Sunday, January 2, 2011

ARPEĠĠI - Antoloġija poetika ta’ Therese Pace

Dawn l-aħħar snin żdiedet ħafna l-produzzjoni poetika min-naħa tal-kittieba Maltin. Żdiedu wkoll l-ismijiet ta’ poeti nisa f’dan il-qasam. Ma nistax ma nsemmix ismijiet bħal Marlene Saliba, Maria Grech Ganado, Doreen Micallef Chritien, Rena Balzan, Karen Vella, Josette Baldacchino, Imelda Serracino Inglott, Anna Pullicino, Claire Azzopardi u Simone Inguanez. Dawn l-ismijiet huma kollha prova ħajja tal-fatt li l-poeżija Maltija mhix monopolju tas-sess maskili, imma hija mħaddma sewwa wkoll min-nisa li forsi llum aktar mill-bieraħ m’għadhomx jibżgħu jperrċu kitbiethom.

Therese Pace hija poetessa oħra li m’għandha xejn inqas minn dawk li diġà semmejt. Hija membru tal-Għaqda Poeti Maltin u rebbieħa tal-Premju Konkors GWU (2003) permezz tal-poeżija tagħha Ibq’Orbot l-Id. Hija rebħet ukoll l-ewwel premju tal-Konkors Nazzjonali tal-Poeżija (2003) organizzat mill-Għaqda Poeti Maltin fil-kategorija tal-poeżiji bit-Taljan bil-poeżija È l’ora promessa al travaglio.

Fil-31 ta’ Ottubru 2003, fil-Kunsill Lokali ta’ B’Kara, hija nidiet il-ktieb ta’ poeżiji bl-isem Arpeġġi. Hija ġabra ta’ aktar minn 90 poeżija, maqsuma f’sitt taqsimiet, fosthom Jien, Twemmin, Imħabba, Natura, Soċjetà u Oħrajn. Huma poeżiji li nkitbu fil-parti l-kbira tagħhom f’dawn l-aħħar għoxrin sena, għalkemm l-eqdem waħda tmur lura sa l-1979. Arpeġġi għandu Daħla mill-poeta u traduttur Alfred Palma. It-titlu huwa adatt ħafna għal ġabra bħal din ladarba l-qarrej mill-ewwel jinduna li l-poetessa tagħti ħafna importanza lill-poeżiji kif jinstemgħu. U dan tagħmlu billi tħaddem ir-rima, anki jekk mhux dejjem fi skemi regolari, u ritmi differenti bħalma huma dawk tal-endekasillabu, is-settenarju u s-senarju, fost l-aktar komuni. Ritmi bħal dawn iġagħlu lit-tifsira tiżloq minn vers għall-ieħor bla ebda diffikultà jew tqanżigħ, b’mod naturali u safi bħall-ilma ġieri. L-aspett mużikali joħroġ ukoll permezz tat-tħaddim ta’ bosta assonanzi u konsonanzi jew rimi ġewwiena bħalma naraw f’dis-silta meħuda minn Uliedi:

“Għajjietni dit-tqala

bla btala

żewwiġt fantasija

kif stajt,

ma’ vrus poeżija.

Kidditni u ferrħitni

Għax ksibtha bla ħsieb

Dil-ħrara,

dix-xrara li tkebbset għall-ktieb”.

Hawnhekk naraw lil Therese Pace bħala mara tad-demm u l-laħam, u poetessa, maħbuba ta’ Vassalli u ta’ l-ilsien Malti. Ritmu, mużika u poeżija jsiru ħaġa waħda mal-poetessa.

Dawk ta’ Therese Pace huma poeżiji miktuba kemm f’għamla ta’ versi ħielsa fuq naħa, kif ukoll f’għamla ta’ metrika (ximindaqqiet hemm l-użu tal-kwartini u t-terzini) u prosodija tradizzjonali fuq in-naħa l-oħra. Is-sabiħ huwa li spiss tippreżenta l-versi tradizzjonali f’alternanzi differenti, bħall-endekasillabu mal-kwinarju jew is-settenarju, jew is-senarju man-novenarju u d-doppju senarju. Taħlita ekwilibrata oħra hija dik bejn l-użu tajjeb tal-Malti Semitiku u idjomatiku fuq naħa, u l-Malti Romanz u aktar modern fuq in-naħa l-oħra. Lessikalment tixrob ukoll mill-Vanġelu jew mill-mitoloġija klassika, imma fuq kollox mid-dinja naturali u dik tal-istaġuni. Stilistikament hemm dawk il-poeżiji li jinftiehmu mill-ewwel, iżda hemm oħrajn illi għandhom mill-poeżija ermetika fejn it-tifsira trid tfittixha u taħdem għaliha.

Fl-ewwel taqsima, Jien, tolqot ħafna t-tema tal-poetika: hekk tikteb Therese Pace fi Stqarrija:

“se mmut kif dejjem għext

f’sakra ma tarax art

ta’ poeżija”;

u f’Poeta:

“Jien biss

ilsira ta’ kull ħsieb,

imjassra b’rieżma karti

u loqma lapes”.

Hawnhekk tispikka wkoll il-figura ta’ Kristu. Hekk f’Salvatur il-poetessa ssir hija stess Kristu fuq is-Salib u titlob hi l-għajnuna tiegħu. Figuri importanti oħra huma l-Papa, ir-“ragħaj ta’ dinna”, u l-Madonna, “Marija/għalija/il-ħajja intiera!”. Hemm però bħal kunflitt bejn waqtiet ta’ twemmin u oħrajn ta’ qtigħ il-qalb fejn dik li kienet tidher għaqda u mħabba tispiċċa f’illużjoni (Jien u Int), jew l-għarfien li fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem jispiċċa u ma jibqa’ minnu xejn ħlief qabar kiesaħ u forsi “xemgħa tlebleb siekta” (Epitaffju).

It-temi li niltaqgħu magħhom huma varji. Xi drabi l-poetessa tidħol tfittex fiha nnifisha fejn hemm spazji sigrieta li fihom jitwieldu vrusha. Huma wkoll spazji-knisja fejn jinsabu tnejn biss: il-poetessa u l-Mulej (ara Bibien). Hemm it-tema ta’ l-imħabba u għalhekk spiss jissemmew il-jien u l-int li jitqiegħdu fi djalogu-monologu fejn il-poetessa toħlom l-ideal imma taf ukoll li faċilment jista’ jitrabba “xiber kallu iebes”, fejn hemm il-passjoni u x-xewqat fuq naħa u l-farretti u l-‘mard tal-qalb u r-ruħ” fuq in-naħa l-oħra.

Laqtitni ħafna t-taqsima Soċjetà li tittratta temi bħalma huma l-prostituzzjoni u l-parassiti li jieklu minn fuq spallet id-dgħajjef, il-gwerra, anki dik attwali fl-Iraq, l-infedeltà fiż-żwieġ, l-indifferenza jew l-apatija ta’ ċerti Maltin fejn tidħol Malta, ir-refuġjati, l-imħabba li tinxtara bl-irħis, ix-xebbiet ommijiet, ix-xewqa biex Malta “tgħożż ġmiel il-valuri”, u l-kwistjoni taħraq fl-istrixxa ta’ Gaża.

Din ta’ Therese Pace hija antoloġija poetika valida proprju għaliex bħall-veru poeta hija tberraħ is-sentimenti ta’ mħabba, għadab, uġigħ il-qalb u l-bqija f’għamla mill-aktar lirika. Il-qarrej jinduna wkoll li għal darb’oħra għandna dinja ppreżentata mill-perspettiva ta’ bniedma li taħseb, tifli, tagħdab u tħobb, dinja mgħoddija però minn għarbiel partikulari, dak ta’ qalb poeta mara li m’għandha xejn inqas minn poeta raġel. Ma ninsewx li l-poeżija m’għandhiex sess, hija biss espressjoni artistika. Jew le?

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment