Sunday, January 16, 2011

ARLOĠĠ TA’ DARBA ta’ Charles Flores, Horizons, 2010.

Arloġġ ta’ Darba ta’ Charles Flores huwa rumanz semi-awtobiografiku li jifrex fuq 145 paġna u jinqasam fi 13-il kapitlu, b’Daħla ta’ Lino Spiteri. Huwa wkoll megħjun minn numru ta’ ritratti b/w li juru lil Charles Flores matul waqtiet differenti minn ħajtu.

Tematika u kontenut:

Fil-bidu n-narratur, Karl, jirrakkonta l-ewwel esperjenzi bħala żagħżugħ fix-xogħol tal-ġurnalist. Tinħass mill-ewwel il-ħtieġa li tinsab it-triq tan-nofs bejn ir-rispett lejn il-bniedem u l-oġġettività jew il-pinna kirurġika li biha jrid jikteb u jħares lejn il-fatti li jiġi wiċċ imb wiċċ magħhom. Għalhekk Karl, il-personaġġ ewlieni fir-rumanz, jipprova joħloq “kitba umana” u mhux sensazzjonali quddiem realtajiet kiefra, fosthom “munzell ta’ kadavri”.

Dawk ta’ Flores huma rakkonti ta’ min kiber qabel il-waqt u jkollu jħabbat wiċċu mad-dinja tal-adulti, imma li fil-qiegħ għadu jixxennaq iż-żminijiet tat-tfulija. L-arloġġ tad-dinja adulta jiġri sfrenat!

Hekk naqraw dwar tmiem is-snin 60: id-dnub il-mejjet, it-taqlib soċjali u kulturali f’Malta, l-emigrazzjoni, il-qgħad u n-nuqqas ta’ għażliet fil-qasam tax-xogħol, il-firda politika. Quddiem dan kollu naraw żagħżugħ ribell u determinat li jsir ġurnalist.

Hemm imbagħad irrakkontati l-ħajja ta’ kuljum, bejn xogħol, familja u mħabba; ċerti differenzi ta’ klassi soċjali li jissolvew bid-determinazzjoni u ftit umoriżmu; il-kappillan; in-nies li jinġabru fil-pjazza tar-raħal waqt terremot; ir-responsabbiltajiet tal-editorija. Imma anki l-ewwel opportunità ta’ safar fuq xogħol, il-laqgħa ma’ missier li ilu ma jidher snin twal u l-iskoperta li dan kellu familja ġdida, it-taqbida ġewwiena li sseħħ fil-protagonist (Karl) f’waqtiet imħawda bħal dawn, u s-solidarjetà bejn il-ġurnalisti, anki ta’ ġurnali rivali. Dwar dan naqraw hekk: “L-atmosfera fost il-ġurnalisti hija dejjem waħda xi ftit jew wisq ċinika. Jiffurmaw ħbiberiji iżda xorta waħda tibqa’ ċerta distanza minħabba l-istess natura tax-xogħol. Wieħed jaħbi mill-ieħor, għad li kull meta jinqala’ l-bżonn imbagħad ikunu jafu kif għandhom jgħinu lil xulxin.”

Flores jikteb ukoll dwar il-mixja tal-ġurnaliżmu lejn meti professjonali u iktar impenjattivi, imma anki dwar il-kompetizzjoni min-naħa tat-televiżjoni u r-radju. Dwar il-kuntrast bejn kwalità u kontenut tal-ġurnali Flores jikteb hekk: “Jekk il-kwalità tal-ġurnali Maltin tjiebet, il-kontenut baqa’ mibni fuq medjokrità parrokkjali, pika politika u stejjer mill-Qorti li aktar setgħu jħarbtu l-futur ta’ żagħżugħ milli jgħinuh jirriforma u jibda kapitlu ġdid f’ħajtu.”

Xi drabi Flores jgħaddi wkoll xi botti ta’ natura politika lokali, imma minkejja r-rabta tiegħu max-xellug, dejjem iżomm l-oġġettività u l-ekwilibriju. Dan żgur juri maturità.

Minn ġurnalist ma’ Ix-Xefaq Karl jgħaddi għal karriera fit-televiżjoni, taqsima tal-aħbarijiet. Anki hawn naqraw dwar magħmudija tan-nar: splużjoni ta’ kamra tan-nar fejn imut ħabib ta’ Karl. Fil komuni matul ir-rakkont huma l-għajnejn tal-vittmi.

Dak tal-ġurnalist u tal-kap ta’ taqsima tal-aħbarijiet mhux xogħol faċli, l-aktar fiż-żmien jaħraq tal-elezzjonijiet, b’waħda mill-problemi ewlenin tkun l-imparzjalità fir-rappurtaġġ tal-fatti. Jiġi rrakkuntat żmien l-elezzjonijiet jaħarqu tal-1981, żmien il-bojkott kontra l-istazzjonijiet tax-xandir nazzjonali, żmien ta’ kunflitti interni fl-istess kumpanija tax-xandir. Bla ma jissemmew dati naqraw anki dwar is-sena 1987 li ġabet bidla fit-tmexxija tal-pajjiż.

Aktar tard Karl jgħaddi għar-radju, proprju fiż-żmien meta għalaq is-servizz tar-Rediffusion. Naqraw dwar il-festini mal-ġurnalisti barranin, u saħansitra dwar laqgħa każwali ma’ Peter Ustinov.

Intant il-kurrent tal-bidla jkompli jolqot fil-laħam il-ħaj setturi differenti, inkluż ix-xandir. Minkejja li Karl ikollu jitlaq xogħlu xorta waħda tibqa’ d-determinazzjoni tħeġġeġ fih, tant li jgħaddi għall-ġurnaliżmu freelance. U dan ippermettielu iktar ħin liberu, ħin li seta’ jiddedika biex jikteb il-ktieb ta’ ħajtu. Huwa hawn fejn Karl u Charles Flores bħal jiltaqgħu u jsiru persuna waħda.

L-ispazji:

L-ispazji jvarjaw minn dawk dojoq marbutin mal-gżira tagħna, sa dawk usa’ li jmorru lil hinn miċ-ċokon ta’ pajjiżna u li jlaqqgħuna ma’ realtajiet anki estremi. Strada Rjali hi mifhuma bħala palk, mimlija “karattri ewlenin”. U dan fi żmien meta Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi. Il-Parlament hu ppreżentat bħala l-“kollesseju tal-gladjaturi” fejn “jinxtered id-demm innoċenti, jinbnew l-imperi ġodda u jinħattu l-ambizzjonijiet glorjużi”, u anki bħala “teatrin”.

Hemm imbagħad Londra, mifhuma bħala metropoli. Flores ilaqqagħna wkoll mar-realtà kerha ta’ ċerti pajjiżi fil-Lvant Nofsani fejn darba Karl iltaqa’ ma’ xena fejn xi żgħażagħ ribelli ġew mgħallqin ma’ siġar f’nofs misraħ. Hawn Flores ifakkarna li xi minn daqqiet il-ġurnalisti, jekk ma joqogħdux attenti.ż, jistgħu jkunu kaġun ta’ inċidenti diplomatiċi internazzjonali.

Spazju ieħor huwa d-deżert, fejn il-mini li ħallew warajhom in-Nażisti u l-Alleati għadhom inisslu l-imwiet sal-ġurnata tal-preżent. Dejjem barra minn Malta u fuq il-fruntiera bejn żewġ pajjiżi fi gwerra kontra xulxin, id-dinja tal-bniedem tiġi mxebbha ma’ dik tal-annimali: “Ċiklu annimalesk li wara kollox naraw bħalu fil-bniedem.” Huwa hawn fejn Flores ifakkarna li l-isterminji ma jsirux biss fl-Afrika, imma seħħew anki fl-Ewropa bħal kif ġara fil-kampijiet tal-konċentrament.

Sitwazzjoni simili fejn il-kelb jingħata karatteristiċi umani naqraw dwarha f’kapitlu 9: “Il-kelb kien jafha daqs kemm kien jaf lil żewġha. Min jaf x’ħaseb? Karl beda jipprova jimmaġina x’kien għaddej minn moħħ dik il-bhima fidila. Li se tieħdu ħdejn sidu? Jew kien jaf li sidu miet u issa kellha tieħu ħsiebu hi? Li għalih il-ħajja kienet spiċċat ukoll darba sidu ħallieh? Il-familja ta’ Ċensu kien jafha sewwa. Kien jiekol u jixrob magħhom fl-istess kamra. Kien għassies tajjeb...”

Aktar ’il quddiem naqraw dwar żjara f’Bejrut waqt il-kunflitt ċivili: il-kampjiet tar-refuġjati u l-laqgħa man-nies ta’ Arafat.

L-istil:

Jolqtu mill-ewwel l-attenzjoni għad-dettallji u anki l-istil li jżomm lill-qarrej għajnejh imwaħħlin fuq il-paġna jaqra attent għal dak li se jseħħ wara. U dan żgur li jirrifletti l-esperjenza ta’ bniedem li huwa mkisser sewwa fis-sengħa tal-kitba u tal-ġurnaliżmu.

Hemm irrakkontati kemm ġrajjiet li jintrabtu mal-aspett familjari tal-awtur (il-laqgħa mal-missier u l-familja ġdida tiegħu, ir-rabta ambigwa bejn missier u iben, u, aktar tard, il-mewt tal-figura paterna), alternati ma’ oħrajn li jintrabtu mal-qasam professjonali tiegħu. Flores jikteb bi stil li għandu mid-djarju personali, mill-ġurnal tal-vjaġġi (it-travelogue), mill-kwadern tal-ġurnalist fittiex ta’ ħwejjeġ interessanti, xi drabi anki mir-rumanz tal-ispjunaġġ.

Flores ġieli jibni ċerta tensjoni waqt ir-rakkontar tiegħu, biex wara jbatti minnha billi b’xi mod jew ieħor jipprova jnissel tbissima fil-qarrej. Huwa hawn meta Flores ifakkarna li fix-xogħol tal-ġurnalist l-umoriżmu għandu wkoll ir-rwol importanti tiegħu.

Konklużjoni:

Arloġġ ta’ Darba fuq kollox jirrakkonta l-ħajja ta’ bniedem rett, oġġettiv u li dejjem ħares ’il quddiem bla ma qatt baxxa rasu quddiem id-daqqiet ta’ ħarta li taf toffri l-ħajja. Wara li qrajt ktieb bħal dan ġew f’moħħi xi pubblikazzjonijiet bħal dawk ta’ ġurnalisti u xandara oħrajn li ħadmu lil hinn minn xtutna bħat-Taljani Lilly Gruber (I miei giorni a Baghdad - 2003; Chador – 2005) jew Mike Bongiorno (La versione di Mike – 2007), u l-Ingliż John Simpson (Strange Places, Questionable People – 1998; A Mad World, My Masters – 2000; News From No Man’s Land - 2002), li kollha kemm huma b’xi mod jew ieħor jorbtu flimkien il-ħajja personali ma’ dik professjonali tagħhom biex fl-aħħar mill-aħħar joħolqu xogħol mexxej, informattiv, attwali u interessanti tassew.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment