Tuesday, December 21, 2010

Raħal Maqbud f’Tempesta ta’ Alfred Massa (Agius & Agius, 2009)

Alfred Massa huwa l-aktar magħruf fil-qasam tal-poeżija, proprju għax huwa l-President tal-Għaqda Poeti Maltin, ko-awtur tal-ġabra poetika Qawsalla ’72, u awtur ta’ żewġ ġabriet ta’ poeżija (Fjur tal-Ġebel, 1994; Diwi fil-Maqdes, 2000). Imma minkejja dan m’għandniex ninsew li huwa wkoll awtur ta’ għadd imdaqqas ta’ rumanzi (Is-Salib tal-Ġiżirana, 1973; L-Aħwa Adonis, 1975; X’Taf Tagħmel l-Imħabba u L-Istar ta’ l-Imgħoddi, 1977; It-Tfajla tal-Bikini, 1979; Il-Logħba ta’ l-Imħabba, 1982; Mad-Destin ma Jilgħab Ħadd, 2006; u L-Erba’ Aħwa, 2008). Is-sena 2009 rat ippubblikat rumanz ġdid mill-pinna ta’ Alfred Massa, Raħal Maqbud f’Tempesta, li r-rakkont tiegħu jifrex fuq 165 paġna, maqsum f’sittax-il kapitlu.

L-istoriku u l-mistħajjel, u l-ambjentazzjoni

Bħala sfond storiku għal dan ir-rumanz ġdid tiegħu, Alfred Massa jagħżel is-seklu 18, meta fost l-oħrajn spikkat il-firda bejn il-klassi tas-sinjuri u aristokratiċi (dik li tgħix fil-lussu) u l-klassi tal-fqar, mela l-poplu in ġenerali, dak li jaħdem daqs bagħal u xorta jgħix il-miżerja, imma kuntent. Ir-raħal ta’ Ħal Tarxien huwa ċ-ċentru tal-azzjoni. Permezz ta’ Raħal Maqbud f’Tempesta Massa jurina li dan ir-raħal għandu imgħoddi u ġrajjiet rikki u li ta’ min jibqgħu jiġu miftakra.

Sa mill-bidu nett Massa jħallat il-livell storiku ma’ dak mistħajjel, ir-rakkont nazzjonali ma’ dak individwali u privat. Mela mill-ġenerali tal-Istorja jgħaddi għall-partikolari tal-familji, bħal dik ta’ Ċikku l-Matnazz. Dan kollu huwa mqiegħed fl-ambjent tar-raħal antik ta’ Ħal Tarxien, fis-seklu tal-Illuminiżmu u tar-Rivoluzzjoni Franċiża. L-awtur jirnexxilu jidħol sewwa fl-ambjentazzjoni ta’ nofs is-seklu 18: id-dar, ir-raħal, Malta, il-Knisja u l-Ordni ta’ San Ġwann, ċerti drawwiet u mentalità taż-żmien in kwestjoni.

Il-mewt tax-xwejħa Martina bħal iġġib lil Dun Tumas wiċċ imb wiċċ mal-faqar sfrenat li wħud kienu jgħixu fih fir-raħal. Kien żmien meta anki l-Knisja Maltija kienet għaddejja mill-maltempata tagħha. Massa jħalli spazju fir-rumanz tiegħu għal-Laqgħa bejn il-Kappillani li saret f’Ħal Tarxien u li qajmet l-għadab tal-Kurja Maltija, imma anki lill-vjolenza li wettqet l-istess Kurja rigward ċerti kappillani li waqfulha. Kien ukoll żmien meta l-Isqof Rull u l-Gran Mastru Pinto ma tantx kienu jinħamlu, u meta l-poplu, minkejja li fqir, ma kienx ġwejjed fi kwistjonijiet fejn kienet issir l-inġustizzja miegħu u ma’ min iħobb.

Massa għamel sewwa r-riċerka tiegħu qabel ma beda jikteb. Għalkemm dak tiegħu hu rumanz storiku, ma jonqsux waqtiet fejn joqrob lejn ir-rumanz soċjali, b’referenzi għall-isfruttar, il-faqar, it-tbatija u l-injoranza tal-popolin.

Il-livell storiku u dak mistħajjel jibqgħu jitħalltu sal-aħħar. Bejn dawn it-tnejn, Massa bħala awtur u narratur jinkludi wkoll il-ħsibijiet u l-osservazzjonijiet suġġettivi tiegħu.

Stil

Alfred Massa jibbilanċja tajjeb bejn in-narrazzjoni (li tfisser moviment u żvilupp) u d-deskrizzjoni (waqfa u dettall fl-iżvolġiment tal-azzjoni tar-rakkont). Interessanti hija d-deskrizzjoni tal-preparamenti li seħħu biex issir il-festa f’Ħal Tarxien biex it-Tarxieniżi jilqgħu lura l-ħatra ta’ Dun Tumas bħala Kappillan mill-ġdid. Ir-ritmu tar-rakkont huwa mexxej ħafna, u tipografikament il-kliem huwa stampat kbir biex jinqara bla diffikultà.

Minkejja li Massa (bħala kittieb li qed jikteb fis-seklu 21) jambjenta r-rakkont tiegħu fl-imgħoddi, spiss joħloq paraguni u kuntrasti mal-preżent. Lingwistikament, iħobb juża l-Latin idjomatiku, rifless ukoll taż-żmien u tal-importanza tal-ilsien Romanz fil-qasam tal-Knisja, ladarba wieħed mill-protagonisti ewlenin hu Dun Tumas. Massa jagħmel ukoll użu tajjeb tal-Malti idjomatiku, anki permezz tal-qwiel.

Insiru nafu bil-mewt ta’ Dun Bert permezz ta’ flashback. Mekkaniżmu ieħor li jħobb iħaddem Massa huwa l-alternanza bejn waqtiet negattivi (mumenti ta’ inkwiet, li huma ħafna; bħal meta Saverin tinsab mejta fil-ħabs wara li tiġi arrestata), u oħrajn pożittivi (bħall-għerusija bejn Ninu u Susanna).

Tematika

L-aspett morali huwa importanti tassew f’Raħal Maqbud f’Tempesta. Tispikka fost l-oħrajn il-ġlieda bejn mentalitajiet opposti fir-raħal ta’ Ħal Tarxien: dik bejn il-Kappillan u s-Sinjura Saverin, mela bejn it-tradizzjoni li tibża’ mill-ġdid għax perikoluż, u l-modern li jġib miegħu bidla, imma anki tempesta fir-raħal. Minkejja dan, wieħed jista’ jinnota ċerti xejriet komuni bejn dawn iż-żewġ personaġġi.

Għalhekk f’kapitlu 5, ir-rakkont jieħu xejra ta’ ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb. Alfred Massa jaf kif iħawwar ir-rakkont tiegħu permezz ta’ ingredjenti differenti: id-dedikazzjoni, il-virtujiet, il-vizzji, il-vendetta, il-ġabra tal-familja, il-pjaċir, l-infedeltà, id-delitt misterjuż li jinħeba wara suwiċidju, is-sigriet tal-qrar, it-tradiment min-naħa ta’ persuni suppost leali, il-korruzzjoni u l-qerq ta’ ċerti kavallieri u l-għajbien ta’ oħrajn, il-ħabs, il-mibegħda, u l-bqija.

Personaġġi

Fost il-personaġġi li niltaqgħu magħhom hemm is-Sur Feliċ, bniedem rispettat min-nies tar-raħal u anki minn persuni ta’ kariga għolja fil-gżira, anki għax iqis dak li jkun se jgħid qabel ma jiftaħ ħalqu. Is-Sur Feliċ jirrappreżenta l-qies, ir-rażan, ir-raġuni, fejn ħaddieħor malajr jibla’ dak li jkun qed jingħad min-nies. Imbagħad hemm Dun Tumas u Dun Bert. Mid-diskursata ta’ bejniethom (Kapitlu 3) joħroġ il-fatt li f’dak iż-żmien kien hemm bosta ħwejjeġ x’jistgħu jitjiebu fit-tmexxija tal-Kleru. Dun Tumas jieħu n-naħa tal-poplu injorant u sfortunat.

Dun Tumas isib difensur ħabib u effettiv f’Dun Giuseppe Grech. Tal-ewwel jirnexxilu jirbaħ il-kawża kontra l-Knisja Maltija u jiġi ddikkjarat innoċenti. Il-każ isir magħruf lil hinn mill-fruntieri tal-Gżejjer Maltin.

Konklużjoni

Sal-aħħar iċ-ċentru tar-rumanz jibqgħu Dun Tumas u Ħal Tarxien. Sal-aħħar Massa jibqa’ jinsisti fuq il-fatt li għandna nkunu nafu l-imgħoddi tagħna u nirrikonoxxu lil min verament ħadem għat-tajjeb tal-Maltin. Raħal Maqbud f’Tempesta għandu jinżel għasel ma’ dawk li għandhom għal qalbhom l-Istorja ta’ pajjiżhom, imma wkoll ma’ dawk li jħobbu jgħaddu ftit ħin jaqraw rumanz bla ħafna kumplessitajiet li jgħajjulek moħħok, miktub b’Malti nadif, ċar u mexxej.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment