Monday, November 15, 2010

The Essential Achille Mizzi

(Ed. Toni Cortis, Grafika Logika, 2009)

Introduzzjoni:

The Essential Achille Mizzi hija ġabra bilingwi ta’ 47 poeżiji magħżula (u maqlubin għall-Ingliż) mill-Prof. Rev. Peter Serracino Inglott. Dan tal-aħħar huwa anki l-awtur tad-daħla kritika, “The poetry of Achille Mizzi”.

Dik li taqra l-poeżiji ta’ Achille Mizzi hija esperjenza unika li lili tfakkarni fix-xogħol ta’ dak li jduq l-inbejjed differenti li wara kollox ġejjin mill-art, mill-ħamrija, bħalma l-poeżiji kollha ġejjin mill-pinna tal-istess poeta. Imma wara li l-inbid isir parti mid-demm ta’ dak li jkun, isseħħ it-“trasfigurazzjoni”, il-bidla aħħarija, li twasslu biex jibda jara u jġarrab kollox minn perspettivi ġodda tant li quddiemu “universi [ġodda] jfaqqsu bl-eluf” (p. 122), anki jekk dawn jistgħu jkunu biss “kopja” jew “replika”.

Stil u lessiku:

Dawk ta’ Mizzi huma kitbiet maħdumin b’sengħa kbira: il-kelma ma tfissirx biss, imma ddoqq għall-widna, mela tinstema’ tajjeb ukoll. Dan jintlaħaq permezz ta’ mekkaniżmi bħall-onomatopea u alliterazzjonijiet varji, imma anki permezz tal-bosta rimi ġewwiena bħal “Mal-qattara jissara”, “Tistira l-ħarira” (p. 88), “li l-ħorġa timborġa” (p. 96), u “argużin/ bil-frostin!” (p. 116).

Bosta huma l-appelli għas-sensi. F’Enigma Variations għandna l-appell għas-sens tas-smigħ permezz ta’ kliem bħal “jpespes”, “ċarċara” u “żarżir”. Hemm l-element kromatiku permezz ta’ kliem bħal “imlewna”, “vjoli”, “lwien ħamrana,/ indigo, vjola, roża u lelà”, “bajdan” u “ħomor” (p. 4). Il-versi ta’ Mizzi għalhekk jiftehmu spiss bħala lwien u ħsejjes: “Bħal murtal imlewwen li jitla’ f’tifqigħa” (L-Għanja tal-Ħajja, p. 6).

Lessikalment Mizzi jħallat bejn il-Malti Semitiku u arkajku u dak Romanz u modern. Dan il-bilanċ jidher tajjeb fi Brimba fejn fuq naħa nsibu kliem bħal “żebbieġa”, “tqejjes”, “sarsi”, “ssarraġ” u “mansab”, u fuq l-oħra kliem bħal “rotella”, “ispazju”, “ġjometrija”, u “ċentru perfett gravitali” (p.46). Huma spissi r-referenzi għad-dinja tan-nar: “jisomtu”, “ġamra”, “nar”, “nirien”, “ibaqbaq”, “munġbell”, “ħeġġeġ”, “saħna”, “ħmura”, “ivvampjat” u “forġa”. Huwa n-nar li jagħti l-forza lill-kelma poetika ta’ Mizzi.

Tematika u xbieha:

  • Il-proċess tal-ħolqien bħala sengħa - Bosta mill-poeżiji ta’ Mizzi jfakkru fl-istess proċess tal-ħolqien. Insibu spissi r-riferimenti għad-dinja tal-ħolqien ċkejken, kif ukoll għall-ħolqien immens (ara Brimba, p. 46). Il-proċess tal-ħolqien jidher ukoll f’Il-Foħħari: din id-darba flok il-brimba li tinseġ l-għanqbuta hemm il-foħħari li jaħdem il-fuħħar fi bwieqi u buqari. Il-proċess tal-ħolqien jeħtieġ is-sengħa. Dan jinħass ukoll f’L-Għanja tas-Sikkina fejn ix-xafra llimata u rfinata ssir il-pinna li bil-kliem taf ukoll tidrob u tmiss il-punti vitali ta’ dak li jkun. Tispikka x-xbieha tal-ġerħa (frekwenti fil-versi ta’ Mizzi – il-lanza li tinfed il-kustat; il-pjagi; il-vina li tinqata’; ix-xafra li tinfed u li xxoqq) li minnha joħroġ id-demm-lava, il-materja prima li biha jaħdem il-poeta tas-sengħa. Minn dan il-proċess tewmi l-poeta jikseb “l-uġigħ u l-pjaċir”. (p. 112)

· Id-dinja naturali - Din tispikka f’L-Għanja tal-Ħajja u narawha fil-burdati opposti u estremi tagħha: fuq naħa hemm l-“irwiefen” u fuq l-oħra il-“weraq tal-ħarifa”. Il-qarrej iħossu bħal miexi fit-tarf, imqiegħed f’pożizzjoni mwassla fil-limiti tagħha, bejn ħajja u mewt, sospiż fl-arja (dimensjoni spazjali) u fi żmien li joqrob aktar lejn l-etern u d-dejjiem, milli lejn dak li jgħaddi. Mizzi jilmaħ il-misteru u l-qawwa anki fi ħlejjaq ċkejknin bħall-brimba, ir-rużinjol u l-granċ; huwa kapaċi jqatta’ eternità jiflihom, jiskoprihom fid-dettalji kollha tagħhom. Dan kollu jwasslu biex jesprimi dik l-“Oh” finali quddiem dan l-ispettaklu li huwa l-Ħolqien (“X’qilla bla rażan fin-natura”, p. 8).

F’Dawl Mizzi jwasslilna l-idea tal-“big bang” permezz ta’ versi mill-isbaħ. Il-ħarsa ta’ Mizzi poeta hi ogħla mill-ogħla qċaċet u hija waħda li tifli kull dettall tal-ħajja fil-kobor u fiċ-ċokon tagħha, biex fl-aħħar tagħraf li hemm il-kobor anki fl-iċken ħolqien (ara Il-Kantiku tad-Demm). Din il-ħarsa mill-għoli narawha wkoll f’Ajkla, fejn il-poeta bħat-tajra tal-priża jrid jitla’ biex joqrob aktar lejn id-dawl (l-għarfien aħħari?).

· Id-dawl tal-għarfien aħħari - Id-dawl hu wkoll dak li Mizzi jitfa’ fuq il-ħajja u l-misteri tagħha permezz ta’ vrusu, biex b’hekk nibdew naraw u forsi nifhmu dak li minn dejjem kien quddiemna bla ma tajna kasu. Dan bħal jintrabat mal-frażi “li kieku” (p. 78) li juża Mizzi f’Tabor, frażi li donnha trid tfisser li l-bniedem, elfejn sena wara l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu, għadu ma fehem xejn, u għadu jispera u forsi jixtieq dak li ilu quddiem imnieħru sekli sħaħ bla ma għaraf dan kollu.

Id-dawl nerġgħu naqraw dwaru f’Warda (dik mistika), fejn Mizzi jindirizza direttament lill-Mulej. Tinħass ir-rabta mal-vjaġġ u d-destinazzjoni aħħarija li anki Dante Alighieri jagħmel u jilħaq fil-Paradiso tad-Divina Commedia.

Mill-ġdid id-dawl u l-għarfien (mela l-idea ta’ epifanija, Spirtu s-Santu) jispikkaw f’Ilsien tan-Nar (“għodwa”, “mixgħula”, “ġmamar’, “fjammi”, “dawlija”, “dija”, “jħeġġeġ”); huwa għarfien li trid tasal għalih wara li jkun ilu jsir u jinħadem bil-qawwa tan-nar (pp. 84, 86). Hawn Mizzi jikteb dwar it-tieni twelid, u jsir il-poeta-appostlu li bħall-appostli jitħaddet b’ilsien ġdid. B’saħħitha hija t-tiftixa biex jitwaqqaf pont mal-“Ieħor”, u dan jitwassal permezz ta’ referenzi bibliċi bħal Mosè fuq il-muntanja, l-arka ta’ Sijon u l-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

  • Kristu u l-versi tat-twemmin - Referenzi indiretti għal Kristu jerġgħu jidhru f’Turment. Hawn it-turment huwa tal-poeta u ta’ Kristu fl-istess ħin. Mill-ġdid l-idea tad-dawl u tal-għarfien li trid tbati biex tasal għalihom: “Ħa mmut għaxi bid-dawl/ tal-lanzetta/ li tiftaħ/ il-kustat tal-għarfien.” (p. 90) Fl-isfond ta’ Statwa f’Katidral jerġa’ jidher Kristu, imma did-darba ma’ figuri bħal Mosè u San Pawl, li kollha kemm huma b’xi mod jew ieħor għamlu l-għeġubijiet li l-poeta tant jixtieq li kellu s-setgħa jwettaqhom huwa stess. Is-saħħa tal-miraklu (did-darba dak tal-ħajja li nassistu għalih kuljum) naqraw dwarha f’Tedium, u titwassal permezz tal-punt esklamattiv. Hija mqiegħda f’kuntrast mal-impotenza tal-bniedem (ċkejken daqs “insett/ maqbud fir-raza”, p. 128) li titwassal permezz tal-punt interrogattiv.

Il-Mulej nerġgħu naqraw dwaru f’Immortalità: jinftiehem bħal dak iż-żabbari (ma ninsewx li Mizzi huwa mitwieled f’Ħaż-Żabbar) li jidrob fl-intimu, imma fl-istess ħin idejh “jaħju... mhux iweġġgħu” (p. 124) Kliem il-Mulej huwa mqabbel ma’ tilqima li tidħol dritt fid-demm ta’ dak li jkun u tirrendih immortali.

Kif jidher sewwa t-twemmin għandu importanza ewlenija fil-versi ta’ Mizzi. Fost il-poeżiji li jispikkaw hemm Lil Alla Falz, fejn il-poeta jistqarr b’konvinzjoni li “Alla tiegħi mhux int!/ Alla tiegħi alla tal-imħabba”. (p. 52) Alla ta’ Mizzi mhux Anubis, l-alla tal-mewt, imma l-alla tal-imħabba, mela l-alla tal-kult tal-ħajja, dik l-istess ħajja li tbaqbaq fil-versi tiegħu. Waqtiet bħal dawn imbagħad jitpoġġew f’kuntrast ma’ mumenti fejn Mizzi jammeti li “jiġu waqtiet/ li nibki fix-xagħri/ in-nixfa implakabbli/ ta’ ruħi deżert.” P. 56), versi li jfakkru fi kliem San Ġwann tas-Salib. Il-versi spiritwali jinħassu b’saħħithom ukoll f’Kalċi. Il-forza tal-lejl terġa’ tispikka f’Tixjin, fejn is-sema hija mqabbla ma’ “vaska kobalt” u l-kwiekeb ma’ “frak tad-djamanti”. (p. 94) Quddiem il-kobor etern tas-smewwiet il-poeta jasal għall-għarfien ta’ ċokon il-bniedem li “f’din id-dura rdussata” (id-dinja?) hu biss passiġġier: “U jekk qatt hawn fuq,/ Sinjur aħfirli,/ ta’ ħajjitna/ is-siġill għad jinkiser/ u ndubu bħal daħna/ fix-xejn./ min qatt afna? Min qatt...?” (p. 94)

It-traduzzjoni għall-Ingliż:

Wara li ktibt dan kollu ma nistax ma ngħidx xi ħaġa fil-qasir dwar il-verżjoni bl-Ingliż li Peter Serracino Inglott għoġbu jipprovdilna tal-47 poeżija ta’ Achille Mizzi. Żgur li xogħol bħal dan irrikjeda sabar u għarfien tajjeb ferm min-naħa tat-traduttur kemm tal-ilsien oriġinali, kif ukoll tal-Ingliż. Sirt naf li ħafna minn dan ix-xogħol sar fil-preżenza ta’ Mizzi stess, fejn Mizzi kien jaqra l-poeżiji bil-Malti u Serracino Inglott kien jipprovdi spirtu pront verżjonijiet jew rendizzjonijiet differenti ta’ dak li jkun sema’. Hekk l-awtur seta’ japprezza u jagħżel l-aħjar verżjoni li skond hu u t-traduttur ingħatat tal-versi oriġinali tiegħu. Peter Serracino Inglott ma pprovdiex biss il-kelma ekwivalenti li toqgħod u ddoqq l-aħjar fil-kuntest (għalkemm mhux dejjem it-traduzzjoni ma saritx kelma kelma, u dan żgur mhuwiex nuqqas), imma rrenda wkoll l-ispirtu tar-ritmiċità (permezz ta’ rimi ġewwiena, alliterazzjonijiet u assonanzi varji) partikolari tal-poeżija ta’ Mizzi. U għal min jaqra l-versi ta’ Mizzi bil-Malti jinduna li dan ma kienx proċess faċli (anki minħabba l-użu ta’ metafori kuplessi, lingwaġġi speċjalizzati u kliem arkajku), imma wieħed ta’ sfida kbira li sab moħħ mill-iprem li rnexxielu mija fil-mija f’li jirbaħ sfida bħal din.

Konklużjoni:

Xtaqt inħalli għall-aħħar tliet poeżiji mill-ġabra The Essential Achille Mizzi li nħoss huma rappreżentattivi tal-poeżija ta’ Mizzi li jikteb dwar il-poetika tiegħu. Fi Trasfigurazzjoni jinħass li l-versi ta’ Mizzi jaħkmuna b’tali forza li jwassluna lura għall-“għodwa primordjali” (p. 120) jew joħduna fi spazji mbiegħda ferm. Fuq livell hemm il-ġisem uman (ilsieni, widinti, demgħa, xuxti); fuq l-oħra l-ħolqien naturali (baħar, xtajta, zokk, għasafar, riħ, weraq). Fl-aħħar mill-aħħar però idub dak kollu li hu tal-ġisem biex jibqa’ biss dak li jmur lil hinn minnu (dak li għandu fuq kollox min-nifs tal-ħolqien), u dan iwassal lill-poeta biex jikteb: “Mill-ġerħa ta’ ruħi/ tisfija/ nerħi.” (p. 120) Il-pinna (jew il-ħsieb miktub) tasal biex tesprimi dak li l-ilsien ma jasalx ilissen (“Bħal għadma tas-siċċ qisu lsieni/ niexef qoxqox/ fuq xtajta minsija/ liturġija jlissen/ minn fommi ingranat”, p. 122). Dik li jiddeskrivi Mizzi hi fuq kollox bidla metafiżika u spiritwali. Fuq l-istess binarji Mizzi jikteb hekk f’Amanuensis: “Issummat nissamma’ t-tlissin/ taż-żodjaku/ biex nirsolvi l-enimmi eterni/ u nikteb bil-linka ta’ demmi/ l-għawar/ tal-ħolqien.” (p. 132)

Dan kollu f’din il-ġabra rappreżentattiva tal-versi ta’ Achille Mizzi, The Essential Achille Mizzi. U issa, permezz tas-sabar, il-ħsieb u l-għerf ta’ Peter Serracino Inglott, dan kollu jista’ jitgawda wkoll mill-pubbliku li mhux familjari mal-lingwa Maltija. Mill-ġdid għandna vetrina tal-poeżija Maltija li issa qed tmur lil hinn mill-fruntieri limitati nazzjonali biex tpaxxi lil pubbliku ħafna iktar numeruż li huwa familjari mal-lingwa internazzjonali, l-Ingliż.

Websajt: www.achillemizzi.com

Patrick Sammut

No comments:

Post a Comment