Wednesday, March 5, 2014

MILL-KEXXUN T’ISFEL ta’ Alfred Palma, Bronk Productions, 2013.

Din hija ġabra ta’ 25 novella li tifrex fuq 173 paġna li Alfred Palma kiteb bejn l-1960 u l-preżent. It-tul ta’ kull novella jvarja minn bejn 3 paġni sa l-itwal waħda li ttul 11-il paġna. Ġeneralment l-istil huwa mexxej u b’hekk huma kollha kitbiet li tista’ taqrahom f’nifs wieħed bla ebda diffikultà.

PROTAGONISTI:

Hemm numru ta’ kitbiet li jġibu l-isem tal-protagonisti li r-rakkont idur madwarhom. Hekk f’Ċensina Palma jitlaq minn difett tat-taħdit tal-protagonista biex madwaru joħloq rakkont li fl-aħħar jifqgħek bid-daħk. Bobby hu rakkont malinkoniku li jinsisti fuq rabta bejn bniedem u kelb, relazzjoni li taf tkun iktar b’saħħitha minn dik bejn bniedem u ieħor. F’Roberta l-qarrej flimkien mal-protagonista jiskopru gradwalment li din tal-aħħar mhi xejn ħlief spirtu li qed jerġa’ jżur il-post fejn għex meta kien ħaj, jew li qatt ma telaq minnu minn jum l-inċident. Id-difett fit-tlissin tal-kliem nerġgħu niltaqgħu miegħu f’Is-Sur Karm u t-Tombla. Din hija storja ambjentata f’imgħoddi meta ftit kien hawn għarfien ta’ ċerti nuqqasijiet u b’hekk l-injoranza kienet twassal għal nuqqas ta’ rispett u intolleranza lejn dak li jkun. Hemm ukoll l-idea li mhux dejjem il-flus jagħmluk kuntent. Martin hu rakkont li jdur madwar it-tema tas-sess (bħal oħrajn f’din il-ġabra), iż-żwieġ fi kriżi jew fallut u l-omosesswalità. Elia mbagħad jikxef nuqqasijiet oħrajn f’rabta mas-soċjetà Maltija - bħall-abbuż fuq il-minorenni u d-dagħa -, u jerġa’ jittratta temi bħall-ġibdiet sesswali, l-omosesswalità, il-korruzzjoni ta’ min trabba fi stat ta’ innoċenza. Hawn Palma jiddeskrivi metamorfosi sħiħa, mid-dawl għad-dlam, mit-tajjeb għall-ħażin, skond mil-liema angolu tħares lejha. Żewġ rakkonti tewmin huma Kelina tal-Magħkus... u ...Nardu ta’ Balel. Dawn huma kitbiet li għandhom anki mill-awtobijografija, anki għax huma rakkonti tifkira ta’ karattri li ma jintesew qatt, fuq kollox minħabba t-tjubija tagħhom. Fuq naħa naqraw dwar l-illitteriżmu, l-injoranza u l-miżerja ta’ Kelina, imma fuq l-oħra hemm ukoll is-simpatija tal-karattru tagħha. Il-mod kif Palma jirrakkonta hawn hu rifless tal-istess karattru ċajtier u minn tagħna ta’ Kelina. Min-naħa l-oħra Palma jirrakkonta l-praspar u ċ-ċajt li kien iġarrab Nardu, u bosta minnhom jifqgħuk bid-daħk. Dan fi żmien meta Malta kienet inqas materjalistika u korrotta milli hi llum. Il-qarrej jifhem li Kelina u Nardu kienu żewġ persuni li warajhom ħallew biss tifkiriet sbieħ u tbissima.

SITWAZZJONIJIET U MĠIBA TIPIKA:

Hemm ukoll rakkonti b’titli li jiddeskrivu sitwazzjonijiet, imġiba jew oġġetti partikolari. Hekk Kandlier Antik hija dwar relazzjoni tajba bejn neputi u zitu, imma anki dwar kemm xi drabi hi diffiċli li ssib rigal adatt. L-Imħatra turina kemm il-bniedem jaf ikun ipokrita u biered sentimentalment, u anki kemm b’dan l-aġir hu kapaċi jweġġa’ lil min hu vulnerabbli. Ħolma... jew Realtà? tintrabat ma’ żmien speċifiku: Novembru, 4 p.m., u hija dwar is-solitudni li ġġib magħha l-mewt. Hija anki dwar xewqat moħbija ta’ dak li jkun li xi drabi jistgħu bħal isiru realtà għal waqtiet qosra biex wara jerġgħu jgħibu darba għal dejjem. Riħ ta’ Nofs Siegħa hu rakkont aħrax għax jittratta tfajla li spiċċat tqila qabel il-waqt u b’hekk tkeċċiet minn dar missierha biex b’hekk kellha tagħżel it-triq tal-abort u tal-prostituzzjoni. Hawn jiġu ttrattati temi bħall-maskra (li mhix biss dik tal-make-up) li l-bniedem jilbes biex jogħġob lil ta’ madwaru u jinsa ċerti realtajiet koroh, l-HIV u d-droga. L-aħħar parti tikkonċentra fuq raġel miżżewweġ li jdabbar l-AIDS minħabba skappatura ta’ darba: hemm id-disperazzjoni u l-għarfien li d-dinja ta’ madwaru ġġarfet, filwaqt li fi tmiem ir-rakkont jiġi mħabbar is-suwiċidju bħala soluzzjoni. U Jekk ma Tibkix... hu buzzett traġi-komiku f’att wieħed li joħodna fid-dinja tar-radju lokali. L-użu tal-laqam jintrabat spiss ma’ personaġġi jew karattri tal-klassi l-baxxa li hija nieqsa mill-edukazzjoni formali imma sinċiera. Kontra din hemm d-daħqa mqanżħa tad-DJ. Kollox jgħin biex jikxef l-injoranza grassa li ta’ kuljum titberraħ liberament fuq il-mezzi tax-xandir lokali. Phallus ukoll tittratta l-injoranza li ġejja min-nuqqas ta’ skola u li twassal għall-manipolazzjoni tad-dgħajjef. Fi Tqasqis Palma jwassal anki l-ġestwalità, flimkien ma’ frażijiet klixè, partikolari marbuta ma’ nies li tqasqas u li tilħaq salib ħaddieħor. Anki hawn Palma jiddeskrivi sitwazzjoni traġi-komika fejn jaħkmu l-għira u l-ipokrisija. Jissemmew ukoll żewġ problemi soċjali bħall-użura u l-prostituzzjoni. Anki Avviż bla Ħlas hi dwar separazzjoni, annullament, singles club u opportunitajiet ġodda ta’ mħabba. Hemm l-idea taċ-ċokon ta’ gżiritna fejn kulħadd jaf lil kulħadd. F’Eurovision Song Contest 2015 Palma jitlaq mill-preżent biex joħodna fil-ġejjieni qrib billi jgħaddi okkażjoni tant mistennija mill-Maltin kull sena mill-għarbiel tal-osservatur kritiku. Dak li jidher minfuħ u esaġarat mhu xejn ħlief realtà fejn jaħkmu fuq kollox l-artifiċjalità, il-maskri u l-kożmetika. Dan jidher ukoll fil-lingwaġġ imħallat u mkisser (psewdo Malti-Ingliż) li Palma jqiegħed fuq fomm il-personaġġi. Hemm it-tagħlima finali: minkejja l-iżbalji tal-passat qatt ma nitgħallmu. Hawn wieħed jistaqsi: “X’hemm x’nitgħallmu?”. Forsi tweġiba possibbli hi, “Nitgħallmu nkunu dak li aħna fir-realtà, jiġifieri Maltin, mela nitkellmu u nkantaw bil-Malti.”

Il-Qattus tal-Kina hija dwar ir-relazzjoni raġel-mara fiż-żwieġ bis-sabiħ u l-ikrah tagħha, filwaqt li hemm is-sens ta’ misteru f’rabta mal-qattus tal-kina u l-kamra tal-bejt magħluqa. Mill-ġdid l-imħabba, it-tradiment, id-divorzju, l-annullament u d-delitt annunċjat naqraw dwarhom f’Il-Ħadida tal-Mogħdija. Inċest hu rakkont qasir imma b’saħħtu, minkejja li taħkem ċerta kalma fit-ton. Rakkont li jħallik b’togħma morra u li għandu mir-realtà kiefra tal-preżent, fejn spiss l-anzjani jispiċċaw waħedhom u vittmi tal-kriminalità, hu L-Istatwa li Bkiet. Hawn naqraw dwar kuntrast: fuq naħa hemm bniedem tal-Mużew li jemmen tassew, u  fuq l-oħra x-xettiċiżmu min-naħa tal-ġerarkija ekkleżjastika, imma anki l-bruda taż-żagħżugħ ħalliel li jidħol u joqtol bla skrupli. Il-Madonna tal-Banketta hu dokument li jiddeskrivi b’mod ħaj il-festa tar-raħal Malti bħala traġi-kummiedja oħra jew xena li għandha mill-Bolġji tal-Infern Dantesk. Sagru u profan jitħalltu flimkien biex darba fis-sena jiġi mfakkar il-qaddis patrun. Fl-aħħarnett f’Tema con variazioni Palma jiddeskrivi sitwazzjonijiet differenti mqegħdin fi spazji differenti, u dan biex jikxef l-ipokrisija grassa tal-Maltin. Anki hawn naqraw dwar tradimenti u qrati, pedofilija, omosesswalità, għira, moħqrija tal-minorenni, u qdusija finta. It-tema, tidher fl-ismijiet użati, fosthom patri Coglione, Karlu Cazzone, sor Malflarja u l-istitut ta’ Santa Sappho. Il-maskra hawn tintlibes anki minn min jiddeċiedi joħroġ għall-politika; għal dan Palma jerfa’ l-ironija l-iktar niggieża. Kollox juri li għalkemm inbidlu ż-żminijiet bosta affarijiet baqgħu mhux mittiefsa.

STIL TA’ KITBA U SPAZJI:

F’dawn ir-rakkonti Palma jħaddem stili ta’ kitba differenti filwaqt li jambjenta l-azzjoni tagħhom fi spazji differenti, għalkemm jaħkem fuq kollox l-għeluq. Spiss ir-rakkontar jitwassal fit-tielet persuna singular (“hu” jew “hi”) flimkien ma’ siltiet ta’ djalogar. Hemm drabi meta titħaddem ukoll l-ewwel persuna singular (mela l-“jien”). Hemm drabi meta l-“jien” jindirizza direttament lill-qarrejja fil-bidu tar-rakkont. F’L-Imħatra Palma jħaddem l-istruttura tal-ittra bħala parti mill-binja narrattiva tar-rakkont. Hemm numru ta’ stejjer fejn Palma jħaddem l-istil tar-realiżmu maġiku fejn ħwejjeġ li ma jistgħux iseħħu fir-realtà jsiru possibbli fil-kitbiet in kwestjoni. Dan l-istil jispikka f’kitbiet bħal Ħolma... jew Realtà? (rakkont li jtul 3 paġni u l-azzjoni tiegħu tifrex fuq sitt sigħat), Roberta (għandna s-superimpożizzjoni ta’ żewġ żminijiet differenti, jiġifieri s-sena 1993 u s-sena 2008, bil-protagonista torbothom it-tnejn flimkien), Il-Mara fil-Parapett, Il-Qattus tal-Kina u Il-Kamra Msakkra. Is-superimpożizzjoni ta’ żminijiet differenti fejn preżent u imgħoddi jissawbu flimkien tidher ukoll f’Il-Mara fil-Parapett. F’Bobby jintuża ton malinkoniku, u għalkemm itul ukoll 3 paġni, l-azzjoni tifrex din id-darba fuq sentejn jew ftit iktar. F’Kelina tal-Magħkus... insibu riferiment ta’ natura storika internazzjonali bħall-ħarba tad-Dalai Lama, jew ta’ natura kulturali bħal Carmen Carbonaro u r-Rediffusion.

Hemm drabi meta jitħaddem apposta l-Malti kollokjali: “Mhux qed ifittex xi naqa’ xogħol Kola, Lel?” (Tqasqis). Dan jintrabat ukoll mat-tħaddim tajjeb tal-Malti idjomatiku. Xi drabi tinħass ukoll l-influwenza ta’ Shakespeare għax Palma jħobb jibni r-rakkonti tiegħu anki billi jintroduċi ċerti relazzjonijiet inkroċjati bbażati fuq kumbinazzjonijiet li jaf joħloq l-awtur stess (ara Avviż bi Ħlas).

F’Eurovision Song Contest 2015 jintużaw id-didaskaliji, daqslikieku l-kitba kienet daħla għal silta teatrali. Hawn jitħaddmu wkoll l-ironija u l-grottesk. Hawn ritmikament Palma jibni ċerta tensjoni drammatika li twassal għal climax, id-diżappunt mhux-mistenni jew mistenni. Hemm drabi meta titħaddem l-analessi jew il-flasback f’nofs ir-rakkont biex nifhmu ċerti ħwejjeġ li qed iseħħu fil-preżent. Il-Kamra Msakkra hi rakkont li f’ċertu punt jissummak u jkexkxek, daqslikieku kien miktub minn xi Edgar Allan Poe.

Bosta mir-rakkonti huma ambjentati fl-ispazju limitat tar-raħal mela f’Malta (ara Is-Sur Karm u t-Tombla, u Tqasqis), u jissemmew il-każini, it-tombla, il-festa, il-Mużew id-dar, l-għalqa, il-ħanut, il-kunvent, l-orfanatrofju, u anki l-kamra mdallma u magħluqa. Dawn l-ispazji magħluqin u limitati huma rrappreżentati minn Ħal Magħluq f’Il-Madonna tal-Banketta. Spazji oħra huma l-Belt Valletta, Raħal Ġdid jew il-ftuħ u l-isbuħija ta’ Birżebbuġa. Hemm oħrajn li jagħmlu referenza għal spazji li jmorru lil hinn minn xtutna bħall-Awstralja (eż. Il-Ħadida tal-Mogħdija jew Kelina tal-Magħkus...).

GĦELUQ:

Lil Alfred Palma bosta jafuh bħala traduttur ta’ xogħlijiet letterarji universali bħad-Divina Commedia ta’ Dante Alighieri, id-drammi kollha u s-sunetti ta’ William Shakespeare, ix-xogħlijiet ta’ Oscar Wilde u Voltaire. Oħrajn jafuh bħala poeta u awtur tal-ġabra ta’ poeżiji Preludji (1993). Issa, permezz ta’ Mill-Kexxun t’Isfel Palma qed joħroġ għad-dawl kapaċità oħra minn tiegħu: dik tal-kitba tan-novelli jew stejjer qosra. Nagħlaq b’kumment li Palma stess jinkludi fil-Kelmtejn Qabel għall-ktieb: “Fil-ħajja tagħna jinbidel biss ix-xenarju; aħna ma ninbidlu qatt! U dan hu li minn dejjem xtaqt nesponi f’dawn il-kitbiet tiegħi: l-umaniżmu fir-rikkezza u fil-faqar tiegħu, fl-essenzjalità u fl-inutilità tiegħu, fl-illużjoni eterna ta’ hena li l-umaniżmu jilbes tul ħajja sħiħa li tibqa’ taħbi sal-aħħar it-traġedja li titwieled, tgħix u tmut miegħu!”

Patrick Sammut 


ĠENN FL-AQWA TIEGĦU ta' Anton Grasso, Horizons, 2013.

Dan huwa s-27 volum ta’ stejjer ta’ Anton Grasso li jiġbor fih 28 storja ġdida, stejjer li qatt ma ġew ippubblikati qabel. Huwa wkoll it-52 ktieb f’karriera li tinfirex fuq medda ta’ 40 sena. Dawn huma stejjer li ilhom li nkitbu imma jinħass sew li Grasso rfinahom qatigħ sabiex wasal biex ħoloq prodott eċċellenti maħdum b’sengħa.

TEMATIKA U PERSONAĠĠI:

Anton Grasso hu kittieb li jitfa’ dawl fuq l-irkejjen l-iktar imdallmin ta’ moħħ il-bniedem. Ir-rakkont Ossessjoni hu wkoll dwar ix-xewqa għall-mewt minn min tilef id-dawl t’għajnejh. In-nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ diżabilità jinbidel f’ġenn u fi ħtieġa li jmut kull min jipprova jidħol fil-ħajja ta’ min iħossu kkundannat. L-Arċipriet iddur madwar dan il-personaġġ, imma lejn l-aħħar jispikkaw iż-żewġ ajjutanti tiegħu li jidħku daħka bis-sagristan li spiss approfitta ruħu mit-tjubija tal-arċipriet. Anki f’Delitt ta’ Kull Wieħed Grasso jikxef dak li qatt ma tobsor li hemm mistur f’qalb jew f’ruħ il-bniedem. Hawn jitberrħu fatti li jwaħħxu, delitti li ilhom moħbija snin twal, weġgħat li mhemmx duwa għalihom. Hemm ġennati li l-bniedem kapaċi jagħmel bla ma qatt qabel ikun ħaseb fihom.

Dawra mar-Raħal hija dwar ġita mar-raħal li xiħ jagħmel ma’ wliedu fuq karozzin qabel ma jmut. Il-mewt tasal bla ma tissemma b’isimha u lanqas tinftiehem bħala ħaġa terribbli. Hija mewt imdawra b’sens ta’ hena u li ġġib is-serħan aħħari. Wieħed jibqa’ jistaqsi jekk dak li qalet in-nies kienx verità.

Il-mewt, flimkien mal-kesħa, jerġgħu jissemmew bħala tema fi Tliet Taħbitiet. Hawn niltaqgħu ma’ tliet personaġġi, tnejn ħajjin u wieħed mejjet li jinsabu ġo kamra għalihom. Kollox idur ma’ din is-sitwazzjoni għalkemm Grasso jiftaħ permezz tal-analessi jew flashbacks. Ċirkostanza enigmatika li seħħet fl-imgħoddi tintrabat mal-istess ċirkostanza fil-preżent. L-awtur ifakkarna li hemm ħwejjeġ li jseħħu minkejja li ma nistgħux nispjegawhom: kollox hu rrakkuntat donnu minn taħt l-ilsien. Rakkont ieħor li jdur madwar tliet personaġġi hu Dwiefer: fosthom hemm bidwi missier u bintu li sa ftit qabel kienet biss xbieha fuq kwadru. Il-mewt terġa’ f’Żewġ Ittri: wara dak li jidher normali jixirfu veritajiet akbar li jinkixfu gradwalment. Hemm mewt doppja: l-omiċidju li diġà sar u s-suwiċidju premeditat. Anki f’Lejliet it-Tieġ dak li għall-bidu jidher normali u parti mill-ħajja ta’ kuljum bil-mod il-mod jinbidel f’avveniment li jaħsadna.

Ir-rakkont li jġib l-isem ta’ din il-ġabra hu b’saħħtu tassew. Mistoqsija ċentrali hija: “Xi jwassal lil xi ħadd isir qaddis, ieħor qattiel?” Fuq naħa hemm qattiel ta’ tfajliet li jżomm l-irjus tagħhom; fuq l-oħra studenta tal-psikoloġija f’Londra. Hemm l-anti-climax tal-aħħar – l-iskoperta li l-qattiel mhux wieħed -, u l-għarfien li l-ħajja għandha element qawwi tal-assurd. Dan kollu jintrabat mal-kumplessità ta’ moħħ il-bniedem: “Il-moħħ, Sara, ma tistaħ teħodlu kopja.” Il-kumplessità tan-natura tal-bniedem toħroġ ukoll f’Baqra: il-bniedem jinftiehem bħala ħlejqa maħkuma mill-passjoni u mill-ġibdiet istintivi, imma anki bħala kreatura b’moħħ li jirraġuna, jhewden u jara kif jeħles minn sitwazzjoni li ma togħġbux  biex jakkwista oħra aħjar.

Il-bniedem bħala ħlejqa kumplessa u l-għarfien eċċellenti tal-psike umana jerġgħu jispikkaw f’Għibien, ir-rakkont li jagħlaq din il-ġabra. Qatt ma nistgħu nkunu ċerti minn bniedem jew nafuh mija fil-mija. Hemm ukoll l-għarfien li l-mewt dejjem tħuf, anki jekk dak li jkun ma jkunx qed jistennieha.

F’bosta mir-rakkonti tispikka r-relazzjoni bejn is-sessi jew anki ż-żwieġ (ara Tfajla Miġnuna, Koxox tat-Tiġieġ u It-Tielet Raġel). F’dan tal-aħħar niltaqgħu mal-femme fatale, u l-imħabba tinftiehem bħala ossessjoni u aspett kumpless li mhux faċli għall-bniedem. Anki hawn hemm żewġ forzi mqegħdin f’kuntrast: l-eros u t-thanatos (imħabba vs mewt).

Hemm imbagħad Tliet Nisa Ħoxnin, rakkont li għandu kemm mir-reali kif ukoll mill-inkredibbli. Huwa dwar id-dgħjufija tal-bniedem anki minħabba r-regħba li tista’ twasslu biex jitlef ħwejjeġ li huma iktar prezzjużi mill-flus u minn kull għana materjali.

STIL:

L-istil li juża Anton Grasso fin-novelli tiegħu huwa wieħed mexxej. Xi drabi jħaddem l-ewwel persuna singular, drabi oħra d-diskors dirett. Tispikka l-konċiżjoni, bi ftit ripetizzjonijiet, ladarba l-kelma Grasso jiżinha qabel ma jniżżilha. Dawk tiegħu huma rakkonti li jwasslulna azzjonijiet tal-waħx imma b’mod kirurġiku, fejn apposta hija nieqsa kull tip ta’ emozzjoni. Dan jidher f’rakkonti bħal Tisjir u Dwiefer. Uħud minnhom huma stejjer li ma jitwemmnux u li jħallu lill-qarrej jimmaġina kif jistgħu jkomplu. F’It-Tifel tal-Inċirata Sewda naqraw dwar fatti li jseħħu bejn id-dinja reali u dik tal-ħolm. Hawn hemm elementi li jfakkru fl-istorja ta’ Bajda Silġ u s-Seba’ Nani, imma hawn kollox hu meħud f’dinja totalment differenti fejn jaħkem l-oppost, il-waħx, u t-tmiem hu wieħed fejn inixxi abbundanti d-demm. Id-dlam, l-għar, in-nani, jistgħu kollha jkunu l-biżgħat li kulħadd xi darba jew oħra jinħakem minnhom. Il-waħx li Grasso jikteb dwaru f’Lejliet it-Tieġ hu differenti mill-waħx sopranaturali: hu dak li nġibu fuqna minħabba l-egoiżmu tagħna. Il-biża’ u d-demm jerġgħu jispikkaw fi Tfajla Miġnuna: dan hu rakkont b’saħħtu fejn ħajja u rreċtar isiru ħaġa waħda. Anki hawn, dik li fil-bidu tkun ħajja normali bejn koppja żagħżugħa miżżewġa tinbidel f’film tal-biża’ li jispiċċa jagħlaq b’tila ħamra daqs id-demm imxerred f’delitt.

L-element gastronomiku jispikka kemm f’Tisjir, kif ukoll f’Laħam is-Sinjuri. Anki hawn Grasso jitlaq min-normalità biex gradwalment jibdel r-rakkont f’wieħed aħrax sakemm jilħaq tmiem li jixxokkja. Kitba bħal din tista’ tfakkar fil-films tar-reġista Britanniku Peter Greenaway, fosthom The Cook, the Thief, his Wife and her Lover (1989) fejn taħkem il-metafora kulinarja. Hemm ukoll ġustizzja li l-ebda bniedem – fqir jew sinjur – ma jaħrab minnha fl-aħħar mill-aħħar.

Ċerti partijiet tar-rakkont Karru bla Kuċċier ifakkru fil-kitbiet ta’ Edgar Allan Poe, l-aktar l-ambjent gotiku, imdallam, imma anki l-istil li jimbuttak taqra bla nifs, letteralment. Grasso jirrakkonta dak li jista’ jseħħ fir-realtà, minkejja l-inkredibiltà u l-kruha tiegħu, jew dak li seħħ diġà u li ħasad fil-laħam il-ħaj. Hawn titħaddem ukoll it-tielet persuna singular. Anki f’Żewġ Ittri r-ritmu jgħaġġel tassew sa mill-bidu nett, donnu l-qarrej qed jiġi mbuttat minn id inviżibbli li ġġagħlu jħoss tensjoni, sens ta’ urġenza u qtigħ ta’ nifs. Drabi oħra jaħkem sens ta’ kalma, imma anki ta’ stennija matul ir-rakkont kollu (ara Dawra mar-Raħal).

Bidu u tmiem jintrabtu flimkien f’Tapit tal-Borra; fin-nofs hemm ir-rakkont li jservi bħala fil li jgħaqqad kollox. Imħabba, delitt u mewt jimxu id f’id biex joħolqu rakkont li jfakkar fi stejjer kapolavuri tal-letteratura Russa, fosthom dawk miktubin minn Dostojevski. Bidu u tmiem jerġgħu jorbtu flimkien f’Qed Jippruvaw Joqtluni, b’rakkont li għandu struttura ċiklika. Fin-nofs insiru nafu l-għaliex tat-titlu. Rakkont bħal dan ifakkarna li Grasso jirrakkonta ġrajjiet li spiss iseħħu fi spazji mdallmin, ġrajjiet li jikxfu l-fatt li s-soċjetà hija marida. Dan u aspetti oħra bħad-delitt u l-biża’ mill-mewt jorbtu l-kitba ta’ Grasso anki mal-giallo Taljan miktub minn kittieba bħal Carlo Fruttero u Franco Lucentini.

F’Iċ-Ċurkett il-preżent jitħallat mal-imgħoddi: hemm rakkont (fil-preżent) ġo rakkont ieħor (fil-passat). Jitħaddmu żewġ vuċijiet narranti differenti, filwaqt li Grasso jinkludi wkoll elementi mir-realiżmu maġiku bħas-seħer, anki fit-tmiem, meta realtà u seħer jintrabtu flimkien. F’Iċ-Ċawlun – rakkont li jinbena fuq kollox fuq id-djalogu - dik li tidher laqgħa każwali bejn tfajla sabiħa u pittur għażeb f’bar tiżvolġi f’rakkont tas-sħaħar bi tmiem imdemmi. Is-seħer jerġa’ jispikka f’Il-Ħannieqa: fih insibu t-twemmin fi ħwejjeġ li jmorru lil hinn minn xtutnabħat-twemmin fil-mejtin-ħajjin -, u t-twemmin fis-seħer li għandhom oġġetti partikolari. Anki hawn taħkem ċerta kesħa li tasal biex treżżaħ saħansitra lill-qarrej permezz tas-sengħa li biha Grasso jibni r-rakkont.

Ċerti drabi r-rakkont – ara L-Arċipriet – jilħaq ċerta tensjoni u jinkludi elementi li joqorbu lejn il-ġeneru tal-biża’, imma t-tmiem jerġa’ joħodna lejn in-normalità tal-ħajja. It-taħlita bejn xeni mill-passat u oħrajn mill-preżent isseħħ ukoll f’Żewġ Ittri, u din flimkien ma’ ingredjenti narrattivi bħall-imħabba, l-għira, l-istint, il-qtil, il-ħbiberija, il-piż tal-ħtija, u l-biża’ mill-konfront wiċċ imb wiċċ. Anki hawn titħaddem il-gradazzjoni li twassal għall-climax aħħari li jħallik bejn maħsud u bejn issummat.

Hemm drabi meta n-narratur jindirizza direttament lill-qarrejja. Hekk f’Dinja Mudlama jikteb, “Tridu tafu l-istorja? Ngħidhielkom.” Dan hu rakkont qasir li għandu xi ħaġa minn Misery ta’ Stephen King li ħareġ fl-1987. Hawn il-qarrej jinżamm f’atmosfera ta’ stennija u tensjoni għalkemm fl-istess ħin iħoss x’jista’ jiġri lejn it-tmiem. L-istennija u t-tensjoni jinħassu wkoll fi Dwiefer; hemm ukoll ir-rakkont fir-rakkont, il-mixja minn dak li jidher normali għall-ksur tar-regola u l-makabru.

F’Lejliet it-Tieġ Grasso jħaddem numru ta’ similtudnijiet wara xulxin: “Bħal deffien jibża’ minn dellu [...] bħal għalliem imbeżża’ minn klassi studenti [...] bħal qattiel li lejlet l-esekuzzjoni tiegħu [...]” Dan jgħin lill-qarrej jifhem aħjar liema elementi jixtieq jinsisti fuqhom il-kittieb. Anki hawn, għalkemm il-qarrej jistenna li x’imkien l-affarijiet se jmorru mhux kif suppost, xorta Grasso jissorprendina proprju fl-aħħar linji tar-rakkont.

Fid-deskrizzjonijiet esterni li jagħti Grasso tal-personaġġi strambi (ara Dwiefer) il-qarrej mill-bidu jibda jfittex elementi speċifiċi li jistgħu jikkaratterizzawhom kemm psikoloġikament kif ukoll il-mod kif iġibu ruħhom aktar ’il quddiem. Hemm diġà ċerta rabta bejn dak li qed jiġi deskritt u kif se tiżvolġi l-azzjoni jew kif jista’ jintemm ir-rakkont.

Hemm ukoll drabi meta Grasso jitfa’ l-attenzjoni tiegħu fuq ċerti dettalji ċkejknin imma li jafu jżewqu r-rakkont: ħsejjes, oġġetti, fwiħat partikolari (ara Il-Baqra). F’dan ir-rakkont miktub fl-ewwel persuna singular, min qed jirrakkonta huwa wkoll il-manipolatur tal-azzjoni. Hu rakkont li ma jispiċċax u dan iħalli lill-qarrej jhewden dwar kif jista’ jkompli. Hemm imbagħad rakkonti – bħal Koxox tat-Tiġieġ – fejn id-diskors idur madwar ħwejjeġ ta’ bla importanza, donnu rifless tad-diskors li spiss nisimgħu matul parti kbira tal-jum fuq il-mezzi tax-xandir lokali.

Fi Ħġejjeġ in-nar bħal donnu jrodd lura ċertu bilanċ ladarba permezz tiegħu l-fqir bħal jieħu lura dak li jkun ħa qablu s-sinjur. Hawn id-delitt makabru bħal jiġi rrakkuntat minn ċerta distanza, mela b’ċerta oġġettività.

SPAZJI:

F’Iċ-Ċurkett spazji lokali jalternaw ma’ oħrajn li jmorru lil hinn minn xtutna (bħal Spanja). L-Arċipriet hija ambjentata fix-xlokk ta’ Malta. Anki Dawra mar-Raħal hija ambjentata fi spazju magħluq fejn “Ilsien in-nies iweġġa’”. Spazji oħrajn huma l-bar (Iċ-Ċawlun), u Londra (Ġenn fl-Aqwa Tiegħu). Anki l-azzjoni f’Tapit tal-Borra tiżvolġi barra minn Malta. Hawn it-ton hu wieħed melankoniku, l-istaġun hu dak xitwi fejn jaħkmu l-lejl u l-borra. Wara l-preżenza tal-borra u l-mużika tal-vjolin hemm ċerta poeżija. Għaxija tal-Ħarifa hija ambjentata ħdejn il-baħar, l-ispazju fejn iseħħu laqgħat mhux mistennija imma anki traġedji, u b’hekk fil-baħar jindifnu bosta misteri (ara wkoll Delitt ta’ Kull Wieħed). Min-naħa l-oħra l-azzjoni ta’ Waħda Minnhom isseħħ fl-ambjent magħluq ta’ orfanatrofju.

GĦELUQ:

Kif jidher minn hawn fuq Ġenn fl-Aqwa Tiegħu hi ġabra ta’ rakkonti li tissejjes fuq għadd sabiħ ta’ elementi li jagħmluha interessanti ferm. Huma elementi li żgur jgħinu lill-qarrej biex jaqra l-kitbiet ta’ Anton Grasso bla diffikultà u b’gost kbir. Mill-ġdid Ġenn fl-Aqwa Tiegħu hu wkoll prova li llum Grasso m’għadux biss marbut strettament mar-rakkont tal-waħx, imma dan hu kittieb misjur u ta’ esperjenza kbira li jaf joħroġ mill-pinna tiegħu kitbiet li jappellaw għal varjetà ta’ qarrejja. Ta’ min jiftakar li s-sena 2014 se timmarka l-40 sena minn mindu Grasso ħareġ l-ewwel ktieb tiegħu, Ilieli bla Qamar (1974), anki dak ġabra ta’ stejjer.

Patrick Sammut