Monday, November 15, 2010

AQRA, XTARR, AGĦDER – Ġabra ta’ Esejs u Rakkonti ta’ Emmanwel F. Attard (2009)

Dan hu ktieb li jifrex fuq 284 paġna u għandu mal-50 esej jew rakkont differenti li nkitbu (u ġew aġġornati wkoll) bejn l-1972 u l-2008. L-awtur jagħtina ftit tagħrif siewi dwar l-esej fil-bidu ta’ din il-ġabra, flimkien ma’ taqsima żgħira dwar “Xi jgħidu letterati famużi dwar il-kitba tal-esej”, fosthom Dr Samuel Johnson, Ernest P. Rhys u Ralph Waldo Emerson. Sa mid-“Daħla- Kelmtejn Qabel”, Emmanuel F. Attard jibda djalogu dirett mal-qarrej: “Insellmilkom għeżież qarrejja qabel ngħaddi għal din il-għamla ta’ messaġġ...”, djalogu li jkompli matul il-bqija tal-ktieb. AQRA, XTARR, AGĦDER għandu wkoll “Daħla Kritika” mill-Prof. Oliver Friggieri, bl-isem ta’ “Emmanwel F. Attard kittieb li jirrakkonta l-fehmiet tiegħu”. Fost il-kummenti ta’ Friggieri naqraw li l-kontenut tal-kitbiet ta’ Attard huwa r-riżultat tar-riflessjonijiet li għamel matul il-karriera twila u mimlija tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni. Friggieri jikteb ukoll dwar l-ispazji tematiċi ta’ Attard li juru eklettiżmu kulturali, b’xejriet stilistiċi li “jaqduh tajjeb biex jilħaq l-iskop ta’ kelliem, kummentatur, xi ħadd li bħallikieku jinsab madwar mejda jitħaddet ma’ xi ħadd jew xi wħud”.

Fl-aħħar mill-aħħar dawk ta’ Emmanwel F. Attard huma esejs u rakkonti li jixħtu dawl fuq min hu verament il-Bniedem. Huma kitbiet li għandhom mill-qrara li tingħad minn taħt l-ilsien, imma li l-eku tagħha jdum jidwi ħafna f’moħħ il-qarrej. Fihom hemm sinċerità, profondità ta’ ħsieb, u kjarezza mill-iprem. Wara kull kitba hemm ukoll il-messaġġ Nisrani.

L-ilsien użat hu dak miktub b’sengħa u mħaddem b’reqqa u b’mod dinamiku tant li Attard juri l-kapaċitajiet tal-flessibbiltà tal-Malti. Huwa jiċċita minn għejun differenti, jiddjaloga ma’ kittieba, filosofi, storiċi, politiċi, ġenerali magħrufin u l-bqija, u dan kollu jagħmlu dejjem b’umiltà u bl-għarfien li mhux aħjar minn min qed jaqra kitbietu.

Dawk f’AQRA, XTARR, AGĦDER huma wkoll kitbiet fejn Attard il-ħin kollu jgħarbel lilu nnifsu, biex forsi jasal jifhem ftit aktar kemm lilu nnifsu, kif ukoll lin-natura umana. Dan tiegħu għalhekk huwa vjaġġ ta’ tiftix, ta’ skoperta, li l-kittieb u l-qarrej jagħmlu flimkien. Huma kitbiet li nkitbu fis-skiet u l-ġabra, frott il-pinna ta’ min jaf jixtarr dak kollu li jkun għadda mingħalih matul il-jum; ta’ min għandu wkoll il-ħin, anzi jsib il-ħin, biex jirrifletti u jikteb. Mela dik ta’ Attard hija kitba li tinftiehem bħala kreazzjoni jew ħlejqa li tinqasam mal-qarrej biex fl-aħħar nett tibdlu u tagħmillu l-ġid.

Il-pinna ta’ Attard taf taqta’ fil-laħam il-ħaj, toħodha kontra l-ħażen, għalkemm konxja li n-natura umana hija dgħajfa; b’hekk il-kitbiet ta’ Attard huma stedina biex il-qarrej jagħder. Attard jikteb dwar aspetti differenti: minn avvenimenti storiċi, aħbarijiet kurrenti, vjaġġi personali, ħlejjaq ċkejknin, u karatteristiċi jew elementi astratti bħall-mewt, il-kburija, is-suppervja u l-bqija.

Inħoss li kien ikun utli ħafna indiċi alfabetiku fl-aħħar ta’ dan il-ktieb tal-ismijiet u x-xogħlijiet letterarji kollha li Attard isemmi, xhieda tal-għerf u l-għejun differenti li silet minnhom.

Emmanwel F. Attard twieled f’Ħaż-Żebbuġ fl-1931 u ilu joqgħod Birżebbuġa sa mill-1979. Ħadem mas-Servizzi Ingliżi u għallem kemm fl-iskejjel tal-Primarja, tas-Sekondarja, u anki fil-Liċeo. Kien ukoll Ass. Kap u anki Aġent Kap u Kap ta’ skejjel Primarji f’Ħal Qormi, fl-Imqabba u f’Birżebbuġa. Bejn l-1978 u l-1992 inħatar Segretarju Onorarju tal-Akkademja tal-Malti, u wara teżorier. Serva bosta drabi bħala eżaminatur ta’ eżamijiet pubbliċi, u ta’ diversi konkorsi letterarji. Ittraduċa għall-Malti żewġ rumanzi ta’ Jules Verne, Is-Sigriet ta’ Wilhelm Storitz (li deher f’ Il-Ħajja) u Is-S.I.D. (Sid id-Dinja) li deher f’Il-Gwida. Qaleb ukoll għall-Malti t-teledramm tal-BBC, Raġel tad-Destin, ta’ George Bernard Shaw, li aktar tard intwera fuq it-televiżjoni nazzjonali lokali.

AQRA, XTARR, AGĦDER huwa t-tieni ġabra ta’ esejs, wara li fl-1972 kien ippubblika l-ktieb ĦASSEJT...ĦSIBT...KTIBT!

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment