Monday, December 20, 2010

Vapuri tal-Karti ta’ Charles Casha,Uptrend Publishing, 2008

Vapuri tal-Karti huwa ġabra ta’ għaxar rakkonti li jifirxu fuq mitt paġna. Bħala kittieb ta’ sengħa u esperjenza wesgħin, Casha juża riċetta li taħdem sewwa mal-qarrejja: iħallat ir-realt¿ mal-fantasija (il-mistħajjel) biex b’hekk jirrendi r-rakkonti tiegħu mexxejja, interessanti u mlewna mil-lat deskrittiv. L-awtur hu mħarreġ sewwa fis-sengħa kif jiżviluppa rakkont u f’kif isawwab il-partijiet differenti tiegħu waħda ġol-oħra. Inġenerali l-personaġġi li dwarhom naqraw f’Vapuri tal-Karti huma nies sempliċi, fil-parti l-kbira tagħhom nies tar-raba’ jew tal-baħar, mela sajjieda, bdiewa, bejjiegħa tal-karawett u l-bqija. Casha jqegħdilna quddiem għajnejna anki dinja jew realtà fejn xi drabi l-impossibbli jsir possibbli. Spiss dawk ta’ Casha huma wkoll rakkonti b’tagħlima, utli ħafna għaż-żgħażagħ li jaqrawhom.

Il-qarrej ta’ dawn l-għaxar rakkonti ta’ Casha se jaqra dwar il-fatt li l-gwerra ma tħallix rebbieħa u ġġib magħha l-firda (L-Amulet u Il-Vapur tan-Nannu), dwar l-omm bħala ċ-ċentru tal-familja, dwar il-kompromess li jista’ jinstab bejn l-ambjent naturali u l-progress u r-rispett lejn l-antenati tagħna (Is-Siġra), dwar l-għaqda fil-familja, il-lealtà u l-fiduċja bejn l-aħwa u dwar min jgħin u jiġi ppremjat minkejja li ma jistenna lura xejn (Ix-Xabla). F’rakkonti oħra naqraw dwar l-imħabba, dwar persuni b’diżabbiltà fiżika (Il-Fjura tat-Tliet Ilwien), dwar il-ġenerożità ta’ xi wħud (Il-Bejjiegħ tal-Karawett), u dwar il-fil komuni li jgħaqqad flimkien it-tfulija, l-irġulija u x-xjuħija (Il-Vapur tan-Nannu).

Mela fuq naħa nistgħu naqraw dwar l-ikrah tal-ħajja (il-faqar, il-vizzji tax-xorb u s-swat lit-tfal) u fuq l-oħra dwar is-sabiħ tal-ħajja (l-innoċenza tat-tfal). Hemm rakkonti li juruna li xi drabi kull ma jkollna bżonn hu spinta żgħira biex nemmnu aktar fina nfusna u biex ħajjitna tinbidel mil-lejl għan-nhar (L-Għarbi tad-Dar il-Kbira). Oħrajn juruna li xi drabi l-bniedem irid jgħaddi minn esperjenza mhux tas-soltu biex jitgħallem jaċċetta lilu nnifsu kif inhu fil-verità (Żjara minn Pjaneta Oħra).

Vapuri tal-Karti huwa stampat b’mod pulit ħafna u huwa mżewwaq b’għadd ta’ tpinġijiet mill-pinna ta’ Mark Casha. Dawk ta’ Casha huma ġabra ta’ rakkonti li se joffru li qarrej kemm gost kif ukoll l-utli.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment