Monday, December 20, 2010

Kien Kwinta l-Qamar ta’ Lina Brockdorff (KKM, 2008)

Dan huwa rumanz ta’ 120 paġna u 16-il kapitlu li oriġinarjament ħareġ fl-1974. Issa qed jerġa’ jara d-dawl għat-tieni darba permezz tal-inizzjattiva tal-Klabb Kotba Maltin. Snin ilu l-istess rumanz inqara saħansitra fuq ir-Rediffusion, u reċentement anki fuq ir-radju RTK.

Stil:

Fin-narrazzjoni tagħha Brockdorff tagħżel li tuża l-ewwel persuna singular, għażla diffiċli u mimlija diffikultajiet, skont Patri H. Born. U dan jintrabat mal-perspettiva li minnha l-qarrej isegwi r-rakkont: dik tal-protagonista Dorina u li permezz tagħha bosta drabi Brockdorff awtriċi tidħol fil-profondità tal-psikoloġija femminili. Ir-ritmu mill-bidu nett huwa ġeneralment mexxej, u l-ftuħ jibda b’deskrizzjonijiet mill-isbaħ li għandhom mill-ilwien u mill-kjaroskur fl-istess ħin. F’ċerti każi n-narratriċi tindirizza direttament lill-qarrej.

Parti mill-istil li tħaddem Brockdorff huwa l-appell għall-ħsus l-aktar intimi tad-dinja taż-żgħażagħ, mgħoddija lilna permezz tal-personaġġ ewlieni ta’ Dorina, tfajla ta’ 20 sena. Hemm ukoll il-kuntrast bejn it-tamiet fiergħa ta’ żagħżugħa bħal Dorina u r-realtà li taqta’ daqs sikkina; il-firdiet segwiti minn ħbiberiji u tamiet ġodda. Kuntrast ewlieni jispikka fit-tieni parti tar-rumanz: wara n-niket li ġġib magħha aħbar traġika, isegwu waqtiet sbieħ fejn l-omm tara għall-ewwel darba lil binha tarbija. Mewt u twelid jalternaw waqt in-narrazzjoni. Hemm ukoll partijiet riflessivi, mela kontenut li huwa aktar profond mis-sentimenti kwotidjani tal-bniedem. U dan kollu direttament jew indirettament jagħmel parti mill-pjan ritmiku li Brockdorff fasslet għar-rumanz tagħha. Lejn l-aħħar Brockdorff jirnexxilha wkoll tibni ċertu suspence (jew stennija) li jissarraf fi climax tal-aħħar.

Kapitlu 10 jara għeluq l-ewwel parti tar-rumanz. It-tieni parti tiftaħ bi flashback li toħodna għal meta Dorina kellha inċident meta kellha għaxar snin. B’mod effettiv ħafna l-flashback tinbidel fi preżent fejn ukoll isseħħ traġedja li nsiru nafu biha ftit jiem wara li tkun seħħet fir-realtà.

Spazji:

Tispikka l-belt tal-Imdina, “belt unika... matul il-jum... impittra bl-ilwien sfumati tax-xemx dehbiena b’kuntrast aħrax ta’ dellijiet griżi”; matul il-lejl donnha “dama li biddlet il-libsa tal-jum għal dik aktar għanja... il-libsa sewda.” It-tieni parti tiftaħ b’xena fi Qui-Si-Sana, mela bi spazju miftuħ, biex ftit wara tinbidel f’waħda fejn jaħkem l-għeluq kważi klawstrofobiku, f’kamra ġo sptar. Din hija xena li għandha kemm mis-surreali u kif ukoll mill-inkubu. Imbagħad hemm ukoll iċ-ċimiterju: hawn jispikka l-kuntrast bejn is-siġar li jispiraw ħajja u l-bqija taċ-ċimiterju. In-narratriċi tilmaħ ukoll is-sabiħ fiċ-ċimiterju, imma fl-aħħar mill-aħħar tifhem li hu post in-niket u l-ġustizzja aħħarija.

Tematika:

Bħala temi tispikka fuq kollox l-imħabba, dik bejn Dorina u Stephen, li tibqa’ bħal sospiża fl-arja sal-aħħar paġna tar-rumanz. Hemm il-preġudizzju ta’ klassi soċjali li turi omm Dorina fil-konfronti tal-ħabib tagħha Stephen. Lejn l-aħħar toħroġ għad-dawl ir-rabta speċjali bejn missier u bintu; missier li jifhem u qatt ma jċanfar.

Konklużjoni:

Ir-rumanz għandu “Kelmtejn Qabel” mill-pinna ta’ Patri H. Born O.P. Laqtuni dawn il-kummenti tiegħu: “Jekk nieħdu l-ġrajja fiha nfisha nsibu li hi ġrajja ħelwa li, bla ma titgħabba b’komplikazzjonijiet u intriċċi żejda, tibqa’ għaddejja u tinteressa lill-qarrejja biex ikomplu jaqrawha sal-aħħar. Dan jista’ jsir sew għaliex barra milli r-rumanz ma fihx tul żejjed, fuq kollox, għandu l-aqwa ħaġa li għandu jkun hemm f’rumanz u din hija li min jaqra jinżamm bil-kurżità u jixtieq ikun jaf x’sa jsir sew mill-protagonist u sew mill-antagonist.”

Kien Kwinta l-Qamar hu rumanz li għandu jinżel għasel ma’ min iħobb jaqra bla ħafna uġigħ ta’ rasijiet, ma’ min iħobb isegwi rakkont mibni fuq waqtiet differenti u kuntrastanti li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kull bniedem. Hu rumanz fejn is-sentiment ewlieni sal-aħħarnett huwa l-imħabba.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment