Monday, December 20, 2010

l-Prinċep u t-Trogloditi ta’ Charles Casha (KKM, 2008)

Introduzzjoni:

Il-poplu Malti llum m’għandux skużi. Il-ktieb Malti mexa ’l quddiem u min irid jaqra bil-Malti llum jista’ jaqra kważi dwar kollox. Għal min iħobb il-ġeneru tal-fantasija Charles Casha ħaseb biex jikteb rumanz ġdid u oriġinali bl-isem ta’ Il-Prinċep u t-Trogloditi. Mhuwiex biss ktieb għat-tfal għax faċilment jista’ jogħġob ukoll lill-kbar. Kemm huma dawk it-tfal u l-kbar li għoġbuhom kotba ta’ J.K. Rowling, ta’ Philip Pullman jew ta’ J.R.R. Tolkien? Anki Il-Prinċep u t-Trogloditi għandu jinżel għasel mal-pubbliku kemm żgħir kif ukoll adult.

Binja u Stil:

Diġ¿ mill-ewwel kapitlu l-qarrej jinduna li dan hu rumanz-rakkont li jinvolvi bosta spazji, karattri u dimensjonijiet differenti. Fih innifsu dan huwa kumpless imma l-istil narrattiv hu mexxej filwaqt li l-lingwaġġ li juża Casha hu sempliċi. Il-kapitli huma qosra u għalhekk ma jaqtgħulekx qalbek biex taqrahom u timxi ’l quddiem.

Casha jimraħ fil-ġeneru tal-fantasija li għandu kemm mill-ħrafa kif ukoll mil-leġġendarju. Naraw għalhekk lill-bniedem f’waqtiet sbieħ, imma anki f’waqtiet meta jrid iħabbat wiċċu ma’ bosta ostakli. L-ebda rakkont fantastiku mhu statiku, imma dinamiku, u dan iseħħ permezz tat-tema tal-vjaġġ.

Bħal kull rakkont fantastiku tajjeb, Casha jaħdem biex inissel għadd ta’ mistoqsijiet fil-qarrej, u dan biex ikompli jaqra b’ħeġġa u b’interess. Min hu r-raġel misterjuż li ħa lit-tarbija marida quddiem is-Saħħara Nevena biex tfejqu? Min hija verament it-tarbija? Min hu t-tifel li r-re sab fil-Bosk Irjali? Min hu realment Kalev? U missieru, x’sigriet għandu x’jinnarra? L-imgħoddi jiġri wara l-preżent u l-verita` xi darba jew oħra trid titla’ f’wiċċ l-ilma.

Casha jagħmel użu minn element ieħor tar-rakkont fantastiku: il-mhux-mistenni. Fl-isfond hemm il-ġlieda bejn il-ħażin u t-tajjeb, bejn min iħobb lill-poplu u lil pajjiżu fuq naħa, u min moħħu fl-ambizzjoni personali u l-poter fuq l-oħra.

Elementi jew mekkaniżmi oħrajn imħaddma minn Casha huma l-importanza tal-lejl, il-mimetizzar minn personaġġi li ma jridux juru min huma, kreaturi mhux umani, is-sigriet li jrid jinżamm. Hemm ukoll l-alternanza bejn waqtiet ta’ tama u oħrajn ta’ qtigħ il-qalb, it-tfittxija għal xi ħadd partikolari li tieħu ħafna żmien, il-personaġġ il-ħażin (maħkum mill-mibegħda li titnissel mir-regħba), il-ħarba tal-ippersegwitat, ir-rwol tax-xorti li daqqa tgħin u daqqa tgħaddas fit-tajn lil dak li jkun, ir-ritorn fl-istorja ta’ personaġġi li jkunu għebu għal xi żmien, il-firda bejn id-dinja ta’ fuq u d-dinja ta’ taħt, l-Għajn tal-Ħajja, il-ħxejjex u l-ilma maġiċi.

Casha jibni dan ir-rumanz fuq għadd ta’ stejjer li għall-ewwel jidhru mifrudin minn xulxin, imma bil-mod il-mod u aktar ma taqra jibdew jidħlu waħda fl-oħra. Diġa` wara l-ewwel terz tar-rumanz jibdew jiċċaraw ċerti misteri. Imma l-qarrej attent jinduna li minkejja dan, il-kobba narrattiva se tkompli titħabbel iżjed.

Minkejja li huwa rakkont fantastiku, xorta waħda hemm valuri u sentimenti umani veri bħall-imħabba, il-lealta`, l-għażliet li kull bniedem irid jagħmel f’ħajtu, ir-rispett u l-kompromess.

Il-veru rakkont marbut mat-titlu tar-rumanz jibda lejn l-aħħar kwart tal-ktieb. Ir-ritmu narrattiv ibatti xi ftit, imma minflok jissaħħaħ aktar l-aspett deskrittiv marbut mad-dinja tal-għerien. Ir-ritmu narrattiv jerġa’ jissaħħaħ aktar tard hekk kif Casha jintroduċi problema li tkun teħtieġ soluzzjoni.

Personaġġi u Spazji:

F’Il-Prinċep u t-Trogloditi naqraw dwar taħlita ta’ personaġġi li ġejjin minn klassijiet soċjali differenti. Fejn jidħlu r-re Aki u r-reġina Norja hemm nuqqas ta’ emozzjoni. F’ċerti waqtiet ir-re ftit iġib ruħu ta’ re. Jinħakem spiss minn dubji u biża’, filwaqt li r-reġina titlef xi ħadd għażiż għaliha u għall-ewwel qisu qatt ma seħħ xejn.

Il-foresta tirrappreżenta ħajja ta’ liberta`, filwaqt li l-belt tirrappreżenta ħajja ta’ responsabbiltajiet u obbligi li jridu jitwettqu. Hemm imbagħad id-dinja tal-għerien u ta’ taħt fejn Kalev isib l-ispazju li jilqgħu darba għal dejjem.

Konklużjoni:

Il-Prinċep u t-Trogloditi hu rumanz bi tmiem pożittiv u li jinqara malajr, minkejja t-300 paġna u s-67 kapitlu tiegħu. Huwa mżewwaq b’sett ta’ disinni ta’ Simone Boni, u miegħu tingħata wkoll mappa kkulurita u tridimensjonali magħmula minn Mark Casha.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment