r-rumanz jieħu xejriet tat-trattat għax jiddiskuti bosta aspetti importanti fil-ħajja tal-bniedem. Fl-aħħar taqsima, wara li n-narratur ewlieni jippreżentalna għadd ta’ statistiċi, jistqarr direttament li wisq probabbli l-Gwerra l-Kbira seħħet biss għal raġunijiet ta’ flus u profitti min-naħa tal-klassijiet l-għolja. Mela L-Eroj li ma Kienx huwa anki twissija biex iż-żgħir joqgħod attent mill-kbir u ma jerġax jaqa’ fin-nassa. Kemm hu minnu dan u kemm japplika għalina tal-preżent!

Stil u struttura:

In-narrazzjoni fil-każ tan-narratur ewlieni u tan-narratur sekondarju hija fl-ewwel persuna singular maskil. Spiss in-narratur ewlieni jindirizza lill-qarrejja direttament permezz ta’ “intom”. Dan ta’ Joseph Vella huwa rumanz epistolari ladarba partijiet minnu huma msejsa fuq għadd ta’ ittri li Kustanz jikteb lil martu Ġużeppa jew lil ħuh Ġanmari u oħrajn li huwa jirċievi mingħand dawn it-tnejn jew xi ħbieb oħrajn. Partijiet oħrajn tar-rumanz jieħdu l-forma ta’ entraturi fid-djarju personali ta’ Kustanz, kollha ddatati. L-ewwel entratura fid-djarju hi dik tat-2 ta’ Marzu 1914 u l-ewwel ittra ta’ Kustanz (li kien fl-Ingilterra) kienet indirizzata lil martu u ddatata 3 ta’ Marzu 1914. L-entraturi fid-djarju u l-kontenut tal-ittri huma miġjubin fil-korsiv. Apparti leħen in-narratur ewlieni u dak sekondarju, xi drabi għalhekk il-leħen narranti jkun dak ta’ Ġużeppa, mart Kustanz, jew ta’ Ġanmari, ħuh. F’dawn l-ittri u fid-djarju joħorġu l-karattru ta’ Kustanz, ħsusu u ħsibijietu, ’il bogħod minn art twelidu. Naqraw ukoll siltiet minn gazzetti tal-epoka tal-Gwerra l-Kbira, miġjubin direttament fl-ortografija taż-żmien. Dan ikompli jagħti sens ta’ awtentiċità lir-rakkont.

Dan hu anki rumanz b’element didattiku qawwi. Jingħata tagħrif qasir dwar il-ġurnali differenti li kienu joħorġu – bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan, fi żmien meta Malta ġiet ittrasformata fi sptar kbir f’nofs il-Mediterran għas-suldati Alleati midruba. Insibu tagħrif dwar tal-bambott u tal-gadraj. Id-deskrizzjoni pjuttost umoristika tal-ġlieda bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet ta’ bejjiegħa fil-Port il-Kbir fl-ittra ta’ Ġanmari lil ħuh isservi bħala serħan mit-tensjoni tal-epoka. Spiss Vella jfakkar li l-gwerra, minkejja l-patrijottiżmu u l-fervur tal-bidu, ħalliet warajha bosta romol, orfni u qirda ta’ wlied.

L-element didattiku jerġa’ jinħass meta naqraw li “Aħna l-prodotti tal-bieraħ, u l-produtturi ta’ għada.” (p. 217) Permezz ta’ dak li ħallewlna ta’ qabilna aħna tal-lum għandna nimxu ’l quddiem.

Strutturalment L-Eroj li ma Kienx hu mibni fuq alternanza bejn siltiet sħaħ jew parzjali mid-djarju jew mill-ittri varji, u l-kumment-riflessjonijiet tal-leħen narranti (in-narratur ewlieni). Xi drabi, għalkemm mhux dejjem, l-ittri jinqraw kronoloġikament, mela nsegwu kważi jum b’jum il-vjaġġ ta’ Kustanz lejn il-Front u l-waqt tal-prova. Hemm drabi oħra (bħalma jiġri f’paġna 86) meta għal waqt in-narratur ewlieni jaqbeż mis-sena 1914 fid-djarju għas-sena 1917, mela xi tliet snin wara, biex jurina x’bidla ġabet il-Gwerra f’Kustanz. Fiha nnifisha din hija tip ta’ prolessi (flashforward). Dan iserrħilna rasna li Kustanz irnexxielu jissopravivi għallinqas tliet snin. Aktar kemm naqraw aktar nindunaw li l-ittri ma jibqgħux jinġiebu f’sens kronoloġiku, imma skont is-suġġett li n-narratur ewlieni jkun qed jittratta.

Lingwistikament Vella juża Malti b’taħlita adatta tas-Semitiku u r-Rumanz, mela ta’ elementi ġejjin mill-Għarbi u oħrajn mit-Taljan. Bosta drabi juża wkoll għadd ta’ termini militari li jġib direttament fl-Ingliż imma eżatt wara jfiehem xi jfissru bil-Malti. Il-Malti Semitiku jispikka ħafna fl-użu ta’ nomi mimmati bħal “mgħawma” (post mgħarraq bl-ilma u t-tajn), “maqtel” (post fejn jinqatlu l-eluf), jew “milwiema” (mimlijin ilma).

Hemm ukoll drabi meta r-rakkont jiġi mżewwaq bi skizzi biex Kustanz jispjega aħjar dak li dwaru jkun qed jikteb, bħal per eżempju fil-każ tal-periskopju jew tat-tank tal-gwerra.

Parti mill-kontenut tar-rumanz huwa magħmul minn poeżiji. L-ewwel waħda li naqraw hija silta mill-poeżija tal-poeta-suldat Wilfred Owen, Strange Meeting, miktuba fl-1918. Hemm ukoll siltiet minn għanjiet ta’ żmien il-Gwerra. Imbagħad hemm numru ta’ poeżiji jew versi ta’ riflessjoni li Kustanz jikteb f’diversi okkażjonijiet, bħal dik li jikteb f’għamla ta’ kwartini f’Lulju tal-1916 dwar il-ħafna kadavri li kien jara madwaru. Poeżija oħra ta’ Kustanz jisimha Lil Ommi miktuba f’Novembru 1916. Fuq naħa hemm ir-rabta tal-iben mal-omm, fuq l-oħra l-preżentiment tal-mewt fil-qrib.

Hemm preżenti wkoll il-ħsibijiet u l-ħsus tan-narratur ewlieni waqt li qed jaqra l-kontenut tal-pakkett li wiret. Dan in-narratur ewlieni (il-“jien” numru 1) b’hekk isir parteċipant attiv fil-ġrajja ta’ Kustanz. Lejn tmiem ir-rumanz jikteb, “Kont ili nħoss għal Kustanz, kont ili nixtieq indaħħal id waħda fid-djarju, kieku stajt, u nerfgħu b’ġentilezza, fil-keffa t’idi, u nqiegħdu lura fi ħdan familtu kif kien ikun sewwa u xieraq għalih u għalihom.” (p. 222)

Element stilistiku ieħor li Vella juża iktar minn darba huwa l-ewfemiżmu: minflok isemmi l-kelma “mewt” Kustanz jikteb hekk dwar ħbiebu li mietu, “Is-Sur Harry u sħabi l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ Andy, kollha kien intemmilhom il-vjaġġ u għaddew għal ħajja aħjar.” (p. 196) L-ewfemiżmu jerġa’ jitħaddem fl-aħħar żewġ linji tat-taqsima “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ”, meta naqraw, “L-aħħar entratura fid-djarju ta’ Kustanz kienet dik tat-30 ta’ Novembru 1917.” Dak li għal żmien twil kien iħoss ġej fuqu Kustanz fl-aħħar iseħħ u f’daqqa waħda. L-għajbien ħesrem ta’ Kustanz mix-xena ma jħallix ħin għall-qarrej biex jibkih. Dan ikompli jinsisti fuq il-fatt li L-Eroj li ma Kienx hu rumanz iktar realistiku, milli patetiku.

Il-livell deskrittiv u poetiku:

L-Eroj li ma Kienx hu miżgħud b’partijiet deskrittivi. Kustanz fid-deskrizzjoni tal-għelieqi, l-għoljiet u l-firxiet naturali hu romantiku u nostalġiku. Il-vjaġġ fit-tren u l-firxiet naturali jagħtu lok biex Kustanz jagħtina deskrizzjoni ta’ Malta predominantement agrikola fil-bidu tas-seklu 20. Ironikament, dan iseħħ fi żmien ta’ gwerra, żmien ikrah tassew.

Hemm ukoll partijiet poetiċi immens, minkejja li dan hu xogħol narrattiv. Hekk f’rabta mal-vjaġġ fuq it-tren naqraw, “Hemm bosta stadji matul dan il-vjaġġ, uħud qosra, oħrajn aktar dewwiema, imma lkoll mibdija u mitmuma. Stazzjon wara l-ieħor, mifruxa minn żmien għal żmien f’dil-mixja għaġġelija lejn tarf mhux magħruf.” (p. 52) Preċiżament wara jsegwu l-proża u r-realtà iebsa: is-suldati lebsin l-uniformi bl-azzarini u armati sa snienhom.

Permezz tan-narratur ewlieni Vella jagħtina ħemel tagħrif interessanti dwar il-ħajja fl-armata. Huwa f’paġna 74 meta jibdew id-deskrizzjonijiet ħajja tal-kruhat tal-Front u l-ewwel esperjenzi tat-taqbid ta’ Kustanz. Ix-xeni tal-waħx, bis-suldati maqtula jew midruba gravament iħallu impatt psikoloġiku qawwi fuq il-kollegi tagħhom. Kustanz jiddeskrivi l-estremi fl-atteġġjamenti ta’ suldati differenti: “Bħalissa għaddejja waħda ma titwemminx hawn fil-‘billet’ fejn ninsabu: hawn wieħed fostna qed jitkellem ħażin bl-addoċċ u ftit ’il bogħod minnu hawn ieħor igedwed u jżebbeġ fil-kuruna tar-Rużarju.” (p. 75)

Naqraw ukoll deskrizzjoni tal-ewwel darba li Kustanz qatel suldat Tedesk. Jibqa’ jinħass il-fatt li qatel bniedem bħalu.Toħroġ ukoll l-idea li fuq il-Front il-bniedem-suldat bilfors irid jinża’ mill-umanità tiegħu, inkella jisfa maqtul huwa stess. Dan il-qtil ta’ bniedem bħalu jnissel f’Kustanz għadd ta’ mistoqsijiet eżistenzjali.

Dawn il-qagħdiet tal-waħx li Kustanz sab ruħu fihom spiss imbuttawh biex jikteb riflessjonijiet profondi qatigħ imma anki poeżiji mimlijin sentimenti qawwijin fid-djarju tiegħu. Dan id-djarju jservi lil Kustanz bħala żvog imma anki bħala terapija biex ma jitlifx ir-raġuni u l-umanità tiegħu stess. Permezz ta’ dan id-djarju l-qarrej jifhem li Kustanz huwa dak is-suldat fit-trunċiera x’imkien fil-Fjandri li jasal biex jifhem sewwa l-vera tifsira tal-gwerra, bl-ikrah u t-tbatija li ġġib magħha. Huwa proprju f’dawn il-partijiet li r-rumanz ta’ Vella jilħaq livell filosofiku għoli. Kustanz stess jikteb li d-djarju “kien sarlu t-tibna li beda jiggranfa magħha, biex iżomm is-sanità tiegħu kemm jista’ jkun f’postha f’dak l-orrur inkredibbli.” (pp. 132-133) F’paġna 200 jikteb: “Imma rrid nibqa’ nikteb għaliex inħossni ser nitlef moħħi jekk ma noħroġx dak li jkun għaddej f’moħħi b’dan il-mod... organizzat.” Id-djarju jagħti ordni lid-diżordni – dinja ta’ taħt fuq – li hemm madwar Kustanz fit-trunċieri. Aktar riflessjonijiet mill-isbaħ naqrawhom fit-taqsima “Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ”, li żgur ifakkar f’San Ġwann tas-Salib.

Hemm drabi meta l-aspett udittiv (mela l-appell għas-sens tas-smigħ) fid-deskrizzjoni ta’ Kustanz jirrendi s-sitwazzjoni deskritta iktar reali: “’Il bogħod minna l-kanuni jinbħu. Fuq rasna l-balal żgħar iwerżqu, il-bombi jvenvnu b’vuċi maħnuqa qisha ta’ barri jħarħar. Ħsejjes iwaħħxuk...” (p.106) Fil-paragrafu ta’ wara mbagħad jaħkem l-aspett kromatiku (il-kulur): “Minn fuq ix-xefaq iġammar ħamrani jidhru telgħin żewġ ‘rockets’ ħodor. Dan ifisser li se nsofru ‘barrage’. Minn ħin għal ħin jidhru l-kanen jobżqu blalen tan-nirien fiddiena-ħamranija li mbagħad jisplodu fuq rasna u traxxax xita ta’ kwiekeb ħomor, ħodor, bojod, leqqiena.” (p. 106) Dan kollu f’rabta ma’ “l-ispettaklu mlewwen ta’ dil-festa qerrieda”. L-element udittiv, jew l-onomatopea, tintuża wkoll f’paġna 200: “xita ta’ balal, bumbardamenti kontinwi, damdim, theżżiż, tifqigħ ta’ bombi kbar u żgħar.”; filwaqt li l-element kromatiku nerġgħu nsibuh ftit wara: “kulħadd kannella, kollox kannella bit-tagħsid tal-ħamrija mtajna. Tiċpis u tiċlis ta’ ħamrija. Ilkoll qisna pupi, jew aħjar pupazzi taċ-ċikkulata. Imma ċikkulata morra. Ċikkulata togħma ta’ moffa. Imbagħad xi ngħidu għal kemm ‘pupazzi taċ-ċikkulata’ tara li sfaw bla rjus, bla jdejn, bla saqajn, bi msarinhom barra, imbiċċra, imtertqa, miftuqa...” (p. 201) Apparti l-lewn kannella, taħkem ukoll id-deumanizzazzjoni, jiġifieri meta l-bniedem jitneżża’ minn dak kollu li jagħmlu bniedem.

Kustanz is-sensittiv u poeta jerġa’ jixref fid-djarju tiegħu meta jiddeskrivi lil martu għerja u l-ewwel għaqda fiżika ta’ bejniethom nhar qamar il-għasel. Dan jagħmlu permezz ta’ lingwaġġ mill-isbaħ, xejn maħmuġ, imma li xorta jaf iqanqal (ara pp. 135-137).

F’post ieħor u fi spazju ta’ żewġ paġni u nofs Kustanz jagħti deskrizzjoni klinika u ħajja tal-fażijiet differenti li minnhom jgħaddi l-kadavru ta’ bniedem mejjet. Din hija parti li twaħħxek imma lingwistikament mill-isbaħ u b’saħħitha fl-istess ħin. (pp. 143-145)

Is-suldat fit-trunċieri kien jgħix id f’id mal-kadavri u mal-mewt. Xbieha poetika dwar il-mewt insibuha f’paġna 166: “Il-mewt tħuf madwarna l-ħin kollu, miexja ħafja, tara ’l min se tieħu magħha, siekta.” Imbagħad f’paġna 174 naqraw silta (fit-taqsima bl-isem ta’ “Irmied u Dellijiet”) li tintrabat direttament mal-qoxra tal-ktieb: Kustanz bħal jara dak il-waqt meta joħroġ minn ġismu biex iħalli lid-dinja darba għal dejjem. Wieħed jistaqsi f’dan il-punt jekk hix previżjoni li se sseħħ jew le. Ħsibijiet simili naqrawhom f’paġna 211: “U jien hawn wisq drabi nħossni li m’għadnix f’did-dinja imma li diġà ninsab f’li jmiss, fl-infern tal-ħajja ta’ wara din [...] Nitmermer, dejjem nitmermer, waqt li naf u waqt li ma nafx li qieghed nitmermer [...] U kemm tiflaħ tissokta tnemnem did-daqsxejn ftila qalb tant irwiefen jobormu minn kull naħa?” Dan Kustanz jiktbu wara li jirċievi l-aħbar tal-mewt ta’ ħabib kbir tiegħu, xahrejn wara li miet. Hemm ħajta rqiqa ħafna bejn ħajja u mewt!

Aktar dwar ir-rabta bejn ħajjin u mejtin naqrawh meta Kustanz jikteb hekk fid-djarju f’relazzjoni mal-1 ta’ Novembru 1917: “Erġajna ninsabu fix-xahar tal-mejtin. Xahar li jfakkarna fl-għeżież li tlifna. Hawn lanqas kieku trid ma tista’ tinsiehom il-mejtin. Ninsabu midfunin ħajjin f’nofshom. Tista’ tgħid li aħna l-kadavri t’għada... jekk mhux ukoll il-kadavri ta’ ftit waqtiet oħra.” (p. 197)

Xbieha sabiħa oħra hija dik meta Kustanz iqabbel il-gwerra mal-Golgota u r-rebħa mal-Irxoxt (p. 198). Xbieha effettiva oħra hija meta Vella, bis-saħħa tan-narratur ewlieni, jikteb li l-pakkett bl-ittri u bid-djarju ta’ Kustanz huwa “midfen b’differenza” li fih, “hemm ħsibijiet u sentimenti espressi fil-kitba li huma aktar suwed mill-faħam, u hemm ġawhar ta’ mumenti imprezzabbli.” (p. 217) Ħsieb profond u poetiku ieħor fid-djarju ta’ Kustanz li joħroġ permezz tal-lingwaġġ figurattiv naqrawh f’paġna 218: “Dal-kliem [...] Mhu xejn għajr it-tħaxwixa mitfija ta’ werqa ta’ darba li waqgħet fil-masġar enormi tal-ġrajja.” Hemm il-poeżija anki fil-proża ta’ Kustanz; paradossalment hija poeżija prodott ta’ waqtiet ta’ waħx, solitudni u tbatija.

Konklużjoni:

F’L-Eroj li ma Kienx naqraw dwar il-ġrajja ta’ bniedem ordinarju (wieħed minn miljuni) li sab ruħu f’ċirkostanzi straordinarji u b’hekk ma baqax daqstant ordinarju. (p. 134) Nistħajjel li Joseph Vella kiseb bosta tagħrif mill-ħafna kotba li matul snin twal qara anki f’ilsna oħra f’rabta mal-Istorja u l-gwerra. L-interessanti huwa kif irnexxielu minn dan kollu jibni rumanz strutturat tajjeb f’ilsienna, xogħol li fih juri ħakma tajba ferm tal-Malti tant li d-deskrizzjonijiet jinqraw b’mod mexxej u naturali għall-aħħar. Is-sabiħ huwa wkoll il-fatt li permezz ta’ dan ir-rumanz - aktarx uniku għax hu biss hu xogħol lokali ambjentat fi żmien il-Gwerra l-Kbira? -  jinħoloq pont ta’ komunikazzjoni dirett bejn in-narratur ewlieni u Kustanz, imma anki bejn il-qarrej u n-narratur ewlieni u Kustanz minkejja li bejn il-preżent u l-imgħoddi (Kustanz fit-trunċieri) hemm spazju temporali ta’ mitt sena.

Dan hu wkoll rumanz tweġiba għal min jemmen li biex tikteb xogħol li jintgħoġob jeħtieġ juża lingwaġġ, deskrizzjonijiet u xeni maħmuġin, mimlijin sess u oxxenità. Minn dan kollu L-Eroj li ma Kienx m’għandu xejn. Anzi, hawn Vella jerġa’ jfakkar li hemm valuri li għad għandhom importanza ewlenija, iktar u iktar illum f’soċjetà materjalista u aktarx korrotta; valuri bħalma huma l-għożża tal-familja, it-twemmin f’Alla, il-lealtà fiż-żwieġ u lejn il-patrija, ir-rispett lejn il-proxxmu – saħansitra fuq il-kamp tal-battalja, ir-rispett lejn u l-apprezzament tal-ħajja umana, u anki lejn dawk li ġew qabilna billi la ninsew lilhom u lanqas  dak li ġarrbu.

Fl-aħħar nett ta’ min jgħid li wara xogħol letterarju bħal dan hemm ukoll Joseph Vella l-istudjuż ħassieb u anki għalliem tal-Malti.

Patrick Sammut 


Thursday, January 29, 2015

MEJT ta’ Anton Grasso, It-Tieni Edizzjoni, Horizons 2014.


Din hija ġabra ta’ ħames rakkonti diġà ppubblikati fl-1988 imma rriveduti minn Anton Grasso u li jifirxu fuq 127 paġna. It-tul tagħhom ivarja bejn 13 (Ir-Raġel ta’ Novembru) u 34 paġna (Il-Ġar).

Mejt tittratta tema attwali ħafna: dik ta’ mikrobu fl-arja li jattakka l-moħħ u jġennen fi ftit minuti lil dak li jkun billi joqtol fih kulma hu uman u jibdlu f’qattiel miġnun. Dik li jiddeskrivi Grasso hija ċirkostanza u għajn ta’ ispirazzjoni f’bosta serje televiżivi li għandhom mill-fantaxjenza kontemporanja bħal The Strain, The Last Ship jew Helix. L-awtur jispira ruħu anki minn bosta aħbarijiet ta’ kronaka sewda li nisimgħu u naqraw dwarhom ta’ kuljum fejn naraw li l-bniedem jaf jaqa’ fil-baxx ħafna ladarba jitlef moħħu.

Stilistikament dan hu rakkont b’ritmu narrattiv jgħaġġel. Grasso jgħinna nħarsu lejn il-ġrajja minn angoli differenti u jalterna bejn partijiet djalogati li jseprimu biża’ u sens ta’ urġenza u l-kumment tan-narratur li jkompli jsaħħaħ il-gravità tas-sitwazzjoni. Bil-mod il-mod Grasso jwassalna għal climax mistenni, biex f’daqqa waħda jaħsadna b’anticlimax mhux daqstant mistenni, imma li żgur ifakkar f’rumanzi bħal I Am Legend ta’ Richard Matheson jew World War Z (ta’ Max Brooks), it-tnejn magħmulin films li għamlu suċċess. Dan hu rakkont fanta-apokalittiku u tal-biża’, imma fl-istess ħin bħal ifakkarna li dak li jidher fantaxjenza llum jista’ jsir realtà għada stess!

Għalkemm fit-tieni rakkont, Dehra tal-Pont, Grasso jikkonċentra fuq żewġ personaġġi, Saverju u Ninna, xorta waħda ma jonqosx milli jiddeskrivi dak kollu li hemm mal-madwar. L-awtur jirnexxilu jlaħħam dan kollu permezz ta’ sens qawwi ta’ osservazzjoni li żgur bena u saħħaħ matul dawn l-40 sena li ilu jikteb u jippubblika. Dawk tiegħu huma deskrizzjonijiet ta’ karattri li jqaxxarhom permezz ta’ ħakma assoluta fuq l-ilsien Malti, imma anki permezz ta’ ġesti, pawsi partikolari fid-djalogi, karatteristiċi fiżiċi idjosinkratiċi bħal tikmix fuq il-wiċċ jew qxur niexef fuq l-id, jew teptipa tal-għajnejn.

Strutturalment Dehra tal-Pont jinqasam f’żewġ movimenti: fl-ewwel parti hemm ċerta rutina, hena, imma fit-tieni parti mill-ewwel jibda jinbena sens ta’ tensjoni u ta’ stennija, anki permezz ta’ bosta mistoqsijiet li jirriflettu dubji li għaddejjin f’moħħ il-protagonist. Dan kollu jintrabat mal-maltempata li għaddejja barra. Hekk waqt li jaqra d-djalogu li għaddej bejn Saverju u Ninna, il-qarrej iħoss li se tfaqqa’ xi ħaġa kerha, b’atmosfera li tixbah lid-delitt ta’ Raskolnikov ta’ Dostojevskij. Jitħaddem il-kuntrast tal-kjaroskur li hu effettiv ħafna: “Kien id-dawl tal-fidwa għaliha; għalih id-dlam waħxi tat-telfien.”; “Dak il-fanal imdendel f’tarf it-triq kienet se tieħdu magħha u kull darba li jaqa’ d-dlam tad-dubju, tas-suspett, tħares lejh.”; jew “baqgħet tħares lejn il-fanal idawwal il-wesgħa mudlama ta’ madwarhom.” (pp. 50-51) Dak li Grasso jibni bil-mod il-mod fl-ewwel parti, iżarmah daqstant bil-mod il-mod fit-tieni parti sakemm id-dawl jinbidel fi dlam u l-ħajja u l-imħabba f’mewt.

Fir-rakkont Id-Dar fejn Tieħu Gost Tmut storja ta’ suċċess fi ftit paġni tinbidel f’falliment totali. Il-mewt hija mifhuma bħala l-qerrieda ta’ kull hena. Ironikament wieħed mill-protagonisti kien id-direttur ta’ kumpanija tal-assikurazzjoni tal-ħajja. Wieħed jistaqsi mill-ewwel: xi skop hemm li tmut meta tkun hieni u paxxut? Fid-deskrizzjoni fiżika tas-Sur u s-Sinjura Neumberger hemm element grottesk qawwi: huma “l-aktar koppja ħelwa fil-kruha tagħha.” (p. 68) Paradoss ieħor huwa l-fatt li f’dar ġenna l-mewt kienet tolqot lil dak li jkun bla ma jaf kif u meta. F’kull parti ġdida tar-rakkont Grasso jinkludi personaġġi ġodda u b’hekk iwessa’ l-ispazju narrattiv. Dan ir-rakkont jassumi tifsiriet anki morali: nifhmu li l-bniedem f’sensieh biss jaf japprezza l-importanza tal-ħajja u jagħraf kemm hu żball li jarmiha. Dan jintrabat ma’ dak li naqraw f’paġna 72, “Il-bniedem jasal għal bosta deċiżjonijiet koroh meta jkun impulsiv.” Filwaqt li t-tmiem hu wieħed mhux mistenni tassew, min-naħa l-oħra jonora mija fil-mija t-titlu tar-rakkont.

F’Il-Ġar it-tagħrif dwar il-protagonisti jew personaġġi Grasso jagħtih gradwalment, mela f’dożi żgħar li jħalluk tixtieq dejjem iktar. Fl-iżvilupp tar-rakkont huwa jħallat partijiet li għandhom mit-tiġrib pożittiv u oħrajn mit-tiġrib negattiv. Hawn hija ttrattata bil-mod partikolari ta’ Grasso t-tema tal-familja, fejn l-omm hija armla u b’iben waħdieni. Anki hawn Grasso jaħsad permezz ta’ waqt ta’ waħx mhux mistenni għalkemm ikun diġà pprepara lill-qarrej għalih. Sintattikament (it-tul tas-sentenzi) titħaddem il-konċiżjoni fuq naħa (“Moħħha werżaq f’sikta.”), fuq l-oħra perijodu sintattiku twil fejn jaħkem ċertu dettall deskrittiv, anki ta’ ħsus u ħsibijiet ġewwiena.

Jidħol l-element psikoloġiku: għaliex il-protagonista wara l-mewt ta’ żewġha u dik friska ta’ binha titkellem iktar dwar ommha milli dwarhom? Grasso jinsisti ħafna fuq l-importanza ta’ din ir-rabta speċjali bejn l-omm u l-bint. Interessanti l-parti ta’ omm il-protagonista, l-aktar meta tieħu r-rwol ta’ investigatur biex tipprova titkixxef dwar min seta’ qatel in-neputi tagħha. Meta r-rakkont jibda jinħass qed jitwal bla bżonn u n-narrazzjoni tibda tgħajjik, Grasso jintroduċi żvilupp narrattiv ieħor li jaħsad u b’hekk jerġa’ jixgħel l-interess tal-qarrej li għal waqt qasir jista’ jkun batta. Fil-finali mhux mistenni Grasso jinkludi l-element tas-sopranaturali u jfakkar li “hemm awtorità oħra li taħkem fuq kollox u fuq kulħadd.” (p. 121)

L-aħħar rakkont huwa Ir-Raġel ta’ Novembru. Hu miktub fl-ewwel persuna singular. Il-“jien” hawn hu Judy ta’ 23 sena.  Jinqasam f’żewġ partijiet: fl-ewwel parti hemm l-istennija, ix-xewqa u l-laqgħa; fit-tieni parti naqraw dwar il-bidu tar-relazzjoni, u wara l-kixfa ta’ ħwejjeġ mhux daqstant sbieħ. Anki hawn hu preżenti l-motiv tal-familja u r-relazzjonijiet umani. Anki hawn strutturalment Grasso jiftaħ bħal rakkont sekondarju ġor-rakkont ewlieni, ġieli anki iktar. Grasso ma jiddejjaq xejn jikxef l-irkejjen imdallmin u koroh tan-natura umana. Mill-ġdid ir-rivelazzjoni li taħsdek hija merfugħa għall-aħħar linji tar-rakkont, rivelazzjoni li żgur tintrabat mal-istess titlu.

Għal darb’oħra f’Mejt Grasso jħaddem stil ta’ kitba li jaħkmek u jimbuttak tkompli taqra bla heda, bi djalogi mexxejja u ritmu naturali. L-għajn ta’ ispirazzjoni huwa t-tiġrib tal-ħajja tal-bniedem (jinsab fejn jinsab, Malta jew barra minn xtutna) ta’ kuljum. Grasso mbagħad jaħsad anki permezz ta’ frażi qasira, ta’ atteġġjament jew ġest partikolari li jġiegħel lill-qarrej jibda jiddubita mis-sabiħ tas-sitwazzjoni li jkun għadu kemm ippreżenta u b’hekk joħloq sens ta’ stennija. Anki hawn għandna rakkonti fejn fiċ-ċentru u taħt lenti għarriexa titqiegħed in-natura umana biex b’hekk Grasso jurina li jaf sewwa minn x’inhu magħmul il-bniedem (ruħu, qalbu, il-psike tiegħu) bis-sabiħ u l-ikrah tiegħu, bil-punti b’saħħithom u bid-dgħjufijiet tiegħu. Permezz tal-kitbiet ta’ Anton Grasso niskopru kemm dak li jidher għax fil-wiċċ, imma iktar u iktar dak li hu fil-fond, moħbi u ma jidhirx. Huwa lejn dan li Grasso jimmira u li b’sengħa kbira jikxef permezz tal-kelma, tad-deskrizzjonijiet u tad-djalogi li jinseġ. Li hu żgur li min jaqra r-rakkonti ta’ Grasso qatt ma jista’ jserraħ rasu u jieħu nifs ’il ġewwa lanqas għal waqt qasir.


Patrick Sammut