Monday, December 20, 2010

Gwerra ta’ Mħabba ta’ Maurice Mifsud Bonnici

Ta’ min nibda billi ngħid li Maurice Mifsud Bonnici s’issa ħadem bil-bosta fil-qasam tal-poeżija. Basta wieħed isemmi antoloġiji poetiċi tiegħu bħal In a Nutshell (1980, Londra; 1987, Malta), Mill-Bikri għall-Imwaħħar (1997), Zoomery (1998) u l-ġabra ta’ sitt mitt ħajku bl-isem ta’ Bushido (2002). Għalhekk Gwerra ta’ Mħabba (2005) huwa l-ewwel esperiment ippubblikat tiegħu fil-qasam tan-narrattiva. Oriġinarjament, dan kellu jkun rakkont (mibdi fis-6 ta’ Ottubru 2004) fost għadd ta’ rakkonti oħra, imma bil-mod il-mod Maurice Mifsud Bonnici ħass il-ħtieġa li jżidlu bosta dettalji u partijiet li bidlu lil dan ix-xogħol f’rakkont twil jew rumanz qasir li jinfirex fuq 203 paġni.

Personalment inħoss li wieħed min-nuqqasijiet ewlenin ta’ Gwerra ta’ Mħabba huwa l-fatt li mhux maqsum f’kapitli jew partijiet u għalhekk dan jista’ jgħejja lill-qarrej. L-unika waqfa narrattiva niltaqgħu magħha f’paġna 115. Min-naħa l-oħra jpatti l-fatt li l-lingwa li juża Mifsud Bonnici hija waħda mexxejja għallaħħar b’taħlita intelliġenti u ekwilibrata ta’ Malti Semitiku, Romanz u anki Anglo-Sassonu. Parti kbira mir-rakkont hija nnarrata min-narratur onnixxenti (mela dak li jaf il-ħin kollu x’inhu għaddej minn moħħ il-personaġġi u anki x’qed iseħħ fuq livell familjari, nazzjonali u internazzjonali), u għalhekk jintużaw it-tielet persuna singular (huwa/hija) u plural (huma), b’xi partijiet minimi fejn jidħol id-diskors dirett.

Diġà t-titlu, Gwerra ta’ Mħabba, jindika l-kontenut ta’ dan ix-xogħol. Strutturalment ifakkarni f’xogħol letterarju Taljan bħalma hu La ragazza di Bube ta’ Carlo Cassola li rebaħ il-premju letterarju prestiġġjuż Strega fl-1960. U dan għaliex kemm ix-xogħol ta’ Cassola, kif ukoll dak ta’ Mifsud Bonnici jinnarraw avvenimenti marbutin mat-Tieni Gwerra Dinjija, u jimxu l-ħin kollu fuq żewġ binarji narrattivi, jiġifieri dak mistħajjel u li jintrabat ma’ l-istorja ta’ mħabba bejn koppja ta’ maħbubin (jew tnejn) u l-livell familjari - u hawn ir-rakkont jieħu ħafna mill-elementi tar-rumanz roża, anki għax l-awtur jinsisti ħafna fuq l-aspett sentimentali u l-patos -, u dak storiku li jintrabat ma’ dak li seħħ fir-realtà kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq livell internazzjonali - u hawn ir-rakkont jieħu ħafna mir-rumanz storiku.

In-nisġa mistħajla

L-istorja fittizja titqiegħed fl-isfond lejn l-ahhar tat-tletinijiet tas-seklu 20. L-ambjent li jagħżel Mifsud Bonnici huwa Birżebbuġa - li dak iż-żmien kienet lokalità ta’ villeġġjatura - li tagħha jagħtina deskrizzjoni kemm nostalġika kif ukoll romantika. L-awtur ilaqqagħna ma’ familja tat-tajjeb, b’rabta qawwija mal-militar u mal-kuruna Ingliża. Iż-żewġ koppji li fuqhom idur ir-rakkont fittizju huma Clare u Nora fuq naħa, u Mario u Italo, żewġ bdoti faxxisti, fuq in-naħa l-oħra. Clare issir tħobb lil Mario bħalma Nora tibda tinnamra ma’ Italo. Dan jhedded l-għaqda li hemm fil-familja ta’ Clare, b’missierha bħala wieħed mill-Imperjalisti Maltin ta’ ċerta importanza. Għalhekk Clare, bħala tfajla naif imma fl-istess ħin ta’ konvinzjoni soda u ta’ kuraġġ kbir, bħal tinqasam bejn l-imħabba lejn il-familja tagħha u dik lejn il-bdot Taljan.

Ir-rabta soda, jew aħjar, l-imħabba sinċiera bejn Clare u Mario tkompli tissaħħaħ għaliex Clare toħroġ tqila u tagħti d-dawl lil iben Mario, u dan minkejja l-firda fiżika bejniethom li ġabet it-Tieni Gwerra Dinjija, b’Malta u l-Italja għedewwa ta’ xulxin. L-istorja bejn Clare u Mario tgħaddi minn waqtiet koroh u oħrajn sbieħ, bħal meta jitwaqqa’ l-ajruplan ta’ Mario u, wara ħafna taqtigħ il-qalb, Clare tiskopri li ġie rikoverat fi sptar fl-Imtarfa u għalhekk tkun tista’ tarah mill-bogħod bla ma tista' tkellmu u taħt sorveljanza kbira. Waqt ikrah ieħor hu meta Mario ġie meħud barra minn Malta mal-priġunieri l-oħra minħabba l-biża’ mill-invażjoni Nażista u Faxxista u meħud f’post sigriet li wara niskopru li huwa kamp tal-konċentrament. Hawn Mario jitgħallem jitkellem l-Ingliż, u hawn ukoll naqraw dwar personaġġ ta’ ċerta importanza fil-ħajja ta’ Mario, jiġifieri l-Kaptan Malti Bertie. Fl-istess ħin Clare tiġi imposta li tibqa’ magħluqa f’darha taħt arrest billi kienet tissimpatizza mat-Taljani.

U hawn nifhmu li dik ta’ Clare hija gwerra ta’ mħabba kontra ċ-ċirkostanzi li jbegħduha fiżikament mill-maħbub tagħha. U dan anki meta tispiċċa l-gwerra u Mario jerġa’ jintbagħat lura fl-Italja u ftit wara jmur Malta flimkien ma’ Italo biex jiltaqgħu ma’ Clare u Nora wara snin twal ta’ firda. Dak ta’ Clare mhux destin li ħabbha: hija tintlaqat mit-tifojde, epidemija li laqtet lil parti kbira tal-Maltin b’konsegwenzi fatali, u jkollha tingħalaq f’darha minħabba l-kwarantina. Minkejja dan l-ostaklu jibdew isiru l-preparamenti għat-tieġ doppju (taż-żewġ koppji ħbieb). Clare tfieq imma xorta jkollha l-inkwiet tagħha għal jum it-tieġ.

Hawnhekk Mifsud Bonnici jdaħħal fir-rakkont fittizju tiegħu personaġġ li għex fir-realtà u magħruf fil-qasam letterarju, jiġifieri patri Ġużè Delia Ġiżwita, il-poeta tal-leġġendi. Mifsud Bonnici jieqaf għal aktar milli neċessarju fuq id-deskrizzjoni tal-preparamenti għat-tieġ. Dwar dan l-awtur stess jikteb hekk:

“Jien tawwalt fid-deskrizzjonijiet tieghi tal-preparamenti tat-tieg u taċ-ċerimonja għax sa dak il-ħin kien hemm bosta ċirkostanzi fin-negattiv u għalhekk ridt nibbilanċjahom fit-tul, kemm jista' jkun proporzjonat, bil-pożittiv. Ridt nagħmel enfasi fuq il-bidla fix-xorti ta' dit-tfajla mogħmija bl-imħabba lejn il-ġuvni Taljan.”

Lejn tmiem ir-rakkont issir ir-rikonċiljazzjoni bejn missier Clare, Edward (Imperjalist) li jwarrab kull preġudizzju dwar it-Taljani, u Mario (il-faxxist). L-aspett uman jerġa’ jidher permezz ta’ Clare li ġġarrab waqtiet ta’ dubju u turment ftit qabel it-tieġ. Anki fejn tidħol deskrizzjoni tat-tieġ u r-riċeviment l-awtur bħal itawwal iktar milli meħtieġ, għalkemm anki hawn naqraw b’ċerti xejriet nostalġiċi bħall-quddiesa bil-Latin. It-tmiem huwa wieħed hieni, minkejja li Clare jkolllha tinfired minn familtha u minn seħbitha Nora biex tmur tgħix ma’ Mario f’Ruma.

L-isfond storiku

Is-sabiħ u l-interessanti huwa kif Mifsud Bonnici rnexxielu jsawwab tajjeb ferm ir-rakkont fittizju mar-rakkont storiku li jinnarra l-avvenimenti tal-gwerra. Il-qarrej jagħraf minnufih li l-awtur huwa ppreparat sewwa fejn jidħlu rqaqat storiċi u tekniċi marbutin anki ma’ ajruplani, formazzjonijiet tagħhom u ajrudromi, u dan għax Maurice Mifsud Bonnici għex it-Tieni Gwerra Dinjija fl-ewwel persuna.

Matul dar-rumanz qasir ir-riferimenti temporali speċifiċi huma rikurrenti u regolari. L-isfond storiku huwa mfiehem sewwa. Fl-ewwel partijiet ta’ Gwerra ta’ Mħabba naqraw dwar il-Gwerra Ċivili fi Spanja (1936) u dwar ir-rabta bejn Mussolini, Hitler u Franco. Kien żmien meta f’Malta kienet diġà teżisti firda politika bejn l-Imperjalisti (favur l-Ingliżi) u l-Faxxisti (favur it-Taljani). Ftit qabel, jiġifieri fl-1935, l-Italja okkupat l-Abbissinja filwaqt li Hitler okkupa parti mill-Awstrija u parti miċ-Ċekoslovakkja biex aktar tard okkupaha kollha kemm hi. Is-sena 1939 rat lil Mussolini jokkupa l-Albanija u l-firmar tal-Patt ta’ l-Azzar bejn il-Ġermanja u l-Italja.

Żgur li l-qarrejja anzjani ma jinsewx l-1 ta’ Settembru 1939 meta Hitler daħal fil-Polonja u r-Renju Unit u Franza ma kellhomx għażla ħlief jiddikkjaraw gwerra kontrieh. L-awtur ta’ Gwerra ta’ Mħabba jirnexxilu jġagħalna nħoss t-tensjoni li bdiet tiżdied fl-1940, bl-Italja qrib li tidħol anki hi fil-Gwerra. Il-Ġermaniżi komplew il-politika ta’ okkupazzjoni billi daħlu fin-Norveġja, fid-Danimarka, fl-Olanda, fil-Lussumburgu u fil-Belġju. Mela dak li jagħmel Maurice Mifsud Bonnici fi Gwerra ta’ Mħabba hija anki riviżitazzjoni storika tat-Tieni Gwerra Dinjija u x’wassal għaliha.

Dawk li dwarhom jikteb Mifsud Bonnici huma żminijiet ta’ tbatija għal Malta u għall-Maltin li kienu jsegwu l-avvenimenti fuq ir-redifjuxin. Anki d-data 10 ta’ Ġunju 1940 (id-dħul tal-Italja fil-gwerra) hija rreġistrata f’dan ir-rumanz ladarba f’Malta kien hawn simpatija kbira għat-Taljani. L-ewwel attakk mill-ajru fuq Malta huwa deskritt permezz ta’ tixbieha effettiva:

“Dawn l-għefieren ta’ l-ajru, qishom ċorma ajkli feroċjati resqin lejn il-priża tagħhom, kienu fuq ix-xwiek biex jitfgħu il-qirda tagħhom fuq Malta, waqt li din kienet għadha titmattar biex tibda l-ġurnata tagħha...” (p. 65).

F’Diċembru tal-1940 tibda t-theddida ikbar ta’ l-ajruplani Ġermaniżi. Is-16 ta’ Jannar 1941 ra għalhekk l-attakk fuq l-Illustrious fil-Port il-Kbir, u kien biss fi Frar ta’ l-1941 li bdew jitħaffru x-xelters pubbliċi. Malta ħadet ftit ruħ meta l-Ġermanja ddikkjarat gwerra lill-Unjoni Sovjetika, ladarba l-attakki ħorox mill-ajru fuqha waqfu.

Kif jidher minn għadd ta’ paġni Gwerra ta’ Mħabba jieħu anki l-għamla ta’ djarju li jiddeskrivi b’reqqa bosta attakki u manuvri li kienu jsiru mill-ajruplani Ingliżi u Taljani fuq Malta. Ir-rakkont ta’ Mifsud Bonnici ħa forma ta' djarju għax l-attakki li jiddeskrivi fih ġew kollha meħuda mid-djaru li żamm tal-attakki li ra minn fuq il-bejt tad-dar fjen kien jgħix f’Ħal Lija. Jissemma anki l-Intelligence Service, b’rabta mal-personaġġ tan-ners Doreen, li kien għassa għal min seta’ kien spija kontra l-kuruna Ingliża, u permezz ta' interrogazzjoni jew b'mezzi oħra, kien jipprova jikseb informazzjoni dwar l-għadu li biha kien itejjeb l-andament tal-gwerra ta' l-Ingliżi.

L-unika waqfa narrattiva ta’ dan ir-rumanz qasir terġa’ tlaqqagħna ma’ żieda fl-attakki mill-ajru min-naħa ta’ Ġermaniżi (1942), bl-ispettru ta’ l-invażjoni tal-gżejjar Maltin. Jissemmew l-internati li fit-13 ta’ Frar ta’ l-istess sena ġew mgħobbija (42 minnhom) fuq vapur tal-merkanzija u meħudin f’Lixandra.

Il-mistħajjel u l-istoriku jintrabtu flimkien fid-deskrizzjoni ta’ x’għaddew minnu l-Maltin (u l-personaġġi ta’ Gwerra ta’ Mħabba) fit-Tieni Gwerra Dinjija. Awissu 1942 ra d-daħla tal-Konvoj ta’ Santa Marija. Sena wara l-Alleati invadew Sqallija, u dan bil-mod il-mod, flimkien ma’ manuvri oħra, wassal għat-8 ta’ Mejju 1945, jiġifieri tmiem il-gwerra fl-Ewropa.

U hawn fuq livell mistħajjel Mario jerġa’ lura fl-Italja, filwaqt li fuq livell storiku ningħataw deskrizzjoni tal-miżerji u d-disunur li l-Italja waqgħet fihom wara l-gwerra, anki jekk għaliha ftit wara beda żmien ir-rikostruzzjoni. Anki Malta għaddiet mill-problemi tagħha bħar-rikostruzzjoni tal-bini mwaqqa’ u l-ġlieda għas-self government. L-1947 rat il-firxa tal-komuniżmu u tal-Unjoni Sovjetika. Tissemma l-ewwel titjira ta’ l-Alitalia, u l-ewwel titjira storika bejn l-Italja u l-Amerka t’Isfel li tagħha kien pilota Mario stess.

Konklużjoni

Fuq kollox Gwerra ta’ Mħabba huwa ktieb għal min jixtieq jieħu gost jaqra bla tbatija u fl-istess ħin jitgħallem u jerġa’ jiftakar ġrajjiet Malta fi żmien il-gwerra. Fl-aħħar mil-aħħar il-qarrej ta’ dar-rumanz qasir jifhem li l-enfasi li ried jagħmel Maurice Mifsud Bonnici ma kinitx fuq il-gwerra fiha nnifisha, imma aktar fuq il-ġlieda ta’ tfajla sempliċi imma maħkuma mill-imħabba u mill-perseveranza kontra l-bosta ostakli li ltaqgħet magħhom għax ħabbet lil ġuvni Taljan eżattament qabel faqqgħet il-gwerra. L-enfasi ta’ Mifsud Binnici kienet fuq l-imħabba li taf tirbaħ kull saram. Laqtitni nota li l-awtur stess bagħatli ftit jiem ilu:

“Fir-rakkont ridt noħroġ żewġ karattri bħala żewġ wardiet f'deżert ta' mibegħda ġo żewġ pajjiżi fi gwerra kontra xulxin, li skond il-liġi tal-bniedem dawn iż-żewġ żgħażagħ kienu għedewwa, u skond il-liġi naturali dawn kienu mfawra bl-imħabba lejn xulxin. Tagħhom it-tnejn kienet imħabba ta' żmien il-gwerra, u għalhekk ma kinetx nieqsa mill-qtigħ il-qalb u mit-turufnament.”

Gwerra ta’ Mħabba huwa rakkont twil li għandu jingħoġob għax l-awtur għaraf jissellef minn avvenimenti li seħħew verament u dan biex kemm jista’ jkun iqarrbu lejn ir-realtà li għaddew minnha n-nanniet tagħna

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment