Thursday, January 27, 2011

STUPRU ta’ Mary Anne Zammit

Stupru (2006) huwa t-tielet rumanz tal-awtriċi żagħżugħa Marie Anne Zammit li jifrex fuq 109 paġni u ħames taqsimiet ewlenin. Iż-żewġ rumanzi ta’ qabel ta’ Zammit kienu Id-dell ta’ l-eżmeraldi (2001) u Ir-raġel l-iswed (2002). Dan ta’ l-aħħar rebaħ il-premju letterarju tal-Maltese Association of Publishers and Authors.

Nistqarr li Stupru qrajtu f’jumejn u ma dejjaqni xejn, anzi nħoss li l-awtriċi Zammit għenitni bħala qarrej ta’ dar-rakkont fittizju (li kif tgħid l-awtriċi fid-daħla huwa però mnebbaħ minn esperjenzi veri) nifhem iżjed u aħjar waħda mill-problemi soċjali ewlenin illum. Mela dan ta’ Zammit huwa rumanz b’tema soċjali qawwija u li tkexkxek, anki għaliex iddaħħal lill-qarrej, hu min hu, hi min hi, fil-qofol tal-problema li mhix biss waħda morali jew fiżika, imma anki psikoloġika, familjari u soċjali.

Strutturalment Stupru jinqasam f’ħames partijiet, b’kapitlu twil ħafna (78 paġna) ċentrali. Hija struttura kjastika (minn kjasmu): l-ewwel parti bl-isem ta’ “Francine” (3 paġni); it-tieni parti bl-isem ta’ “Dottoressa Michelle” (7 paġni); it-tielet parti bl-isem ta’ “Francine” (78 paġna); ir-raba’ parti bl-isem ta’ “Dottoressa Michelle” (4 paġni); il-ħames parti bl-isem ta’ “Francine” (3 paġni). Il-kelma “stupru” hija ewlenija anki għaliex ir-rumanz kollu jdur madwarha l-ħin kollu.

Il-qarrej jinduna biss kemm struttura bħal din hija effettiva meta jasla fl-aħħar paġna tar-rumanz. In-narraturi huma tnejn: it-tfajla infermiera Francine (żagħżugħa li tapprezza s-saħħa u l-imħabba imma li aktar tard issir il-vittma ta’ l-istupru) u d-dottoressa Michelle (psikoterapista). Il-leħen li jinnarra x’seħħ minnu fl-ewwel paġni ma jikxifx l-identità tiegħu minnufih. Il-qarrej jifhem biss li għadhom kemm saru żewġ atti koroh: stupru u omiċidju. Tinħass ukoll ix-xewqa li jsir suwiċidju, imma dan in-nuqqas ta’ tagħrif iservi biss biex il-qarrej jibqa’ jaqra bla ma jieqaf ħalli jasal biex jikxef x’hemm moħbi wara dan kollu. Mill-ewwel jinħass li wieħed mill-punti stilistiċi li jispikkaw fi Stupru huwa t-tħaddim tas-similitudni u tal-metafori li huma ħafna. Xi wħud mix-xbihat huma biss klixejiet imma oħrajn huma mill-aktar effettivi u xi drabi anki poetiċi.

It-tieni parti tieħu l-għamla ta’ rapport li jiddeskrivi l-faċċati diversi tal-vjolenza sesswali u huwa hawnhekk fejn stilistikament ir-rumanz bħal donnu jitbiegħed mil-livell letterarju.

Kif diġà ktibt, it-tielet parti, dik ċentrali, ittul aktar minn 70 paġna. Inħoss li hawnhekk dil-parti setgħet fażilment tinqasam f’taqsimiet differenti biex ma tgħajjix lill-qarrej u fl-istess ħin ikun hemm iktar sens ta’ organizzazzjoni. Minkejja dan wieħed isib bosta partijiet riflessivi sbieħ u mill-aktar validi. Interessanti f’dil-parti hija wkoll il-laqgħa bejn Francine u Marija, vittma żagħżugħa oħra ta’ l-istupru, u l-proġett li jiddeċiedu li jaħdmu għalih flimkien biex fl-aħħar isir realtà: dak li jitwaqqaf Ċentru għall-Abbuż Sesswali, minkejja l-qtigħ il-qalb, il-bsaten fir-roti, is-sagrifiċċji u t-theddid minn min għalih l-istupru huwa biss bżonn annimalesk.

Huwa proprju f’dil-parti fejn Francine, mit-tfajla anonima tal-bidu, tinbidel fi protagonista. Att li għall-bidu jkun jidher omiċidju issa jinbidel f’att ta’ difiża personali. Parti oħra b’saħħitha hija fejn naqraw dwar x’ġara minn Francine eżatt wara t-tieni stupru tagħha: l-għażla bejn il-mewt u l-ħajja.

Narrattivament, dan il-kapitlu ċentrali joħodna lura fiż-żmien permezz tal-flashback biex wara 78 paġna jerġa’ jwassalna eżattament għall-punt fejn beda r-rumanz. Iżda did-darba l-ġrajja sħiħa tieħu sura totali f’għajnejn il-qarrej.

Il-messaġġ tal-parti ta’ qabel ta’ l-aħħar hu dak li għandu jkun hemm terapija kemm għall-vittmi, kif ukoll għall-aggressuri fl-istupru. U dan bħal donnu jiġi mtenni fl-aħħar linji tar-rumanz b’żieda oħra fejn Francine tisPiżċa b’dal-ħsieb nobbli: “U nerġa’ nistaqsi lill-qamar illejla: X’jista’ jsir biex inwaqqfu l-aggressuri? Forsi huma wkoll xi darba kienu vittmi bħali. B’hekk nasal biex naqbad il-mogħdija tad-dawl li tinsab biss fil-maħfra.”

Stupru għandu “Kelmtejn qabel” miktuba mill-ġurnalist u poeta Charles Flores li jqis lil Marie Anne Zammit bħala waħda minn dawk iż-żgħażagħ li għalihom “l-impenn soċjali huwa wirt li jasal għandhom bi dritt”. Laqtuni ħafna dawn il-kliem fil-kitba ta’ Flores:

Stupru huwa rumanz differenti mill-ħafna li nsibu fil-ħwienet tal-kotba. Għal Marie Anne Zammit fih hemm suġġett li mhux biss ħassitu u immaġinatu, iżda għexitu. Ġiet wiċċ imb’wiċċ miegħu fil-ħajja tax-xogħol ta’ kuljum tagħha. Kien l-isfida ta’ l-istudju tagħha u għaldaqstant kitbietha hija furkettata interessanti li biha tnewlilna l-pjaċir tal-qari mħallat ma’ l-element edukattiv, l-awtorità ta’ l-esperjenza mal-ħtieġa li tagħtina rakkont mexxej u konvinċenti.

L-istil ta’ Zammit nieqes għalkollox mill-ħasda tas-sorpriżi. Ir-rumanz huwa mibni fuq is-sempliċità, speċi ta’ ġabra ta’ ritratti li flimkien jiffurmaw album sħiħ ta’ storja ħakkiema ... F’idejna tatna l-aħjar xogħol tagħha s’issa, mhux strettament mil-lat ta’ valuri lettararji, iżda mill-effett tal-kitba li qed twasslilna.”

U hawn naqbel mija fil-mija ma’ Flores. Napprezza ħafna l-ispontanjetà, is-sempliċità u l-awtentiċità ta’ Zammit (minkejja l-fatt li għad għandha ħafna fejn ittejjeb), iktar u iktar meta niftakar li dawn huma valuri li ma jispikkawx dejjem fil-qasam narrattiv kontemporanju, l-aktar fejn jidħlu kittieba żgħażagħ oħra.

Marie Anne Zammit iggradwat bħala Social Worker u fil-Probation Services mill-Università ta’ Malta.

Patrick Sammut

Sunday, January 16, 2011

ARLOĠĠ TA’ DARBA ta’ Charles Flores, Horizons, 2010.

Arloġġ ta’ Darba ta’ Charles Flores huwa rumanz semi-awtobiografiku li jifrex fuq 145 paġna u jinqasam fi 13-il kapitlu, b’Daħla ta’ Lino Spiteri. Huwa wkoll megħjun minn numru ta’ ritratti b/w li juru lil Charles Flores matul waqtiet differenti minn ħajtu.

Tematika u kontenut:

Fil-bidu n-narratur, Karl, jirrakkonta l-ewwel esperjenzi bħala żagħżugħ fix-xogħol tal-ġurnalist. Tinħass mill-ewwel il-ħtieġa li tinsab it-triq tan-nofs bejn ir-rispett lejn il-bniedem u l-oġġettività jew il-pinna kirurġika li biha jrid jikteb u jħares lejn il-fatti li jiġi wiċċ imb wiċċ magħhom. Għalhekk Karl, il-personaġġ ewlieni fir-rumanz, jipprova joħloq “kitba umana” u mhux sensazzjonali quddiem realtajiet kiefra, fosthom “munzell ta’ kadavri”.

Dawk ta’ Flores huma rakkonti ta’ min kiber qabel il-waqt u jkollu jħabbat wiċċu mad-dinja tal-adulti, imma li fil-qiegħ għadu jixxennaq iż-żminijiet tat-tfulija. L-arloġġ tad-dinja adulta jiġri sfrenat!

Hekk naqraw dwar tmiem is-snin 60: id-dnub il-mejjet, it-taqlib soċjali u kulturali f’Malta, l-emigrazzjoni, il-qgħad u n-nuqqas ta’ għażliet fil-qasam tax-xogħol, il-firda politika. Quddiem dan kollu naraw żagħżugħ ribell u determinat li jsir ġurnalist.

Hemm imbagħad irrakkontati l-ħajja ta’ kuljum, bejn xogħol, familja u mħabba; ċerti differenzi ta’ klassi soċjali li jissolvew bid-determinazzjoni u ftit umoriżmu; il-kappillan; in-nies li jinġabru fil-pjazza tar-raħal waqt terremot; ir-responsabbiltajiet tal-editorija. Imma anki l-ewwel opportunità ta’ safar fuq xogħol, il-laqgħa ma’ missier li ilu ma jidher snin twal u l-iskoperta li dan kellu familja ġdida, it-taqbida ġewwiena li sseħħ fil-protagonist (Karl) f’waqtiet imħawda bħal dawn, u s-solidarjetà bejn il-ġurnalisti, anki ta’ ġurnali rivali. Dwar dan naqraw hekk: “L-atmosfera fost il-ġurnalisti hija dejjem waħda xi ftit jew wisq ċinika. Jiffurmaw ħbiberiji iżda xorta waħda tibqa’ ċerta distanza minħabba l-istess natura tax-xogħol. Wieħed jaħbi mill-ieħor, għad li kull meta jinqala’ l-bżonn imbagħad ikunu jafu kif għandhom jgħinu lil xulxin.”

Flores jikteb ukoll dwar il-mixja tal-ġurnaliżmu lejn meti professjonali u iktar impenjattivi, imma anki dwar il-kompetizzjoni min-naħa tat-televiżjoni u r-radju. Dwar il-kuntrast bejn kwalità u kontenut tal-ġurnali Flores jikteb hekk: “Jekk il-kwalità tal-ġurnali Maltin tjiebet, il-kontenut baqa’ mibni fuq medjokrità parrokkjali, pika politika u stejjer mill-Qorti li aktar setgħu jħarbtu l-futur ta’ żagħżugħ milli jgħinuh jirriforma u jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.”

Xi drabi Flores jgħaddi wkoll xi botti ta’ natura politika lokali, imma minkejja r-rabta tiegħu max-xellug, dejjem iżomm l-oġġettività u l-ekwilibriju. Dan żgur juri maturità.

Minn ġurnalist ma’ Ix-Xefaq Karl jgħaddi għal karriera fit-televiżjoni, taqsima tal-aħbarijiet. Anki hawn naqraw dwar magħmudija tan-nar: splużjoni ta’ kamra tan-nar fejn imut ħabib ta’ Karl. Fil komuni matul ir-rakkont huma l-għajnejn tal-vittmi.

Dak tal-ġurnalist u tal-kap ta’ taqsima tal-aħbarijiet mhux xogħol faċli, l-aktar fiż-żmien jaħraq tal-elezzjonijiet, b’waħda mill-problemi ewlenin tkun l-imparzjalità fir-rappurtaġġ tal-fatti. Jiġi rrakkuntat żmien l-elezzjonijiet jaħarqu tal-1981, żmien il-bojkott kontra l-istazzjonijiet tax-xandir nazzjonali, żmien ta’ kunflitti interni fl-istess kumpanija tax-xandir. Bla ma jissemmew dati naqraw anki dwar is-sena 1987 li ġabet bidla fit-tmexxija tal-pajjiż.

Aktar tard Karl jgħaddi għar-radju, proprju fiż-żmien meta għalaq is-servizz tar-Rediffusion. Naqraw dwar il-festini mal-ġurnalisti barranin, u saħansitra dwar laqgħa każwali ma’ Peter Ustinov.

Intant il-kurrent tal-bidla jkompli jolqot fil-laħam il-ħaj setturi differenti, inkluż ix-xandir. Minkejja li Karl ikollu jitlaq xogħlu xorta waħda tibqa’ d-determinazzjoni tħeġġeġ fih, tant li jgħaddi għall-ġurnaliżmu freelance. U dan ippermettielu iktar ħin liberu, ħin li seta’ jiddedika biex jikteb il-ktieb ta’ ħajtu. Huwa hawn fejn Karl u Charles Flores bħal jiltaqgħu u jsiru persuna waħda.

L-ispazji:

L-ispazji jvarjaw minn dawk dojoq marbutin mal-gżira tagħna, sa dawk usa’ li jmorru lil hinn miċ-ċokon ta’ pajjiżna u li jlaqqgħuna ma’ realtajiet anki estremi. Strada Rjali hi mifhuma bħala palk, mimlija “karattri ewlenin”. U dan fi żmien meta Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi. Il-Parlament hu ppreżentat bħala l-“kollesseju tal-gladjaturi” fejn “jinxtered id-demm innoċenti, jinbnew l-imperi ġodda u jinħattu l-ambizzjonijiet glorjużi”, u anki bħala “teatrin”.

Hemm imbagħad Londra, mifhuma bħala metropoli. Flores ilaqqagħna wkoll mar-realtà kerha ta’ ċerti pajjiżi fil-Lvant Nofsani fejn darba Karl iltaqa’ ma’ xena fejn xi żgħażagħ ribelli ġew mgħallqin ma’ siġar f’nofs misraħ. Hawn Flores ifakkarna li xi minn daqqiet il-ġurnalisti, jekk ma joqogħdux attenti.ż, jistgħu jkunu kaġun ta’ inċidenti diplomatiċi internazzjonali.

Spazju ieħor huwa d-deżert, fejn il-mini li ħallew warajhom in-Nażisti u l-Alleati għadhom inisslu l-imwiet sal-ġurnata tal-preżent. Dejjem barra minn Malta u fuq il-fruntiera bejn żewġ pajjiżi fi gwerra kontra xulxin, id-dinja tal-bniedem tiġi mxebbha ma’ dik tal-annimali: “Ċiklu annimalesk li wara kollox naraw bħalu fil-bniedem.” Huwa hawn fejn Flores ifakkarna li l-isterminji ma jsirux biss fl-Afrika, imma seħħew anki fl-Ewropa bħal kif ġara fil-kampijiet tal-konċentrament.

Sitwazzjoni simili fejn il-kelb jingħata karatteristiċi umani naqraw dwarha f’kapitlu 9: “Il-kelb kien jafha daqs kemm kien jaf lil żewġha. Min jaf x’ħaseb? Karl beda jipprova jimmaġina x’kien għaddej minn moħħ dik il-bhima fidila. Li se tieħdu ħdejn sidu? Jew kien jaf li sidu miet u issa kellha tieħu ħsiebu hi? Li għalih il-ħajja kienet spiċċat ukoll darba sidu ħallieh? Il-familja ta’ Ċensu kien jafha sewwa. Kien jiekol u jixrob magħhom fl-istess kamra. Kien għassies tajjeb...”

Aktar ’il quddiem naqraw dwar żjara f’Bejrut waqt il-kunflitt ċivili: il-kampjiet tar-refuġjati u l-laqgħa man-nies ta’ Arafat.

L-istil:

Jolqtu mill-ewwel l-attenzjoni għad-dettallji u anki l-istil li jżomm lill-qarrej għajnejh imwaħħlin fuq il-paġna jaqra attent għal dak li se jseħħ wara. U dan żgur li jirrifletti l-esperjenza ta’ bniedem li huwa mkisser sewwa fis-sengħa tal-kitba u tal-ġurnaliżmu.

Hemm irrakkontati kemm ġrajjiet li jintrabtu mal-aspett familjari tal-awtur (il-laqgħa mal-missier u l-familja ġdida tiegħu, ir-rabta ambigwa bejn missier u iben, u, aktar tard, il-mewt tal-figura paterna), alternati ma’ oħrajn li jintrabtu mal-qasam professjonali tiegħu. Flores jikteb bi stil li għandu mid-djarju personali, mill-ġurnal tal-vjaġġi (it-travelogue), mill-kwadern tal-ġurnalist fittiex ta’ ħwejjeġ interessanti, xi drabi anki mir-rumanz tal-ispjunaġġ.

Flores ġieli jibni ċerta tensjoni waqt ir-rakkontar tiegħu, biex wara jbatti minnha billi b’xi mod jew ieħor jipprova jnissel tbissima fil-qarrej. Huwa hawn meta Flores ifakkarna li fix-xogħol tal-ġurnalist l-umoriżmu għandu wkoll ir-rwol importanti tiegħu.

Konklużjoni:

Arloġġ ta’ Darba fuq kollox jirrakkonta l-ħajja ta’ bniedem rett, oġġettiv u li dejjem ħares ’il quddiem bla ma qatt baxxa rasu quddiem id-daqqiet ta’ ħarta li taf toffri l-ħajja. Wara li qrajt ktieb bħal dan ġew f’moħħi xi pubblikazzjonijiet bħal dawk ta’ ġurnalisti u xandara oħrajn li ħadmu lil hinn minn xtutna bħat-Taljani Lilly Gruber (I miei giorni a Baghdad - 2003; Chador – 2005) jew Mike Bongiorno (La versione di Mike – 2007), u l-Ingliż John Simpson (Strange Places, Questionable People – 1998; A Mad World, My Masters – 2000; News From No Man’s Land - 2002), li kollha kemm huma b’xi mod jew ieħor jorbtu flimkien il-ħajja personali ma’ dik professjonali tagħhom biex fl-aħħar mill-aħħar joħolqu xogħol mexxej, informattiv, attwali u interessanti tassew.

Patrick Sammut

Friday, January 7, 2011

STAQSI LIR-RIĦ ta’ Salv Sammut, Pubblikazzjoni Bronk, 2010.

Ftit ġimgħat ilu d-dar tal-pubblikazzjoni Bronk nediet rumanz ġdid ta’ Salv Sammut. Huwa rumanz li oriġinarjament kien deher f’gazzetta lokali fl-1974. Salv Sammut kiteb żewġ rumanzi oħra bl-isem ta’ Fid-Dell tal-Pellikan (1982) u Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar (2009). Kiteb ukoll it-tifkiriet tiegħu, Jien Niftakar (2010). Huwa wkoll poeta, ko-awtur fil-ġabra ta’ poeżiji Alfa (2000) u awtur ta’ ġabra ta’ poeżiji oħra, Tiżwiqa (2008). Staqsi lir-Riħ hu rumanz li jinqasam f’35 kapitlu u li jifrex fuq ftit inqas minn 500 paġna. Hawnhekk niffoka biss fuq aspet wieħed li jispika fir-rumanz: id-dimensjoni spazjali, mela fejn tiżvolġi l-azzjoni tar-rakkont.

L-ispazji li fihom tiżvolġi l-azzjoni

Salv Sammut jagħżel li jqiegħed l-azzjoni ewlenija għar-rakkont twil tiegħu fiż-żona tar-Rabat, Ħad-Dingli u l-Buskett. Huma mkejjen li l-awtur jaf sewwa u dan nagħrfuh permezz tar-riferimenti topografiċi, li huma ħafna u minuzzjużi, li huwa jagħmel matul ir-rumanz kollu. Diġà fis-sentenza introduttiva tar-rumanz jikteb, “Il-karozza tal-linja waqfet fuq is-Saqqajja... Minn kampnar ta’ Kunvent fil-qrib...” Ix-xahar huwa Frar. L-azzjoni tar-rumanz ittul bejn wieħed u ieħor ħames snin, mela dak iż-żmien li jifred elezzjoni ġenerali minn ta’ warajha.

Dik li jiddeskrivi Salv Sammut f’dan ir-rumanz hija fuq kollox Malta agrikola, b’bosta xeni rurali li llum kważi spiċċaw darba għal dejjem, għalkemm mhux lejn in-naħat tar-Rabat, Ħad-Dingli u l-Buskett. Il-funzjoni anki fotografika tal-kitba ta’ Sammut niġu wiċċ imb wiċċ magħha spiss, bħal f’Kap. 30, meta jikteb, “seta’ jara Ħad-Dingli fuq il-lemin tiegħu bl-oqsma u l-imtieħen imdawra miegħu waqt li ħdejh kienu jinsabu l-għelieqi bil-ħitan tas-sejjieħ għaddejjin bil-ħeffa minn taħtu.”

L-Għoljiet, it-triqat, ir-razzett u l-bqija mhumiex biss spazji esterni (mela figurattivament jistgħu jinftiehmu bħala l-ġisem) li fihom għexu, tħabbew, imxew u kibru Annabel u Robert, imma huma anki stat ġewwieni marbut ma’ ruħhom (mela figurattivament jinftiehmu bħala r-ruħ), mat-tifkiriet tagħhom, mal-imgħoddi; huma spazju fi ħsiebhom jew f’moħħhom. Hekk f’Kap. 27 Annabel tgħid lil Charlotte hekk: “Imma x’ridtuni nagħmel jekk kollox, kull fejn inħares – l-Għoljiet, it-triqat, sal-istess ħajti kienet tfakkarni fih?” Ftit aktar ’il quddiem, f’Kap. 28, naqraw hekk dwar Robert: “...ħarstu kienet ’il bogħod, mitlufa lejn l-Għoljiet li kien jaf li kienu għerja mill-ħlejjaq dak il-ħin. Għal ftit waqtiet ħassu jmur lura fiż-żmien, meta kien għadu aktar żagħżugħ u flimkien ma’ Annabel kienu jiġru lejn ir-raħal imxarrbin sa laħamhom imma jidħku u jċafalsu fl-għadajjar għal tal-apposta sa ma jaslu d-dar mimlija tajn u ħmieġ. Kienet bħal ruħ tal-imgħoddi li ġiet quddiem għajnejh f’salt wieħed...”

In-natura hi l-ispazju li fih Robert jirrifletti u jorganizza ħsibijietu f’relazzjoni max-xogħol trejdjunjonistiku.

Ħad-Dingli:

Ladarba ż-żewġ protagonisti ta’ Staqsi lir-Riħ huma Annabel u Robert, it-tnejn minn Ħad-Dingli (ir-Raħal), parti kbira mill-azzjoni ssir fuq l-Irdumijiet, iż-żona msejħa Tal-Għoljiet, minn fejn xeni familjari u regolari huma l-baħar u Filfla. Ma’ din tal-aħħar jintrabat ukoll ċertu simboliżmu. Lil Annabel missierha jgħid hekk f’Kap. 17: “Minn dejjem kont naf li int qalbiena iżda żgur mhux daqshekk [...] Wara mewti mbagħad jekk int tkun mara biżżejjed li żżomm sħiħa, għad tkun fuq l-għoljiet tħares lejn l-ilma li jdawwar lil Filfla u tara l-mewġ ibenninha u tiftakar kif fix-xitwa ta’ qabel, ried ikissirha u tgħid waħdek li dejjem joħroġ is-sajf wara x-xitwa!” Filfla hawn tintrabat mal-qlubija.

Jissemmew spiss it-Turretta u l-Kappella tal-Madliena, imma anki r-radar tas-Servizzi, “l-arloġġ tal-knisja jdoqq fil-bogħod”, l-Għassa tal-Pulizija, il-“ħitan ta’ Savio College”, “l-imtieħen weqfin”, iz-zuntier tal-knisja, u ċ-ċimiterju.

L-imkejjen li jissemmew jistgħu jinftiehmu bħala djarju jew mappa tal-azzjonijiet tal-protagonisti; jintrabtu wkoll ma’ ħsus partikolari. Meta f’Kap. 16 Annabel terġa’ żżur l-Għoljiet u l-Kappella tal-Madliena, naqraw li dawn kienu “bħal djarju li jgħidilha kull tagħrif li tkun tixtieq. Dak il-ħin kienet qiegħda tħossha sentimentali ħafna u għalhekk riedet li dawk l-imkejjan terġa’ żżurhom biex iġġedded it-tifkira ta’ dak iż-żmien li għadda...”

Ir-Rabat u l-Imdina:

Spazju ieħor li jservi ta’ post fejn jiltaqgħu l-maħbubin, imma anki l-protagonisti, huwa l-Ġnien tar-Rabat. Minn hemmhekk wieħed jilmaħ il-Foss tal-Imdina, l-Imtarfa faċċata u anki l-għoljiet tal-Kunċizzjoni. Minn hemm jinstemgħu t-tokki tal-“arloġġ tal-Katidral tal-Imdina”. Tissemma l-pjazza ta’ San Pawl, fejn iż-żgħażagħ partitarji taż-żewġ partiti avversarji jiltaqgħu biex iwaħħlu l-posters tal-kanditati rispettivi, biex ftit wara jiġu fl-idejn f’dagħdigħa tipika ta’ waqt l-elezzjonijiet. Hawn jissemmew il-“knisja ta’ San Pawl” u l-“ħwienet tax-xorb”, il-“Knisja ta’ San Ġużepp”, il-“Kunvent ta’ Ġieżu” u l-“Villa Romana”, Triq Santu Wistin, il-Kunvent Agostinjan, Triq Zondadari, il-Knisja ta’ San Duminku, l-Istazzjon tal-Ferrovija, iċ-ċimiterju ta’ Santa Margerita, iċ-Chadwick Lakes, l-Isptar tal-Imtarfa, “is-swar tal-Imdina bil-Katidral għoli fuq in-naħa ta’ wara”, il-Bieb tal-Griegi, Magazine Street, il-“pjazza ta’ quddiem is-swar”, Triq is-Salvatur, il-Knisja tal-Karmnu, il-bieb ewlieni tal-Imdina, it-tennis court u “l-ground żgħir tal-futbol”.

Il-Buskett:

Il-ġonna tal-Buskett joffru “ispirazzjoni għall-kittieb, kenn għall-maħbubin u biża’ għall-ġifa” (Kap. 11). Jissemma l-Kastell ta’ Verdala, l-“isbuħija selvaġġa tal-widien tal-Girgenti”. Dawn huma l-ispazji li fihom jimirħu Annabel u Edgar waqt l-ewwel laqgħat tagħhom. Huma wkoll spazji li jiġu idealizzati mill-awtur: “Hemmhekk fejn l-aktar li l-ħolqien jilma fi sbuħitu, fejn il-farfett jimraħ waħdu bla tfixkil matul il-jum u l-qamħ imewweġ mill-fewġa fl-għelieqi, fejn ix-xemx titla’ u tinżel, tbewwes l-irziezet u l-pinnur jiġġammja jew jitħarrek biż-żiffa fuq il-bjut, fejn mas-sebħ jidden is-serduq...” (Kap. 15)

Fil-Buskett hemm ukoll id-dar ċkejkna u mwarrba ta’ Robert. Hawnhekk iseħħu l-laqgħat sigrieti bejn Annabel u Robert miżżewġin lil persuni differenti (Kap. 21).

Fl-istess dar imbagħad, f’Kap. 28, Robert u martu Charlotte bħal jerġgħu jsibu lil xulxin wara żmien twil ta’ silenzju u bruda min-naħa ta’ Robert. Hemmhekk jitnissel il-frott tal-imħabba bejn dawn it-tnejn. Ftit wara mbagħad jiġri l-istess fid-dar ta’ Annabel u Edgar f’Ħad-Dingli fejn wara żmien twil ta’ bruda min-naħa ta’ Annabel jitnissel il-frott bejn dawn it-tnejn.

Ir-razzett

Ir-razzett jissemma f’kapitli 4, 10, 11, 16, 20, 32, 34 u 35. Ir-razzett jinftiehem bħala dak l-ispazju kenni f’nofs il-kampanja ta’ Ħad-Dingli; huwa spazju li jintrabat direttament mal-ħidma tal-bidwi u mal-ħamrija li huwa mdawwar biha: “Baqgħu għal ftit ieħor siekta iħarsu ’l isfel lejn l-irdumijiet. Minn waqt għall-ieħor kien jidher xi bidwi jixref barra minn ġewwa r-razzett u jibqa’ jitlajja fl-għalqa tiegħu jirranġa xi xkejjer jew jiġbor l-imgħażqa li tkun waqgħet fuq il-ħamrija sakemm idallam ftit ieħor...” (Kap. 4). Fil-kapitlu tal-għeluq ir-razzett jinftiehem bħala rokna ta’ kenn u kwiet kontra l-istorbju taċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa tal-elezzjoni ġenerali li qed iseħħu fit-toroq.

Ir-razzett hu wkoll l-ispazju tal-logħob u n-nuqqas ta’ responsabbiltà. Hekk f’Kap. 11, hekk kif Annabel tkun daħlet fir-razzett, “ħassitha titkebbeb ġewwa xi ħaġa ratba li fixklitha f’mixjietha. Bil-ħasda werżqet u waqgħet fl-art. Imbagħad intebħet li dik li kienet tinsab fuqha, kienet biss ix-xibka tal-insib ta’ missierha mitfugħa fuqha minn xi ħadd minn fuq. Daħka instemgħet tidwi mal-baħħ t’hemm ġew u minn bejn it-toqob tax-xibka, Annabel rat lil Edgar f’nofs it-taraġ, jintlewa bid-daħk.”

Ir-razzett huwa dak l-imkien li jintrabat mat-tifkira ta’ żminijiet imgħoddija. Hekk f’Kap. 9 Robert, f’dak ix-xahar li jkun ilu ma jara lil Annabel wara t-telfa tal-elezzjonijiet u wara l-laqgħa tiegħu ma’ Charlotte, u ftit qabel ma jitlaq għall-Ingilterra, jerġa’ lura għal ftit minuti fir-razzett biex “jgħix ftit tifkiriet qabel ma jitlaq għal kollox”. F’Kap. 16 Annabel tistħajlu “benniena ta’ tifkiriet mitluf waħdu”. Aktar tard fl-istess kapitlu naqraw li r-razzett “kien hekk ħanin magħha li għal ftit ħin ħadha lura fil-jiem aktar ħelwin minn dawk ta’ dak il-jum...” F’Kap. 32 Robert jgħid lil Annabel, “Lanqas se ninsa dan ir-razzett li sarraf daqshekk kenn għalina.”

Ir-razzett huwa l-post fejn wara żmien twil ’il bogħod minn xulxin Robert (lura mill-Ingilterra) u Annabel jerġgħu jiltaqgħu (Kap. 20). Huwa l-imkien fejn ix-xewqat astratti li fnew lit-tnejn għal xhur twal isiru realtà: “Robert! Robert! Bert, kemm ili nistenniek! Tniehdet tbus lil wiċċu u lil xofftejh [...] Kemm ixxennaqtek Annabel! Kemm ħlomt bik billejl fl-Ingilterra! Kemm xbihat stħajjilthom int!” Huwa issa u hawnhekk meta Annabel u Robert (it-tnejn marbutin ma’ persuni oħrajn) jinħabbu.

Ir-razzett huwa wkoll l-ispazju fejn Robert u Annabel jitkellmu dwar il-manuvri politiċi u trejdjunjonistiċi (Kap. 34). Hawn wieħed jifhem il-fatt li f’oqsma bħal dawn iridu jseħħu bosta kompromessi li mhux dejjem ikunu mixtieqa minn dak li jkun.

Ir-razzett jista’ jinftiehem bħala ġuf. Fih jiġi mnissel iben Robert u Annabel, Nicholas. Fih titwieled il-ġibda bejn Annabel u Edgar (Kap. 10). Fih Edgar jaffaċċja direttament lil Robert fil-preżenza ta’ martu Annabel (Kap. 34). Fir-razzett, fl-aħħar kapitlu, jitwieled l-għarfien, kemm f’Robert kif ukoll f’Annabel, li ż-żmien għadda minn fuqhom u m’għadhomx la tfal u lanqas żgħażagħ, imma persuni maturi bil-familji differenti tagħhom. Huwa hawn fejn Robert u Annabel bħal jifhmu li għandhom jaqbdu t-toroq indipendenti tagħhom u jkomplu mixjin ’il quddiem flimkien ma’ żwieġhom u wliedhom bla ma forsi jiltaqgħu qatt iżjed.

Fl-aħħar kapitlu naqraw hekk: “Robert baqa’ jħares lejha u dak il-waqt f’tebqa t’għajn ftakar f’bosta ħwejjeġ. Ftakar fil-ħmerijiet li qalu jew għamlu fi tfulithom u f’dik ta’ ħames snin ilu... Ftakar f’kollox u f’kull dettall waqt li f’dak il-ħin kien qiegħed jara lil Annabel – hi kif inhi – bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, kif dejjem raha, ħabbha u riedha.” F’dan l-aħħar kapitlu r-razzett jintrabat ma’ tliet żminijiet differenti, u dan ftit qabel ma jinbiegħ u b’hekk bħal tintemm għal dejjem ir-rabta bejn Robert u Annabel li issa lesti jħarsu ’l quddiem u jimmaturaw billi jaċċettaw id-destin tagħhom.

Spazji oħra:

Il-fabbrika tissemma diġà sa mill-ewwel paġna tar-rumanz ta’ Salv Sammut: “F’ħin minnhom dehru resqin ħames żgħażagħ, kull wieħed b’barżakka tistrieħ fuq spallejh jew titbandal f’idu. Minn kliemhom malajr taw x’jifhmu li kienu jaħdmu f’xi fabbrika u kellhom xi tilwima bejn it-Trade Union tagħhom u l-Management dwar xi żjidiet.”

Spazju simili huwa l-istamperija fejn jaħdem Robert (Kap. 22, 23, 24). Hemmhekk Robert jindirizza lill-ħaddiema bħalu u flimkien ma’ ħbiebu jwaqqaf il-Psaila Press Union. F’dawn il-kapitli Sammut jintroduċi diverżjoni fl-iżvilupp tal-plott ewlieni u jiffoka fuq Robert bħala mexxej ta’ union.

Post ieħor li jissemma regolarment huwa l-każin politiku. Din hija rokna tipika oħra għal qalb tagħna l-Maltin, rokna ffrekwentata l-aktar fi żmien l-elezzjonijiet. Spazju bħal dan jintrabat ukoll mal-Kwartieri Ġenerali tal-Partit fejn jiltaqgħu id-delegati (Kap. 8). Huwa l-ispazju fejn isiru konferenzi u diskussjonijiet, imma anki ċapċip, għajat u kant ta’ innijiet. ’Il quddiem il-laqgħat mal-ħaddiema jsiru f’Teatru (Kap. 30, 33). Hawn titwaqqaf l-Għaqda Nazzjonali tal-Istampar Malti.

Tissemma wkoll il-Belt Valletta. Triq Irjali (Kap. 7) tissemma għall-ħwienet u l-vetrini tagħhom, imma anki għal dimostrazzjoni politika (Kap. 35). Il-Biblijoteka sservi bħala l-post fejn Robert u Charlotte jiddiskutu l-manuskritt tagħha.

Il-Ħamrun jintrabat mad-dimostrazzjoni. Jissemmew il-knisja ta’ San Gejtanu, Pjazza Fra Diego, Triq il-Kbira, San Ġużepp, il-M.U.S.E.U.M. u l-Blata l-Bajda.

Għalkemm l-Ingilterra tissemma regolarment, l-azzjoni li sseħħ fiha dejjem narawha mill-perspettiva Maltija (ix-xogħol ta’ Robert, il-laqgħa bejn missier Annabel u Robert, l-istrajk indefinit tal-gazzetti). L-Ingilterra tissemma dejjem fid-distanza, mhux biss spazjali (wara li Robert jiġi lura Malta), imma anki temporali (l-esperjenza fl-Ingilterra mqiegħda fl-imgħoddi).

Indikaturi ta’ perijodu partikolari:

Staqsi lir-Riħ hu rumanz li deher għall-ewwel darba fil-bidu tas-snin sebgħin. Għalhekk fih ma jonqsux għadd ta’ dawk li se nsejjaħ “indikaturi ta’ perijodu partikolari”. Hekk f’Kap. 2 naqraw dwar “il-karti kbar ta’ xi kandidat partikolari bil-kolla msajra tajjeb”. F’Kap. 3 jissemmew il-“Bottle-Party”, ir-Rolling Stones, il-Beatles, “il-beat ta’ Mick Jagger jew Paul McCarney”, imma anki Marian Faithful u l-kanzunetta As tears goes by. F’Kap. 6 jissemmew il-qgħad, l-emigrazzjoni lejn l-Awstralja u d-“dnub il-mejjet”. F’Kap. 13 jissemmew it-“theddida ta’ gwerra oħra fl-Asja flimkien ma’ dik tal-Vjetnam”. F’Kap. 16 jissemma l-programm għan-nisa Maltin ta’ Carmen Carbonaro fuq ir-Rediffusion. Ir-Rediffusion jerġa’ jissemma f’Kap. 20 permezz “tal-programm tat-tfal taz-Ziju Salv”. Ir-Rolling Stones, il-Beatles, Mick Jagger u Paul McCartney jerġgħu jissemmew f’Kap. 32, flimkien ma’ Keith Richards u John Lennon.

Anki dawn l-indikaturi ta’ perijodu partikolari jgħinuna nidħlu iktar fir-ruħ tar-rumanz, imqiegħed fi spazju u fi żmien partikolari.

Patrick Sammut

Sunday, January 2, 2011

Bushido ta’ Maurice Mifsud Bonnici

Kemm hsibijiet u riflessjonijiet jghaddu minn mohhna matul il-jum! U kemm minnhom jisfaw fix-xejn bhal duhhan fl-arja. Maurice Mifsud Bonnici jirnexxilu jahfen dawn il-hsibijiet u jaghtihom forma fissa u konciza, ilahhamhom permezz tal-hajku. Huwa jemmen fil-carpe diem. Irid ikollok il-heffa u l-kapaci tieghu biex il-hsieb tibdlu f’kelma bla ma thallih jghib darba ghal dejjem.

U dan ghaliex il-bniedem tal-lum m’ghandux waqt wiehed kwiet. Arah ghaddej il-hin kollu u spiss jiccaqlaq minn imkien ghal iehor, minn ambjent ghal iehor f’qasir zmien, jibdel postu mitt darba fil-qosor ta’ jum wiehed. U dak li jara, bla ma jaf jittraducih fi hsibijiet li spiss jaharbu bhalma twieldu, hekk f’tebqa t’ghajn. Huwa hawn fejn jidhol Maurice Mifsud Bonnici poeta u kittieb tal-hajku: huwa jlehhen dik il-vuci gewwiena li ahna lkoll nisimghu tidwi gewwa fina bla ma qatt naghtuha l-importanza li tixirqilha.

L-istess awtur jammetti f’wahda mill-ittri tieghu li: “Hafna minnhom qomt tul il-lejl biex niehu notamenti fuq karta li nzomm fejn is-sodda biex innizzel il-hsieb li jigini dak il-hin; minn xi daqqiet anki hsibijiet li jiguni f’xi holma, li jekk ma tiktibhomx dak il-hin sa filghodu tinsihom”.

L-awtur ta’ Bushido ghalhekk jikteb dwar bosta aspetti marbuta mal-hajja ta’ kuljum tal-bniedem, anki ma’ waqtiet qosra li lkoll nghaddu minnhom, xi drabi sahansitra inkonxjament. Huwa l-poeta anzjan li fuq spalltu ghandu xkora mimlija sa ruh ommha b’tigrib, esperjenzi, deluzjonijiet u rebhiet, u mitt elf haga ohra. Huwa l-imgarrab imsemmi f’hajku numru 276:

“Minghand l-imgarrab

biss int tiehu pariri

l-aktar sinciera”.

Minkejja l-eta’, Maurice Mifsud Bonnici hu lucidu u aggornat ghall-ahhar. Ghandu l-esperjenza u l-qawwa tal-osservazzjoni tal-bniedem li garrab (ara hajku 18, 22, 23, 24, 67, 98 336, 338, 366, 504) u l-energija ta’ l-ispirtu zaghzugh. Hekk jikteb f’hajku numru 196:

“Gejm-Boj, Plej-Stejxin,

Vidjo Gejms u Internet;

Dan il-loghob tal-lum”.

Huwa l-bniedem li minkejja l-età tieghu jhoss li fih ghadu ma waqafx il-process ta’ taghlim li beda minn fuq il-bank tal-iskola fl-imghoddi imbieghed u kompla permezz tal-hajja sal-jum prezenti. Dan jammettih f’hajku numru 228:

“Bank ta’ l-iskola

ghalija biz-zmien sirt

il-bank tal-hajja”.

Iva, karatteristika ewlenija tal-hajku ta’ Maurice Mifsud Bonnici hija s-sincerita’. Il-hajku tieghu ghalhekk jista’ jitqabbel ma’ tazza nbid tajjeb: tgawdiha u taprezzaha meta tnizzilha boqqa boqqa.

Dik tieghu hi l-kelma li taghtik parir (ara hajku 268, 311, 321, 330, 331, 420, 575), tiftahlek ghajnejk jew mohhok, toffrilek farag, iggaghlek tirrifletti. Il-hajku ta’ Maurice Mifsud Bonnici huwa wkoll stedina miftuha ghall-altruwizmu (ara hajku 230, 391, 398, 564), ghall-maturità (ara hajku 392, 395, 424, 425), ghall-hsieb kostruttiv u ghall-agir immedjat quddiem problemi socjali attwali.

Fost dawn ta’ l-ahhar jikteb dwar l-indifferenza u l-ipokrisija tal-bniedem modern, ir-recessjoni, il-qghad, l-ghazz fuq il-post tax-xoghol u l-faqar, is-sewqan bl-addocc, il-kacca, il-politiku u l-agir tieghu, il-gwerra, l-artificjalità u s-superficjalità tal-hajja moderna, il-qirda tal-ambjent permezz tat-tniggis tal-arja u tal-ibhra u permezz tal-bini bl-addocc, id-droga u s-siringi uzati li ssib fix-xtajtiet lokali, id-dejn, ix-xorb, l-abort u l-ewtanasja, il-pornografija, is-sitwazzjoni tahraq fil-Lvant Nofsani u t-terrorizmu. U dan kollu fil-qosor ta’ tliet versi, sbatax-il sillaba li ghandhom kemm mill-profondità tal-filosofija, kif ukoll mil-lirizmu tal-poezija.

Il-hajku ta’ Maurice Mifsud Bonnici huwa interessanti u attwali fuq livell lessikali. Harsa lejn it-tahlita bejn kliem Semitiku, Tajlan u Anglo-Sassonu, migjub dejjem skond l-ortografija Maltija hija prova cara ta’ dan. Fst il-lessiku uzat minn Mifsud Bonnici nsibu “vidjo”, “slowmoxins”, “replejs”, “polluxin”, “pawer stejxin”, “dabiljusi”, “snapxott”, “inxurans”, “cermnijiet” (ghal “chairmen”), u “gigsopazil”

Teknika raffinata ohra li jhaddimha spiss fil-hajku tieghu hija l-loghob permezz tal-kliem biex b’hekk johrog dak li l-Inglizi jsejhulu l-“wit”. Zewg ezempji cari huma hajku numri 115, 222 u 576 rispettivament. Hekk jikteb dwar il-muzika ta’ Bach, l-“gh” fil-Malti u l-Gimgha l-Kbira:

“Suppost muzika!

Ma smajthiex u qaluli,

Kienet ta’ Bahh”;

“Ta’ spiss il-Malti

jara wisq “gh” hazina

minn min dan jiktbu.”

“Il-Gimgha l-Kbira,

ghat-Taljani hi Mqaddsa,

Tajb’ghall-Inglizi”;

Fost it-temi u l-motivi li Maurice Mifsud Bonnici jittratta f’din il-gabra ta’ 600 hajku nsibu n-natura, l-istaguni (ara hajku 170-172), il-mewt, tigrib il-hajja, il-kuntrast bejn id-dinja ta’ l-imghoddi u dik tal-prezent (ara hajku 201, 218, 249, 362, 451), l-imhabba (ara hajku 58, 97, 192, 371, 512), l-ilsien Malti (ara hajku 88, 221, 409), persunaggi storici (bhal Kristu, Pilatu, Erodi, Noe, San Pawl, San Tumas More, Pavarotti, Verdi, Caruso, Armirall Nelson, Churchill, Neil Armstrong, Galileo, Bush, Gorg Preca u Alfons Maria Galea), il-poezija, il-kuntrast bejn il-fidi u x-xjenza (ara hajku 79) jew bejn il-mohh u l-gisem, it-tfulija u n-nostalgija ghall-imghoddi (ara hajku 195, 197-200, 329, 449, 450), il-Genna u l-Infern (ara hajku 147-149, 193, 407, 408, 444, 569), il-progress jew il-progress fint (ara hajku 260, 280, 290,358-360, 387, 405, 415, 498, 511, 574), l-iskola u t-taghlim, is-solitudni (ara hajku 277, 467,507, 521), il-hajja bil-paradossi kollha taghha (ara hajku 36, 73, 74, 83, 226, 505) u z-zmien. Dwar il-qosor tal-hajja tal-bniedem jikteb hekk:

“Meta twelidt

ktibt ismi fuq ir-ramel

sakemm giet mewga”.

Il-hajku li fih Mifsud Bonnici jikteb dwar in-natura ghandu mill-kwadrett proprju ghaliex in-natura tigi pprezentata bhala pittura mqieghda fuq sfond ta’ lwien mill-isbah (ara hajku 37, 43, 155, 263, 304, 434, 532). Minn dawn hemm bosta:

“Il-gmiel ta’ Alla

jurih f’tal-lejl id-dalma;

sema djamanti”;

“Kemm tiftah helu

gurnata fiz-zerniq

hekk man-narcis”;

“L-ghelieqi hodor

borra ksiethom bil-gelu,

kejk il-Milied”.

Anki l-bahar (dak li qatt ma jixjieh – ara hajku 543) ghandu rwol importanti f’Bushido: spiss jidher bhala l-element irrabbjat u mghaddab:

“bahar imbeghren

mal-blat sfrenat isabbat,

kif ghejja f’daqqa”;

“Il-bahar sfrena,

ma jafx b’ebda ilgiem,

jisfida l-angli”.

Matul il-qari ta’ dawn is-600 hajku l-qarrej ghandu jaghti kas ukoll tad-dati li kull hajku jgorr mieghu. L-istess data tista’ taghti xi hjiel dwar il-kontenuti tal-poezija proprju ghaliex titfa’ dawl fuq ic-cirkustanzi li fihom inkitbu l-versi. Bosta mill-hajku ta’ Mifsud Bonnici jintrabtu mal-Milied, ma’ l-Ewwel tas-Sena, ma’ l-10 a’ Frar u l-migja ta’ San Pawl, mal-ahhar migja tal-Papa Gwanni Pawlu t-Tieni ta’ Mejju 2001, l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembu fi New York, u ohrajn ma’ l-Ghid il-Kbir.

Elementi ohrajn li niltaqghu maghhom huma l-hlejjaq ckejknin li jiffurmaw anki huma parti min-natura (mazarell, zunzan, nemusa, nahla, bilbla, bufula, huttafa); tendenzi moderni (ara hajku 1, 447 u 572) u attwalità (ara hajku 291, 400, 447, 454, 538, 595 – fejn jikteb dwar ir-riklami u l-pubblicità, it-terrorizmu, genn il-baqra, il-konsumizmu u l-Unjoni Ewropea); il-lokalitajiet marbuta ma’ Malta (fosthom Hal Lija, fejn twieled il-poeta; Birzebbuga, Sant’Anton, Naxxar, Delimara, Had-Dingli); l-imwarrbin (bhall-handikappati, l-anzjani, il-morda u l-mugugha); il-fidi (ara hajku 62, 317, 340, 441, 477, 555, 579 u bosta ohrajn); u l-poezija (ara hajku 75, 77, 474).

Bushido ta’ Maurice Mifsud Bonnici hija enciklopedija ta’ tigrib uman, ghamla ta’ testment li l-hajkista ghogbu jhalli lil dawk ta’ madwaru u lil ta’ warajh. Ma jonqsux il-waqtiet ta’ ironija fina b’intent li tiftah ghajnejn dak li jkun aktar milli twegga’, u daqstant iehor il-waqtiet ta’ umorizmu li jnisslu fil-qarrej tbissima spontanja. Naghlaq dan l-istudju qasir b’hajku rapprezentattiv hafna u li gej minn qalb l-istess kittieb:

“Li Malti, kburi!

Ghalkemm nikteb il-hajku,

le Gappuniz”.

Patrick Sammut

ARPEĠĠI - Antoloġija poetika ta’ Therese Pace

Dawn l-aħħar snin żdiedet ħafna l-produzzjoni poetika min-naħa tal-kittieba Maltin. Żdiedu wkoll l-ismijiet ta’ poeti nisa f’dan il-qasam. Ma nistax ma nsemmix ismijiet bħal Marlene Saliba, Maria Grech Ganado, Doreen Micallef Chritien, Rena Balzan, Karen Vella, Josette Baldacchino, Imelda Serracino Inglott, Anna Pullicino, Claire Azzopardi u Simone Inguanez. Dawn l-ismijiet huma kollha prova ħajja tal-fatt li l-poeżija Maltija mhix monopolju tas-sess maskili, imma hija mħaddma sewwa wkoll min-nisa li forsi llum aktar mill-bieraħ m’għadhomx jibżgħu jperrċu kitbiethom.

Therese Pace hija poetessa oħra li m’għandha xejn inqas minn dawk li diġà semmejt. Hija membru tal-Għaqda Poeti Maltin u rebbieħa tal-Premju Konkors GWU (2003) permezz tal-poeżija tagħha Ibq’Orbot l-Id. Hija rebħet ukoll l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija (2003) organizzat mill-Għaqda Poeti Maltin fil-kategorija tal-poeżiji bit-Taljan bil-poeżija È l’ora promessa al travaglio.

Fil-31 ta’ Ottubru 2003, fil-Kunsill Lokali ta’ B’Kara, hija nidiet il-ktieb ta’ poeżiji bl-isem Arpeġġi. Hija ġabra ta’ aktar minn 90 poeżija, maqsuma f’sitt taqsimiet, fosthom Jien, Twemmin, Imħabba, Natura, Soċjetà u Oħrajn. Huma poeżiji li nkitbu fil-parti l-kbira tagħhom f’dawn l-aħħar għoxrin sena, għalkemm l-eqdem waħda tmur lura sa l-1979. Arpeġġi għandu Daħla mill-poeta u traduttur Alfred Palma. It-titlu huwa adatt ħafna għal ġabra bħal din ladarba l-qarrej mill-ewwel jinduna li l-poetessa tagħti ħafna importanza lill-poeżiji kif jinstemgħu. U dan tagħmlu billi tħaddem ir-rima, anki jekk mhux dejjem fi skemi regolari, u ritmi differenti bħalma huma dawk tal-endekasillabu, is-settenarju u s-senarju, fost l-aktar komuni. Ritmi bħal dawn iġagħlu lit-tifsira tiżloq minn vers għall-ieħor bla ebda diffikultà jew tqanżigħ, b’mod naturali u safi bħall-ilma ġieri. L-aspett mużikali joħroġ ukoll permezz tat-tħaddim ta’ bosta assonanzi u konsonanzi jew rimi ġewwiena bħalma naraw f’dis-silta meħuda minn Uliedi:

“Għajjietni dit-tqala

bla btala

żewwiġt fantasija

kif stajt,

ma’ vrus poeżija.

Kidditni u ferrħitni

Għax ksibtha bla ħsieb

Dil-ħrara,

dix-xrara li tkebbset għall-ktieb”.

Hawnhekk naraw lil Therese Pace bħala mara tad-demm u l-laħam, u poetessa, maħbuba ta’ Vassalli u ta’ l-ilsien Malti. Ritmu, mużika u poeżija jsiru ħaġa waħda mal-poetessa.

Dawk ta’ Therese Pace huma poeżiji miktuba kemm f’għamla ta’ versi ħielsa fuq naħa, kif ukoll f’għamla ta’ metrika (ximindaqqiet hemm l-użu tal-kwartini u t-terzini) u prosodija tradizzjonali fuq in-naħa l-oħra. Is-sabiħ huwa li spiss tippreżenta l-versi tradizzjonali f’alternanzi differenti, bħall-endekasillabu mal-kwinarju jew is-settenarju, jew is-senarju man-novenarju u d-doppju senarju. Taħlita ekwilibrata oħra hija dik bejn l-użu tajjeb tal-Malti Semitiku u idjomatiku fuq naħa, u l-Malti Romanz u aktar modern fuq in-naħa l-oħra. Lessikalment tixrob ukoll mill-Vanġelu jew mill-mitoloġija klassika, imma fuq kollox mid-dinja naturali u dik tal-istaġuni. Stilistikament hemm dawk il-poeżiji li jinftiehmu mill-ewwel, iżda hemm oħrajn illi għandhom mill-poeżija ermetika fejn it-tifsira trid tfittixha u taħdem għaliha.

Fl-ewwel taqsima, Jien, tolqot ħafna t-tema tal-poetika: hekk tikteb Therese Pace fi Stqarrija:

“se mmut kif dejjem għext

f’sakra ma tarax art

ta’ poeżija”;

u f’Poeta:

“Jien biss

ilsira ta’ kull ħsieb,

imjassra b’rieżma karti

u loqma lapes”.

Hawnhekk tispikka wkoll il-figura ta’ Kristu. Hekk f’Salvatur il-poetessa ssir hija stess Kristu fuq is-Salib u titlob hi l-għajnuna tiegħu. Figuri importanti oħra huma l-Papa, ir-“ragħaj ta’ dinna”, u l-Madonna, “Marija/għalija/il-ħajja intiera!”. Hemm però bħal kunflitt bejn waqtiet ta’ twemmin u oħrajn ta’ qtigħ il-qalb fejn dik li kienet tidher għaqda u mħabba tispiċċa f’illużjoni (Jien u Int), jew l-għarfien li fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem jispiċċa u ma jibqa’ minnu xejn ħlief qabar kiesaħ u forsi “xemgħa tlebleb siekta” (Epitaffju).

It-temi li niltaqgħu magħhom huma varji. Xi drabi l-poetessa tidħol tfittex fiha nnifisha fejn hemm spazji sigrieta li fihom jitwieldu vrusha. Huma wkoll spazji-knisja fejn jinsabu tnejn biss: il-poetessa u l-Mulej (ara Bibien). Hemm it-tema ta’ l-imħabba u għalhekk spiss jissemmew il-jien u l-int li jitqiegħdu fi djalogu-monologu fejn il-poetessa toħlom l-ideal imma taf ukoll li faċilment jista’ jitrabba “xiber kallu iebes”, fejn hemm il-passjoni u x-xewqat fuq naħa u l-farretti u l-‘mard tal-qalb u r-ruħ” fuq in-naħa l-oħra.

Laqtitni ħafna t-taqsima Soċjetà li tittratta temi bħalma huma l-prostituzzjoni u l-parassiti li jieklu minn fuq spallet id-dgħajjef, il-gwerra, anki dik attwali fl-Iraq, l-infedeltà fiż-żwieġ, l-indifferenza jew l-apatija ta’ ċerti Maltin fejn tidħol Malta, ir-refuġjati, l-imħabba li tinxtara bl-irħis, ix-xebbiet ommijiet, ix-xewqa biex Malta “tgħożż ġmiel il-valuri”, u l-kwistjoni taħraq fl-istrixxa ta’ Gaża.

Din ta’ Therese Pace hija antoloġija poetika valida proprju għaliex bħall-veru poeta hija tberraħ is-sentimenti ta’ mħabba, għadab, uġigħ il-qalb u l-bqija f’għamla mill-aktar lirika. Il-qarrej jinduna wkoll li għal darb’oħra għandna dinja ppreżentata mill-perspettiva ta’ bniedma li taħseb, tifli, tagħdab u tħobb, dinja mgħoddija però minn għarbiel partikulari, dak ta’ qalb poeta mara li m’għandha xejn inqas minn poeta raġel. Ma ninsewx li l-poeżija m’għandhiex sess, hija biss espressjoni artistika. Jew le?

Patrick Sammut