Thursday, December 2, 2010

QWIEL MINN FOMM L-IMĠARRAB – POEŻIJI FUQ STIL ĦAJKU ta’ Frank Zammit

Pubblikazzjoni taċ-Ċentru Malti La Valette, NSW, 2010. ISBN: 978-0-646-53484-8

Il-ħajku huwa damma poetika ta’ tliet versi jew 17-il sillaba. Karatteristika ewlenija tiegħu hija l-konċiżjoni: kull ħajku jaqfel fih ħsieb wieħed. Huma biss tliet versi, imma l-konsegwenzi tiegħu jew il-profondità tal-ħsieb tegħu huma ħafna ikbar. Dan huwa stil ta’ kitba li writtna mill-Ġappun. Ħaddmuh anki poeti Maltin bħal Anton Buttigieg, Victor Fenech, Oliver u Joe Friggieri, Maurice Mifsud Bonnici, Manwel Nicholas-Borg, Terence Portelli, John P. Portelli u Josette Attard.

Aktar kmieni din is-sena ġiet ippubblikata ġabra ġdida ta’ ħajku bl-isem ta’ Qwiel minn fomm l-imġarrab – Poeżiji fuq stil ħajku, mill-pinna tal-kittieb u poeta Malti-Awstraljan Frank Zammit. Zammit mhux isem ġdid fil-qasam tal-poeżija Maltija. Fl-1995 kien ippubblika l-ġabra voluminuża ta’ poeżiji bl-isem ta’ Bejn Żewġ Gżiriet, b’referenza evidenti għaż-żewġ gżejjer ta’ Malta u l-Awstralja, it-tnejn artijiet għal qalb ħafna Frank Zammit.

Qwiel minn fomm l-imġarrab – Poeżiji fuq stil ħajku huwa ktieb li jifrex fuq 166 paġna, ippubblikat miċ-Ċentru Malti La Valette ta’ Blacktown fi New South Wales fl-Awstralja. Jiġbor fih 1162 ħajku u għandu Daħla kritika mill-Prof. Oliver Friggieri. Meta bdejt naqra għadd ta’ ħajku minn din il-ġabra stagħġibt kif kittieb bħal Frank Zammit li jgħix fl-Awstralja u mhux f’Malta jista’ jibqa’ daqshekk marbut ma’ art twelidu minkejja d-distanza fiżika bejn iż-żewġ pajjiżi. F’rabta mal-gżira tagħna huwa jikteb dwar suġġetti dwar il-kaċċa bħala qtil, l-isfreġju tat-Teatru Rjali, il-vizzju ikrah tad-dagħa fost il-Maltin, l-ilsien Malti, dħul Malta fl-Unjoni Ewropea, San Pawl, it-traġedji li jġib miegħu d-delizzju tal-murtali, Malta u t-turisti, u anki dwar is-sitwazzjoni kerha li fiha jinsabu it-toroq Maltin.

Hemm imbagħad ħajku li jmur lilhinn mill-fruntieri u jittratta temi umani u universali bħalma huma l-ħajja u l-mewt, iż-żwieġ u l-familja, il-politika u l-faċċoliżmu, l-imħabba, il-progress fint, it-teknoloġija, ir-relazzjoni ma’ Alla, l-iskart nukleari, id-diskriminazzjoni, l-abort, id-droga, il-gwerra u l-paċi, id-dittatura u d-demokrazija, il-parzjalità tal-ġustizzja tal-bniedem, ir-razziżmu u bosta suġġetti oħra.

Hemm fost dawk ta’ Frank Zammit ħajku serju li jwassal lill-qarrej biex jagħraf kemm id-dinja tal-bniedem għad trid timxi ’l quddiem biex ittejjeb il-pożizzjoni tagħha. Hemm ħajku ieħor li għandu mil-laqta komika, imma dan ma jfissirx li hu nieqes mill-profondità tal-ħsieb. Kollha huma ġabriet ta’ tliet versi li għandhom mill-ekwilibriju u mill-konċiżjoni li jħallu lill-qarrej jomgħod il-piż tagħhom.

Il-poeta huwa dak li jaf sewwa x’inhu għaddej madwaru. Huwa dak li ma jiqafx jaħseb, jistaqsi, jagħdab u jħoss quddiem dak kollu li jagħmel parti mill-ambjent tiegħu, mela d-dinja sħiħa. Huwa dak li kapaċi jqum f’nofs ta’ lejl u jħarbex ftit versi biex ma jħallihomx jintilfu darba għal dejjem. Il-prodott finali mbagħad tkun il-poeżija, fil-każ ta’ Frank Zammit il-ħajku. U dan jista’ jidher faċli mal-ewwel daqqa t’għan, imma meta tifli l-kontenut tal-ħajku u tqis il-piż tiegħu tinduna li warajh hemm il-bniedem tas-sengħa, mela l-kittieb imġarrab.

Hemm minn jgħid ħafna biex fl-aħħar mill-aħħar ma jfisser xejn konkret; hemm dak l-istorbju li jħalli biss uġigħ ta’ ras u geġwiġija ta’ ħsejjes bla armonija ta’ xejn. Hemm imbagħad dak li jisma’ ħafna, jitkellem ftit u jikteb dawk il-ftit kelmiet li jħallu fil-qarrej bħal eku li jibqa’ jirbombja f’ras dak li jkun u jnissel dubji, reazzjonijiet, mistoqsijiet u riflessjonijiet differenti biex forsi fl-aħħar inissel bniedem aħjar. Dan huwa l-preġju tal-ħajku.

Qwiel minn fomm l-imġarrab – Poeżiji fuq stil ħajku mhux ktieb li għandu jinqara f’nifs wieħed. Il-qarrej jista’ jżommu qrib tiegħu u kull meta jkollu waqt ta’ mistrieħ jista’ jaqra għadd żgħir ta’ ħajku biex jirrifletti dwar aspetti partikolari li jolqtuh bħala bniedem. Dan hu ktieb li jfakkarni fit-Taljani u l-espresso tajjeb: ħallihom itegħmuh ftit ftit u bil-lajma, anki jekk kulma jkun hemm quddiemhom huma biss żewġ belgħat kafè f’tazza ċkejkna.

Frank Zammit fil-Kelmtejn Qabel jikteb anki dwar dak li jgħaqqad lill-kittieba tal-ħajku: “il-fatt li baqgħu mħaddma fosthom kollha l-kunċetti essenzjali tal-esperjenza personali, il-qosor tal-espressjoni u s-sottilità jew is-sorpriża minsuġa fl-istess qosor tal-poeżija.” Zammit ikompli jikteb hekk: “Għalija l-ħajku huwa x’aktarx l-essenza ta’ kull poeżija konvenzjonali bbażata fuq esperjenza personali miġbura fil-qosor ta’ tliet versi li joffru lill-qarrejja l-opportunità li skont id-diżpożizzjoni u ċ-ċirkustanzi tagħhom, jirriflettu fuq u jespandu l-ħsieb kif iħossu huma, favur jew kontra dak li jkunu qraw jew semgħu.”

Il-Prof. Oliver Friggieri fid-Daħla kritika jsemmi l-“Malti mirqum, eleganti, ċar u espressiv” li jħaddem Zammit, flimkien ma’ elementi oħra bħall-preċiżjoni, il-kontinwità tematika bejn ħajku u ieħor, is-saħħa metrika, il-maturità poetika, fil-ħsieb u fit-teknika, l-għażla wiesgħa tas-suġġetti u l-burdati varjati u kuntrastanti li Frank Zammit jikteb fihom.

Frank Zammit twieled Għawdex fl-1944 u trabba l-Marsa. Emigra lejn l-Awstralja fl-1965. Studja f’livell terzjarju f’oqsma bħalma huma l-amministrazzjoni u l-ġurnaliżmu u sa minn kmieni ħabrek għat-tagħlim tal-Malti, l-aktar fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Huwa membru tal-Akkademja tal-Malti, awtur ta’ pubblikazzjoniiet differenti u ko-awtur ta’ għadd ta’ antoloġiji f’Malta u fl-Awstralja. Huwa awtur, traduttur u xandar ta’ bosta kitbiet, artikli u dokumenti governattivi fl-Awstralja, u fundatur tal-Għaqda Kulturali Maltija ta’ NSW. Għamel xi żmien jgħallem fil-Kulleġġ ta’ De La Salle fil-Kottonera u jħobb iżur lil art twelidu regolarment.

Qwiel minn fomm l-imġarrab – Poeżiji fuq stil ħajku ta’ Fank Zammit jista’ jkun rigal sabiħ kemm għalik, kif ukoll għal min hu qribek. Jista’ jinxtara mill-ħwienet lokali u anki mill-Fiera tal-Ktieb u għandu jkun fost dawk il-kotba li se jingħataw bħala rigal għall-Milied 2010.

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment