Monday, December 28, 2020

RIŻONANZA – DAQQA T’GĦAJN LEJN L-INFINITÀ ta’ Ricky Caruana, maqlub għall-Malti minn Alfred Palma, 2020, 143 paġna.

Għalkemm isem Ricky Caruana jista’ jkun ġdid fil-qasam tal-kotba ppubblikati, l-interess fir-reliġjonijiet u fil-filosofija Orjentali huwa qasam li hawn Malta qed jikber. Riżonanza – Daqqa t’Għajn Lejn l-Infinità jkompli jarrikkixxi dan il-qasam ta’ għerf, u din id-darba għandna ktieb li nistgħu naqrawh direttament bil-Malti bis-saħħa tat-traduttur ta’ esperjenza, Alfred Palma. Dak ta’ Palma huwa Malti mill-isbaħ li jirnexxilu jwassal bla tbatija dak kollu li ried jesprimi l-awtur fl-ilsien oriġinali, l-Ingliż, u dan minkejja li t-traduttur kellu biċċa xogħol iebsa biex jaqleb għall-Malti kunċetti xjentifiċi kumplessi.

Hawnhekk Caruana jifhem il-ħajja bħala enigma misterjuża u jistaqsi għadd ta’ mistoqsijiet essenzjali li jipprova jweġibhom bl-aktar mod sempliċi u ċar. B’xi mod huma mistoqsijiet li jintrabtu mat-tiftixa u l-għarfien ta’ aħna min aħna. Għalhekk dan hu ktieb li jiġbor fih ħsibijiet li jafu l-bidu tagħhom x’imkien fil-qiegħ tal-moħħ jew tal-‘jien’. Il-ktieb hu mimli referenzi għad-dinja tar-riċerka xjentifika u filosofika u għalhekk, fost is-sorsi ewlenin li juża nsibu x-Xjenza u l-Kotba Mqaddsa tal-erba’ reliġjonijiet prinċipali - il-Kristjaniżmu, l-Islam, il-Buddiżmu u l-Induiżmu, flimkien man-narrattiva li ħolqu biex jitwieġbu mistoqsijiet bħal “Min aħna?”, “Mnejn ġejna?”, “Għala ninsabu hawn?”,  “Fejn sejrin?”, “Verament dak lkollu li jeżisti madwarna, inkluż ġisimna, huwa biss illużjoni ladarba kollox hu magħmul minn atomi mqiegħdin flimkien f’forom diversi u dan għal żmien limitat?”, “Veru li l-univers hu magħmul minn materja riċiklata?”, u “Jekk kollox jaf il-bidu tiegħu mill-istess sors, għaliex jeżistu l-mibegħda, il-firda, il-ġlied u l-kunflitti?”

Ktieb bħal dan hu sabiħ u utli għax jistiednek tieqaf ftit mill-għaqla u l-istorbju ta’ kuljum u tirrifletti dwar ħwejjeġ li b’xi mod ġejjin mill-bogħod jew mill-profond li jagħmluna dak li aħna. Hu stedina biex niftħu wkoll moħħna għal perspettivi ġodda. L-awtur joħodna fuq vjaġġ xjentifiku fl-arena kożmika, b’moħħna mifhum bħala apparat mill-aktar modern li permezz tiegħu se nivvjaġġjaw fejn kollox hu f’evoluzzjoni kontinwa. Jinħass għalhekk il-kuntrast bejn il-ħajja materjalista fejn jaħkem il-gwadann effimeru, u l-ħajja li tikkontempla dak li hu etern u traxxendentali; bejn il-moħħ li jiffoka fuq it-temporanju fuq naħa, u fuq l-oħra, id-dehen li jikkonċentra fuq l-etern u dak li jgħaqqad mal-ħolqien kollu; bejn id-destin u r-rieda ħielsa.

Fost il-bosta kunċetti li jittratta Caruana hemm l-idea tal-wieħed f’kollox u l-kollox f’wieħed, jew tal-interkonnessjoni ta’ kollox. Hawn Caruana jiċċita lil Car Sagan: “Il-kożmos jinsab ġo fina. Aħna magħmulin minn stoffet il-kwiekeb.” Kunċett ieħor huwa dak tar-rikorrenza atomika, u għalhekk l-idea li għandna nirrispettaw lil dak kollu li jinsab madwarna. Huwa hawn fejn xjenza u morali jintrabtu flimkien. Dan ifakkar li l-ħsieb ta’ Caruana jimraħ miċ-ċokon tal-univers subatomiku għall-wesgħat bla tarf tal-univers makrokożmiku. Hawnhekk l-awtur-ħassieb jitlaq mit-teorija tal-oriġini atomika ta’ Leucippus u l-istudent tiegħu Demokritus u jirrifletti u jibni argumenti interessanti dwar il-konoxxenza atomika - jew “Alla” - li twassal biex ħsibijiet isiru forom anki supersofistikati bħalma huwa l-bniedem.

Hawn Caruana jistaqsi x’iseħħ mill-memorja tal-bniedem ladarba jmut? Huwa jirnexxilu jqarreb lejn il-qarrej medju aktar kunċetti xejn sempliċi bħall- konoxxenza universali (mela konoxxenza li tgħix iktar mill-moħħ), ir-reinkarnazzjoni, il-kawżar formattiv, l-oqsma morfiċi, il-partiċella Allija, il-kwantum, l-esperjenzi barra l-ġisem, u bosta oħrajn.

Hemm drabi meta l-awtur jindirizza direttament lill-qarrej u dan joħloq rabta b’saħħitha bejn it-tnejn. Huwa jistieden lilna l-qarrejja nwessgħu l-“vista mgħammda” li xi wħud minna jista’ jkollna u dan permezz tal-għarfien xjentifiku u anki ta’ x’jgħid twemmin differenti. Caruana jfakkar li hemm ukoll il-meditazzjoni li ddaħħal lil dak li jkun fid-dimensjoni metafiżika fejn jinsab l-għarfien assolut. Hija meditazzjoni li twassal għall-konoxxenza pura li tfisser imħabba divina u għall-kixfa li bl-għarfien li ladarba aħna lkoll magħmulin mill-istess tessut tal-ħajja, ma nistgħux nobogħdu lill-ebda ħlejqa ta’ madwarna.

L-istil u l-ilsien imħaddma jagħmlu l-proċess tal-qari ta’ dan il-ktieb mexxej, minkejja l-kumplessità tas-suġġett. Caruana jfiehem kunċetti tqal permezz ta’ analoġiji sempliċi meħudin mill-ħajja ta’ kuljum u li bosta jistgħu jifhmu mill-ewwel. Għalhekk fl-aħħar nifhmu li r-riżonanza li tissemma fil-titlu tal-ktieb hija dik li teżisti bejn l-iċken ħlejjaq u l-infinit li jiċċirkondana. Fl-aħħar mill-aħħar Riżonanza – Daqqa t’Għajn Lejn l-Infinità jgħinna nsiru nafu aħjar min aħna u b’hekk ngħixu ħajja aħjar, imsejsa mhux fuq elementi negattivi, imma pożittivi, li jwasslu għall-armonija kożmika.

 

Friday, April 17, 2020

TRILOĠIJA POETIKA MILL-PINNA TAL-POETA RAYMOND C. GRECH


Raymond Grech illum mhuwiex isem ġdid fil-qasam tal-poeżija Maltija. Huwa kien membru attivissmu fi ħdan il-Għaqda Poeti Maltin fis-snin meta din l-għaqda kienet attivissima, għallinqas sa ftit taż-żmien ilu. Kemm hu veru Grech kien il-persuna li żammet attiva l-blog tal-Għ.P.M. Il-poeżiji tiegħu dehru u għadhom jidhru regolarment fuq ġurnali, rivisti, u anki antoloġiji poetiċi, kemm lokali, kif ukoll barranin, anki għax Grech jikteb bil-Malti u anki bl-Ingliż.

Bejn is-snin 2017 u 2019 Raymond Grech ġab proġett li kien ilu jinħema ġo moħħu fis-seħħ: dak li jippubblika f’għamla ta’ ktieb numru ta’ poeżiji minn tiegħu li kiteb bil-Malti. U dan fl-aħħar sar realtà billi Grech ippubblika triloġija li fiha ġabar iktar minn 270 poeżija minn tiegħu li jifirxu fuq iktar minn 330 paġna b’kollox.


L-ewwel volum ta’ din it-triloġija poetika jġib l-isem ta’ Qasab Iċaqċaq, ippubblikat fl-2017, u li jiġbor fih mal-mitt poeżija. Għandu Daħla mill-Prof. Oliver Friggieri, Kelmtejn Qabel mill-istess awtur, u żewġ kummenti kritiċi minn Alfred Massa u Tarcisio Zarb. Fi tmiem il-ktieb Grech inkluda wkoll taqsima b’Tifsir il-Kliem: lista ta’ kliem arkajku li juża fil-poeżiji tiegħu bit-tifsiriet rispettivi. L-istil li juża Grech huwa ġeneralment wieħed tradizzjonali, mela jitħaddmu forom metriċi u prosodiċi regolari bħall-kwartina jew l-ottava bir-rima mqabbża, is-sunett Ingliż u dak Taljan, is-senarju, is-settenarju, l-ottonarju u l-endekasillabu. Minkejja dan hemm drabi meta l-poeta jitbiegħed jew jeħles mill-irbit tradizzjonali u jħaddem forom ħielsa. Kull poeżija hija ddatata, mela wieħed jista’ jara kif il-poeta żviluppa minn sena għall-oħra. Hemm poeżiji fejn Grech jinkludi wkoll fl-aħħar kwotazzjoni mill-Bibbja u anki xi tagħrif miżjud minnu stess li jintrabat mal-kuntest meta nkitbet jew inqrat il-poeżija partikolari. Metaforikament Grech jixrob l-iktar mid-dinja spiritwali u dik tal-Kelma li nsibu mirquma fir-Rabta l-Qadima u r-Rabta l-Ġdida. Fost it-temi ttrattati hemm dik soċjali, it-twemmin, l-eleġija, l-ambjent u l-poetika. Qasab Iċaqċaq hija perfetta bħala ġabra biex tintroduċina għall-poeżija riflessiva u bnina ta’ dan il-poeta li ilu jikteb il-versi sa minn ċkunitu.

Is-sena 2018 rat il-pubblikazzjoni tat-tieni volum tat-triloġija poetika ta’ Grech, bl-isem ta’ ’il barra mill-prIŻMI. Din id-darba Grech tana 87 poeżija ġdida. Flimkien ma’ dan huwa inkluda mill-ġdid Daħla kritika mill-pinna tal-Prof. Oliver Friggieri, seba’ studji/kummenti miktubin minn sitt kittieba jew studjużi tal-letteratura Maltija (Alfred Massa, Patrick Sammut, Tarċisju Zarb, Alfred Palma, Andrew Sciberras, u, mill-ġdid, Oliver Friggieri), u fl-aħħar nett taqsima “Tifsir il-Kliem”, ladarba Grech ma jiddejjeq xejn juża kliem ta’ nisel Semitiku li mhux daqstant użat minna fid-diskors ta’ kuljum.

Kif jikteb Grech stess fil-Kelmtejn Qabel: “’il barra mill-prIŻMI jkompli l-mixja tal-ħajja iebsa u l-qtigħ ta’ qalb b’dak li jseħħ fid-dinja. Dan it-tieni volum għandu s-sottotitlu ‘Il-Ħruġ’. Kull min jagħti widen għas-sejħa jsib li l-bniedem huwa maqbud f’tentakli ta’ wisq iżmi u xiżmi, fejn konvinzjoni ssir identità personali li ġġib: xkiel, firda, polarizzazzjoni, partiġjanerija … Għalhekk il-ħtieġa ta’ ħruġ minn dak kollu li hu karnali u temporanju, sabiex tisseddaq it-tama għall-ħelsien aħħari.”

Mill-ġdid, anki f’dan it-tieni volum, l-għażla ta’ Grech taqa’ l-iktar fuq il-prosodija u l-metrika tradizzjonali, mela regolari, bid-dixxiplina kollha li ġġib magħha, għalkemm ma jonqsux poeżiji li jħaddmu l-vers ħieles. Wara kull poeżija terġa’ tiġi nkluża d-data meta nkitbet, u siltiet mill-Kotba Mqaddsa, xi drabi anki Tagħrif miżjud.

It-tielet volum, mela dak konklussiv, tat-triloġija poetika ta’ Raymond Grech ħareġ fl-2019, bl-isem ta’ Lejn l-Għamajjar. Anki hawn id-Daħla kritika hija miktuba mill-pinna tal-Prof. Oliver Friggieri. Jiġu nklużi kummenti kritiċi dwar it-tieni volum minn personalitajiet differenti, intervista mal-poeta, u, mill-ġdid, taqsima bl-isem ta’ “Tifsir il-Kliem”. Meta jinqraw il-versi ta’ Grech jinħass li dan hu bniedem li jgħix ħaġa waħda mal-Kelma u mal-Ispirtu, u proprju din ir-relazzjoni jirnexxilu jibdilha f’versi li jinżlu għasel filwaqt li jservu bħala salm, ħajr, tifħir u riflessjonijiet varji f’rabta mal-mixja tal-bniedem fuq din id-dinja. Infatti, wara kull poeżija Grech jinkludi wkoll siltiet mill-Bibbja, li għalih hi fonti jew għajn tar-Ruħ. Huma versi li, kif jammetti Grech stess, jittrattaw l-attwalità u l-ħajja tal-bniedem, mit-twelid sal-mewt u lil hinn.

Raymond Grech hu poeta li għaraf li qed ngħixu f’dinja b’valuri li qed jiġu mnaqqra kuljum, dinja fejn il-bniedem tbiegħed mill-veri mistoqsijiet tal-ħajja: kif għandu jgħix? X’qiegħed jistennieh wara l-aħħar nifs? Is-saħħa fil-versi ta’ Grech, apparti fis-simboliżmu, qiegħda anki fl-għażla tal-kelma Maltija safja, dik marbuta mal-Bibbja ta’ Pietru Pawl Saydon, kelma li għalkemm xi drabi diffiċli biex tinftiehem, ġejja direttament mill-qiegħ tar-Ruħ u tmur lura għal żmien meta l-bniedem kien ħaġa waħda ma’ Alla u mal-elementi naturali ta’ madwaru.

Il-versi ta’ Raymond Grech, miġburin f’dawn it-tliet volumi aħwa, jistgħu jinqraw waħda jew tnejn kuljum, hekk kif il-qarrej isib waqt ta’ kalma u sliem matul jumu. Huma poeżiji, imma fl-istess ħin huma wkoll riflessjonijiet profondi u drabi oħra jieħdu x-xeħta ta’ talba. U dan kollu b’Malti safi li jpaxxi l-widna u jimla l-qalb, u simultanjament jikxef il-fatt kemm ilsienna jista’ jkun għani u jdoqq għall-widna.