Tuesday, November 30, 2010

Travelling between shadows - Social comedy and narrative in Mario Azzopardi ta’ Charles Briffa

Allied Publications, 2007.

Travelling between shadows huwa ktieb ta’ kważi 200 paġna, maqsum f’disa’ partijiet, u miktub minn wieħed mill-kritiċi letterarji ewlenija f’Malta, Dr. Charles Briffa. L-għażla ta’ l-ilsien Ingliż saret bil-għan li tippermetti lil udjenza ħafna ikbar ta’ qarrejja biex igawdu x-xogħlijiet u jsiru jafu dwar Mario Azzopardi, anki huwa ewlieni, imma did-darba fl-oqsma tal-poeżija, tad-drama u tal-ġurnaliżmu.

Charles Briffa jibda billi jagħti tagħrif bijografiku dwar l-enfant terrible tas-sittinijiet, imma anki informazzjoni dwar Mario Azzopardi kif immatura matul is-snin, sal-ġurnata tal-lum. Is-sabiħ huwa li Briffa jikteb dwar Mario Azzopardi minn perspettiva ta’ 360 grad, u jqiegħdu saħansitra fil-kuntest soċjo-politiko-storiko-kulturali li għex u għadu jgħix fih.

Dan huwa ktieb li jitkellem dwar Mario Azzopardi u xogħlijietu, imma jitfa’ anki dawl fuq Charles Briffa bħala kritiku, traduttur u studjuż ta’ l-ilsna moderni u l-letteratura. B’hekk joħroġ il-ħiliet mhux biss tal-poeta ribell, imma anki tal-kritiku li jesponi b’lingwaġġ u bi stil kritiku imma li jinftiehem il-mekkaniżmi, l-influwenzi, l-esperjenzi personali, letterarji u professjonali ta’ Mario Azzopardi żagħżugħ, imma anki raġel matur li llum qabeż is-sittin sena. U minkejja dan għadu jitqies bħala ewlieni fost l-intellettwali ta’ gżiritna, intellettwali li qatt ma beża’ jgħid u jikteb li l-iswed hu iswed u l-abjad hu abjad. U dan f’kuntrast ma’ intellettwali oħra li għażlu t-triq tal-kompromess, tas-silenzju u beżgħu jagħtu ġudizzju; jew tal-psewdo-intellettwali (li huma ħafna iktar), li ppużaw u għadhom jippużaw bl-uniku għan li jidhru, li jonfħu lilhom infushom u li jimmanipulaw il-pubbliku inġenerali kif jixtiequ huma.

Inħoss li t-titlu ta’ dan il-ktieb – meħud mit-titlu ta’ poeżija li Mario Azzopardi kiteb bl-Ingliż m’ilux f’Lodz - huwa f’postu. Fih innifsu jieħu lill-qarrej fi vjaġġ ta’ skoperta, ta’ kixfa u ta’ rivelazzjoni, mhux biss dwar il-figura ta’ Mario Azzopardi, imma anki dwar bosta aspetti oħra. Hu ktieb li jittratta wkoll il-vjaġġ letterarju, intellettwali u kulturali li Mario Azzopardi għamel matul ħajtu, vjaġġ li jibqa’ għaddej sal-preżent. Huwa vjaġġ bil-punt tat-tluq tiegħu b’Mario Azzopardi jirribella kontra l-istaġnar u t-tradizzjoni, il-mentalità imperjalista u magħluqa, il-biża’ mit-tabujiet, u bil-punt tal-wasla li jerġa’ joqrob lejn it-tradizzjoni, fejn Mario Azzopardi stess jagħraf li wara kollox huwa anki bniedem bil-limiti tiegħu (aspett li jinħass sewwa fil-poeżija Equus).

Il-ktieb Travelling between shadows huma mżewwaq bl-aħħar versi ta’ Mario Azzopardi li forsi ’l quddiem ikollna x-xorti narawhom ippubblikati f’antoloġija poetika għaliha, u dawn kemm fl-ilsien oriġinali (il-Malti), kif ukoll bl-Ingliż. Fih Charles Briffa jittratta r-rabta ta’ Azzopardi mal-poeta nazzjonali Dun Karm, l-importanza ta’ l-impenn soċjo-politiku fl-ideat tal-poeta analizzat, il-kunċett tal-kelma bħala protesta, sehem ir-ritmu fil-proċess tal-kreattività, mekkaniżmi bħall-parodija, il-fokalizzazzjoni, il-grottesk, imma anki l-lingwaġġ partikolari li juża, il-poeproża u l-vers ħieles. Imbagħad hemm ukoll taqsimiet dwar il-femminiżmu fil-versi ta’ Azzopardi, il-laqgħa tiegħu ma’ personaġġ importanti fid-drammaturġija dinjija bħalma huwa Edward Bond, siltiet kritiċi dwar kitbietu minn personalitajiet magħrufa, u d-differenza bejn dak li jagħmel xogħol pornografiku u ieħor artistiku.

Travelling between shadows huwa ktieb li kull min għandu għal qalbu l-poeżija, il-kritika, l-istorja u l-kultura Maltija għandu jkollu fil-librerija tiegħu. Huwa anki ktieb li jippermetti saħansitra li jinqara aktar minn darba ladarba l-istil li bih hu miktub ma jgħajjiex lil dak li jkun.

Patrick Sammut

1 comment:

  1. Thanks for sharing, nice post! Post really provice useful information!

    �� Black Friday 2020 diễn ra vào ngày 27/11/2020, bạn đã sẵn sàng nhập cuộc chưa?! Dịp này, khách hàng yêu thích shopping lại tận hưởng những đợt "SALE GIÁ SỐC" theo đúng nghĩa. Hầu hết các cửa hàng, website TMĐT liên tục đưa ra các chương trình sale lên đến 90%. Cùng chờ đón và sở hữu những Hot Deals Black Friday có 1 0 2 dịp Sale được đón chờ nhất trong năm nhé. Chi tiết Hot Deals Black Friday 2020 tại đây: https://www.facebook.com/TopKhuyenMaiBlackFriday/

    ReplyDelete