Friday, January 7, 2011

STAQSI LIR-RIĦ ta’ Salv Sammut, Pubblikazzjoni Bronk, 2010.

Ftit ġimgħat ilu d-dar tal-pubblikazzjoni Bronk nediet rumanz ġdid ta’ Salv Sammut. Huwa rumanz li oriġinarjament kien deher f’gazzetta lokali fl-1974. Salv Sammut kiteb żewġ rumanzi oħra bl-isem ta’ Fid-Dell tal-Pellikan (1982) u Id-Dar ta’ Ħdejn il-Baħar (2009). Kiteb ukoll it-tifkiriet tiegħu, Jien Niftakar (2010). Huwa wkoll poeta, ko-awtur fil-ġabra ta’ poeżiji Alfa (2000) u awtur ta’ ġabra ta’ poeżiji oħra, Tiżwiqa (2008). Staqsi lir-Riħ hu rumanz li jinqasam f’35 kapitlu u li jifrex fuq ftit inqas minn 500 paġna. Hawnhekk niffoka biss fuq aspet wieħed li jispika fir-rumanz: id-dimensjoni spazjali, mela fejn tiżvolġi l-azzjoni tar-rakkont.

L-ispazji li fihom tiżvolġi l-azzjoni

Salv Sammut jagħżel li jqiegħed l-azzjoni ewlenija għar-rakkont twil tiegħu fiż-żona tar-Rabat, Ħad-Dingli u l-Buskett. Huma mkejjen li l-awtur jaf sewwa u dan nagħrfuh permezz tar-riferimenti topografiċi, li huma ħafna u minuzzjużi, li huwa jagħmel matul ir-rumanz kollu. Diġà fis-sentenza introduttiva tar-rumanz jikteb, “Il-karozza tal-linja waqfet fuq is-Saqqajja... Minn kampnar ta’ Kunvent fil-qrib...” Ix-xahar huwa Frar. L-azzjoni tar-rumanz ittul bejn wieħed u ieħor ħames snin, mela dak iż-żmien li jifred elezzjoni ġenerali minn ta’ warajha.

Dik li jiddeskrivi Salv Sammut f’dan ir-rumanz hija fuq kollox Malta agrikola, b’bosta xeni rurali li llum kważi spiċċaw darba għal dejjem, għalkemm mhux lejn in-naħat tar-Rabat, Ħad-Dingli u l-Buskett. Il-funzjoni anki fotografika tal-kitba ta’ Sammut niġu wiċċ imb wiċċ magħha spiss, bħal f’Kap. 30, meta jikteb, “seta’ jara Ħad-Dingli fuq il-lemin tiegħu bl-oqsma u l-imtieħen imdawra miegħu waqt li ħdejh kienu jinsabu l-għelieqi bil-ħitan tas-sejjieħ għaddejjin bil-ħeffa minn taħtu.”

L-Għoljiet, it-triqat, ir-razzett u l-bqija mhumiex biss spazji esterni (mela figurattivament jistgħu jinftiehmu bħala l-ġisem) li fihom għexu, tħabbew, imxew u kibru Annabel u Robert, imma huma anki stat ġewwieni marbut ma’ ruħhom (mela figurattivament jinftiehmu bħala r-ruħ), mat-tifkiriet tagħhom, mal-imgħoddi; huma spazju fi ħsiebhom jew f’moħħhom. Hekk f’Kap. 27 Annabel tgħid lil Charlotte hekk: “Imma x’ridtuni nagħmel jekk kollox, kull fejn inħares – l-Għoljiet, it-triqat, sal-istess ħajti kienet tfakkarni fih?” Ftit aktar ’il quddiem, f’Kap. 28, naqraw hekk dwar Robert: “...ħarstu kienet ’il bogħod, mitlufa lejn l-Għoljiet li kien jaf li kienu għerja mill-ħlejjaq dak il-ħin. Għal ftit waqtiet ħassu jmur lura fiż-żmien, meta kien għadu aktar żagħżugħ u flimkien ma’ Annabel kienu jiġru lejn ir-raħal imxarrbin sa laħamhom imma jidħku u jċafalsu fl-għadajjar għal tal-apposta sa ma jaslu d-dar mimlija tajn u ħmieġ. Kienet bħal ruħ tal-imgħoddi li ġiet quddiem għajnejh f’salt wieħed...”

In-natura hi l-ispazju li fih Robert jirrifletti u jorganizza ħsibijietu f’relazzjoni max-xogħol trejdjunjonistiku.

Ħad-Dingli:

Ladarba ż-żewġ protagonisti ta’ Staqsi lir-Riħ huma Annabel u Robert, it-tnejn minn Ħad-Dingli (ir-Raħal), parti kbira mill-azzjoni ssir fuq l-Irdumijiet, iż-żona msejħa Tal-Għoljiet, minn fejn xeni familjari u regolari huma l-baħar u Filfla. Ma’ din tal-aħħar jintrabat ukoll ċertu simboliżmu. Lil Annabel missierha jgħid hekk f’Kap. 17: “Minn dejjem kont naf li int qalbiena iżda żgur mhux daqshekk [...] Wara mewti mbagħad jekk int tkun mara biżżejjed li żżomm sħiħa, għad tkun fuq l-għoljiet tħares lejn l-ilma li jdawwar lil Filfla u tara l-mewġ ibenninha u tiftakar kif fix-xitwa ta’ qabel, ried ikissirha u tgħid waħdek li dejjem joħroġ is-sajf wara x-xitwa!” Filfla hawn tintrabat mal-qlubija.

Jissemmew spiss it-Turretta u l-Kappella tal-Madliena, imma anki r-radar tas-Servizzi, “l-arloġġ tal-knisja jdoqq fil-bogħod”, l-Għassa tal-Pulizija, il-“ħitan ta’ Savio College”, “l-imtieħen weqfin”, iz-zuntier tal-knisja, u ċ-ċimiterju.

L-imkejjen li jissemmew jistgħu jinftiehmu bħala djarju jew mappa tal-azzjonijiet tal-protagonisti; jintrabtu wkoll ma’ ħsus partikolari. Meta f’Kap. 16 Annabel terġa’ żżur l-Għoljiet u l-Kappella tal-Madliena, naqraw li dawn kienu “bħal djarju li jgħidilha kull tagħrif li tkun tixtieq. Dak il-ħin kienet qiegħda tħossha sentimentali ħafna u għalhekk riedet li dawk l-imkejjan terġa’ żżurhom biex iġġedded it-tifkira ta’ dak iż-żmien li għadda...”

Ir-Rabat u l-Imdina:

Spazju ieħor li jservi ta’ post fejn jiltaqgħu l-maħbubin, imma anki l-protagonisti, huwa l-Ġnien tar-Rabat. Minn hemmhekk wieħed jilmaħ il-Foss tal-Imdina, l-Imtarfa faċċata u anki l-għoljiet tal-Kunċizzjoni. Minn hemm jinstemgħu t-tokki tal-“arloġġ tal-Katidral tal-Imdina”. Tissemma l-pjazza ta’ San Pawl, fejn iż-żgħażagħ partitarji taż-żewġ partiti avversarji jiltaqgħu biex iwaħħlu l-posters tal-kanditati rispettivi, biex ftit wara jiġu fl-idejn f’dagħdigħa tipika ta’ waqt l-elezzjonijiet. Hawn jissemmew il-“knisja ta’ San Pawl” u l-“ħwienet tax-xorb”, il-“Knisja ta’ San Ġużepp”, il-“Kunvent ta’ Ġieżu” u l-“Villa Romana”, Triq Santu Wistin, il-Kunvent Agostinjan, Triq Zondadari, il-Knisja ta’ San Duminku, l-Istazzjon tal-Ferrovija, iċ-ċimiterju ta’ Santa Margerita, iċ-Chadwick Lakes, l-Isptar tal-Imtarfa, “is-swar tal-Imdina bil-Katidral għoli fuq in-naħa ta’ wara”, il-Bieb tal-Griegi, Magazine Street, il-“pjazza ta’ quddiem is-swar”, Triq is-Salvatur, il-Knisja tal-Karmnu, il-bieb ewlieni tal-Imdina, it-tennis court u “l-ground żgħir tal-futbol”.

Il-Buskett:

Il-ġonna tal-Buskett joffru “ispirazzjoni għall-kittieb, kenn għall-maħbubin u biża’ għall-ġifa” (Kap. 11). Jissemma l-Kastell ta’ Verdala, l-“isbuħija selvaġġa tal-widien tal-Girgenti”. Dawn huma l-ispazji li fihom jimirħu Annabel u Edgar waqt l-ewwel laqgħat tagħhom. Huma wkoll spazji li jiġu idealizzati mill-awtur: “Hemmhekk fejn l-aktar li l-ħolqien jilma fi sbuħitu, fejn il-farfett jimraħ waħdu bla tfixkil matul il-jum u l-qamħ imewweġ mill-fewġa fl-għelieqi, fejn ix-xemx titla’ u tinżel, tbewwes l-irziezet u l-pinnur jiġġammja jew jitħarrek biż-żiffa fuq il-bjut, fejn mas-sebħ jidden is-serduq...” (Kap. 15)

Fil-Buskett hemm ukoll id-dar ċkejkna u mwarrba ta’ Robert. Hawnhekk iseħħu l-laqgħat sigrieti bejn Annabel u Robert miżżewġin lil persuni differenti (Kap. 21).

Fl-istess dar imbagħad, f’Kap. 28, Robert u martu Charlotte bħal jerġgħu jsibu lil xulxin wara żmien twil ta’ silenzju u bruda min-naħa ta’ Robert. Hemmhekk jitnissel il-frott tal-imħabba bejn dawn it-tnejn. Ftit wara mbagħad jiġri l-istess fid-dar ta’ Annabel u Edgar f’Ħad-Dingli fejn wara żmien twil ta’ bruda min-naħa ta’ Annabel jitnissel il-frott bejn dawn it-tnejn.

Ir-razzett

Ir-razzett jissemma f’kapitli 4, 10, 11, 16, 20, 32, 34 u 35. Ir-razzett jinftiehem bħala dak l-ispazju kenni f’nofs il-kampanja ta’ Ħad-Dingli; huwa spazju li jintrabat direttament mal-ħidma tal-bidwi u mal-ħamrija li huwa mdawwar biha: “Baqgħu għal ftit ieħor siekta iħarsu ’l isfel lejn l-irdumijiet. Minn waqt għall-ieħor kien jidher xi bidwi jixref barra minn ġewwa r-razzett u jibqa’ jitlajja fl-għalqa tiegħu jirranġa xi xkejjer jew jiġbor l-imgħażqa li tkun waqgħet fuq il-ħamrija sakemm idallam ftit ieħor...” (Kap. 4). Fil-kapitlu tal-għeluq ir-razzett jinftiehem bħala rokna ta’ kenn u kwiet kontra l-istorbju taċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa tal-elezzjoni ġenerali li qed iseħħu fit-toroq.

Ir-razzett hu wkoll l-ispazju tal-logħob u n-nuqqas ta’ responsabbiltà. Hekk f’Kap. 11, hekk kif Annabel tkun daħlet fir-razzett, “ħassitha titkebbeb ġewwa xi ħaġa ratba li fixklitha f’mixjietha. Bil-ħasda werżqet u waqgħet fl-art. Imbagħad intebħet li dik li kienet tinsab fuqha, kienet biss ix-xibka tal-insib ta’ missierha mitfugħa fuqha minn xi ħadd minn fuq. Daħka instemgħet tidwi mal-baħħ t’hemm ġew u minn bejn it-toqob tax-xibka, Annabel rat lil Edgar f’nofs it-taraġ, jintlewa bid-daħk.”

Ir-razzett huwa dak l-imkien li jintrabat mat-tifkira ta’ żminijiet imgħoddija. Hekk f’Kap. 9 Robert, f’dak ix-xahar li jkun ilu ma jara lil Annabel wara t-telfa tal-elezzjonijiet u wara l-laqgħa tiegħu ma’ Charlotte, u ftit qabel ma jitlaq għall-Ingilterra, jerġa’ lura għal ftit minuti fir-razzett biex “jgħix ftit tifkiriet qabel ma jitlaq għal kollox”. F’Kap. 16 Annabel tistħajlu “benniena ta’ tifkiriet mitluf waħdu”. Aktar tard fl-istess kapitlu naqraw li r-razzett “kien hekk ħanin magħha li għal ftit ħin ħadha lura fil-jiem aktar ħelwin minn dawk ta’ dak il-jum...” F’Kap. 32 Robert jgħid lil Annabel, “Lanqas se ninsa dan ir-razzett li sarraf daqshekk kenn għalina.”

Ir-razzett huwa l-post fejn wara żmien twil ’il bogħod minn xulxin Robert (lura mill-Ingilterra) u Annabel jerġgħu jiltaqgħu (Kap. 20). Huwa l-imkien fejn ix-xewqat astratti li fnew lit-tnejn għal xhur twal isiru realtà: “Robert! Robert! Bert, kemm ili nistenniek! Tniehdet tbus lil wiċċu u lil xofftejh [...] Kemm ixxennaqtek Annabel! Kemm ħlomt bik billejl fl-Ingilterra! Kemm xbihat stħajjilthom int!” Huwa issa u hawnhekk meta Annabel u Robert (it-tnejn marbutin ma’ persuni oħrajn) jinħabbu.

Ir-razzett huwa wkoll l-ispazju fejn Robert u Annabel jitkellmu dwar il-manuvri politiċi u trejdjunjonistiċi (Kap. 34). Hawn wieħed jifhem il-fatt li f’oqsma bħal dawn iridu jseħħu bosta kompromessi li mhux dejjem ikunu mixtieqa minn dak li jkun.

Ir-razzett jista’ jinftiehem bħala ġuf. Fih jiġi mnissel iben Robert u Annabel, Nicholas. Fih titwieled il-ġibda bejn Annabel u Edgar (Kap. 10). Fih Edgar jaffaċċja direttament lil Robert fil-preżenza ta’ martu Annabel (Kap. 34). Fir-razzett, fl-aħħar kapitlu, jitwieled l-għarfien, kemm f’Robert kif ukoll f’Annabel, li ż-żmien għadda minn fuqhom u m’għadhomx la tfal u lanqas żgħażagħ, imma persuni maturi bil-familji differenti tagħhom. Huwa hawn fejn Robert u Annabel bħal jifhmu li għandhom jaqbdu t-toroq indipendenti tagħhom u jkomplu mixjin ’il quddiem flimkien ma’ żwieġhom u wliedhom bla ma forsi jiltaqgħu qatt iżjed.

Fl-aħħar kapitlu naqraw hekk: “Robert baqa’ jħares lejha u dak il-waqt f’tebqa t’għajn ftakar f’bosta ħwejjeġ. Ftakar fil-ħmerijiet li qalu jew għamlu fi tfulithom u f’dik ta’ ħames snin ilu... Ftakar f’kollox u f’kull dettall waqt li f’dak il-ħin kien qiegħed jara lil Annabel – hi kif inhi – bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, kif dejjem raha, ħabbha u riedha.” F’dan l-aħħar kapitlu r-razzett jintrabat ma’ tliet żminijiet differenti, u dan ftit qabel ma jinbiegħ u b’hekk bħal tintemm għal dejjem ir-rabta bejn Robert u Annabel li issa lesti jħarsu ’l quddiem u jimmaturaw billi jaċċettaw id-destin tagħhom.

Spazji oħra:

Il-fabbrika tissemma diġà sa mill-ewwel paġna tar-rumanz ta’ Salv Sammut: “F’ħin minnhom dehru resqin ħames żgħażagħ, kull wieħed b’barżakka tistrieħ fuq spallejh jew titbandal f’idu. Minn kliemhom malajr taw x’jifhmu li kienu jaħdmu f’xi fabbrika u kellhom xi tilwima bejn it-Trade Union tagħhom u l-Management dwar xi żjidiet.”

Spazju simili huwa l-istamperija fejn jaħdem Robert (Kap. 22, 23, 24). Hemmhekk Robert jindirizza lill-ħaddiema bħalu u flimkien ma’ ħbiebu jwaqqaf il-Psaila Press Union. F’dawn il-kapitli Sammut jintroduċi diverżjoni fl-iżvilupp tal-plott ewlieni u jiffoka fuq Robert bħala mexxej ta’ union.

Post ieħor li jissemma regolarment huwa l-każin politiku. Din hija rokna tipika oħra għal qalb tagħna l-Maltin, rokna ffrekwentata l-aktar fi żmien l-elezzjonijiet. Spazju bħal dan jintrabat ukoll mal-Kwartieri Ġenerali tal-Partit fejn jiltaqgħu id-delegati (Kap. 8). Huwa l-ispazju fejn isiru konferenzi u diskussjonijiet, imma anki ċapċip, għajat u kant ta’ innijiet. ’Il quddiem il-laqgħat mal-ħaddiema jsiru f’Teatru (Kap. 30, 33). Hawn titwaqqaf l-Għaqda Nazzjonali tal-Istampar Malti.

Tissemma wkoll il-Belt Valletta. Triq Irjali (Kap. 7) tissemma għall-ħwienet u l-vetrini tagħhom, imma anki għal dimostrazzjoni politika (Kap. 35). Il-Biblijoteka sservi bħala l-post fejn Robert u Charlotte jiddiskutu l-manuskritt tagħha.

Il-Ħamrun jintrabat mad-dimostrazzjoni. Jissemmew il-knisja ta’ San Gejtanu, Pjazza Fra Diego, Triq il-Kbira, San Ġużepp, il-M.U.S.E.U.M. u l-Blata l-Bajda.

Għalkemm l-Ingilterra tissemma regolarment, l-azzjoni li sseħħ fiha dejjem narawha mill-perspettiva Maltija (ix-xogħol ta’ Robert, il-laqgħa bejn missier Annabel u Robert, l-istrajk indefinit tal-gazzetti). L-Ingilterra tissemma dejjem fid-distanza, mhux biss spazjali (wara li Robert jiġi lura Malta), imma anki temporali (l-esperjenza fl-Ingilterra mqiegħda fl-imgħoddi).

Indikaturi ta’ perijodu partikolari:

Staqsi lir-Riħ hu rumanz li deher għall-ewwel darba fil-bidu tas-snin sebgħin. Għalhekk fih ma jonqsux għadd ta’ dawk li se nsejjaħ “indikaturi ta’ perijodu partikolari”. Hekk f’Kap. 2 naqraw dwar “il-karti kbar ta’ xi kandidat partikolari bil-kolla msajra tajjeb”. F’Kap. 3 jissemmew il-“Bottle-Party”, ir-Rolling Stones, il-Beatles, “il-beat ta’ Mick Jagger jew Paul McCarney”, imma anki Marian Faithful u l-kanzunetta As tears goes by. F’Kap. 6 jissemmew il-qgħad, l-emigrazzjoni lejn l-Awstralja u d-“dnub il-mejjet”. F’Kap. 13 jissemmew it-“theddida ta’ gwerra oħra fl-Asja flimkien ma’ dik tal-Vjetnam”. F’Kap. 16 jissemma l-programm għan-nisa Maltin ta’ Carmen Carbonaro fuq ir-Rediffusion. Ir-Rediffusion jerġa’ jissemma f’Kap. 20 permezz “tal-programm tat-tfal taz-Ziju Salv”. Ir-Rolling Stones, il-Beatles, Mick Jagger u Paul McCartney jerġgħu jissemmew f’Kap. 32, flimkien ma’ Keith Richards u John Lennon.

Anki dawn l-indikaturi ta’ perijodu partikolari jgħinuna nidħlu iktar fir-ruħ tar-rumanz, imqiegħed fi spazju u fi żmien partikolari.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment