Monday, December 15, 2014

TAĦT IL-ĦARRUBA ta’ Alfred Massa, Dom Communications, 2014

Illum Alfred Massa nafuh bħala poeta, rumanzier u esejista. Huwa President Onorarju tal-Għaqda Poeti Maltin. L-ewwel rumanz li ppubblika kien Is-Salib tal-Ġiżirana fl-1972. Taħt il-Ħarruba huwa l-ħdax-il rumanz li qed jippubblika. Jifrex fuq 170 paġna u huwa mqassam f’21 kapitlu ta’ tul li ma jgħajjix lill-qarrej.

Id-dimensjoni temporali:

Ir-rakkont jiftaħ fi żmien il-Milied, x’imkien matul is-snin 50, mela Malta fil-bidu meta wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija kienet qed tirkupra bil-mod ħafna mill-qirda, it-tifrik u l-faqar li dan il-kunflitt ħalla warajh. Massa jgħidilna li kien żmien meta t-televiżjoni kienet għadha lanqas daħlet fid-djar Maltin.

Jekk ir-rumanz jiftaħ fil-waqt preżenti (is-snin 50), f’kapitlu 3 Massa jmur lura fiż-żmien permezz ta’ analessi jew flashback. Hawn Pawlu s-sagristan jiftakar fl-imgħoddi tiegħu. Huwa hawn fejn jibda r-rakkont sekondarju ġewwa r-rakkont ewlieni, fejn naraw lil Pawlu żagħżugħ flimkien ma’ sieħbu Xandru, u l-ewwel laqgħat bejn Pawlu u Ġorġina.

F’kapitlu 19 Massa jerġa’ jmur “Lura għall-bidu tal-ġrajja...”, mela lura għar-rakkont ewlieni (li kien waqaf f’kapitlu 3). Nerġgħu niftakru fil-mewt ta’ Stephen u l-vojt li ħalla warajh. Huwa hawn fejn tinħall kobba oħra rigward l-aġir negattiv ta’ Xandru. Fl-aħħar tliet paġni tar-rumanz jgħaddu bosta snin fejn naraw lil Pawlu u Katrin jixjieħu u jsiru nanniet; mela sseħħ qabża temporali wiesgħa.

Osservazzjonijiet tematiko-soċjo-antropoloġiċi:

Il-familja ewlenija f’dan ir-rakkont hija l-familja Caruana, eżempju tal-familja Maltija tradizzjonali fejn taħkem fuq kollox l-għaqda, bit-tfal jistudjaw u wara jilagħbu fl-għelieqi, u bir-Ruzarju jingħad qabel ma kulħadd jinġabar fis-sodda. Kien anki żmien meta l-injoranza xi drabi kienet twassal għal traġedji mhux mistennija, u anki żmien meta tfajla li tinqabad tqila qabel iż-żwieġ kien ikollha tinqafel ġewwa minħabba sens qawwi ta’ mistħija u l-biża’ minn ilsien in-nies u l-umiljazzjoni li jaqa’ fuq isem il-familja.  Jissemmew ukoll il-faqar, l-injoranza li wasslet għal familji kbar, irġiel miżżewġin fis-sakra, swat lin-nisa, tfajliet stuprati u tqal qabel iż-żwieġ, ittri anonimi u kuljunar. 

Minkejja dan hemm ukoll elementi moderni, fosthom l-idea tal-mara emanċipata – Katrin – li titħalla tiddeċiedi hi lil min tiżżewweġ, jew li tqum fuq tagħha u ma tħallix lill-ġenituri jagħmlulha l-bsaten fir-roti. L-emanċipazzjoni tista’ tinftiehem anki f’sens usa’: hija dik tar-raġel li jifhem li deċiżjoni fil-familja trid tittieħed mhux minnu biss imma mill-membri kollha.

Ir-rumanz huwa miżgħud b’tagħrif ta’ natura storika u folkloristika dwar tradizzjonijiet, xnihat, twemmin u aġir tal-imgħoddi. Jaħkmu l-valuri tat-twemmin Nisrani.

Bħal f’rumanzi oħrajn tiegħu, anki hawn Massa jsemmi spiss il-futur, mela d-destin, li ħadd ma jaf x’jostor. Lejn l-aħħar tar-rakkont tidħol it-tema tal-adozzjoni. Fl-aħħar kapitlu nassistu għall-qlugħ minn għeruqha tal-ħarruba u għat-tqattigħ tagħha minħabba li l-għalqa kienet se tinbena. Dan hu rifless tal-bidla li ż-żmien iġib miegħu u tal-fatt li Malta kienet bdiet tintlaqat mill-iżvilupp - f’rabta mal-industrija tal-bini - li ħakem lil pajjiżna fis-snin 60, 70 u 80.

Personaġġi:

In-nisġa tar-rumanz hija msejsa fuq għadd ta’ personaġġi li l-parti l-kbira tagħhom tintrabat mat-tajjeb - fosthom il-membri tal-familja Caruana u l-Kappillan Dun Anton – imma hemm ukoll personaġġ li jintrabat iktar mal-ħażin – Xandru. Pawlu, missier Stephen, jifhem li parti mit-tort għall-mewt ta’ ibnu huma l-ġenituri ladarba qatt ma spjegawlu x’kien il-misteru wara l-ħarruba. Fl-ewwel nofs tar-rumanz bħal taħkem l-istorja ta’ mħabba bejn Pawlu u Ġorġina, biex, wara li tmut din tal-aħħar, Massa jintroduċi personaġġ ieħor – it-tfajla Katrin – u b’hekk jerġa’ jagħti enerġija ġdida lir-rakkont. Hemm żewġ personaġġi bl-isem ta’ Stephen, u t-tnejn huma ulied Pawlu, minn nisa differenti. Dawn it-tnejn bħal jgħaqqdu flimkien il-ftuħ tar-rumanz mal-għeluq, l-ewwel parti (ir-rabta Pawlu-Ġorġina) mat-tieni parti (ir-rabta Pawlu-Katrin) tar-rakkont. Strutturalment dan jagħti ċerta simmetrija lill-istorja ta’ dan ir-rumanz.

Id-dimensjoni figurattiva:

Preżenza qawwija u rikurrenti fir-rumanz hija l-ħarruba xiħa li tinftiehem bħala palk li fuqu seħħew ħwejjeġ differenti (qtil, suwiċidju, inċidenti, namrar, logħob tat-tfal, waqtiet ta’ solitudni, avveniment sopranaturali) mġarrba minn persuni differenti fi żminijiet differenti. Hija kienet mistkerrha mill-kbar u mfittxija miż-żgħar.

Xejriet stilistiċi:

Fir-rumanz titħaddem ħafna n-narrazzjoni, imma mhux l-ewwel darba li Massa jidħol direttament fir-rakkont biex jintroduċi l-kumment jew ħsieb personali tiegħu. Jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet dwar l-awtorità, l-ubbidjenza, il-progress, filwaqt li jqiegħed f’konfront id-dinja tal-bieraħ, bir-regoli tagħha, u dik tal-lum, fejn taħkem iktar libertà li mhix dejjem pożittiva.

Diġà mill-bidu Massa jibda jibni ċerta tensjoni drammatika f’rabta mal-misteru li hemm moħbi wara l-ħarruba xiħa. Parti mill-għan ta’ Massa hu anki li jnissel ċertu patos fil-qarrejja: hawn l-awtur jipprova jmiss il-qlub tal-qarrejja billi jirreferi għal ħsus qawwija bħall-ħniena u s-sens ta’ ħasra biex b’hekk jistieden lill-qarrejja jipparteċipaw fl-istess rakkont.

Massa jalterna bejn narrazzjoni, partijiet djalogati u kumment personali permezz ta’ leħen in-narratur-awtur. L-awtur iħallat ir-rakkont mistħajjel (li jirrigwarda lil Pawlu, Xandru, Ġorġina u ħbiebha) ma’ fatti storiċi u reali (it-Tieni Gwerra Dinjija).

Fir-rakkont traġiku dwar omm u missier Ġorġina nsibu rakkont (numru tlieta) ġo rakkont (dak sekondarju, Pawlu u Ġorġina) ġo rakkont (dak ewlieni, Pawlu u Katrin miżżewġin bl-ulied). Iż-żmien tar-rakkont numru tlieta huwa dak fejn naqraw ukoll dwar it-tfulija u l-imgħoddi ta’ Wenzu (mela x’imkien lejn l-aħħar parti tat-tieni nofs tas-seklu 19, bidu seklu 20) biex nifhmu aħjar il-karattru diffiċli tiegħu, li kien diġà għadda minn bidla oħra.

Kontra x-xorti ħażina u l-kruha tal-gwerra jew li taf toffri l-ħajja in ġenerali hemm l-imħabba dejjem tissaħħaħ bejn Pawlu u Ġorġina. Dan il-kuntrast hu parti essenzjali mill-istil li jħaddem l-awtur ladarba ma jixtieqx jgħejja lill-qarrej b’avvenimenti koroh biss.

Hemm drabi meta Massa jikkonċentra fuq dak li jkun għaddej f’moħħ il-personaġġi tiegħu (bħas-sens ta’ suspett, biża’ u disperazzjoni). Hemm drabi meta Massa jħalli fil narrattiv miftuħ apposta biex jerġa’ jaqbdu aktar tard matul ir-rakkont. Drabi oħra Massa jintroduċi komplikazzjonijiet ġodda biex iġedded is-saħħa tar-rakkont, biex wara taħkem ir-rikonċiljazzjoni taħt għamliet differenti. Teknika strutturali għal qalb Massa hija l-alternanza bejn tiġrib pożittiv (waqtiet ta’ ferħ) u tiġrib negattiv (inkwiet differenti). Lejn l-aħħar tar-rumanz Massa jibda jorbot fil ma’ ieħor biex jgħaqqad ir-rakkont sħiħ f’ħaġa waħda li tagħmel sens.

Għeluq:

F’dan ir-rumanz Massa jippreżenta l-ħajja kif inhi: bl-inżul u t-tlajja’ tagħha, bil-ferħ u n-niket, bis-sabiħ u l-ikrah. Taħt il-Ħarruba huwa rumanz realista u soċjali fejn Massa jurina l-bniedem kif inhu, bl ebda tiżjin jew kożmetika żejda. Fih l-awtur jagħti spazju kemm lil personaġġi nisa u rġiel, u temporalment jifrex il-ġrajja tiegħu fuq mill-inqas tliet ġenerazzjonijiet. Kif rajna hu rakkont li jifrex fuq medda ta’ żmien li tibda x’imkien lejn l-aħħar tas-seklu 19 u tkompli sas-snin tar-rikostruzzjoni, eżattament wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Taħt il-Ħarruba hu rumanz miktub b’lingwaġġ nadif u li żgur jinżel tajjeb ma’ min iħobb jaqra bla ħafna tbatija u ħsibijiet żejda, imma fl-istess ħin xogħol li jagħti kemm pjaċir kif ukoll tagħrif storiko-soċjali siewi, flimkien ma’ valuri pożittivi.

Patrick Sammut




Sunday, November 23, 2014

VALURI BIZ-ZOKKOR- stejjer ta’ Charles Magro, Kotba Sagħtar, 2014.

Charles Magro hu ex-għalliem fl-iskejjel tal-Gvern. Ħadem bħala għalliem/librar fi skejjel differenti, part-time lecturer fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi u fl-Akkademja tal-Pulizija, u għallem fis-Società Dante Alighieri fil-Belt Valletta. Huwa President tal-Għaqda Poeti Maltin, membru tal-Akkademja tal-Malti u tal-Għaqda tal-Malti (Univ.), u Direttur u Editur tad-Dar tal-Pubblikazzjoni MUT Publications Ltd. Huwa awtur tal-kotba It-Tfajla Ġurdien u Stejjer Oħra (1994) u Dawra mal-Ewropa bl-Istejjer (2005). Valuri biz-Zokkor hija ġabra ta’ 25 storja li jifirxu fuq mitt paġna. Kull storja ttul bejn it-tnejn u t-tliet paġni u għalhekk il-kitbiet ta’ Magro jinqraw f’nifs wieħed.

Bosta minn dawn l-istejjer għandhom mill-istil tal-ħrafa. Hemm il-konfront bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-motiv tal-vjaġġ u t-tiftixa tal-ħaġa impossibbli, episodji sopranaturali, personaġġi bħalma huma rejiet, draguni, fniek slavaġ, xjaten u bjar jitkellmu. Magro jagħti xejriet umani kemm lil elementi naturali (bħas-sħab u r-ramel f’Is-Sħaba u l-Għolja tar-Ramel; is-silġ bħal f’Żewġ Blokok tas-Silġ; is-siġra f’Is-Siġra Ġeneruża), lil annimali differenti (il-fenek salvaġġ f’Żewġ Blokok tas-Silġ; in-nagħma f’In-Nagħma Oliver; id-dragun f’Il-Kuruna tad-Deheb; l-annimali diversi f’Elezzjoni), imma anki lil oġġetti partikolari (bħall-bir f’It-Tweġiba tal-Bir; l-arloġġ f’L-Arloġġ Nevrotiku; u l-ħaġriet koħol f’Żewġ Ħaġriet Koħol).

Hemm imbagħad f’kull storja temi partikolari u attwali u wara kull storja tagħlima siewja. Mela hawn għandna 25 kitba li mhux biss jagħtu gost lil dak li jkun imma saħansitra jistednuh jirrifletti dwar aspetti differenti. Hekk Magro jikteb dwar aspetti bħalma huma l-altruwiżmu u s-sagrifiċċju ta’ dak li jkun għat-tajjeb tal-“ieħor”; it-tajjeb ta’ sitwazzjoni meta tnejn jaqsmu l-esperjenzi differenti tagħhom u b’hekk jifhmu aħjar lil xulxin, jew ta’ meta dak l jkun jiddeċiedi jitħallat ma’ ta’ madwaru minflok jinqata’ għalih waħdu; il-fatt li anki l-ġenituri xi drabi jistgħu jiżbaljaw imma jekk ikunu għorrief biżżejjed jafu jitolbu maħfra lil uliedhom; il-fatt li l-iktar ħwejjeġ sempliċi jafu jkunu l-ogħna elementi li ma ngħaddux mingħajrhom (ara Bħall-Melħ); il-fatt li billi ngħaddsu rasna fir-ramel ma nkunux qed insolvu l-problemi tagħna, anzi nkunu qed inħejju t-triq għall-estinzjoni tagħna; il-fatt li l-istorja tirrepeti ruħha u donnu ħadd qatt ma jitgħallem mill-iżbalji u l-barbarji tal-imgħoddi (L-Istorja tad-Dinja); l-importanza li ngħixu l-preżent bla ma ninħakmu mill-preokkupazzjonijiet tal-għada; il-fatt li fin-natura l-bniedem isib il-mistrieħ u l-hena tiegħu; l-importanza li nagħrfu u napprezzaw postna fis-soċjetà u li naħsbu sew qabel nieħdu deċiżjoni għax wara jista’ jiddispjaċina; imma anki aspetti oħrajn bħad-divorzju, l-imħabba misjuba mill-ġdid, il-kanċer u l-importanza li nuru l-apprezzament tagħna lil dawk ta’ madwarna sakemm ikunu magħna (It-Tifkira); il-gwerra, il-mibegħda, id-diżonestà, il-garr, il-gideb, id-dgħjufija tal-karattru, il-kefrija, is-suppervja, id-delużjoni, in-niket, imma anki l-indiema u l-ferħ li ġġib magħha.

Bosta drabi l-familja u l-membri tagħha huma ċ-ċentru ta’ dawn l-istejjer bħal f’L-Itjeb Pizza tad-Dinja (fejn sitwazzjoni ta’ familja mnikkta tinbidel f’waħda fejn jaħkmu l-ferħ u l-imħabba). It-tfal jispikkaw fi stejjer bħal L-Istorja Meraviljuża tat-Tmellis Ħlejju (fejn Magro jfakkarna li jekk id-dinja tal-kbar hija korrotta, it-tfal għandhom il-potenzjal li jsalvawha), Il-Kuruna tad-Deheb (li hi dwar l-imħabba tal-omm lejn uliedha, imma anki dwar il-mixja taż-żgħażagħ li ma għandha titwaqqaf minn ħadd), L-Għażla tal-Klassi (fejn tintwera solidarjetà lejn tifla li tbati mil-lewkemja), u Is-Sema Mhux ’il Bogħod (dwar tifla orfni minn missierha li temmen li għadu ħaj f’qalbha). It-tifel, Ġiġi, f’Il-Ħajt, ifakkarna li minkejja l-ħitan li jifirduna (ibda minn dak ta’ Gaża) bħala popli, fl-aħħar mill-aħħar niskopru li għandna karatteristiċi komuni, kemm tajbin kif ukoll ħżiena. B’hekk jekk niskopru dawn l-elementi komuni nistgħu nwaqqgħu kull ħajt li jifridna.

Filwaqt li dawn kollha huma stejjer li jridu jgħaddulna valuri tajbin, hemm ukoll stejjer li jintrabtu direttament mat-twemmin Nisrani. Hekk f’Il-Prezz għandna lil Kristu li jikkonfronta lil Satana biex b’demm u b’ħajtu jsalva lill-bnedmin, anki għax il-ħajja – minn dik ta’ għasfur tal-bejt sa dik tal-bniedem - hija imprezzabbli. Pietru, is-Suldat tfakkarna f’kemm hu importanti t-talb tant li jista’ jsalvana fl-iktar waqtiet diffiċli. In-Nagħġa Numru Tnejn u Sebgħin hija dwar il-fidi bħala soluzzjoni għal min hu waħdu. Il-Fiera tax-Xitan hija dwar il-ġlieda bejn it-tajjeb u l-ħażin u tpoġġi fuq naħa l-fidi f’Alla u fuq l-oħra l-qtigħ il-qalb. Il-Qaddisa Ħelwa Ħelwa, bħal xi stejjer oħrajn, għandha mill-parabbola u hija dwar il-ħajja fl-art bħala preparazzjoni għal dak li hemm jistenniena wara.

Bosta drabi fil-konċiżjoni tar-rakkonti – mistħajla imma anki verosimili - hemm il-kelma-sikkina li taqta’ fil-laħam il-ħaj. Drabi oħra Magro jirnexxilu jnissel tbissima fil-qarrej. Dawn huma rakkonti-ħrejjef li żgur jinżlu għasel mat-tfal filwaqt li jimbuttawhom jistaqsu u jifhmu numru ta’ aspetti importanti ħafna fil-ħajja li jridu jaffrontaw waħedhom aktar ’il quddiem. Imma l-vera tifsira tal-istejjer ta’ Magro titgawda u tiġi apprezzata fuq kollox mill-kbar. Il-qosor ta’ dawn l-istejjer jagħti spinta lill-qarrej biex wara jaħseb u jiddiskuti l-kontenut tagħhom. Mela hawn hi meħtieġa r-relazzjoni għalliem-student, jew dik bejn il-ħbieb. Kull storja donnha ċikkulatina ċkejkna li tagħtik pjaċir minkejja li tispiċċa malajr. Tħalli wkoll togħma tajba fit-tul u tistiednek biex tgħaddi dduq ċikkulatina oħra.

Valuri biz-Zokkor huwa mżejjen ukoll b’qoxra u stampi kkuluriti ta’ Fabio Agius, u jgħin lill-qarrej iwessa’ l-għalqa tal-vokabularju tiegħu billi jippreżenta għadd sabiħ ta’ kliem (parti kbira minnu ta’ nisel Romanz) li jista’ jkun ġdid għal dak li jkun. Valuri biz-Zokkor huwa rigal ideali għal dawk l-okkażjonijiet speċjali fejn is-soltu dak li jkun jaqla’ ħwejjeġ fiergħa. Ma ninsewx, il-ktieb huwa wieħed mill-isbaħ rigali li wieħed jista’ jingħata.

Patrick Sammut


Wednesday, November 12, 2014

BEJN ĦALTEJN BIEX TIFHEM AĦJAR ta’ John Caruana, BDL 2014.

Isem John Caruana llum huwa sinonimu għal pubblikazzjonijiet ta’ għajnuna għal dawk l-istudenti li minn bosta snin ilu għażlu li jistudjaw il-Malti fis-livell ĊES jew għaċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja. Jiena niftakarni naqra l-kotba tiegħu mimlijin għajnuna siewja f’rabta mal-poeżiji tal-poeta Rużar Briffa u anki mal-antoloġija QAWSALLA li għal snin twal kienet parti mis-sillabu tal-Matrikola.

Issa qed naraw f’idejna pubblikazzjoni ġdida ta’ dan l-għalliem li kien ilu jgħallem il-Malti u l-Ingliż fi skejjel sekondarji u post-sekondarji għal 35 sena sħaħ. Il-ktieb il-ġdid jismu Bejn Ħaltejn – biex tifhem aħjar u kif jgħid ismu jmur id f’id mat-test Bejn Ħaltejn maħruġ mill-Università ta’ Malta u li huwa parti mis-sillabu attwali tal-Malti fil-livell ĊES. Dan il-ktieb ta’ għajnuna ta’ John Caruana jinqasam f’erba’ taqsimiet ewlenin u jifrex fuq 120 paġna.

Fl-ewwel parti Caruana jagħtina kummenti ta’ natura kritika – miktubin b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem bla problema ta’ xejn - dwar l-14-il poeżija li niltaqgħu magħhom fl-ewwel taqsima tat-test Bejn Ħaltejn, mela poeżiji ta’ poeti li jintrabtu mat-tradizzjoni Romantika bħal Dun Karm Psaila, Rużar Briffa, Anton Buttigieg, u Dwardu Cachia;  poeti li ħarġu għad-dawl fis-snin sittin jew ftit qabel bħal patri Marjanu Vella, Mario Azzopardi, Rena Balzan, Ġorġ Borg, Victor Fenech, Achille Mizzi; u oħrajn li l-versi tagħhom bdew jidhru iktar tard bħal Maria Grech Ganado, Adrian Grima, Immanuel Mifsud u Trevor Żahra. F’kull kumment Caruana jikteb dwar il-ħsieb tal-poeżija ttrattata, ix-xbihat mħaddma u t-tifsiriet tagħhom, jagħtina tagħrif dwar il-metrika, il-prosodija u t-tonalità ta’ kull xogħol letterarju, filwaqt li jistaqsi mistoqsijiet li l-poeżiji jistgħu jqajmu fil-qarrej jew jgħaddi riflessjonijiet differenti f’rabta ma’ kull xogħol letterarju.

Fit-tieni parti mbagħad Caruana jagħtina kumment kritiku għall-10 kitbiet ta’ proża li hemm f’Bejn Ħaltejn. Anki hawn għandna siltiet miktubin minn kittieba ta’ ġenerazzjonijiet differenti bħal Oliver Friggieri, Joe Friggieri, Ġużè Ellul Mercer, Laurence Mizzi, Frans Sammut, Lino Spiteri, Vince Vella fuq naħa, u Clare Azzopardi u Pierre J. Mejlak fuq l-oħra, bl-eqdem kitba tkun Ix-Xini Jimxi fl-Art ta’ patri Manwel Magri. Anki hawn Caruana jżewwaq il-kumment kritiku b’elementi differenti: ningħataw tagħrif dwar il-personaġġi u l-burdati tagħhom, l-atmosfera deskritta, it-tematika u l-kontenut f’kull kitba, x’tip ta’ tmiem għandhom il-kitbiet differenti, għaliex l-użu tal-ewwel persuna f’xi siltiet u tekniki narrattivi oħrajn, it-tip ta’ ġeneru li jitħaddem mill-awtur in kwistjoni, il-leħen tan-narratur, u l-bqija.

It-tielet taqsima hija ddedikata kompletament lir-rumanzett ta’ Francis Ebejer, Il-Ħarsa ta’ Rużann. Din it-tielet taqsima hija mqassma f’sitt partijiet. Fl-ewwel parti nsibu tabella li turina l-arblu tar-razza f’rabta mal-familja nobbli Spanjola de los Ingallos fir-rumanzett ta’ Ebejer. Imbagħad isegwu ħames partijiet bl-isem ta’ “Il-Ħarsa ta’ Rużann” (b’tagħrif dwar il-ftuħ tar-rumanz), “Il-Ħarsa f’għajnejn Karmenu” (parti li tiftaħ bl-attakk fuq ir-razzett ta’ Karmenu, iben Rużann), “Il-Ħarsa f’għajnejn Marija” (Marija hija l-protagonista ta’ dan ir-rumanzett, li hi n-neputija ta’ Rużann u bint Karmenu; f’din il-parti sseħħ l-emanċipazzjoni tal-mara, kif jikteb Caruana stess), “Il-Ħarsa f’għajnejn Pietru” (li tintrabat ma’ żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija u t-traġedja li ġabet magħha), u “Il-Ħarsa f’għajnejn Ġina” (f’Ġina tkompli l-influwenza tal-ħarsa ta’ Rużann, jgħidilna Caruana).

Wara t-tielet taqsima wieħed isib 12-il mistoqsija-komponiment f’rabta mal-poeżiji u l-kitbiet ta’ proża li jidhru fl-antoloġija Bejn Ħaltejn, minbarra r-rumanzett ta’ Ebejer. Huma mistoqsijiet li faċilment jistgħu jservu ta’ spunt għall-eżami taċ-ĊES.

Wara kull kumment għall-14-il poeżija, l-10 kitbiet ta’ proża u l-ħames partijiet li jittrattaw ir-rumanzett ta’ Francis Ebejer, John Caruana jinkludi wkoll sett ta’ ħames mistoqsijiet biex jinvolvi direttament lill-qarrej-student u biex dan tal-aħħar jaċċerta ruħu li jkun fehem dejjem aħjar kemm is-silta oriġinali kif ukoll il-kumment kritiku ta’ Caruana. Huma mistoqsijiet li jgħinu lill-qarrej jifli kull xogħol b’iżjed reqqa.

Fl-aħħar taqsima John Caruana inkluda wkoll lista ta’ 63 terminu letterarju bażiku mill-a (l-aferesi) sal-w (il-vers wati), kull terminu b’definizzjoni qasira. Dawn huma importanti għall-istudent tal-Malti meta jiġi biex jikteb l-apprezzament kritiku letterarju tiegħu tal-poeżija jew tas-silta li jiltaqa’ magħhom fl-eżami.

Nagħlaq bi kliem John Caruana stess fid-“Daħla”: “Fil-kitba, għalkemm fil-wiċċ naqraw l-istess kliem, mhux ilkoll niġbdu l-istess konklużjonijiet, aktar u aktar jekk din il-kitba tkun kumplessa u mgħobbija b’terminoloġija tqila, xi drabi wkoll konfuża. Ħafna drabi għalhekk, ikun jeħtiġilna naqraw iżjed fil-fond u bejn il-vrus. Dak li qed nipprova jien huwa biss li niggwida ’l-qarrej lejn tifsiriet possibbli ta’ ċerti kuntesti. Nieħu gost jekk l-interpretazzjoni li nagħti twassal lill-qarrej joħroġ b’tifsiriet oħra relatati. Dan huwa fil-fatt is-sabiħ fl-arti, li għandha l-ħila tispirana għal riflessjonijiet varji, għax kollox ma’ kollox, kulħadd jinterpreta skont il-karattru, l-individwalità tiegħu.”

John Caruana studja fl-Università ta’ Malta fejn kiseb il-Baċellerat fl-Arti fil-Malti u fl-Ingliz (1971-1974). Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti u minn żmien għal żmien iħobb jikteb f’ġurnali lokali artikli ta’ natura ħafifa, filwaqt li għandu għal qalbu t-tpinġija bl-akwarell.

Bejn Ħaltejn – biex tifhem aħjar ta’ John Caruana għandu jakkumpanja t-test oriġinali Bejn Ħaltejn fuq l-ixkaffa ta’ kull student li se jpoġġi għall-eżami tal-Malti ĊES u li jixtieq jakkwista marka tajba tassew.


Patrick Sammut

DIJASPORI ta’ Salv Sammut (Horizons, 2014)

Dan huwa r-raba’ rumanz ippubblikat ta’ Salv Sammut wara Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar (2009), Staqsi lir-Riħ (2010), u L-Altruwista (2012). Dijaspori jifrex fuq 200 paġna u jinqasam fi 22 kapitlu, flimkien ma’ Prologu u Epilogu. Salv Sammut jinkludi wkoll fil-bidu u fl-aħħar partijiet tar-rumanz 6 poeżiji, miktubin mill-personaġġ Pavel, apparti xi partijiet versifikati oħrajn fl-intern tal-istess xogħol. Dan ifakkarna li llum Salv Sammut huwa wkoll poeta u Segretarju tal-Għaqda Poeti Maltin, koawtur tal-antoloġija poetika Alfa (2000), u awtur tal-ġabriet poetiċi Tiżwiqa (2008) u Tħarbix (2013).

Dijaspori jiffoka fuq il-ġrajjiet ta’ tliet personaġġi protagonisti: Rebecca, Pavel u Ronald. Apparti n-numru tal-kapitlu, Salv jagħti lil kull kapitlu l-isem ta’ wieħed minn dawn il-personaġġi. Hekk naqraw dwar il-ġrajja ta’ Rebecca f’sitt kapitli (kap. 1, 5, 9, 13, 17, 21); dwar Pavel fi 11-il kapitlu (2, 4, 6, 8, 10, 12, 14, 16, 18, 20, 22); dwar Ronald f’5 kapitli (3, 7, 11, 15, 19). Mela huwa evidenti li l-ikbar numru ta’ paġni jiġu ddedikati lill-istorja ta’ Pavel, fl-opinjoni tiegħi l-iktar parti b’saħħitha u interessanti fir-rumanz preżenti.

Diġà fil-Prologu Sammut jintroduċina għat-tliet protagonisti li jiġborhom fi spazju wieħed – il-Barrakka ta’ Fuq, fil-Belt Valletta, Malta -, u matul data speċifika – lejliet l-1 ta’ Mejju 2004, mela ftit sigħat qabel iċ-ċerimonja tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Sammut jirnexxilu jagħtina stampa tridimensjonali ta’ x’inhu għaddej permezz ta’ tliet perspettivi jew punti di vista differenti, li huma dawk tat-tliet personaġġi protagonisti. In-narratur hu onnixxenti, ladarba jaf x’inhu għaddej kemm minn barra kif ukoll f’moħħ kull personaġġ.

Aktar dwar l-istruttura tar-rumanz. Diġà minn kapitlu wieħed Sammut juża l-flashback biex b’hekk joħodna lura għax-xhur ta’ preparazzjoni f’Malta ftit qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Dan narawh permezz tal-kapitli ddedikati lil Rebecca, studenta universitarja li tistudja l-ilsna u li ’l quddiem tixtieq taħdem bħala interpretu fi ħdan l-Unjoni Ewropea; u Ronald, uffiċjal għoli fil-General Workers Union. Sammut jirnexxilu jwassal it-tensjoni li kienet teżisti bejn ħbieb u membri tal-familja, imma anki dik li anki ċerti individwi kienu jħossu rigward l-għażla li kellhom jagħmlu f’rabta mal-Unjoni Ewropea. Hekk Rebecca, minkejja li missierha kien ħaddiem tat-Tarzna, Laburist akkanit u b’hekk favur il-“LE” għax kien iħoss li kien se jitlef xogħlu jekk Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, taħdem sod favur il-moviment tal-“IVA”. Min-naħa tiegħu Ronald, minkejja li l-union li kien jagħmel parti minnha kienet favur il-“LE”, ġo fih kien iħoss xi jgħidlu li għandu jivvota “IVA”.

F’dawn il-partijiet Sammut isemmi anki personaġġi politiċi reali bħal Alfred Sant, Karmenu u Eddie Fenech Adami. Min għex dawn il-waqtiet importanti fl-istorja ta’ pajjiżna jaf kemm l-awtur iwassal tajjeb ferm l-atmosfera – anki ta’ mass-meetings mill-ikbar - li ħakmet f’dak il-perijodu.

Anki fil-partijiet fejn jittratta lil Pavel titħaddem il-flashback: diġà minn kapitlu 2. Hawn Sammut joħodna lura lejn nofs is-snin sittin; din id-darba l-ispazju huwa dak taċ-Ċekoslovakkja komunista fejn naraw lil Pavel poeta u ġurnalist żagħżugħ impenjat fil-ġlieda favur il-ħelsien mill-ħakma totalitarja ta’ gvern li kien jifforma parti mill-blokk Sovjetiku fi żmien Breshnev. Anki hawnhekk jissemmew personaġġi li għexu jew għadhom jgħixu fir-realtà bħal Alexander Dubček, l-istudent martri Jan Palach, u kittieba bħal Ivan Klima, Milan Kundera u Pavel Kohout. Anki hawn Sammut jirnexxilu jwasslilna l-atmosfera ta’ tensjoni, suspett u biża’ li l-popolazzjoni fi bliet bħal Bratislava u Praga kienet tgħix fiha f’dik l-epoka li ġabet magħha reżistenza qawwija min-naħa tal-kittieba, ġurnalisti u intellettwali oħrajn, manisfestazzjonijiet kbar fit-toroq favur il-ħelsien mill-ktajjen tat-totalitariżmu, arresti ta’ bosta persuni li kienu jiġu ttorturati u anki maqtula, ir-Rebbiegħa Ċekoslovakka, u ftit wara l-invażjoni tal-forzi Sovjetiċi li qatlu din ir-rebbiegħa fi ftit jiem.

Huwa f’dawn il-partijiet – imma anki fil-partijiet fejn naraw lil Rebecca u Ronald fil-qalba tal-Ewropa -, fejn Salv Sammut idur u jiddeskrivi t-toroq u l-imsieraħ tal-bliet Ċekoslovakki b’dettall liema bħalu, fejn nindunaw li l-awtur huwa anki bniedem li spiss kien isiefer anki minħabba li huwa stess kien għal snin twal involut fil-qasam tal-trejdjunjoniżmu.

Tematikament l-idea tad-dijaspora toħroġ b’modi differenti. Hemm Ronald li minkejja li Laburist u parti mill-General Workers Union iħossu maqtugħ kemm mill-partit u l-union tiegħu stess minħabba li kien iktar moħħu miftuħ ladarba ma kienx mija fil-mija kontra l-moviment tal-“IVA”. B’hekk naraw lil Ronald fil-Barrakka ta’ Fuq waqt iċ-ċerimonja tad-dħul ta’ Malta fl-UE mwarrab kemm minn niesu stess kif ukoll mir-“rivali” politiċi tiegħu. Hemm Rebecca li minkejja li missierha Laburist tal-azzar u kontra d-dħul ta’ Malta fl-UE, tagħżel id-direzzjoni opposta u taħdem favur il-moviment “IVA”. Anki fil-kapitli li jittrattaw lil Pavel naraw lill-poplu Ċekoslovakk li jgħix f’ċirkostanzi imposti fuqu f’pajjiżu stess: sitwazzjoni fejn mhux ħieles u lanqas jista’ jesprimi fil-miftuħ dak li jaħseb u jħoss. Mela huwa poplu barrani f’pajjiżu stess. Pavel ukoll, wara l-invażjoni tal-forzi Sovjetiċi fiċ-Ċekoslovakkja fl-1968 u wara l-firda mill-maħbuba tiegħu u minn ħabibu Dubček u wara li joqtol lill-kap tal-pulizija, ikollu jagħżel it-triq tal-eżilju anki biex ma jinqabadx mill-forzi tar-reġim u jingħata l-piena tal-mewt.

Stilistikament Dijaspori jinqara bla diffikultà ta’ xejn. Ritmikament jimbuttak biex tkompli taqra u tiskopri kif se jiżvolġi dan ir-rakkont li fuq naħa huwa riviżitazzjoni tal-istorja li diġà seħħet, u fuq naħa oħra huwa attwali propju f’dawn iż-żminijiet meta l-UE għaddejja minn bosta problemi ekonomiċi u b’xi mod qed terġa’ tinħass it-tensjoni li eżistiet li żmien il-Gwerra Bierda, din id-darba minħabba l-kwistjoni tal-Ukrajina.

Għalhekk inħoss li Dijaspori hu l-aħjar rumanz li Salv Sammut ippubblika s’issa. Huwa xogħol ta’ impenn soċjali, riflessjoni u anki ta’ riviżitazzjoni ta’ dawk l-episodji diffiċli li Malta u anki l-Ewropa għaddew minnhom fi żmien mhux daqstant bogħod biex wassluna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha. Dijaspori – permezz ta’ rakkonti paralleli li seħħew fi żminijiet differenti (nofs is-snin sittin u bidu tas-seklu 21) u spazji differenti (iċ-Ċekoslovakkja u Malta) - huwa wkoll rumanz li jgħinna nifhmu ftit iktar min aħna bħala Maltin u anki bħala Ewropej.


Patrick Sammut (Ottubru 2014)

Friday, November 7, 2014

TRIFOLJU TA' LWIEN (2014) - Ġabra ta' poeżiji mill-pinna ta' Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit


DAĦLA KRITIKA tal-Prof. Oliver Friggieri

Sa mill-bidu taċ-ċiviltà miktuba l-Poeżija ilha tidher bħala kategorija tal-ispirtu tal-bniedem. Il-Poeżija hi parti min-natura umana qabel ma hi sempliċi forma ta’ espressjoni tiegħu. Kemm bil-fomm u kemm bil-kitba dan il-ġeneru sar fenomenu ewlieni f’oqsma reliġjużi u kulturali ta’ kull xeħta. Il-kontenuti ftit jew wisq baqgħu l-istess; huma sewwasew dawk it-temi, mudelli arketipiċi li jitilgħu fil-wiċċ mill-qiegħ fejn jinħażnu minn ġenerazzjoni għal oħra, bħala maħżen tal-memorja kollettiva, biex jagħtu forma lill-inesprimibbli. Kull epoka għandha x-xejriet partikolari biex jitfisser bil-kelma poetika kulma hu kostanti, residenti għal dejjem fir-ruħ tal-bniedem. L-isfida tal-bniedem minn żmien għal ieħor hi, mela, li jsib mezzi differenti kif jisħaq bil-modi moderni tiegħu kulma hu ’l fuq mil-liġijiet tat-tibdil storiku.

     F’dan l-isfond tista’ tiftiehem is-sħubija bejn it-tliet poeti ta’ din il-ġabra, Mario Attard, Patrick Sammut u Frank Zammit, it-tlieta wlied tipiċi tal-kultura ta’ pajjiżhom, u t-tlieta interpreti  tar-realtà bejn tmiem is-seklu għoxrin u s-seklu l-ġdid. F’dan id-dawl jista’ jingħaraf il-karattru distintiv ta’ kull wieħed waqt li tidher ukoll ir-rabta sostanzjali li sseħibhom flimkien, fi trio li għandu minn kor daqskemm għandu minn solisti.

Mario Attard – kwadretti riflessivi

Mario Attard jinqeda bl-esperjenza personali tiegħu biex idur lura u jilmaħ ir-rilevanza tal-imgħoddi għall-isfidi tal-preżent. It-tiġrib hu l-punt tat-tluq għas-siltiet fejn hu jimraħ bil-ħsieb li jsib it-tifsira (Lil Ġwanni Battista de la Salle, Eleġija għaz-Zija). Huwa jgħaddi mingħajr xkiel minn burdata għal oħra, dejjem bit-tama li jikseb is-sens  ta’ kull bidla fil-mod kif ir-ruħ tagħraf lid-dinja tal-affarijiet, dik id-dinja li għalih hi kemm paradossali u kontradittorja u kemm loġika u ordinata  (Pitirrossi, Fi Pjazza Santa Margerita, Max-Xatt ta’ Pozzallo, Rajt tfajjel). Il-kwadretti tiegħu, magħżulin b’ħarsa naturali, istintiva,  huma spunti għal riflessjoni fit-tul, mibnija b’mod li tikseb rilevanza usa’.

     Kull riflessjoni hi l-effett permanenti ta’ dehra li tfeġġ u mbagħad tgħib fix-xejn. Il-ħtieġa li tinsilet verità universali minn dehra partikolari tispjega sewwasew għala Mario Attard jesplora oqsma u xejriet diversi tal-ħajja komuni, u minnhom jiskopri u jirreġistra verbalment xi aspett speċjali (Driegħ id-destin, Bla identità, Il-ħajt ta’ Berlin, Illejla ġejt imtaqqal, Emanwel, Trapassjoni, Taħt il-Kurċifiss ta’ kamarti). Miġburin ilkoll flimkien bħala tema kumplessa waħda, dawn il-poeżiji u oħrajn bħalhom jifformaw il-kredu etiku ta’ Mario Attard, kemm bħala persuna u kemm bħala poeta.

     Dan kollu huwa sikwit minsuġ ma’ tifkiriet ċari mislutin mill-memorja ta’ żmien imbiegħed mill-prezent; il-post u l-atmosfera jwasslu s-sensazzjoni ta’ xi ħaġa suġġestiva, li tibqa’ hemm, maħżuna, minkejja l-mogħdija maħruba taż-żmien (Bormla). B’attitudni bħal din ma jistax jonqos li jixref il-kumment soċjali, il-ġudizzju prudenti ta’ poeta li qatt ma jgħolli l-vuċi u li jipprova jara r-rilevanza ta’ fatti mill-perspettiva lirika, sentimentali (Apoloġija lil Ruzar Briffa, Jien mhux klandestin, Spazji mifxula).

     Diversi siltiet juru li Mario Attard huwa interessat li jiżvolġi djalogu affettiv mal-qarrej/semmiegħ, u li jafferma, dejjem b’ġentilezza, b’mod li jistieden il-kunsens. Għal din ir-raġuni huwa ma jitbiegħed qatt mill-modi popolari tat-taħdit, kemm fit-tonalità u kemm fl-għażla tal-mezzi tekniċi. Il-versi tiegħu jimirħu xi mkien bejn il-lirika u l-proża. B’dan il-mod huwa jiggarantixxi li l-komunikazzjoni sseħħ anki bħala espressjoni li ma hix neċessarjament letterarja, anzi poetika.

Patrick Sammut – il-poezija bħala djalogu

Għal Patrick Sammut il-poeżija hi espressjoni personali daqskemm stqarrija misluta mis-sentimenti komuni ta’ soċjetà li bħallikieku jonqosha li ssib interpretazzjoni tal-karattru tagħha biex tasal issib paċi magħha nnifisha. Hemm fil-poeżiji tiegħu dimensjoni politika li tinħass b’mod indirett, imgħottija taħt saff prudenti ta’ ħsieb soċjali. Huwa sikwit jitlaq mit-tfassil ta’ kwadrett imlewwen bil-ħsieb li tinsilet minnufih riflessjoni ta’ xeħta morali. Il-poeta jpinġi biex imur lil hinn mill-pittura stess; joffri dehra biex jasal għas-sens li għandu jkun hemm taħtha, u b’dan il-mod jobbliga lill-kritiku tiegħu li jaqrah f’żewġ livelli, il-letterali u l-figurattiv, l-affermat u l-implikat (Jien u l-ħin, Karnival solitarju, Hemm…, Jum ta’ btala, Fi triqat ir-riflessjoni, Forsi xi darba…, Nitfa’ kollox wara dahri, Il-ħarsa ta’ tarbija).

    Huma x’inhuma l-konklużjonijiet loġiċi li jistgħu jinħarġu minn dawn il-kwadretti, il-poeta juri bis-sħiħ li d-deskrizzjoni hi gost fiha nnifisha, hi diġà speċi ta’ ġustifikazzjoni tagħha stess, skop fiha nnifisha. Dan il-gost, li jinħass sikwit bħal f’L-Għadira mill-gallarija u f’Fuq ir-ramla, ma jeskludi b’ebda mod l-ironija (Pawsa), waqt li lanqas ma jnaqqas mis-saħħa tal-konvinzjoni tal-poeta li l-poeżija hi minnha nnifisha faraġ (F’siegħa bikrija). Hi liema hi l-burdata l-poeta jiddjaloga b’mod kordjali, u jirrikorri għall-memorja anki biex jirrivela r-rilevanza ta’ kulma qiegħed iħoss issa u hawn (Milied sieket).

      Waqt li Patrick Sammut jadotta, bħala regola, it-tonalità ta’ min qiegħed jiżvolġi diskursata diretta mal-qarrej/semmiegħ tiegħu, tant li hu nnifsu jinħass ‘jindaħal’ bħala awtur implikat, min-naħa l-oħra,  tinħass frekwenti l-preżenza ta’ figura bejn storika u bejn ideali li huwa jibni magħha djalogu intimu, affettiv, nostalġiku, espressjoni ta’ kulma hu l-aktar essenzjali fil-vizjoni tiegħu. Hi figura li takkompanja lill-poeta f’waqtiet intensi, f’burdati differenti li madankollu jiltaqgħu xi mkien bħala varjanti tal-istess tema (Jien u miexi fi triqti, Min-naħa l-oħra tal-linja, Mingħajrek, Hemm żminijiet…, Inti ma tispiranix).

    Minkejja din il-preżenza, li hi wisq aktar importanti mill-grammatika tal-poeżija (il-vokattiv) li tagħtiha forma, dik li tabilħaqq taħkem fuq kull riferiment ieħor hi l-figura ta’ omm il-poeta. Ħarstek fuqi u Tifkira ta’ omm huma żewġ mumenti li jagħtu l-aqwa karattru lil din il-ġabra ta’ Sammut, u aktarx lill-istess personalità tal-poeta. Huma eleġiji daqskemm huma wkoll poeżiji ta’ tifkira, liriċi li jiċċelebraw xi ħaġa li hi wisq ifned min-niket ta’ ltim. B’lingwaġġ deċiż u sod, b’metafori li jindikaw involviment sħiħ fit-tema, Sammut jikber b’maturità teknika u espressiva li tindika li din hi t-tema ċentrali li tikkaratterizzah f’din i-fażi, il-burdata-muftieħ tiegħu.         

Frank Zammit – ir-rabta bejn it-tradizzjoni u l-preżent

Għal Frank Zammit hemm żewġ realtajiet li ma jistgħux jintesew, u li għalhekk huma tipiċi tal-poeziji tiegħu: l-emigrazzjoni u t-tradizzjoni poetika tal-ġenerazzjonijiet imgħoddija. L-ewwel aspett jispjega bis-saħħa kollha s-sens ta’ distanza li jinħass f’diversi kitbiet tiegħu. It-tieni aspett jiġġustifika għala huwa jinqeda regolarment bil-mezzi tipiċi ta’ poeti li ġew qablu, bil-mudelli ritmiċi u b’mezzi oħra ta’ tħaddim tal-kelma, fost l-oħrajn, ir-rima.

     Għan ewlieni tiegħu hu li jwassal lill-versi sal-punt li jillustraw tagħlima morali, konklużjoni li tiġġustifika lill-kitba poetika stess (Gardjola, Fi ħdan in-natura, Sal-aħħar). In-Natura, l-opra ta’ Alla, hi l-qasam li minnu huwa jislet il-lezzjonijet essenzjali. Hi Natura li tgħallem u tgħaġġeb, tiskot daqskemm titkellem, tant li hu jislet l-elokwenza tiegħu minnha stess, u jispiċċa jitkellem mhux biss fuqha imma wkoll magħha (Qamar kwinta, Oħroġ ja xemx sħuna). L-ambjent, deskritt b’gost li ma huwiex biss stilizzazzjoni letterarja, jispiċċa biex jinħall f’qagħda tar-ruħ, f’sitwazzjoni li tbiddel lill-oġġett f’suġġett. Għar il-Lembi hi eżempju mill-aħjar ta’ din il-kundizzjoni, iżda l-waqtiet li jistgħu jissemmew huma diversi.

    Il-poeta huwa qabelxejn emigrant, xi ħadd li jħoss il-kwistjoni tal-għeruq bħala realtà dejjem ‘in fieri’, argument dejjem miftuħ, inkomplet. Il-poeżija tat-tifkira hi element importanti fil-kitba kollha ta’ Frank Zammit. Mill-memorja tiegħu, maħżen ta’ żewġ artijiet imbiegħda u differenti ħafna li huwa trawwem bħala poeta fl-ispazju ‘psikoloġiku’ ta’ bejniethom, huwa jagħżel aspetti karatteristiċi li juru fuq kollox sa liema punt il-poeżija tiegħu tistrieħ fuq l-imgħoddi, kundizzjoni permanenti f’kuntrast imma anki fi qbil mal-preżent (F’dawl in-niċċa ta’ ħsiebi, Ktibt ismek, La tiġix lura, Fil-ġonna ta’ Sant Anton, Lix-Xalè mġarraf). L-effett ewlieni tal-poeżiji tat-tifkira huwa li dawn jitbiddlu f’oġġetti statiċi, dejjiema, maqbudin għal dejjem fl-għeluq taż-żmien li jgħaddi u jeqred.

     Min-naħa l-oħra Zammit ilaqqa’ wkoll lill-imgħoddi u lill-preżent ta’ Malta u bħallikieku jasal għall-kompromess meħtieġ u mixtieq (L-aħħar salut). F’dan il-punt jista’ jinstab il-qofol tematiku tal-poeżiji kollha ta’ Frank Zammit, il-poeta emigrant li jissokta jfittex anki jekk diġà kkonkluda. Huwa l-emigrant li jġorr lill-patrija miegħu.

MINN FOMM IL-KITTIEB ta' PATRICK SAMMUT

Għadu kemm ħareġ ktieb ġdid ta’ Patrick Sammut, MINN FOMM IL-KITTIEB – L-EWWEL VOLUM – INTERVISTI MA’ GĦADD TA’ KITTIEBA U POETI MIX-XENA LOKALI, Pubblikazzjoni Horizons, 2014. 

F’dan l-ewwel volum il-qarrej jiltaqa’ wiċċ imb wiċċ ma’ 52 kittieb u poeta Malti, parti kbira minnhom għadhom jiktbu fil-preżent. Kif bdew jiktbu? Fejn għexu fl-imgħoddi, x’jiftakru minn dan, x’ħalla l-ikbar marka fuqhom, u fejn jgħixu llum? Min huma dawk il-kittieba li qed jiktbu lil hinn minn xtutna? Liema huma l-ħwejjeġ li jispirawhom biex jiktbu? X’jagħmlu bħala xogħol u kif jgħaddu l-ħin ħieles tagħhom? X’jaħsbu dwar kwistjonijiet kontemporanji partikolari? L-intervistatur fi djalogu informali mal-intervistat jikxef dan kollu. L-intervistatur wiċċ imb wiċċ ma’ kittieba stabbiliti u oħrajn inqas magħrufin, kittieba żgħażagħ, oħrajn li m’għadhomx magħna.
Il-kittieba u poeti intervistati f’dan l-ewwel volum huma: Pawlu Aquilina, Antion F. Attard, Joe M. Attard, Mario Attard, Emmanuel Attard Cassar, Joe Axiaq, Carmel Azzopardi, Mario Azzopardi, Jonathan Balzan, Rena Balzan, Joe Bartolo, Charles Bezzina, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Roderick Bovingdon, Charles Briffa, Lina Brockdorff, Rev. Mons. Amante Buontempo, Amanda Busuttil, Stephen Cachia, Joe Camilleri, Peter A. Caruana, Charles Casha, Manuel Casha, Manwel Cassar, Carmel G. Cauchi, Ġużè Chetcuti, Fr Paul Chetcuti S.J., Fr Anthony Chircop O.F.M., Ġanninu Cremona, Ileana Curmi dwar missierha Giovanni Curmi, Tony C. Cutajar, Charles Dalli, Lou Drofenik, Godwin Ellul, Leanne Ellul, Noel Fabri, Anthony Farrugia, Stefano Farrugia, Victor Fenech, Charles Flores, Joe Friggieri, Oliver Friggieri, Francis Galea, Anton Grasso, Alfred Grech, Lino Grech, Raymond Grech, Sergio Grech, Maria Grech Ganado, Adrian Grima u Mario Griscti.

MINN FOMM IL-KITTIEB – L-EWWEL VOLUM – INTERVISTI MA’ GĦADD TA’ KITTIEBA U POETI MIX-XENA LOKALI għandu daħla mill-pinna ta’ Tarcisio Zarb u jinkludi fih ritratti ta’ għadd ta’ poeżiji miktubin bl-id minn numru ta’ kittieba intervistati. Jinbiegħ għall-prezz ta’ 13-il ewro mill-ħwienet tal-kotba lokali.
______________________________________________________________

Valorizzazzjoni - Daħla kritika ta' Tarċisju Zarb

Il-konvenzjoni tal-kitba tieħu diversi forom. L-għanijiet tal-kitba, min-naħa l-oħra huma bla għadd. Sadattant, madankollu, il-ġbir ta' konvenzjonijiet varji ta' kitba u ġbir ta' dawn l-istess kitbiet jibnu xi tip jew ieħor ta' paradimma. Id-djalogi informali skont għadd ta' mistoqsijiet imfassla minn qabel u oħrajn maħluqa, hekk kif tkun għaddejja d-diskursata informattiva, jibnu din il-paradimma. Dan hu dak li rnexxielu jsawwar u jibni Patrick Sammut, f'dawn il-kitbiet li jiswew mitqlu deheb għalina bħala poplu 'li jikteb' u 'li jaqra'. 

Il-kitba tal-Malti, jew aħjar, il-kitba minn kittieba varji, b'lingwi varji, għal għanijiet varji joħolqu minnhom infushom tessut ta' realtajiet li mittieħda flimkien joħolqu xoqqa waħda sħiħa. Ix-xoqqa waħda sħiħa li nsibu f'dawn it-taħditiet 'informali', nistgħu nqisuha bħala l-paradimma tal-Malti, jew aħjar il-kitba ta' Maltin bħala paradimma, li filwaqt li tkun qiegħda tinkiteb, tissawwar l-istess realtà Maltija. 

X'tip ta' realtà tinħoloq minn dawn it-taħditiet bejn personaġġi li għandhom għan komuni -- dik li jsawru jew isostnu realtajiet 'ġodda', permezz tal-kitbiet tagħhom?  Ir-realtà li tinħoloq hija dik li tgħinna nsawru l-kitba Maltija (mhux neċessarjment bil-Malti), li permezz tagħha, aħna nkunu nistgħu nifhmu lilna nfusna, u fl-istess ħin nibnu lilna nfusna. Moqrija jew mhumiex. Mgħollijin sas-seba' sema jew mhumiex. Magħrufa jew mhumiex, dawn it-taħditiet wiċċ mbwiċċ mhumiex ħaġa oħra, ħlief il-fasla Maltija, kif inbniet matul dawn l-aħħar snin u qabel. 

Hija tip ta' fasla li tagħmel użu b'mod ħarkieni mix-xewqat mistqarra jew mhumiex ta' x'jagħmilna dak li aħna. Huma l-poeżijijiet, daqskemm in-narrattivi varji, f'oqsma ta' realtajiet psikoloġiċi, reliġjużi, soċjoloġiċi, antropologiċi u etnografiċi, li flimkien jagħtu 'vuċi' -- il-kbira vuċi -- lil dawn il-personaġġi li jsawru il-mit tan-'narrattiva' Maltija. Mhux wisq in-narrattiva f'termini ta' stejjer jew poeżiji, imma n-narrattiva, f'termini ta' dak li jsawwar il-kostrutt Malti -- il-kostrutt ta' x'jixtiequ u xi jsawru l-kittieba Maltin u oħrajn, li b'xi mod jixxierku f'dan il-kostrutt. 

Il-ħtieġa tal-kitba hija ħtieġa endemika fil-kostrutt-bniedem, kif nifhmuh illum fir-realtà postmoderna. Hija ħtieġa, li ssawwar, tibni u tagħmel mhux biss lill-indivdiwu imma saħansitra lill-istess art u etnografija li ssawwarha. Waqt li l-poeta jikteb -- kemm jekk jinqara jew ma jinqarax -- huwa jkun qiegħed jieħu sehem fin-narratoloġija ta' din l-art -- it-tiswira li dak li jagħmilna Maltin. Fl-istess ħin, ikun qiegħed jingasta fil-kitba r-realtà li hija 'hu'/'hi'. Din hija fenomenoloġija tal-għaġeb, fenomenoloġija, li Patrick Sammut, forsi mingħajr ma kien jaf irnexxielu jagħmilha b'dehwa, sempliċità u nuqqas ta' pretensjoni. Imma, jekk inħarsu mill-qrib lejn dawn in-narrattivi-djalogati, ninnutaw 'ferneżiji siekta' għaddejjin il-ħin kollu, fix-xewqa ta' vuċijiet min-naħiet varji tal-ethos Malti. 

Għaldaqstant hawnhekk niltaqgħu ma' ilħna idjosinkratiċi, daqskemm oħrajn li jidħlu kexxun fil-forma mentis 'Maltija', kif forsi ingastat ruħha u ssellifniha minn ta' qabilna, mingħajr wisq ħtieġa ta' devjazzjoni min-norma. Insibu ċ-ċelebraturi tal-emmna mqaddsa, daqskemm tal-mit Malti tal-imgħoddi. Insibu t-tiċrita fl-istess mitoloġiji Maltin mhux biss tal-lingwa, imma saħansitra tal-mod kif waslet għandna l-idea ta' 'Malta'. L-idea ta' letteratura. L-idea ta' etnografija Maltija. L-idea ta' Malti bħala lingwa.

Kull 'intervistat', hawnhekk, jingħata ċ-ċans li jibni awto-ritratt tiegħu nnifsu hekk kif jiltaqa' f'sitwazzjoni interlokutorja ma' Patrick, il-komunikatur, li huwa wkoll immexxi b'dehwa minn din in-narrattiva Maltija. Hija narrattiva, li mingħajr ma nafu, ilha tinbena u għadha tinbena matul dawn l-aħħar snin u qabel, minn personalitajiet varji, b'mod differenti, imma li flimkien joħolqu r-realtà vera u proprja tagħna l-Maltin. Hawnhekk, l-individwu għandu sehem importanti fin-nisġa u tinsiġ tar-realtajiet li jgħixu l-Maltin. Din ir-realtà, bħala regola, tingħata aktar saħħa, jew aħjar aktar tremendità permezz tal-lingwa, li aktarx iva milli le, issir ir-raġuni ewlenija għalfejn tkun qiegħda ssir il-kitba. 

Għaldaqstant, lil hinn mill-aspetti kontenutistiċi, hemm iċ-ċans, li l-istil, dikjarat u ppronunzjat bl-istess għażliet lessikali, frażjoloġiċi u sintattiċi, isawru dawn l-istess testi. Fl-istess ħin, lil hinn mill-individwalità tat-testi individwali, b'mod dirett u indirett, tkun qiegħda tinħoloq testwalità ta' interdipendenza bejn is-suġġetti u r-realtajiet li jiġu studjati, u msarrfa f'xi tip ta' kitba jew oħra. Din il-kitba tista' tkun fil-vena lirika, daqskemm fil-vena aktar xjentifika. Fil-vena tal-fabula daqskemm fil-vena tar-rapport. Fil-vena tal-'priedka' u d-didattika, daqskemm fil-vena tal-'ħrafa'. Fil-vena tal-morali, daqskemm fil-vena tal-protesta. Kull awtur jirnexxilu jagħmel dan, b'saħħa, anke jekk forsi għalih innifsu u għal ħafna, dan ma jidhirx li hu hekk.

Din it-tip ta' realtà intertestwali hija xi ħaġa tal-għaġeb, għaliex mingħajr forsi wisq konxjożità ta' din it-tip ta' fenomenloġiji, il-kittieba, flimkien mal-interlokutur ewlieni, jirnexxilhom iħarsu lejhom infushom minn barra, u jgħaddu għall-awtobijografija tagħhom, imsinna mill-mistoqsijiet li jippruva jigirfu xi ftit mill-kif u l-ixfatta tal-kitba.

Poplu, bħalma huwa dak tagħna -- poplu żgħir -- qabel daħlet il-kitba -- kien diġà jirrelata miegħu nnifsu u mal-madwar permezz tal-kelma mitkellma u n-narrattiva popolari, imsieħba mal-istess għana fost oħrajn. Illum, din it-ip ta' realtà qiegħda tieħu dimensjonijiet oħra, b'mod speċjali taħt l-influwenza tal-innetwerkjar soċjali. Dan l-innetwerkjar soċjali, hawnhekk, għalkemm mhux daqshekk ippronunzjat, diġà jidher fil-mod kif mingħajr forsi ma jafu, kull awtur jiddakkar minn oħrajn Maltin bħalu kif ukoll oħrajn li b'xi mod ixxierku f'din it-tip ta' kultura.

Ir-riżultat, għaldaqstant huwa wieħed ta' lingwa li tikxef idjosinkraziji ta' individwi, li issa telqu mit-taħdit ta' kuljum, u daħlu fil-paradimma tal-mistoqsijiet waqt intervista. Tan-narraturi li qegħdin jinnarraw lilhom infushom. Tan-nies, li s-solitudnijiet tagħhom, jixtiequ li jinstemgħu. U Sammut, hawnhekk tahom iċ-ċans biex dawn is-'solitudnijiet', jingħataw vuċi, biex b'hekk, anke dawk li ma jaqrawhomx fl-oriġinal tagħhom, ikollhom quddiemhom bħal qisu r-razzjonal għalfejn huma jeżistu bħala kittieba. 

Ir-razzjonal tal-kittieb fi żmien daqshekk ikonoklastiku, u fi żmien meta l-kittieb bħal qisu kien jew idolizzat jew inkella mħolli waħdu, mhuwiex daqshekk faċli li tifhmu. Ir-realtà tal-intraprenditorija f'termini ta' qligħ, hawnhekk ma tokkupax post ċentrali, ħlief f'realtajiet ta' individwi, li aktar milli huma 'kittieba' fil-veru sens tal-kelma, huma l-promoturi ta' din it-tip ta' kommodità għal raġunijiet varji. Fl-istess ħin, madankollu, dawn jagħmlu huma wkoll parti minn dan il-'prodott' li nsejħulu kitba.

Patrick Sammut, għaldaqstant, hawnhekk irnexxielu joffrilna kompendju ta' karattri f'termini djaloġistiċi, b'kitbiet bil-Malti, li barra li jiftħu għadd bla tarf ta' twieqi fuq individwi, jiftħu t-tieqa l-kbira fuq dak li jagħmilna dak li aħna bħala Maltin. Lil hinn mill-arkitettura u l-aspetti viżwali jew tattili ta' din il-gżira, hemm vuċijiet li flimkien isawruna u jibnuna.

Dan hu xogħol li flimkien mal-ktieb tewmi tiegħu, jista' faċilment jiġi studjat mhux biss għal skop ta' eżamijiet u tagħlim fil-livell ĊES, MATSEC u l-Università, imma anke wkoll biex wieħed jagħmel Masters fil-vuċi tal-kittieba Maltin kif toħroġ mill-intervista -- mod ta' riċerka, li taf lil ħafna programmi radjofoniċi u televiżivi, kif ukoll lil ħafna tiftix ta' xeħta etnografika u soċjoloġika fost oħrajn.

 

Saturday, September 27, 2014

META D-DMUGĦ MA JINXIFX ta’ Anthony Farrugia, Dom Communications, 2014

Dan ta’ Anthony Farrugia huwa t-tielet rumanz tiegħu, wara Meta l-Imħabba ma Tmutx (Horizons) u Fjuri fir-Riħ (Veritas Press). Meta d-Dmugħ ma Jinxifx jinfirex fuq kważi 120 paġna u jinqasam fi 13-il kapitlu.

PERSONAĠĠI:

It-tliet personaġġi ewlenin tar-rakkont jiġu ppreżentati diġà fl-ewwel kapitlu. Huma tliet tfajliet adoloxxenti: Angie, Nadia u Karen, kollha bi problemi serji fil-familji rispettivi tagħhom. Għall-ewwel huma jgħiru għal min ma laqtitux ix-xorti ħażina bħalhom u b’hekk bħal jiftehmu biex jirrendu l-ħajja ta’ ħaddieħor diffiċli, l-aktar lil min hu dgħajjef. Hija Karen l-ewwel waħda fost it-tlieta li tibda tniggiżha l-kuxjenza u tibda tifhem li ħażin ma jitpattiex b’ieħor. Hemm ukoll Lino, missier Angie, li hu rett u li jittama li s-sitwazzjoni titjieb. Lino, malli jsir jaf bl-infedeltà ta’ martu, jibda jaħdem ma’ bintu Angie biex jaraw ma’ min u fejn kienet ħarbet Ursula. Min-naħa l-oħra hemm Ursula, omm Angie, li titlaq mid-dar biex tibda tgħix mal-maħbub tagħha Ritchie, wara li dan jirnexxilu jimmanipulaha bil-kliem sabiħ tiegħu. Hemm ukoll il-personaġġ negattiv, makakk u manipulatur ta’ Janet li tkisser il-familja tat-tfajla Nadia. Renald hu xempju ta’ raġel mimli vizzji u dgħajjef, misjuq min Janet li ma tiddejjaq xejn tipponta sikkina lejh wara li jissuġġerilha titqaħħab għall-flus.

TEMATIKA U SPAZJI:

Dan ta’ Farrugia hu rumanz anki ta’ natura soċjali. Permezz tat-tliet tfajliet u karattri ewlenin tar-rumanz huwa jittratta problemi attwali bħalma huma l-infedeltà, id-droga, ix-xorb, il-mard terminali, l-ikkuljunar, in-nuqqas ta’ intimità bejn il-miżżewġin, is-suspett, il-bullying fl-iskejjel, il-vendetta, il-ħabs, id-dipressjoni, is-solitudni, il-vjolenza domestika u anki s-suwiċidju. Jittratta wkoll elementi pożittivi bħalma huma l-ħbiberija, ir-rieda li sitwazzjoni ħażina tissewwa bil-kelma t-tajba u l-imħabba, it-twelid ta’ tarbija ġdida fil-familja, l-adozzjoni, u d-djalogu bejn il-ġenituri u l-ulied. L-aġir ħażin tat-tliet tfajliet jinfluwenza ħażin anki r-riżultati tal-eżamijiet.

Farrugia jqiegħed il-familja fiċ-ċentru tar-rakkont tiegħu, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha. L-awtur dejjem ifakkar kemm l-aġir tal-ġenituri jinfluwenza ħażin jew tajjeb dak tal-ulied. L-inkomunikazzjoni fil-familja twassal għal iktar firdiet. Wara t-tluq mid-dar ta’ omm Angie u l-mewt ta’ omm Karen, it-tliet tfajliet jiddeċiedu li ma jagħmlux iktar deni lil ħaddieħor. Farrugia jirnexxilu jidħol fl-iktar irkejjen sigrieti tal-familja, imkejjen fejn jaħkmu tbatijiet u weġgħat serji tassew.
  
SPAZJI:

L-azzjoni tal-ġrajja ta’ Farrugia titqiegħed fi spazji differenti fosthom fl-ambjent tad-dar, tal-iskola, f’Paceville u fil-Belt Valletta. Dawn huma fost l-aktar postijiet iffrekwentati miż-żgħażagħ tal-lum.

STIL:

Farrugia jirnexxilu jidħol fid-djar tat-tliet tfajliet permezz tal-kapitli differenti. Hekk kapitlu 3 jikkonċentra fuq is-sitwazzjoni domestika fid-dar ta’ Angie, filwaqt li kapitlu 4 joħodna fid-dar ta’ Karen. F’kapitlu 5 naqraw dwar il-vjolenza u l-problemi fid-dar ta’ Nadia. Imbagħad f’kapitlu 6 naqraw dwar Renald u l-inkwiet tiegħu; kapitlu 7 jiffoka fuq ir-relazzjoni missier-bint bejn Paul u Karen; kapitlu 8 joħodna fid-dar ta’ Janet u Renald, filwaqt li kapitli 9, 10 u 11 jikkonċentraw fuq il-personaġġ ta’ Angie. Kapitlu 12 jurina s-solitudni ta’ missier Angie wara li jitlef ukoll lil bintu, filwaqt li l-aħħar kapitlu jurina kif tispiċċa r-relazzjoni bejn Ursula u Ritchie.

Apparti l-partijiet fejn hemm in-narrazzjoni u d-djalogar, Farrugia jdaħħal xi drabi l-ħsibijiet personali tiegħu dwar ċertu aġir mhux korrett u l-konsegwenzi koroh li jista’ jġib miegħu. Hemm ukoll partijiet fir-rakkont meta Farrugia jdaħħal apposta l-element tad-dubju biex jagħti enerġija ġdida lin-narrazzjoni. Hekk, per eżempju, f’kapitlu 9 lil Angie jidħlilha d-dubju jekk Ursula hix verament ommha, u proprju dan id-dubju jwassal għal skoperta oħra li l-qarrej ma jobsorx.

Farrugia jinkludi matul ir-rumanz xi versi rrimati biex ifisser il-ħsus moħbijin ta’ personaġġi partikolari. Ma ninsewx li Anthony Farrugia jikteb ukoll il-poeżija u huwa membru tal-Għaqda Poeti Maltin.

KONKLUŻJONI:

Dan hu rumanz attwali u mera tal-preżent li faċilment jista’ jinqara wkoll miż-żgħażagħ ladarba protagonisti huma huma stess bit-tiġrib kollu li jgħaddu minnu. Il-lingwa u l-istil li juża Farrugia huma sempliċi apposta bla ebda kliem maħmuġ li jista’ jdarras bla bżonn. Jinqara malajr u filwaqt li jagħti pjaċir lil min ma jridx storja kkumplikata, jaf jgħaddi messaġġ pożittiv lil dak li jkun anki billi jittratta l-ġlieda kontinwa bejn it-tajjeb u l-ħażin.

Patrick Sammut


Wednesday, September 10, 2014

L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI ta' Walid Nabhan

L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI (KKM 2013) huwa rumanz li jifrex fuq 255 paġna u huwa mqassam f’20 kapitlu. L-azzjoni ta’ dan ir-rumanz ġeneralment isseħħ f’Malta (f’rabta mal-preżent) u f’Amman (f’rabta mal-imgħoddi).

STIL:

Stilistikament dan ir-rumanz jista’ jinħass jimxi kajman mil-lat ta’ ritmu fl-ewwel parti, imma jasal punt meta l-qarrej iħoss il-ħtieġa li jkompli jaqra bla ebda diffikultà jew telf ta’ żmien proprju għax ir-ritmu narrattiv jibda jiġri. Ir-rumanz spiss jieħu l-għamla ta’ monologu twil jew djalogu ġewwieni bejn il-“jien” u l-“int” jew il-“jien” u l-“ieħor”, mela bejn il-leħen narranti u l-interlokutur. Dan il-leħen narranti hu Nabil (Nabhan ukoll?) stess, jew il-ħsieb tiegħu jħares lejh innifsu u lejn dak li qed iseħħ madwaru minn ċerta distanza.

Dan il-leħen narranti hu simili ħafna għal dak preżenti fir-rakkont ta’ Walid Nabhan Leħen tal-Fuħħar li jinsab fil-ġabra ta’ stejjer li ġġib l-istess isem u li ħarġet fl-2012 mill-KKM. Anki hemm naqraw dwar pjagi, demm u wġigħ. Hemm il-leħen narranti hu dak ta’ “raġel jitkellem waħdu fit-toroq, ġieli ma jagħrafx lilu nnifsu fil-mera [...] Raġel jibża’ mill-gazzetti u t-televixin, u l-imħabba u l-ferħ u l-mobajl ċellulari.” (p. 40) Dan hu l-leħen ta’ Palestinjan li jġorr riħa partikolari, imur fejn imur, u li jqabbel lil Gaża ma’ “bagoll imniegħel” mimli “foqra kkalzrati.” (p. 40) F’Leħen tal-Fuħħar il-leħen narranti jistaqsi bosta mistoqsijiet, waħda wara l-oħra – bħal f’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI – imma jaf li “ġieli r-risposta tigref iktar mill-mistoqsija”. Min-naħa l-oħra għandu għarfien ta’ bniedem li ġej minn sfond storiku u ġeo-politiku fejn spiss jaħkmu l-mibegħda, il-gwerra u t-tixrid tad-demm. Filwaqt li hemm min irid jaqta’ kompletament mill-iħirsa tal-imgħoddi, hemm oħrajn, bħal-leħen narranti f’Leħen tal-Fuħħar u L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI, li r-riħa tal-passat ma jista’ jeħles minnha qatt.

Jitħaddem it-ton ironiku, bħal meta jidħol il-kumment dwar il-Lhud u l-Amerikani. Il-leħen narranti, anki matul waqtiet fejn jissidkuti kwistjonijiet serji u jaħarqu, jaf isib ħin biex jgħaddi bi żmienu stess: “Iwa? Għandek il-wiċċ tikkummiedja u ddaħħak? Iġbruh mela Isa.” (p. 204) Il-perijodu sintattiku bosta drabi huwa twil, mela jmur id f’id mal-istil riflessiv tax-xogħol preżenti. Jitħaddmu bosta punti ta’ interrogazzjoni u punti esklamattivi: għandna l-awtur li jistaqsi l-ħin kollu u jagħdab, jipprotesta, drabi oħra jironizza.

Hemm drabi meta jitħaddem il-korsiv (kapitlu 19) – jindika djalogu bejn Nabil u Alla jew Allah? Il-korsiv jintuża wkoll f’kapitlu 20: waqt li Nabil jinsab fiżikament fuq conveyer belt, huwa jintilef fi tren ta’ ħsibijiet, wieħed wara l-ieħor u ma jaqtgħux, miġjubin fil-korsiv.

Ikun interessanti ferm studju tax-xbihat (metafori u similitudnijiet) li Nabhan iħaddem b’mod estensiv imma anki b’mod effettiv. Il-kitba ta’ Nabhan hija miżgħuda bi xbihat li għandhom ukoll mix-xbihat bibliċi, imma anki minn rakkonti li twieldu fost popli mġarrba, f’artijiet li jafu iktar trab u ramel milli ħamrija għammiela; twieldu fost popli nomadi li jterrqu r-rotot tad-deżert ħabib u kiefer fl-istess ħin, imma anki f’artijiet fertili li jinsabu x’imkien bejn l-Ewfrati u t-Tigris. Bosta huma wkoll xbihat f’rabta mad-dinja tal-bhejjem - ġrieden, klieb, ħamiem, qtates, nemel, ċikonji u l-bqija – u dan f’rabta mal-għemejjel tal-bniedem fid-dinja.

Fir-rumanz hemm saħansitra partijiet versifikati. Hemm bosta waqtiet meta l-proża ta’ Nabhan tilħaq livelli poetiċi, anki jekk ma jitħaddmux il-versi. Kapitlu 16 jiftaħ b’referenza poetika għal Rużar Briffa u r-rabta tiegħu mal-Barrakka ta’ Fuq. Huwa interessanti u mill-isbaħ il-mod kif Nabhan jiddeskrivi minn għajnejn ta’ wieħed li ġie mil-Lvant tal-Mediterran il-Barrakka ta’ Fuq u anki l-Birgu bil-lejl. Dan huwa kapitlu li fih partijiet kemm senswali kif ukoll poetiċi.

L-ilsien li jħaddem Nabhan huwa taħlita naturali ta’ Malti safi u modern, rifless tal-flessibilità ta’ lsienna. Għalhekk Nabhan ma jsib l-ebda diffikultà jesprimi sewwa u b’mod ċar dak li għandu f’moħħu u f’qalbu. Mhemmx tidwir u kantunieri ma’ Nabhan – dak li għandu jgħid jgħidu direttament, anki jekk xi drabi jista’ saħansitra jdarras lil ċertu tip ta’ qarrejja. Hekk per eżempju jikteb dwar l-aljenazzjoni: “pirmla li toħodha nofs Malta” (p. 204).

TEMATIKA:

Dan huwa rumanz ta’ denunċja fejn Nabhan jagħmel reviżjoni ta’ ċerti episodji storiċi li rrendew lill-poplu Palestinjan tellief u skjav (ara p. 91). Jingħad li hemm bżonn li r-responsabbiltà tittieħed minn min hu ħati u jibda l-proċess ta’ rikostruzzjoni, imma anki jieqaf kull sens ta’ ħasra u awtokommiżerazzjoni.

Fl-isfond hemm sens ta’ ħtija mitfugħ fuq ġenerazzjoni li twieldet mat-telfa tal-Gwerra tas-Sitt Ijiem (1967). Hija ħtija li tissarraf f’rabja min-naħa tal-leħen narranti. Dwar dan is-sens ta’ ħtija u l-piż mwaħħal miegħu Nabhan kien diġa’ kiteb f’Leħen tal-Fuħħar fit-tmien storja bl-isem ta’ Silta minn rakkont ġdid (pp. 81-94). Mela L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI jista’ jinftiehem ukoll bħala rumanz tal-fakra, rumanz ta’ tiftix tal-għeruq, anki tiftix il-ħelsien minn ħtijiet ta’ poplu sħiħ. Dak li jagħmel il-leħen narranti fir-rumanz hu wkoll li jimla l-vojt li ħalla warajh missier Nabil; il-kliem li ma qalx missier Nabil jinkiteb minn Nabil stess, u dan biex jipprova jifhem dak li hu fl-aħħar mill-aħħar ċar kristall u inspjegabbli.

Nabhan jirnexxilu jorbot flimkien ġrajja ċkejkna li tintrabat ma’ familja (ġrajja awtobijografika?) u mal-protagonist Nabil, u ġrajja kbira li twasslilna l-istorja mhux biss tal-poplu Palestinjan u tal-Lvant Nofsani imma anki ta’ bosta forzi internazzjonali ġganti li mmarkaw darba għal dejjem l-istorja tad-dinja. Fuq naħa naqraw dwar it-tbatija u l-umiljazzjoni taż-żgħir u fuq l-oħra dwar il-pompożità u l-ħniżrijiet tal-kbarat li jiddeċiedu huma meta jkunu ħbieb jew għedewwa ta’ xulxin, filwaqt li l-konsegwenzi jħallas għalihom id-dgħajjef: “X’taħti l-ġenerazzjoni tiegħi li wirtet minn kollox: battalji mitlufa u gwerer misħuta, u kontijiet li ilhom eluf ta’ snin ma jitħallsu? Ħafna minn dawn il-kontijiet huma divini, jiġifieri jiffurmaw parti mil-logħba tal-allat li għoġobhom joħolqu l-art u s-smewwiet u jagħmlu l-Lvant Nofsani fiċ-ċentru, l-għaksa tan-nofs, biex miegħu jdawru l-mejda tar-roulette u jilagħbu b’ħajjet in-nies imqassmin bejn Lhud u Musulmani u Nsara, u kollha jintużaw bħala ħatab għall-istess infern imwaqqaf apposta għalihom.” (p. 140). Kemm hu attwali diskors bħal dan! Fuq naħa hemm il-maskri u l-ipokrisija tad-dinja tal-Punent li tippoża bħala mudell morali filwaqt li tordna l-qtil kiesaħ u biered ta’ eluf. Fuq l-oħra hemm popli meqjusin bħala klieb, qtates u bhejjem oħra li tista’ teħles minnhom bla ħafna dispjaċiri u penitenzi.

Nabhan jattakka fuq kollox l-istat ta’ injoranza li bosta tħallew fih: “Forsi għax l-investiment kellu jsir fil-bniedem. Fil-mentalità primittiva li toqtol bniedem minn ieħor u mhux fl-akbar gallariji u fl-itwal bini mwaqqaf fuq ir-ramel instabbli...” (p. 184) U dan jgħidu f’rabta ma’ art twelidu, l-Amman, mifhuma bħala “baqra li tiekol lil uliedha u taħleb għand il-ġirien.” (p. 190). Però, ċertament din hija sitwazzjoni li tapplika wkoll għal artijiet oħrajn, anki fid-dinja “ċivilizzata”: “bqajna aggregazzjonijiet tribuċentriċi ma jitħamlux bejniethom iżda joqogħdu tajjeb għal-lembuba ta’ Ruma u dik Persjana.” (p. 184)

Nabhan jiddenunċja wkoll il-korruzzjoni morali li fiha jinsabu l-ħakkiema u l-klassi tas-sinjuri. Hija korruzzjoni li laħqet il-qiegħ, u kontra dan Nabhan jesprimi ruħu b’lingwaġġ b’saħħtu u li ma jaħfirx imma li jibqa’ jidwi f’moħħ il-qarrej. Hija rabja li fl-aħħar mill-aħħar tissarraf f’biki u wġigħ. Il-korruzzjoni hija ssimbolizzata mit-trab abjad, kontra “il-ħobża nadifa allavolja magħġuna bl-għaraq u d-demm” tan-“nies fl-għelieqi u l-barrieri u l-fabbriki”. (pp. 187-188) Aktar tard Nabhan jikteb, “Fil-fatt, l-istess diskors japplika għall-mexxejja u l-primi. Huma wkoll fdajniehom fuq ħobżna u ħaduha li jistgħu jbigħu l-futur ta’ wliedna.” (p. 203) Nerġa’ ngħid, x’attwalità f’dan id-diskors ta’ natura politiko-soċjali!

F’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI naqraw ukoll dwar is-saħħa tal-poeta u tal-poeżija li tista’ tumilja jew tiżola tribujiet kbar u tkissrilhom id-dominju tagħhom (ara p. 186) F’post ieħor Nabhan iqiegħed lill-poeti, il-politiċi u l-avukati f’qoffa waħda: “Il-lingwa meta tiġi fl-ilsien ta’ wieħed minn dawn tiġi proprja qaħba.” (p. 204) Joħroġ ukoll il-kuntrast bejn id-deżert kiefer imma nadif u l-belt maħmuġa u makakka.

XI PERSONAĠĠI:

Parti mill-uġigħ ta’ Nabil ġej miċ-ċaħda tal-imħabba ta’ tfajla mix-Xewkija, u dan minħabba omm u kappillan li ma aċċettawx imħabba bejn Nisranija u Musulman (p. 146). Nabhan ifakkarna li l-kruċjati u l-mibegħda kontra l-infidil għadha tkaxkar fis-seklu 21.

Hemm il-ġurnalist impenjat Muhammed Tummaleh, li għandu pinna b’saħħitha u li miegħu jiltaqgħu Nabil u Musa f’kapitlu 19. Il-personaġġ ta’ Simon ifakkar fis-Samuraj ta’ Frans Sammut: Simon huwa xjenzat, “poeta minsi” u “bniedem imdawwal”. Dan huwa l-istess personaġġ li f’kapitlu 16 Nabil jibki t-telfa tiegħu, sieħbu, u għal waqtiet ifittex il-kenn f’figura materna li ilu li tilef għal snin twal.

Kapitlu 17 jirrakkonta l-istorja ta’ mħabba bejn Musa u Rukajjah; wara l-qtil tal-imħabba din tispiċċa wkoll b’suwiċidju. Rukajjah hija poetessa bħal Simon; it-tnejn imutu qasir il-għomor. Wieħed jistaqsi għaliex? Ma ninsewx li s-suwiċidju u l-mewt huma topoi fil-letteratura, mela motivi li jirrikorru. Anki Musa jsir poeta wara t-traġedja ta’ Rukajjah.

XI MISTOQSIJIET LI JITQAJMU:

Il-qari ta’ L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI jġiegħel lill-qarrej jistaqsi numru ta’ mistoqsijiet: X’inhi letteratura Maltija? Hija dik li twieldet f’Malta? Din ta’ Walid Nabhan twieldet Malta jew fil-Lvant Nofsani, eżattament f’Amman? (ara pp. 149-150) Minkejja li hu rumanz miktub bil-Malti, ruħu hija Maltija? Jew rumanz bħal dan qed jirrifletti l-qagħda tal-letteratura Maltija llum, mhux biss dik etniko-kulturali? Rumanz bħal dan seta’ faċilment inkiteb b’ilsien ieħor (bħall-Franċiż) u nqaleb għall-Malti bla ma jitlef xejn minn ruħu jew mill-essenza tiegħu?

GĦELUQ:

Il-kulur li jaħkem f’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI huwa l-griż. Parti minn dan ix-xogħol kienet diġà dehret fil-ġabra Leħen tal-Fuħħar permezz tar-rakkont Mar-Re (rakkont numru 6 minn 9). Hemmhekk Nabhan f’nota f’tarf il-paġna kiteb li din il-kitba “tispjega kif il-karattru politiku Għarbi kontemporanju jiġi mmutilat f’età żgħira... żgħira ħafna.” (p. 69)

F’L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI Nabhan jirrakkonta l-ġrajja ta’ Nabil (l-“alter”, l-“ieħor”?) li kien għaddej minn “Gwerra interna. Gwerra ta’ bniedem li għex ħajtu kollha mingħalih li hu kien hu. Għexha kollha bil-maqlub.” (p. 252) Mela dan ir-rumanz hu wkoll ħarsa ġewwinija lejn min hu tassew min qed jikteb, mhux biss ħarsa esterna lejn avvenimenti li jbikku u jgħaddbu, ladarba Nabhan jirnexxilu anki jwassal l-għajta tal-EDP, jew Externally Displaced People, li jinsabu f’limbu etern. Nabil jiġi deportat f’Amman wara 20 sena fejn “il-ħajja saret idjaq minn qabar.” (p. 251) Wieħed jistaqsi jekk din hijiex saħta jew barka? Fl-aħħar tar-rumanz jinħass ċertu sens ta’ tisfija: hija l-katarsi li jgħaddi minnha Nabil permezz ta’ dan ir-ritorn lejn l-għeruq tiegħu wara li minn distanza fiżiko-temporali seta’ jaħseb u jipprova jifhem dan l-istess għeruq tiegħu. L-EŻODU TAĊ-ĊIKONJI jgħin lilna nifhmu ftit aħjar sfond storiko-soċjo-kulturali ta’ popli u qagħdiet li mhumiex ’il bogħod minna.

________________________o _____________________