Tuesday, December 21, 2010

ORA ta’ Roman Païen (Argo, 2006)

Kont ili żmien intella’ u nniżżel jekk għandix nixtri dan ir-rumanz fantaxjentifiku bil-Malti. Ma kontx naf jekk hux għall-kbar jew għat-tfal, u lanqas jekk kienx rakkont ħafif li jista’ jgħaddilek ftit żmien jew jekk kienx aktar minn hekk. Imbagħad f’temp ta’ jumejn xtrajtu u qrajtu f’nifs wieħed.

Nammetti li saħħarni tant li ma tlaqtux qabel ma spiċċajtu. Forsi għax il-ġeneru fantaxjentifiku huwa fost il-favuriti tiegħi, jew forsi għax dan ta’ Païen huwa miktub b’tipa ċara u kbira, u mżewwaq b’għadd ta’ xbihat efettivi marbutin mal-qasam tal-fantaxjenza.

Kontra dak li kont naħseb qabel, ORA m’huwiex xogħol għat-tfal, imma jista’ faċilment jappella kemm għaż-żgħażagħ, kif ukoll għall-kbar li għandhom għal qalbhom dan il-ġeneru. Personalment kont u għadni nitpaxxa bix-xogħlijiet ta’ kittieba tal-fantaxjenza bħal Isaac Asimov (I, Robot), Robert A. Heinlein (Red Planet u Starship Troopers), Hal Clement (Star Light), Ray Bradbury (Fahrenheit 451), Harry Harrison (Deathworld u Planet of no return), Jack Finney (Invasion of the Body Snatchers), Arthur C. Clarke (2001: A Space Odyssey), u oħrajn bħal Jules Verne (Journey to the Centre of the World), Philip K. Dick (Do Androids Dream of Electric Sheep?), Aldous Huxley (Brave New World), H.G. Wells (War of the Worlds) u Richard Matheson (I Am Legend). U bosta minn dawn ir-rumanzi ġew maħdumin ukoll fil-verżjoni ċinematografika, uħud minnhom illum films klassiċi.

U issa, permezz ta’ ORA ta’ Païen nistgħu naqraw il-fantaxjenza bħala ġeneru letterarju anki bl-ilsien Malti. Issaħħart fuq kollox naqra kif il-Malti huwa flessibbli, dinamiku u ħaj tant li jaddatta ruħu mija fil-mija għal ġeneru bħal dan, għallinqas f’idejn min jaf iħaddmu, bħal Roman Païen. Païen jidher li huwa mħarreġ sewwa f’oqsma bħalma huma l-Latin, il-filosofija, l-istorja, il-mitoloġija u x-xjenza, jew għallinqas għamel tajjeb ħafna r-riċerki tiegħu qabel ma beda jikteb.

Niltaqgħu ma’ grupp ta’ paramilitari li qed jagħmlu vjaġġ fl-ispazju intergalattiku, u li bla ma jridu jitbiegħdu mill-missjoni oriiġinali tagħhom. Waqt dan il-vjaġġ jiltaqgħu ma’ bosta ostakli, imma ħsieb ewlieni hu li “Kulma jgħaddi mingħalina għandu skop fil-Pjan Kbir Etern (mhux Perpetwu) tal-Moħħ Kosmiku.” Niġu wiċċ imb wiċċ ma’ bosta pjaneti, pajsaġġi u kreaturi mill-iktar strambi u varjati, u dawn jitwasslulna permezz ta’ stil mexxej u deskrizzjonijiet ħajjin u mill-isbaħ. Ma jonqsux matul dan ir-rumanz qasir riflessjonijiet profondi marbutin mal-ħajja, u anki partijiet li għandhom aktar mill-poeżija milli mill-proża.

Barra minn Malta l-ġeneru tal-fantaxjenza ilu li ttieħed bis-serjetà mill-kritika letterarja tant li fl-universitajiet hemm saħansitra korsijiet sħaħ iddedikati għall-kittieba klassiċi u moderni tal-fantaxjenza. Roman Païen uriena li fejn jidħol il-ġeneru tal-fantaxjenza, l-ilsien Malti m’għandu xejn inqas minn ilsna oħra ħafna ikbar minn tagħna għax mitkellma minn miljuni. L-ilsien Malti hawn hu mħaddem b’sengħa, b’taħlita ekwilibrata bejn dak ta’ nisel Semitiku u dak ta’ nisel Romanz-Anglo-Sassonu.

Lejn nofs ir-rumanz, l-istorja fantaxjentifika bħal titħallat jew tieħu minn dik Evanġelika li tinnarra t-tentazzjoni ta’ Kristu fid-deżert (l-episodju tas-serp) u Kristu (l-Imgħallem) imdawwar mad-dixxipli tiegħu qabel is-sagrifiċċju estrem tiegħu. Niltaqgħu wkoll ma’ elementi kemm surreali kif ukoll leġġendarji. Il-Póliti u l-Vúlgari żgur li jfakkru f’etikketti li aħna l-Maltin inħobbu nwaħħlu ma’ dahar xulxin. Hemm aktar minn waqt wieħed li jfakkar li fl-aħħar mill-aħħar li l-ġeneru fantaxjentifiku għandu saqajh marbutin mal-art: eżempju, il-firda bejn l-imsemmija Póliti u Vúlgari tirrifletti b’xi mod il-firda bejnna l-Maltin stess.

Proprju meta bħala qarrej tibda tħoss id-diqa għax taf li r-rakkont wasal qrib tmiemu, u proprju meta tkun qed taħseb li bħala tmiem seta’ kien aħjar jew li r-rumanz seta’ ġie żviluppat aktar, tinduna bis-sorpriża finali li jerfagħlna Païen. Mill-kobor bla qies tal-galassji u t-tul tal-vjaġġi intergalattiċi, ir-rumanz fi tmiemu joħodna lura fiċ-ċokon ta’ gżiritna tal-ġejjieni.

ORA jifrex fuq inqas minn mitt paġna, u huwa garanzija ta’ divertiment, imma anki stedina għal ftit waqtiet ta’ riflessjoni bis-sens.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment