Sunday, February 3, 2013

IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO ta’ Marcel Zammit Marmarà (SKS, 2012)


Dan huwa ktieb ta’ 402 paġni mill-isbaħ li jbaqbaq mill-bidu sal-aħħar bil-ħajja, vulkan fih innifsu li jikxef min-nieqa sal-qabar, minn barra sal-ibgħad irkejjen ġewwiena l-ħajja diffiċli u l-karattru xejn faċli tal-“Poeta tan-Nirien”. Hija bijografija miktuba bi stil mexxej, u ladarba tibdieha jiddispjaċik titlaqha minn idejk, u kif taqraha darba tħoss mill-ewwel il-ħtieġa li taqraha anki għat-tieni u għat-tielet darba.

Marcel Zammit Marmarà jerġa’ jagħti l-ħajja lil Karmenu Vassallo permezz ta’ ittri, intervisti, annotamenti, saġġi u kummenti li kiteb hu stess. Il-qarrej jifhem minnufih li dik tal-poeta mis-Siġġiewi qatt ma kienet ħajja faċli. Kien iltim, daq sewwa l-faqar, is-sagrifiċċji ta’ kull tip, l-umiljazzjoni, l-ingratitudni, il-firda li ġġib magħha l-mewt tal-għeżież, u l-mard. Studja għal patri, għadda minn żmien meta ma riedx jaf b’nisa jew żwieġ, bata s-solitudni, iżżewweġ u sar missier iktar minn darba, bata wara li tilef tlieta minn uliedu, ħareġ għall-politika u kellu rwol ewlieni f’dan il-qasam, għallem il-Liċeo, serva bħala suldat, kien qarrej tal-provi u traduttur prim u ħadem max-xandir u fil-qasam ġurnalistiku, anki bħala editur.

Dan kollu jikxfu Marcel Zammit Marmarà wara snin twal ta’ riċerka, korrispondenza, ġbir ta’ materjal varju minn bosta persuni kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. B’hekk joħroġ il-personalità ta’ dan il-Poeta umli li kelma ma kienx jomogħdha darbtejn u b’hekk żvoga fuq kollox permezz ta’ vrusu u anki permezz tal-ittri u s-saġġi li kiteb. Berraħ ħsibijietu f’bosta kitbiet li dehru f’għadd kbir ta’ gazzetti u kien jinkoraġġixxi poeti żgħażagħ, imma ħadha bi kbir kontra dawk li ħasbu li laħqu s-sema bil-versi sperimentali tagħhom fis-snin 60.

IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO hu ktieb li jpaxxik u li jagħti dak li ħaqqu lil min verament ħabb lil artu, lill-poplu Malti, u lil ilsien art twelidu. Prosit ukoll lil dawk il-bosta persuni li b’altruwiżmu u b’imħabba għaddew ammont kbir ta’ materjal lil Marcel Zammit Marmarà biex ikun jista’ joħroġ għad-dawl il-personalità kumplessa tal-“Poeta tan-Nirien”. Hawn wieħed jistaqsi, “Meta se toħroġ ġabra sħiħa tal-produzzjoni poetika ta’ Karmenu Vassallo?” Forsi dan ix-xogħol ikun jista’ jidħol għalih l-istess Marcel Zammit Marmarà u jiġi ppubblikat mill-istess SKS li minn dejjem tat spinta lil-letteratura permezz ta’ pubblikazzjonijiet mll-iprem.

Hemm waqtiet meta din il-bijografija tilħaq saħansitra l-ogħla qċaċet tal-patos li b’mod naturali tqabbeż saħansitra demgħa fuq ħaddejn il-qarrej attent, bħall-parti li tiddeskrivi l-aħħar waqtiet tal-ħajja tal-Poeta f’din id-dinja, wara żmien twil magħluq f’daru u mixħut fis-sodda minħabba mard differenti. Inħoss li hemm nuqqas ċkejken: ma ngħad xejn dwar x’seħħ waqt il-funeral u d-difna ta’ Karmenu Vassallo, fejn hu midfun, forsi anki x’inkiteb għall-okkażjoni, anki jekk Marcel Zammit Marmarà ma żammniex sajmin minn bosta referenzi biblijografiċi mill-bidu sal-aħħar.

Ikomplu jsebbħu u jsaħħu din il-pubblikazzjoni l-bosta ritratti b/w - aktar minn 50 – marbutin ma’ fażijiet differenti mill-ħajja tal-Poeta – li għal xi żmien kien hemm bosta li xtaqu jgħolluh għal Poeta Nazzjonali – u anki ritratti ta’ ittri ttajpjati jew miktubin b’id il-Poeta stess, flimkien ma’ poeżiji jew siltiet minnhom.

IL-ĦAJJA TA’ KARMENU VASSALLO għandu “Daħla” tal-Prof. Oliver Friggieri, “Nota tal-Awtur”, biblijografija vasta ta’ 52 paġna u anki Indiċi tal-Ismijiet. Din hija pubblikazzjoni li kull min għandu għal qalbu l-wirt Malti għandu jixtri u jaqra bla telf ta’ żmien.                          

PATRICK SAMMUT

IL-ĦAJJA MQALLBA TAZ-ZIJA RHODA ta' Alfred Massa


Aġius and Aġius, 2012

Spazju:

Ix-xena tal-ftuħ tiġi ambjentata f’sala tal-wasla tal-ajruport fil-Gudja. Hemm niltaqgħu mal-familja Sciberras, ġenituri u żewġ ulied li qed jistennew lill-qariba tagħhom mill-Awstralja. Min hawn imbagħad Massa joħodna fl-ispazju familjari tad-dar tal-familja Sciberras.

Hemm ukoll l-ispazju tal-Belt Valletta li jfakkar lil Rhoda fl-ewwel maħbub tagħha, George, baħri tan-navy. F’kapitlu 8 jissemma l-Water Front tal-Belt, bil-ħajja u l-moviment li jseħħ fih. Fuq in-naħa l-oħra hemm il-Birgu, li jintrabat mal-festa ta’ San Lawrenz. Hawn isseħħ il-laqgħa – każwali jew le? – bejn Rhoda u George fil-preżent. Hemm ukoll l-ispazju tas-suq tipiku Malti, f’raħal tipiku.

Hemm ukoll spazju li jintrabat man-natura: il-Buskett. Massa jagħtina wkoll deskrizzjonijiet ta’ postijiet naturali mill-isbaħ fuq il-gżira tat-Tasmanja: huwa hawn fejn Rhoda tieħu deċiżjoni importanti, dik li terġa’ toħodha lura għall-għeruq.

Miċ-ċokon tal-ambjent Malti Massa joħodna għall-ftuħ u l-ħajja multi-etnika u multi-kulturali ta’ bliet bħal Melbourne u Sydney, postijiet għal qalb ħafna l-emigranti Maltin. Hawn taħkem soċjetà fuq kollox lajka, f’kuntrast ma’ Malta. Dan jagħmlu permezz tal-flashback. Imma fl-aħħar mill-aħħar hija Malta l-ispazju li fih kollox jerġa’ lura f’postu u sseħħ bħal rikonċiljazzjoni bejn imgħoddi u preżent.

Struttura u stil:

Dan hu rumanz ta’ 192 paġna li jinqasam fi 15-il kapitlu. In-narratur huwa onnixxenti li jwasslilna partijiet deskrittivi marbutin kemm ma’ ambjenti esterni differenti, kif ukoll ma’ stati ġewwiena jew ħsibijiet tal-personaġġi li niltaqgħu magħhom fir-rumanz. Ma’ dawn Massa juża wkoll bosta partijiet djalogati miġjubin fid-diskors dirett biex il-qari ma jsirx monotonu; parti sostanzjali minn dawn jintrabtu ma’ kif titkellem iz-zija Rhoda, mela parti bl-Ingliż u parti bil-Malti. Xi drabi Massa juża djalogar bl-Ingliż biex jiġbed saqajn dawk li jsiefru għal xi xhur jew sena, sentejn tlieta u jiġu lura b’ħafna qżież u Ingliżati.

Massa ma jiddejjaq xejn juża tip ta’ Malti li huwa mħallat sewwa mal-Ingliż. Hekk jew hekk dik hi r-realtà tal-ilsien Malti mitħaddet illum. Imma dan il-kliem Ingliż jippreferi jħallih fl-oriġinal u miktub fil-korsiv. Insibu bosta eżempji bħal "mini-buses”, "mobile”, "taxis”, "trolly”, "camera”, "leave”, u "souvenirs”.

Hemm drabi meta n-narratur bħal jindaħal u jindirizza lill-qarrej: "Naħseb li kienet għażlet l-aħjar triq, mhux hekk!” (p. 48) Jerġa’ jagħmel hekk fi tmiem kapitlu 12, meta jikteb, "Jgħidu li l-imħabba hi misteru. Jien nemmen li hekk hi!...” (p. 159),  jew fil-bidu ta’ kapitlu 13 meta permezz ta’ leħen in-narratur jikteb dwar ix-xhur ta’ Mejju u Diċembru. Dan żgur jintrabat ma’ Massa esejist.

Parti mill-istil ta’ Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda huwa wkoll is-sens ta’ misteru li jinħeba wara l-karattru ta’ Rhoda. Dan joħloq ċerta kurżità mhux biss fil-familja Sciberras, imma anki fl-istess qarrej. Insiru nafu xi ħwejjeġ żgħar dwar Rhoda minn Anna stess u anki minn dak li z-zija tgħid lit-tfal waqt il-ħarġa li jagħmlu flimkien. Naqraw aktar ’il quddiem li fi tfulitha u żgħożitha kienet għaddiet minn baħar imqalleb. Il-bqija dejjem jissaħħaħ ċertu sens ta’ stennija. Jissaħħaħ ukoll is-sens ta’ misteru meta Philip u Anna b’kumbinazzjoni jisimgħu liz-zija Rhoda titbaqbaq fuq it-telefown. Jikber is-sens ta’ preokkupazzjoni fihom. Però dan is-sens ta’ kurżità bħal jibda jittaffa bil-mod il-mod hekk kif Rhoda tibda tferra’ ma’ neputiha iktar dwar l-imgħoddi tagħha, u anki permezz ta’ flashbacks li Massa jintroduċi fir-rakkont tiegħu.  Id-deni ta’ Rhoda wara l-maltempata fil-Buskett, l-ismijiet ta’ Frank u Steve waqt it-thewdin tagħha u l-ittra misterjuża li tirċievi mill-Awstralja jkomplu jżidu fil-kurżità ta’ Anna u tal-qarrej. It-tensjoni tkompli żżid bis-saħħa tan-nevrożi li taqbad lil Anna minħabba l-ħafna misteri li taħbi warajha z-zija Rhoda. 

Minn hawn (kapitlu 8) imbagħad bħal jibda jinħass bħal sens ta’ countdown: wieħed jibda jistaqsi Rhoda meta sejra lura l-Awstralja biex kollox jerġa’ lura għan-normal?

Hemm waqtiet meta Massa jaqsam kapitlu f’partijiet – jew movimenti – differenti. Hekk jagħmel f’kapitlu 5 li jaqsmu fi tnejn, donnhom żewġ burdati differenti li joħduna lura fl-imgħoddi: l-ewwel parti tintrabat ma’ meta kollox kien sejjer tajjeb għal Rhoda fl-Awstralja; it-tieni parti tiddeskrivi avvenimenti meta kollox jaqleb għall-ħażin. Hawn naqraw dwar firda, nuqqas ta’ qbil, tqala mhix mistennija u saħansitra mewt. Hemm imbagħad it-tielet parti, qasira, li twassalna lura għall-preżent, fejn naraw lil Rhoda fid-dar tan-neputija f’Malta, donnha qamet minn ħmar il-lejl.

Hemm waqtiet meta Massa jintroduċi dak il-kumment  fi tmiem kapitlu li jnissel kurżità fil-qarrej biex b’hekk ikompli jaqra. Hekk fi tmiem kapitlu 11 wieħed jibqa’ jistaqsi għaliex Steve lil ommu jgħidilha, "Kultant, nibża’...” (p. 146)

Massa bħala kittieb misjur u ta’ esperjenza jorbot kapitlu ma’ ieħor, billi dak li jħalli mhux mitmum f’wieħed jispiċċah f’parti oħra ta’ kapitlu li jiġi aktar tard. Hekk, per eżempju, kapitlu 10 jintrabat mat-tmiem ta’ kapitlu 9 ladarba niskopru x’kien il-kontenut ta’ telefonata maqtugħa. Jorbot ukoll ma’ kapitlu tal-bidu għax insiru nafu bil-kontenut tat-telefonati li Rhoda kienet tirċievi waqt iż-żjara tagħha f’Malta. Eventwalment kollox bħal jieħu l-forma, jitpoġġa f’postu, jiċċara.

Il-kuntrast fil-"burdati narrattivi” jinħass ukoll f’kapitlu 6: għall-ewwel taħkem atmosfera ideali waqt mawra fil-Buskett, biex aktar tard titkisser permezz ta’ maltempata sorpriża.

’L hawn u ’l hinn Massa jħobb jintroduċi tagħrif ta’ natura storiko-reliġjuża, bħal dak dwar San Lawrenz (kapitlu 3). Dan jagħmlu biex jagħti laqta dejjem aktar realista lix-xogħol tiegħu. Jagħtina wkoll tagħrif dwar ir-rwol u s-siwi tal-Għaqdiet taż-żgħażagħ (kapitlu 4). F’kapitlu 6 Massa jagħtina tagħrif dwar wirt il-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-bini tal-Buskett; f’kapitlu 13 naqraw tagħrif dwar Santa Luċija u l-leġġenda tagħha fl-Isvezja. F’kapitlu 15 naqraw tagħrif storiku dwar l-ewwel patrijiet Tereżjani f’Malta sa mis-seklu 17, u anki dwar il-knisja tagħhom f’Bormla.

Dwar ir-realiżmu ta’ min wieħed iżid jgħid li hemm ċerti drabi meta Massa bħal jinkludi ċerti trivjalitajiet biss biex jimla spazju: għandi f’moħħi l-episodju meta Rhoda tieħu l-influwenza meta tkun Malta (għalkemm dan jikxef ċerti ħwejjeġ interessanti permezz tat-thewdin), u l-episodju tal-ħruq tal-karozza ta’ Steve, li wara li jinstab il-kriminal responsabbli vittma tal-alkoħol kollox jieqaf hemm. F’dan il-każ episodji bħal dawn setgħu jew tqassru f’ċerti każi, jew inkellha ġew żviluppati aħjar.

Ir-rumanz bħal għandu struttura ċiklika: f’kapitlu 14 nerġgħu lura għall-ispazju li bih beda r-rakkont ta’ Massa, mela fl-ajruport tal-Gudja, bil-familja Sciberras terġa’ tistenna, din id-darba t-tieni wasla ta’ Rhoda. Din id-darba ninsabu fix-xitwa u mhux fis-sajf. Però, din id-darba kollox jidher li se jiċċara wara l-misteri kollha li kienet ġabet magħha Rhoda matul l-ewwel żjara tagħha f’Malta. Huwa hawn fejn passat u preżent jirrikonċiljaw ruħhom, u dan fuq il-gżira ta’ Malta. Dan ikompli jissaħħaħ meta, proprju fil-knisja ta’ Bormla, Rhoda u l-ewwel maħbub tagħha jiżżewġu wara snin twal ta’ firda.

Żmien:

Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda hu rakkont li jseħħ f’Malta wara li din daħlet fl-Unjoni Ewropea. Jiftaħ bl-istaġun tas-sajf, eżattament f’Lulju, imma bil-mod il-mod Massa jurina li ż-żmien għaddej. Dan jagħmlu b’referenzi temporali regolari li spiss jintrabtu wkoll mal-kalendarju Nisrani. B’kollox Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda għandu firxa temporali ta’ bejn wieħed u ieħor sitt xhur, bla ma ninkludu ż-żmien li jinkorporaw fihom il-flashbacks, u lanqas l-aħħar kapitlu (kapitlu 15), fejn tissemma l-Ġimgħa l-Kbira imma fejn jinħass li għaddew xi snin miż-żwieġ bejn Rhoda u George. Hekk it-tieni kapitlu joħodna f’Awwissu. Kapitlu 4 jdaħħalna fi tmiem Awwissu u bidu ta’ Settembru. Kapitlu 6 imbagħad jibda bid-data 24 ta’ Awwissu, il-Ħadd. Jissemma wkoll San Bert. Kapitlu 7 jintrabat mal-15 ta’ Settembru u l-festa tad-Duluri. Kapitlu 9 imbagħad joħodna fil-bidu ta’ Ottubru, meta Rhoda taqbad l-ajruplan lura lejn l-Awstralja. F’kapitlu 7 jissemma żmien il-Milied. Kapitlu 12 jintrabat mal-bidu tas-sajf fl-Awstralja, mela x-xahar ta’ Diċembru.

Hemm xi drabi però fejn jinħass li dan ta’ Massa mhux rakkont lineari mil-lat temporali. Kapitlu 3 jibda hekk: "Lulju spiċċa u daħal Awwissu”, meta fil-bidu ta’ kapitlu 2 konna diġà qrajna li, "Għalhekk kien beda Awwissu”. Apparti dan Massa jalterna bejn il-preżent (Rhoda f’Malta) u il-passat (Rhoda fl-Awstralja).

Kapitlu 14 iwassalna għal data speċifika: it-28 ta’ Diċembru. Hija data li tintrabat mat-tieni wasla ta’ Rhoda f’Malta.

Tematika:

Massa jitlaq minn fatt li jseħħ regolarment hawn Malta: familja Maltija tilqa’ f’darha għal xi żmien familjari emigranti. Għalhekk tema ewlenja fir-rumanz ta’ Massa hija l-familja, l-aktar dik Maltija miġbura taħt saqaf wieħed. Hija l-istess familja li minkejja li tgħaddi anki minn waqtiet imqallba, xorta waħda fl-aħħar tal-ġurnata terġa’ tagħmel paċi.

Mat-tema tal-emigrazzjoni tintrabat ukoll dik tal-imħabba lejn l-ilsien Malti. Diġà fil-bidu tar-rumanz naraw lil Anna, in-neputija ta’ Rhoda, tistaqsi lil zijitha jekk insietx il-Malti ladarba tkellimhom bl-Ingliż: "Isma’ zi, jaqaw insejtu għal kollox il-Malti?” (p. 7).  L-awtur bħal jindaħal u jinsisti fuq l-ilsien Malti bħala element ewlieni fl-identità tal-Maltin. Dan nerġgħu narawh f’paġna 57 meta lil min iħaddimha – Paul - Rhoda tgħidlu: "Qed ngħid, int twelidt f’dan il-kontinent u titkellem bil-Malti daqsi. Dan kif?” Paul iweġibha, "Sempliċi. Għax il-ġenituri dejjem tkellmu bejniethom u kellmu lilna bil-Malti!” Massa bħal jesprimi ħsibijietu permezz ta’ kliem Rhoda: "Ħaqqhom tassew prosit. F’Malta jkun hemm min isiefer għal ftit snin u jiġi lura bħallikieku jkun nesa lsien art tweildu.” Hawn l-awtur jesprimi l-idea li dan iseħħ għax għadna maħkumin mill-mentalità kolonjali u b’hekk inbatu minn ċertu sens ta’ inferjorità. Naqraw dwar dan anki f’paġna 144, meta Rhoda tgħid, "Mela għax bniedem imur joqgħod f’art barranija għandu jinsa u jwarrab ilsien art twelidu?”

Hija preżenti anki t-tema soċjali. Bis-saħħa ta’ għajnejn Rhoda Massa jwasslilna l-konfużjoni li taħkem fit-terminus tal-karozzi tal-linja tal-Belt (paġna 22). Il-bidla li minnha għaddiet Malta f’dawn l-aħħar snin tolqot sewwa lill-emigrant li jkun ilu ma jirritorna lejn art twelidu. Jissemma wkoll ċertu ħmieġ li hemm fil-Belt, ċerti komportamenti mhux xierqa miż-żgħażagħ (p. 23), u anki l-karozzi tal-linja qodma u żdingati, b’għadd ta’ xufiera żorri, flimkien mal-istat ħażin tat-toroq Maltin. Jissemma wkoll il-fatt li numru ta’ Maltin illum tbiegħdu minn ċerti prattiċi reliġjużi tal-imgħoddi, bħar-radd tas-salib f’okkażjonijiet differenti. Ma ninsewx li min qed jikteb huwa bniedem li twieled fl-aħħar parti tas-snin 30 tas-seklu l-ieħor u b’hekk jintrabat sewwa ma’ Malta kif kienet fl-imgħoddi, għalkemm mhu maqtugħ xejn minn Malta kif inhi llum. Massa jippreferi d-dixxiplina, l-armonija u s-sens ta’ rispett li kienu jaħkmu fl-imgħoddi.

Massa ma jiddejjaq xejn jammetti li dak tiegħu hu fuq kollox rumanz realistiku. Huwa jikteb dwar elementi bħalma huma l-imħabba, ix-xalar sfrenat, iż-żwieġ, it-tqala, l-ebusija tar-ras, il-vizzji u t-telfien ta’ iben, għażliet żbaljati, id-dubbji, il-ġlied u l-inkwiet bejn il-miżżewġin, u anki dwar il-vjolenza domestika, is-suwiċidju u l-għajbien ta’ persuna.

Hawn jidħol Massa bħala kittieb morali. Jinħass fost l-oħrajn fil-bidu ta’ kapitlu 10. Wara l-leħen onnixxenti tan-narratur hemm il-fidi Nisranija. Ma’ din tintrabat it-tema tal-konverżjoni li tasal f’kapitlu 11 permezz tal-personaġġ ta’ Fr Charles. F’kapitlu 15 Massa jikteb dwar iż-żwieġ veru msejjes fuq l-imħabba vera, u ż-żwieġ taparsi li jissejjes fuq il-pompa u x-xinxilli biss (p. 186).

Tispikka l-frażi li tagħlaq ir-rumanz: "Kull bniedem hu misteru fih innifsu!” (p. 192) Dan żgur hu rrappreżentat mill-personaġġ ta’ Rhoda. Tema ewlenija oħra li tagħlaq ir-rumanz, imma li tispikka fin-narrattiva kollha ta’ Massa, hija dik tad-destin. Wieħed jistaqsi: fl-aħħar Rhoda verament tikkonverti ruħha jew dan kollu kien parti minn pjan akbar minnha, pjan li fl-aħħar ġab kollox f’postu u f’ekwilibriju? Fl-aħħar mill-aħħar it-tmiem hu wieħed feliċi.

Konklużjoni:

L-idea wara Il-Ħajja Mqallba taz-Zija Rhoda twieldet fis-snin ’70, imma nkiteb fis-snin ’80. Tliet elementi li jispikkaw f’kull rumanz ta’ Massa huma għeruq sodi ta’ realtà, immaġinazzjoni u dokumentazzjoni. Massa jemmen fis-sempliċità biex jifhmu kulħadd u biex jaċċerta ruħu li l-messaġġ jasal. Dan hu l-għaxar rumanz ta’ Alfred Massa. Huwa xogħol li għandu jintogħġob żgur minn min jixtieq jaqra storja interessanti, divertenti, mingħajr ħafna taħbil il-moħħ jew lingwaġġ li jdarras.

Patrick Sammut