Thursday, January 27, 2011

STUPRU ta’ Mary Anne Zammit

Stupru (2006) huwa t-tielet rumanz tal-awtriċi żagħżugħa Marie Anne Zammit li jifrex fuq 109 paġni u ħames taqsimiet ewlenin. Iż-żewġ rumanzi ta’ qabel ta’ Zammit kienu Id-dell ta’ l-eżmeraldi (2001) u Ir-raġel l-iswed (2002). Dan ta’ l-aħħar rebaħ il-premju letterarju tal-Maltese Association of Publishers and Authors.

Nistqarr li Stupru qrajtu f’jumejn u ma dejjaqni xejn, anzi nħoss li l-awtriċi Zammit għenitni bħala qarrej ta’ dar-rakkont fittizju (li kif tgħid l-awtriċi fid-daħla huwa però mnebbaħ minn esperjenzi veri) nifhem iżjed u aħjar waħda mill-problemi soċjali ewlenin illum. Mela dan ta’ Zammit huwa rumanz b’tema soċjali qawwija u li tkexkxek, anki għaliex iddaħħal lill-qarrej, hu min hu, hi min hi, fil-qofol tal-problema li mhix biss waħda morali jew fiżika, imma anki psikoloġika, familjari u soċjali.

Strutturalment Stupru jinqasam f’ħames partijiet, b’kapitlu twil ħafna (78 paġna) ċentrali. Hija struttura kjastika (minn kjasmu): l-ewwel parti bl-isem ta’ “Francine” (3 paġni); it-tieni parti bl-isem ta’ “Dottoressa Michelle” (7 paġni); it-tielet parti bl-isem ta’ “Francine” (78 paġna); ir-raba’ parti bl-isem ta’ “Dottoressa Michelle” (4 paġni); il-ħames parti bl-isem ta’ “Francine” (3 paġni). Il-kelma “stupru” hija ewlenija anki għaliex ir-rumanz kollu jdur madwarha l-ħin kollu.

Il-qarrej jinduna biss kemm struttura bħal din hija effettiva meta jasla fl-aħħar paġna tar-rumanz. In-narraturi huma tnejn: it-tfajla infermiera Francine (żagħżugħa li tapprezza s-saħħa u l-imħabba imma li aktar tard issir il-vittma ta’ l-istupru) u d-dottoressa Michelle (psikoterapista). Il-leħen li jinnarra x’seħħ minnu fl-ewwel paġni ma jikxifx l-identità tiegħu minnufih. Il-qarrej jifhem biss li għadhom kemm saru żewġ atti koroh: stupru u omiċidju. Tinħass ukoll ix-xewqa li jsir suwiċidju, imma dan in-nuqqas ta’ tagħrif iservi biss biex il-qarrej jibqa’ jaqra bla ma jieqaf ħalli jasal biex jikxef x’hemm moħbi wara dan kollu. Mill-ewwel jinħass li wieħed mill-punti stilistiċi li jispikkaw fi Stupru huwa t-tħaddim tas-similitudni u tal-metafori li huma ħafna. Xi wħud mix-xbihat huma biss klixejiet imma oħrajn huma mill-aktar effettivi u xi drabi anki poetiċi.

It-tieni parti tieħu l-għamla ta’ rapport li jiddeskrivi l-faċċati diversi tal-vjolenza sesswali u huwa hawnhekk fejn stilistikament ir-rumanz bħal donnu jitbiegħed mil-livell letterarju.

Kif diġà ktibt, it-tielet parti, dik ċentrali, ittul aktar minn 70 paġna. Inħoss li hawnhekk dil-parti setgħet fażilment tinqasam f’taqsimiet differenti biex ma tgħajjix lill-qarrej u fl-istess ħin ikun hemm iktar sens ta’ organizzazzjoni. Minkejja dan wieħed isib bosta partijiet riflessivi sbieħ u mill-aktar validi. Interessanti f’dil-parti hija wkoll il-laqgħa bejn Francine u Marija, vittma żagħżugħa oħra ta’ l-istupru, u l-proġett li jiddeċiedu li jaħdmu għalih flimkien biex fl-aħħar isir realtà: dak li jitwaqqaf Ċentru għall-Abbuż Sesswali, minkejja l-qtigħ il-qalb, il-bsaten fir-roti, is-sagrifiċċji u t-theddid minn min għalih l-istupru huwa biss bżonn annimalesk.

Huwa proprju f’dil-parti fejn Francine, mit-tfajla anonima tal-bidu, tinbidel fi protagonista. Att li għall-bidu jkun jidher omiċidju issa jinbidel f’att ta’ difiża personali. Parti oħra b’saħħitha hija fejn naqraw dwar x’ġara minn Francine eżatt wara t-tieni stupru tagħha: l-għażla bejn il-mewt u l-ħajja.

Narrattivament, dan il-kapitlu ċentrali joħodna lura fiż-żmien permezz tal-flashback biex wara 78 paġna jerġa’ jwassalna eżattament għall-punt fejn beda r-rumanz. Iżda did-darba l-ġrajja sħiħa tieħu sura totali f’għajnejn il-qarrej.

Il-messaġġ tal-parti ta’ qabel ta’ l-aħħar hu dak li għandu jkun hemm terapija kemm għall-vittmi, kif ukoll għall-aggressuri fl-istupru. U dan bħal donnu jiġi mtenni fl-aħħar linji tar-rumanz b’żieda oħra fejn Francine tisPiżċa b’dal-ħsieb nobbli: “U nerġa’ nistaqsi lill-qamar illejla: X’jista’ jsir biex inwaqqfu l-aggressuri? Forsi huma wkoll xi darba kienu vittmi bħali. B’hekk nasal biex naqbad il-mogħdija tad-dawl li tinsab biss fil-maħfra.”

Stupru għandu “Kelmtejn qabel” miktuba mill-ġurnalist u poeta Charles Flores li jqis lil Marie Anne Zammit bħala waħda minn dawk iż-żgħażagħ li għalihom “l-impenn soċjali huwa wirt li jasal għandhom bi dritt”. Laqtuni ħafna dawn il-kliem fil-kitba ta’ Flores:

Stupru huwa rumanz differenti mill-ħafna li nsibu fil-ħwienet tal-kotba. Għal Marie Anne Zammit fih hemm suġġett li mhux biss ħassitu u immaġinatu, iżda għexitu. Ġiet wiċċ imb’wiċċ miegħu fil-ħajja tax-xogħol ta’ kuljum tagħha. Kien l-isfida ta’ l-istudju tagħha u għaldaqstant kitbietha hija furkettata interessanti li biha tnewlilna l-pjaċir tal-qari mħallat ma’ l-element edukattiv, l-awtorità ta’ l-esperjenza mal-ħtieġa li tagħtina rakkont mexxej u konvinċenti.

L-istil ta’ Zammit nieqes għalkollox mill-ħasda tas-sorpriżi. Ir-rumanz huwa mibni fuq is-sempliċità, speċi ta’ ġabra ta’ ritratti li flimkien jiffurmaw album sħiħ ta’ storja ħakkiema ... F’idejna tatna l-aħjar xogħol tagħha s’issa, mhux strettament mil-lat ta’ valuri lettararji, iżda mill-effett tal-kitba li qed twasslilna.”

U hawn naqbel mija fil-mija ma’ Flores. Napprezza ħafna l-ispontanjetà, is-sempliċità u l-awtentiċità ta’ Zammit (minkejja l-fatt li għad għandha ħafna fejn ittejjeb), iktar u iktar meta niftakar li dawn huma valuri li ma jispikkawx dejjem fil-qasam narrattiv kontemporanju, l-aktar fejn jidħlu kittieba żgħażagħ oħra.

Marie Anne Zammit iggradwat bħala Social Worker u fil-Probation Services mill-Università ta’ Malta.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment